EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0097

Direttiva 2008/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE dwar il-projbizzjoni ta’ l-użu fit-trobbija tal-bhejjem ta’ ċerti sustanzi li jkollhom effett ormonali u tireostatiku u ta’ beta-agonists Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 318, 28.11.2008, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 052 P. 112 - 114

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/97/oj

28.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 318/9


DIRETTIVA 2008/97/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Novembru 2008

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE dwar il-projbizzjoni ta’ l-użu fit-trobbija tal-bhejjem ta’ ċerti sustanzi li jkollhom effett ormonali u tireostatiku u ta’ beta-agonists

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 152(4)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/22/KE (3) speċifikament jipprojbixxi, inter alia, it-tqegħid fis-suq ta’ stilbeni, derivattivi ta’ l-istilbeni, l-imluħ u l-esteri tagħhom u s-sustanzi tireostatiċi għall-amministrazzjoni lill-annimali ta’ l-ispeċijiet kollha.

(2)

Ir-raġuni għal dik il-projbizzjoni assoluta kienet li l-potenzjal għall-abbuż jew l-użu ħażin ikun iktar diffiċli jekk fis-suq ma jkun hemm ebda prodott awtorizzat għal kwalunkwe speċi ta’ l-annimali.

(3)

Madankollu, l-esperjenza li nkisbet partikolarment bil-pjanijiet nazzjonali għar-residwi mressqa skond id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali (4) wriet li l-użu ħażin tal-preżentazzjonijiet tal-prodotti maħsuba għall-annimali domestiċi ma għandhiex rwol bħala sors ta’ abbuż jew użu ħażin. Parzjalment dan huwa dovut għall-fatt li m’huwiex ekonomikament attraenti li jintużaw preżentazzjonijiet maħsuba għall-annimali domestiċi għall-istimolu ta’ l-żvilupp f’annimali maħsuba għall-produzzjoni alimentari.

(4)

Barra minn hekk, il-projbizzjoni tas-sustanzi tireostatiċi għandha konsegwenzi ta’ ħsara għall-benesseri ta’ l-annimali domestiċi (klieb u qtates) minħabba n-nuqqas ta’ trattament alternattiv għall-ipertirojdiżmu f’dawk l-annimali.

(5)

Il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri ta’ l-annimali anness mat-Trattat jipprovdi illi l-Komunità u l-Istati Membri għandhom iqisu sewwa r-rekwiżiti tal-benesseri ta’ l-annimali fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi Komunitarji, b’mod partikolari fir-rigward tas-suq intern.

(6)

Għalhekk jidher xieraq li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/22/KE jiġi limitat biss għal annimali maħsuba għall-produzzjoni alimentari u li l-projbizzjoni għall-annimali domestiċi tiġi irtirata, kif ukoll li tiġi aġġustata d-definizzjoni ta’ trattament terapewtiku.

(7)

L-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar Miżuri Veterinarji relatati mas-Saħħa Pubblika (SCVPH) tat-30 ta’ April 1999 dwar ir-riskji potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem mir-residwi ta’ l-ormoni fil-laħam u l-prodotti tal-laħam tal-bovini (li ġiet riveduta fit-3 ta’ Mejju 2000 u kkonfermata fl-10 ta’ April 2002) ikkonkludiet li hemm evidenza riċenti sostanzjali li tissuġġerixxi li l-estradjol 17ß għandha titqies bħala sustanza kompletament karċinoġena, peress illi teżerċita effetti kemm li jikkawżaw it-tumuri kif ukoll li jistimolawhom, u li bid-data li hija disponibbli bħalissa mhuwiex possibbli li tingħata stima kwantitattiva tar-riskju fuq is-saħħa tal-bniedem. Konsegwentement, id-Direttiva 96/22/KE ġiet emendata bid-Direttiva 2003/74/KE sabiex, inter alia, tipprojbixxi b’mod permanenti l-użu ta’ l-estradjol 17ß bħala stimolatur ta’ l-iżvilupp u tnaqqas sostantivament iċ-ċirkostanzi l-oħra kollha li fihom tista’ tiġi amministrata lill-annimali ta’ l-irziezet għal skopijiet terapewtiċi jew żootekniċi sakemm issir eżaminazzjoni ulterjuri tal-qagħda fattwali u xjentifika u l-prattika veterinarja fl-Istati Membri.

(8)

L-Artikolu 11a tad-Direttiva 96/22/KE jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport sa l-14 ta’ Ottubru 2005 dwar id-disponibbilta’ ta’ prodotti mediċinali veterinarji alternattivi għal dawk li fihom l-estradjol 17β għall-annimali maħsuba għall-produzzjoni alimentari għal skopijiet terapewtiċi. Il-Kummissjoni talbet parir espert u stabbiliet ir-rapport xjentifiku rilevanti, li ntbagħat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-11 ta’ Ottubru 2005. Dak ir-Rapport jikkonkludi li l-estradjol 17β mhuwiex essenzjali fil-produzzjoni ta’ l-annimali maħsuba għall-produzzjoni alimentari għaliex l-użu ta’ l-alternattivi disponibbli (speċjalment il-prostaglandini) minn veterinarji prattikanti diġà huwa pjuttost komuni fl-Istati Membri u li l-projbizzjoni sħiħa ta’ l-użu ta’ l-estradjol 17β għall-annimali li jipproduċu l-ikel ma jkollux impatt jew inkella jkollu impatt negliġibbli fuq il-biedja u l-benesseri ta’ l-annimali.

(9)

Il-konformità xierqa mal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-eliminazzjoni ta’ l-użu mhux f’loku ta’ sustanzi mhux awtorizzati jistgħu jiġu mtejba permezz ta’ informazzjoni objettiva u kampanji li jqajmu kuxjenza.

(10)

Ingħatat eżenzjoni temporanja għall-użu ta’ l-estradjol 17ß għall-istimolu ta’ l-estrus fil-bhejjem ta’ l-ifrat, iż-żwiemel, in-nagħaġ jew il-mogħoż sa l-14 ta’ Ottubru 2006. Peress li jeżistu prodotti alternattivi effettivi u li jintużaw diġà u sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa magħżul fil-Komunità, din l-eżenzjoni ma għandhiex tiġġedded.

(11)

Id-Direttiva 96/22/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 96/22/KE hija b’din emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1(2), il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

‘trattament terapewtiku’ ifisser l-amministrazzjoni ta’ sustanza awtorizzata – skond l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva – lil annimal agrikolu individwali sabiex ifejjaq problema ta’ fertilità – inkluża t-twaqqif ta’ tqala mhux mixtieqa – wara eżaminazzjoni ta’ veterinarju u fil-każ ta’ beta-agonists, biex titqanqal tokolożi fil-baqar fil-waqt li jwelldu u biex tittratta l-problemi respiratorji, mard navikulari u l-laminitis u tqanqal it-tokolożi fl-equidae;”.

(2)

L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tas-sustanzi elenkati fl-Anness II, biex jingħataw lil kwalunkwe annimal, li l-laħam u l-prodotti tagħhom huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem, għal skopijiet mhux previsti fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 4.”.

(3)

Fl-Artikolu 4, il-punt 2 (i) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

allyl trenbolone, amministrat oralment, jew beta-agonists lil equidae, sakemm dawn ikunu wżati skond l-istruzzjonijiet tal-manifattur;”.

(4)

L-Artikolu 5a għandu jitħassar.

(5)

Fl-Artikoli 3, 6, 7, 8, 11 u 14 a, għandhom jitħassru r-referenzi għall-Artikolu 5a.

(6)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Pajjiżi terzi fejn il-leġiżlazzjoni tawtorizza t-tqegħid fis-suq u l-amministrazzjoni ta’ stilbeni, derivattivi ta’ l-istilbeni, l-imluħ u l-esteri tagħhom, jew ta’ sustanzi tireostatiċi għall-amministrazzjoni lil annimali ta’ kwalunkwe speċi li l-laħam jew il-prodotti tagħhom huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem ma jistgħu jidhru fuq ebda mil-listi ta’ pajjiżi previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja li minnha l-Istati Membri huma awtorizzati jimpurtaw annimali agrikoli jew ta’ l-akkwakultura jew laħam u prodotti miksuba minn tali annimali.”.

(7)

L-Artikolu 11a għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11a

Fir-rigward tas-sustanzi elenkati fl-Anness III, il-Kummissjoni għandha tfittex aktar informazzjoni, waqt li tieħu kont tad-data xjentifika riċenti mis-sorsi kollha possibli, u tirrevedi regolarment il-miżuri applikati bl-iskop li kull proposta neċessarja tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’waqtha.”.

(8)

Għandu jiġi inserit l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 11b

Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha torganizza kampanja ta’ informazzjoni u li tqajjem kuxjenza dwar il-projbizzjoni sħiħa fuq l-użu ta’ l-estradjol 17ß fl-annimali maħsuba għall-produzzjoni alimentari, immirata lejn il-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tal-veterinarji fl-UE kif ukoll l-organizzazzjonijiet rilevanti barra l-UE li huma direttament jew indirettament involuti fl-esportazzjoni lejn l-UE ta’ ikel li ġej mill-annimali li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”.

(9)

L-Anness II għandu jiġi sostitwit bit-test li jidher fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 2009. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien t-test ta’ tali liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi flimkien ma’ tabella li tur il-korrelazzjoni bejn dawn u din id-Direttiva.

Meta jiġu addottati mill-Istati Membri, dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 19 ta’ Novembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 57.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Ġunju 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2008.

(3)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 3.

(4)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.


ANNESS

“ANNESS II

Lista ta’ sustanzi pprojbiti:

 

Lista A: sustanzi pprojbiti

Sustanzi tireostatiċi,

Stilbeni, derivattivi ta’ l-istilbeni, l-imluħ u l-esteri tagħhom,

Estradjol 17ß u d-derivattivi tiegħu li jixbhu l-esteri.

 

Lista B: sustanzi pprojbiti b’derogi

Beta-agonists”


Top