EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0061

2009/61/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta' Jannar 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2006/144/KE dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013)

OJ L 30, 31.1.2009, p. 112–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 027 P. 296 - 299

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/61(1)/oj

31.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 30/112


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Jannar 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2006/144/KE dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013)

(2009/61/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Kunsill adotta l-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013) bid-Deċiżjoni 2006/144/KE (2) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-linji gwida strateġiċi Komunitarji”).

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (3) jipprevedi li, bil-għan li jitqiesu t-tibdiliet prinċipali fil-prijoritajiet Komunitarji, il-linji gwida strateġiċi Komunitarji jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni.

(3)

Fil- valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni tal-2003, it-tibdil fil-klima, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-ilma, il-bijodiversità u r-ristrutturar tal-prodotti tal-ħalib kienu identifikati bħala sfidi ġodda kruċjali għall-agrikoltura Ewropea. L-objettivi relatati ma' dawn il-prijoritajiet għandhom jissaħħu fil-programmi tal-iżvilupp rurali approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

(4)

Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għandhom jidentifikaw dawk l-oqsma li huma importanti għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet Komunitarji riveduti relatati mat-tibdil fil-klima, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-ilma, il-bijodiversità u r-ristrutturar tal-prodotti tal-ħalib.

(5)

L-effikaċja tal-operazzjonijiet marbutin mal-prijoritajiet relatati mat-tibdil fil-klima, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità għandha tiżdied bl-innovazzjoni. F'dan il-kuntest, il-forniment ta' appoġġ għall-innovazzjoni jista' b'mod partikolari jikkontribwixxi għall-objettivi bl-iżvilupp ta' teknoloġiji, prodotti u proċessi ġodda.

(6)

Abbażi tar-reviżjoni tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji, kull Stat Membru għandu jirrevedi l-pjan tal-istrateġija nazzjonali tiegħu bħala l-qafas ta' referenza għar-reviżjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali.

(7)

Id-Deċiżjoni 2006/144/KE għandha għalhekk tkun emendata kif meħtieġ,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-Deċiżjoni 2006/144/KE għandha tiġi emendata skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Jannar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GANDALOVIČ


(1)  Opinjoni tad-19 ta' Novembru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20.

(3)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.


ANNESS

Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (perijodu ta' programmazzjoni 2007- 2013), imniżżla fl-Anness għad-Deċiżjoni 2006/144/KE, huma b'dan emendati kif ġej:

(1)

Fil-Parti 2, għandu jiżdied il-punt li ġej:

“2.5   Nilqgħu l-isfidi l-ġodda

Bħala parti mir-reviżjoni tar-riformi introdotti fl-2003, il-bilanċ bejn l-infiq għall-pagamenti diretti taħt l-ewwel pilastru tal-PAK u l-finanzjament tal-politika tal-iżvilupp rurali ġie wkoll ivvalutat. Bil-baġit ġenerali tal-PAK stabbilit sal-2013, finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp rurali jista' jitwettaq biss permezz ta' żieda fil-modulazzjoni obbligatorja. Il-finanzjament addizzjonali huwa meħtieġ sabiex jirrinforza l-isforzi fir-rigward tal-prijoritajiet Komunitarji fil-qasam tat-tibdil fil-klima, tal-enerġija rinnovabbli, tal-ġestjoni tal-ilma, tal-bijodiversità (inkluż l-appoġġ relatat għall-innovazzjoni) u r-ristrutturar tal-prodotti tal-ħalib:

(i)

Il-klima u l-enerġija saru prijoritajiet, għaliex l-UE qiegħda minn ta' quddiem fil-bini ta' ekonomija globali b'emissjonijiet tal-karbonju baxxi. F'Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet (1) dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett serra mill-anqas b' 20 % sal-2020 meta mqabbel mal-1990 (30 % bħala parti minn ftehim internazzjonali dwar miri globali) u biex tiġi stabbilita mira obbligatorja ta' 20 % għall-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli sal-2020, inkluż sehem ta' 10 % ta' bijokarburanti fil-konsum mit-trasport tal-petrol u tad-diżil. L-agrikoltura u l-forestrija jistgħu jagħtu kontribut importanti fil-forniment ta' stokkijiet ta' għalf għall-bijoenerġija, għall-iżolament tal-karbonju u għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b'effett serra.

(ii)

L-objettivi tal-UE fir-rigward tal-politika dwar l-ilma huma stabbiliti fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (2), li ser tibda tilħaq l-implimentazzjoni sħiħa fil-perijodu 2010-2012. Bħala utenti prinċipali tal-ilma u tar-riżorsi tal-ilma, l-agrikoltura u l-forestrija għandhom rwol prinċipali fil-ġestjoni sostenibbli tal-ilma kemm f'termini ta' kwantità u ta' kwalità. Il-ġestjoni tal-ilma ser tkun parti dejjem aktar importanti fl-istrateġija ta' adattament biex jiġi trattat it-tibdil fil-klima li diġà huwa inevitabbli.

(iii)

L-Istati Membri impenjaw lilhom infushom biex iwaqqfu t-tnaqqis fil-bijodiversità sal-2010, mira li tidher dejjem aktar improbabbli li tintlaħaq. Parti kbira tad-diversità bijoloġika tal-Ewropa tiddependi fuq l-agrikoltura u l-forestrija u l-isforzi għall-protezzjoni tal-bijodiversità ser ikollhom jiżdiedu, b'mod partikolari fid-dawl tal-effetti negattivi mistennija tat-tibdil fil-klima u mid-domanda għall-ilma dejjem tiżdied.

(iv)

Il-produtturi ta' prodotti tal-ħalib jagħmlu kontribut sostanzjali għaż-żamma tal-kampanja permezz tal-attività agrikola sostenibbli, speċjalment f'reġjuni żvantaġġati. Minħabba l-ispejjeż għolja ta' produzzjoni tagħhom u t-tibdil strutturali li jridu jiffaċċjaw bħala riżultat tat-tneħħija gradwali tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib, miżuri ta' appoġġ akkumpanjat għandhom ikunu disponibbli għall-produtturi tal-prodotti tal-ħalib, sabiex ikunu jistgħu jadattaw aħjar għall-kondizzjonijiet ġodda tas-suq.

(v)

Jistgħu jintużaw b'mod partikolari miżuri għall-iżvilupp rurali biex titħeġġeġ l-innovazzjoni fil-ġestjoni tal-ilma, fil-produzzjoni u l-użu ta' sorsi rinnovabbli, fil-protezzjoni tal-bijodiversità u fl-ittrattar tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u biex jiġu promossi soluzzjonijiet b'vantaġġi reċiproċi għall-kompetittività u l-ambjent. Sabiex jiġi promoss l-użu sħiħ tal-innovazzjoni, għandu jkun disponibbli l-appoġġ speċifiku għal operazzjonijiet innovattivi marbutin mal-isfidi ġodda.”.

(2)

Fil-Parti 3, għandu jiddaħħal il-punt li ġej:

“3.4a.   Nindirizzaw l-isfidi l-ġodda

Linja gwida strateġika Komunitarja

It-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-ilma, il-bijodiversità (inkluż l-appoġġ relatat għall-innovazzjoni) u r-ristrutturar tal-prodotti tal-ħalib huma sfidi kruċjali għaż-żoni rurali, għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-Ewropa. Bħala parti mill-istrateġija globali tal-UE kontra t-tibdil fil-klima, l-agrikoltura u l-forestrija ser jintalbu biex jagħtu kontribut akbar biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra u biex jiżdied l-iżolament tal-karbonju. Iż-żieda tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli mill-bijomassa agrikola u tal-forestrija għandha tgħin ukoll biex jintlaħqu l-miri l-ġodda tal-UE għall-konsum totali ta' karburant u enerġija sal-2020. Ser ikunu essenzjali prattiki ta' ġestjoni tal-ilma aktar sostenibbli fl-agrikoltura biex jiżguraw kwantità u kwalità suffiċjenti tal-ilma għall-futur, u biex isir adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima previsti fuq ir-riżorsi tal-ilma. Barra minn hekk, it-twaqqif tat-tnaqqis tal-bijodiversità jibqa' sfida prinċipali. L-appoġġ għall-innovazzjoni marbut mal-isfidi ġodda msemmijin hawn fuq jista' jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet. Minħabba l-iskadenza tar-reġim tal-kwoti tal-prodotti tal-ħalib, il-ħtieġa għall-istrutturar fl-agrikoltura ser tiżdied. F'dan il-kuntest, il-miżuri tal-iżvilupp rurali ser ikunu mezz ta' akkumpanjament importanti għar-riformi fis-settur tal-prodotti tal-ħalib. Ir-riżorsi addizzjonali li ser isiru disponibbli sa mill-2010 b'żieda fil-modulazzjoni obbligatorja għandhom ikunu ddedikati biex jirrinforzaw l-azzjoni Komunitarja fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, tal-enerġija rinnovabbli, tal-ġestjoni tal-ilma, tal-bijodiversità u r-ristrutturar tal-prodotti tal-ħalib.

Sabiex jilħqu dawn il-prijoritajiet, l-Istati Membri huma mħeġġa jiffokaw l-appoġġ fuq azzjonijiet prinċipali. Azzjonijiet prinċipali bħal dawn jistgħu jinkludu t-tipi ta' operazzjonijiet li ġejja:

(i)

B'mod partikolari, appoġġ għall-investiment skond l-assi 1 jista' jkun immirat lejn makkinarju li jiffranka l-enerġija, l-ilma u input ieħor kif ukoll għall-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli għall-użu fl-irziezet. Fis-settur tal-agrikoltura u tal-ikel u fis-settur tal-forestrija, appoġġ għall-investiment għandu jgħin biex jiġu żviluppati modi innovattivi u aktar sostenibbli għall-ipproċessar tal-bijokarburanti.

(ii)

Taħt l-assi 2, il-miżuri għall-agri-ambjent u miżuri għall-forestrija jistgħu jintużaw b'mod partikolari biex isaħħu l-bijodiversità billi jikkonservaw tipi ta' veġetazzjonijiet rikki fl-ispeċijiet u billi jipproteġu u jżommu produzzjoni agrikola ta' artijiet erbaċei u b'forom estensivi. Azzjonijiet speċifiċi skond l-assi 2, bħal miżuri agro-ambjentali jew ta' afforestazzjoni, jistgħu wkoll jgħinu biex titjieb il-kapaċità li jkunu ġestiti aħjar ir-riżorsi tal-ilma disponibbli f'termini ta' kwantità u biex ikunu protetti f'termini ta' kwalità. Barra dan, ċerti azzjonijiet agro-ambjentali u tal-forestrija jikkontribbwixxu għall-kontroll ta' emissjonijiet ta' ossidu nitruż (N2O) u tal-metan (CH4) u jgħinu biex jippromwovu l-iżolament tal-karbonju.

(iii)

Taħt l-assi 3 u 4, proġetti fuq skala lokali u kooperazzjoni għal proġetti ta' enerġija rinnovabbli jistgħu jkunu appoġġjati kif ukoll id-diversifikazzjoni tal-bdiewa fil-produzzjoni tal-bijoenerġija. Il-konservazzjoni tal-wirt naturali tista' tgħin fil-ħarsien ta' ħabitats ta' valur naturali għoli u ta' korpi tal-ilma ta' valur għoli.

(iv)

Minħabba li ż-żoni rurali kollha qegħdin jiffaċċjaw kwistjonijiet ta' tibdil fil-klima u tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri jistgħu jħeġġu lill-gruppi ta' azzjoni lokali taħt l-assi 4 (Leader) biex jittrattaw dawn il-kwistjonijiet fl-istrateġiji għall-iżvilupp lokali tagħhom bħala tema transversali. Il-gruppi qegħdin f'pożizzjoni tajba biex jikkontribbwixxu għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għal soluzzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli mfassla għas-sitwazzjoni lokali.

(v)

L-innovazzjoni għandha l-potenzjal li jinkisbu effetti partikolarment pożittivi biex jintlaħqu l-isfidi ġodda tat-tibdil fil-klima, il-produzzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, prattiki aktar sostenibbli tal-ġestjoni tal-ilma u li jitwaqqaf it-tnaqqis tal-bijodiversità. L-appoġġ għall-innovazzjoni f'dawn l-oqsma jista' jieħu l-forma ta' inkoraġġiment għall-iżvilupp, li jittieħdu u jiġu applikati teknoloġiji, prodotti u proċessi rilevanti.

(vi)

Bħala prinċipju ġenerali, l-appoġġ għandu jkun immirat fuq tipi ta' operazzjonijiet li jkunu koerenti mal-objettivi u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u li jikkontribwixxu għall-iġġenerar ta' effetti potenzjalment pożittivi meta jitqiesu l-isfidi l-ġodda bħal dawk speċifikati fl-Anness II għal dak ir-Regolament.”.


(1)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (8 u 9 ta' Marzu 2007).

(2)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.


Top