EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0092

Direttiva 2008/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2008 li tikkonċerna l-proċedura Komunitarja sabiex tittejjeb it-trasparenza ta’ prezzijiet tal-gass u ta’ l-elettriku imposti fuq konsumaturi industrijali (tfassil mill-ġdid) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 298, 7.11.2008, p. 9–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 12 Volume 001 P. 180 - 190

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2017; Imħassar b' 32016R1952

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/92/oj

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 298/9


DIRETTIVA 2008/92/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2008

li tikkonċerna l-proċedura Komunitarja sabiex tittejjeb it-trasparenza ta’ prezzijiet tal-gass u ta’ l-elettriku imposti fuq konsumaturi industrijali (tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/377/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1990 li tikkonċerna l-proċedura Komunitarja sabiex tittejjeb it-trasparenza ta’ prezzijiet tal-gass u ta’ l-elettriku imposti fuq konsumaturi industrijali (2) ġiet emendata b’mod sinifikanti f’diversi okkażjonijiet (3). Issa li ser isiru emendi ġodda għad-Direttiva imsemmija, ikun xieraq, għal raġunijiet ta’ ċarezza illi d-dispożizzjonijiet involuti jiġu mfassla mill-ġdid.

(2)

It-trasparenza fil-prezzijiet ta’ l-enerġija, sal-punt li ssaħħaħ il-kondizzjonijiet li jassiguraw li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tkunx imfixkla, hija essenzali għall-kisba u għall-ħidma mingħajr skossi tas-suq intern ta’ l-enerġija.

(3)

It-trasparenza tista’ tgħin sabiex titneħħa diskriminazzjoni kontra utenti, billi tiżdidilhom il-libertà li jagħżlu bejn sorsi ta’ enerġija differenti u bejn fornituri differenti.

(4)

Fil-preżent, il-grad ta’ trasparenza jvarja minn sorsi ta’ l-enerġija u minn Stat Membru jew reġjun Komunitarju għall-ieħor, u b’hekk ipoġġi f’dubju l-kisba ta’ suq intern ta’ l-enerġija.

(5)

Madanakollu, il-prezz imħallas mill-industrija fil-Komunità għall-enerġija li hija tuża huwa wieħed mill-fatturi li jinfluwenzaw il-kompetittività u għandu għalhekk jibqa’ kunfidenzjali.

(6)

Is-sistema ta’ konsumaturi normali użata mill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) fil-pubblikazzjonijiet ta’ prezzijiet tiegħu, u s-sistema ta’ prezzijiet introdotta għall-utenti industrijali ewlenin ta’ l-elettriku tassigura li t-trasparenza ma tkunx ta’ xkiel għall-kunfidenzjalità.

(7)

Huwa meħtieġ li jiġu estiżi l-kategoriji ta’ konsumaturi użati mill-Eurostat sal-limiti li fihom il-konsumaturi jibqgħu rappreżentattivi.

(8)

B’dan il-mod it-trasparenza fil-prezz ta’ l-utenti finali tista’ tkun milħuqa mingħajr ma tipperikola l-ħtieġa tal-konfidenzjalità tal-kuntratti. Sabiex tkun rispettata l-kunfidenzjalità jeħtieġ li jkun hemm mill-anqas tlett konsumaturi f’kategorija partikolari ta’ konsum sabiex prezz ikun ippublikat.

(9)

Din l-informazzjoni li tirrigwarda l-gass u l-elettriku kkunsmati mill-industrija għall-utenti finali ta’ l-enerġija, għandha tippermetti li jsiru wkoll paraguni ma’ sorsi oħrajn ta’ l-enerġija (żejt, faħam, sorsi ta’ enerġija fossili u rinnovabbli) u konsumaturi oħrajn.

(10)

Impriżi li jissupplixxu l-gass u l-elettriku kif ukoll konsumaturi industrijali tal-gass u ta’ l-elettriku jibqgħu, indipendentement mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, soġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, u konsegwentement il-Kummissjoni tista’ teħtieġ il-komunikazzjoni tal-prezzijiet u l-kondizzjonijiet tal-bejgħ.

(11)

It-taghrif dwar is-sistema tal-prezzijiet fis-seħħ tifforma parti mit-trasparenza tal-prezzijiet.

(12)

It-taghrif dwar l-analiżi sistematika tal-konsumaturi skond il-kategorija u skond l-ishma tas-suq rispettivi tagħhom jifforma wkoll parti mit-trasparenza tal-prezzijiet.

(13)

Il-komunikazzjoni lill-Eurostat tal-prezzijiet u kondizzjonijiet tal-bejgħ lill-konsumaturi u s-sistemi ta’ prezzijiet fis-seħħ, kif ukoll l-analiżi sistematika tal-konsumaturi skond il-kategorija tal-konsum, għandha tinforma b’mod suffiċċjenti lill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi, skond il-ħtieġa, dwar l-azzjoni jew il-proposti xierqa fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq intern ta’ l-enerġija.

(14)

Id-data fornuta lill-Eurostat tkun aktar affidabbli jekk l-impriżi innifishom jikkumpilaw din id-data.

(15)

Il-familjarità mat-tassazzjoni u l-imposti para-fiskali eżistenti f’kull Stat Membru hija importanti sabiex tassigura t-trasparenza fil-prezzijiet.

(16)

Għandu jkun possibbli li tkun ivverifikata l-affidabbilità ta’ l-informazzjoni mogħtija lill-Eurostat.

(17)

Il-kisba tat-trasparenza tippresupponi l-pubblikazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta’ prezzijiet u ta’ sistemi tal-prezzijiet fost l-akbar firxa possibbli ta’ konsumaturi.

(18)

Għall-implimentazzjoni tat-trasparenza fil-prezzijiet ta’ l-enerġija, s-sistema għandha tkun ibbażata fuq l-esperjenza u fuq metodi ppruvati, żviluppati u applikati mill-Eurostat fir-rigward ta’ l-ipproċessar, il-verifika u l-pubblikazzjoni tad-data.

(19)

Bil-prospett tal-kisba tas-suq intern ta’ l-enerġija, is-sistema tat-trasparenza fil-prezzijiet għandha ssir operattiva mill-aktar fis possibbli.

(20)

L-implimentazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva tista’ sseħħ biss fl-Istati Membri kollha meta s-suq tal-gass naturali, partikolarment fir-rigward ta’ l-infrastruttura, jkun laħaq livell suffiċjenti ta’ żvilupp.

(21)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (4).

(22)

B’mod partikolari, l-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa sabiex twettaq il-bidliet meħtieġa fl-Annessi I u II għal din id-Direttiva fid-dawl tal-problemi speċifiċi li ġew identifikati. Peress li dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, dawn jeħtieġ li jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(23)

Peress illi l-elementi l-ġodda introdotti f’din id-Direttiva jikkonċernaw biss il-proċeduri tal-kumitati, m’hemmx bżonn li jiġu trasposti mill-Istati Membri.

(24)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness III, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw li impriżi li jissupplixxu l-gass jew l-elettriku lill-utenti finali industrijali, kif definiti fl-Annessi I u II, jikkomunikaw lill-Uffiċċju Statistiku tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) skond il-forma pprovduta fl-Artikolu 3:

(1)

il-prezzijiet u l-kondizzjonijiet tal-bejgħ tal-gass u ta’ l-elettriku lill-utenti finali industrijali;

(2)

is-sistemi tal-prezzijiet fis-seħħ;

(3)

l-analiżi dettaljata tal-konsumaturi u l-volumi korrispondenti skond il-kategorija tal-konsum sabiex jassiguraw li l-kategoriji jkunu rappreżentattivi fuq livell nazzjonali.

Artikolu 2

1.   L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jikkumpilaw id-data prevista fl-Artikolu 1(1) u (2), fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena.

Din id-data, mħejjija b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 3, għandha tintbagħat lill-Eurostat u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fi żmien xahrejn.

2.   Fuq il-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1, l-Eurostat għandu jippubblika kull Mejju u kull Novembru, f’forma xierqa, il-prezzijiet tal-gass u ta’ l-elettriku għal utenti industrijali fl-Istati Membri u s-sistemi ta’ prezzijiet użati għal dawk il-finijiet.

3.   L-informazzjoni li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 1(3) għandha tintbagħat kull sentejn lill-Eurostat u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

Din l-informazzjoni m’għandhiex tkun ippubblikata.

Artikolu 3

Id-dispożizzjonijiet implimentattivi li jirrigwardaw il-forma, il-kontenut u l-karatteristiċi l-oħrajn kollha ta’ l-informazzjoni previsti fl-Artikolu 1 huma stabbiliti fl-Annessi I u II.

Artikolu 4

Il-Eurostat m’għandux jiżevla d-data mogħtija lilu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1 li tista’, skond ix-xorta tagħha, tkun soġġetta għal kunfidenzjalità kummerċjali. Tali data statistika kunfidenzjali li tkun trasmessa lill-Eurostat għandha tkun aċċessibbli biss għall-uffiċjali ta’ l-Eurostat u tista’ tintuża biss għal skopijiet statistiċi.

L-ewwel paragrafu m’għandux, b’danakollu, ifixkel il-pubblikazzjoni tad-data ta’ din ix-xorta f’forma aggregata li ma tippermettix l-identifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet kummerċjali individwali.

Artikolu 5

Meta l-Eurostat tinnota li hemm anomaliji jew inkonsistenzi li huma statistikament sinifikanti fid-data trasmessa permezz ta’ din id-Direttiva, huwa jista’ jitlob lill-korpi nazzjonali sabiex iħalluh twettaq spezzjoni tad-data xierqa disaggregata kif ukoll il-metodi tal-kalkolazzjoni jew ta’ l-evalwazzjoni li fuqhom hija bbażata d-data aggregata, sabiex jkun jista’ jevalwa, jew anki temenda, kull informazzjoni meqjusa bħala irregolari.

Artikolu 6

Fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-bidliet meħtieġa fl-Annessi I u II skond il-problemi speċifiċi identifikati. Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 7(2).

Dawn il-bidliet għandhom, madanakollu, ikopru biss il-karatteristiċi tekniċi ta’ l-Annessi I u II u ma għandhomx ikunu ta’ tip li jbiddlu l-istruttura ġenerali tas-sistema.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2.   Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw wara li jkunu meqjusa d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 8

Darba fis-sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport sommarju dwar il-ħidma ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Artikolu 9

Fil-każ tal-gass naturali, din id-Direttiva m’għandhiex tkun implimentata fi Stat Membru qabel ħames snin wara l-introduzzjoni ta’ dik il-forma ta’ enerġija fis-suq involut.

Id-data ta’ l-introduzzjoni ta’ dak is-sors ta’ l-enerġija fis-suq nazzjonali għandha tkun irrapportata espliċitament lill-Kummissjoni mill-Istat Membru ikkonċernat mingħajr dewmien.

Artikolu 10

Id-Direttiva 90/377/KEE, kif emendata mill-atti mniżżla fl-Anness III, Parti A hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness III, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 11

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 22 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008.

(2)  ĠU L 185, 17.7.1990, p. 16.

(3)  Ara l-Anness III, Parti A.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS I

PREZZIJIET TAL-GASS

Il-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi industrijali (1) għandhom jinġabru u jiġu kkompilati skond il-metodoloġija li ġejja:

(a)

Il-prezzijiet li għandhom jiġu rrapportati huma dawk imħallsa mill-konsumaturi industrijali li jixtru l-gass naturali mqassam permezz tal-mains għall-użu tagħhom stess.

(b)

Huma meqjusa l-użi industrijali kollha tal-gass. Madankollu, is-sistema teskludi konsumaturi li jużaw il-gass:

għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku f’impjanti ta’ l-enerġija jew f’impjanti CHP,

f’użi mhux ta’ ’l-enerġija (pereżempju, fl-industrija tal-kimika);

f’ammonti ta’ l fuq minn 4 000 000 Gigajoule (GJ) fis-sena.

(ċ)

Il-prezzijiet irreġistrati għandhom ikunu bbażati fuq sistema ta’ kategoriji ta’ konsum standard definiti minn firxa ta’ konsum annwali tal-gass.

(d)

Il-prezzijiet għandhom jinġabru darbtejn fis-sena, fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ sitt xhur, (Jannar u Lulju) u ser jirreferu għall-medja tal-prezz imħallsa mill-konsumaturi industrijali għall-gass fuq is-sitt xhur preċedenti. L-ewwel komunikazzjoni tad-data dwar il-prezz lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) ser tirreferi għas-sitwazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2008.

(e)

Il-prezzijiet għandhom ikunu fil-valuta nazzjonali għal kull Gigajoule. Il-kejl ta’ l-unità ta’ l-enerġija użata jsir fuq bażi ta’ valur kalorifiku gross (GCV).

(f)

Il-prezzijiet għandhom jinkludu t-tariffi kollha li għandhom jitħallsu: it-tariffi tan-network jingħaddu flimkien ma’ l-enerġija kkonsmata, jitnaqqas kwalunkwe roħs jew primjum, u jiżdiedu kwalunkwe tariffi oħra (il-kiri tal-meter, it-tariffi effettivi, eċċ.). It-tariffi tal-bidu għall-konnessjoni m’għandhomx jiġu inklużi.

(g)

Il-prezzijiet għandhom jiġu irreġistrati bħala prezzijiet nazzjonali medji.

(h)

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri effettivi f’termini ta’ nfiq sabiex jiżguraw sistema ta’ kompilazzjoni tad-data rappreżentattiva bbażata fuq ir-regoli li ġejjin:

il-prezzijiet ser jirrappreżentaw prezzjijiet medji differenzjati, bl-użu ta’ l-ishma fis-swieq tal-fornituri tal-gass mistħarrġa bħala fatturi tal-piż; prezzijiet medji aritmetiċi ser jiġu pprovduti biss meta ċ-ċifri differenzjati ma jistgħux jiġu kkalkulati. Fi kwalunkwe miż-żewġ każi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istħarriġ ikopri sehem rappreżentattiv tas-suq nazzjonali.

l-ishma tas-suq għandhom ikunu bbażati fuq il-kwantità tal-gass li għaliha nħarġet fattura mill-fornituri tal-gass lill-konsumaturi industrijali. Fejn hu possibbli, l-ishma tas-suq se jiġu kkalkulati separatament għal kull kategorija. L-informazzjoni użata għall-kalkolu tal-prezzijiet medji differenzjati se tkun mmaniġġjata mill-Istati Membri filwaqt illi jiġu rispettati r-regoli ta’ kunfidenzjalità.

fl-interess tal-kunfidenzjalità, id-data li għandha x’taqsam mal-prezzijiet se tiġi kkomunikata biss fejn, fl-Istat Membru kkonċernat, ikun hemm ta’ l-inqas tliet konsumaturi f’kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-punt (j).

(i)

Tliet livelli ta’ prezzijiet għandhom jiġu pprovduti:

prezzijiet li jeskludu t-taxxi u l-imposti.

prezzijiet li jeskludu l-VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati.

prezzijiet li jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT kollha.

(j)

Se jsir stħarriġ fuq il-prezzijiet tal-gass għall-kategoriji ta’ konsumaturi industrijali li ġejjin:

Konsumaturi Industrijali

Konsum annwali ta’ gass (GJ)

L-inqas

L-ogħla

Kategorija-I1

 

< 1 000

Kategorija-I2

1 000

< 10 000

Kategorija-I3

10 000

< 100 000

Kategorija-I4

100 000

< 1 000 000

Kategorija-I5

1 000 000

<= 4 000 000

(k)

Darba kull sentejn, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, għandha tiġi kkomunikata informazzjoni dwar is-sistema ta’ kompilazzjoni applikata, lill-Eurosta tu b’mod partikolari: deskrizzjoni ta’ l-istħarriġ u l-ambitu tiegħu (numru ta’ l-impriżi ta’ forniment li sar l-istħarriġ fuqhom, perċentwali aggregat tas-suq irrappreżentat, eċċ.) u l-kriterji użati għall-kalkolu tal-prezzijiet medji differenzjati kif ukoll il-volumi aggregati ta’ konsum irrappreżentati minn kull kategorija. L-ewwel komunikazzjoni relatata mas-sistema ta’ kompilazzjoni ser tikkonċerna s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2008.

(l)

Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, għandhom jiġu kkomunikati l-karatteristiċi u l-fatturi medji ewlenin li jaffettwaw il-prezzijiet irrapportati għal kull kategorija ta’ konsum, lill-Eurostat.

L-informazzjoni għandha tinkludi:

fatturi medji ta’ piż għall-konsumaturi industrijali li jikkorrispondu għal kull kategorija tal-konsum ikkalkulati fuq bażi ta’ l-enerġija totali fornuta u d-domanda medja massima.

deskrizzjoni dwar l-iskonti mogħtija għall-fornimenti li jistgħu jkunu interrotti.

deskrizzjoni tat-tariffi fis-seħħ, kirjiet tal-meter jew kwalunkwe tariffi oħra rilevanti fuq livell nazzjonali.

(m)

Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar ta’ Jannar, għandhom jiġu rrapportati wkoll ir-rati u l-metodu ta’ kalkolu kif ukoll deskrizzjoni tat-taxxi imposti fuq il-bejgħ ta’ gass lil konsumaturi industrijali. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi kwalunkwe levy mhux fiskali li tkopri l-ispejjeż tas-sistema u l-obbligi tas-servizz pubbliku.

Id-deskrizzjoni tat-taxxi li għandha tiġi pprovduta ser tinkludi tliet taqsimiet separati b’mod ċar:

it-taxxi, l-imposti, l-imposti mhux fiskali, id-drittijiet u kwalunkwe tariffi fiskali oħra mhux identifikati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: “Prezzijiet li jeskludu t-taxxi u l-imposti”,

it-taxxi u imposti identifikati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali u kkunsidrati bħala li ma jistgħux jiġu rkuprati. Għalhekk, l-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: “Prezzijiet li jeskludu l-VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati”,

it-taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: “Prezzijiet li jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT kollha”.

Deskrizzjoni tat-taxxi, imposti, imposti mhux fiskali, drittijiet u kwalunkwe tariffi fiskali differenti applikabbli:

it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.

id-drittijiet ta’ konċessjoni. Dawn normalment jirreferu għal liċenzji u drittijiet għall-okkupazzjoni ta’ art u proprjetà pubblika jew privata minn networks jew apparat ieħor tal-gass.

it-axxi jew imposti ambjentali. Dawn normalment jirreferu għall-promozzjoni tas-sorsi ta’ l-enerġija rinnovabbli jew is-CHP jew bħala piż fuq l-emissjonijiet tas-CO2, SO2 jew aġenti oħra relatati mal-bidla fil-klima.

it-axxi jew imposti oħra marbuta mas-settur ta’ l-enerġija: obbligi/tariffi tas-servizz pubbliku, imposti għall-iffinanzjar ta’ awtoritajiet regolatorji ta’ l-enerġija, eċċ.

it-taxxi jew imposti oħra mhux marbuta mas-settur ta’ l-enerġija: taxxi fiskali nazzjonali, lokali u reġjonali fuq l-enerġija kkonsmata, taxxi fuq id-distribuzzjoni tal-gass, eċċ.

Taxxi fuq id-dħul, taxxi relatati mal-proprjetà, żejt għall-karozzi, taxxi għall-użu tat-toroq, taxxi fuq liċenzji tat-telekomunikazzjoni, radju, reklamar, tariffi għal-liċenzji, taxxi fuq l-iskart, eċċ. mhux ser jitqiesu u huma esklużi minn din id-deskrizzjoni peress li dawn huma, bla ebda dubju, parti mill-ispejjeż ta’ l-operaturi u japplikaw ukoll għal industriji jew attivitajiet oħra.

(n)

Fi Stati Membri fejn kumpanija waħda tkopri l-bejgħ industrijali kollu, it-tagħrif jista’ jiġi nnotifikat minn dik il-kumpanija. Fi Stati Membri fejn joperaw iktar minn kumpanija waħda, it-tagħrif għandu jiġi nnotifikat minn korp indipendenti.


(1)  Konsumaturi industrijali jistgħu jinkludu utenti mhux residenzjali.


ANNESS II

PREZZIJIET TA’ L-ELETTRIKU

Il-prezzijiet ta’ l-elettriku għall-konsumaturi industrijali (1) li għandhom jinġabru u jiġu kkompilati skond il-metodoloġija li ġejja:

(a)

Il-prezzijiet li għandhom jiġu rrapportati huma prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi industrijali li jixtru l-elettriku għall-użu tagħhom stess.

(b)

Għandhom jitqiesu l-użi kollha industrijali ta’ l-elettriku.

(ċ)

Il-prezzijiet irreġistrati għandhom ikunu bbażati fuq sistema ta’ kategoriji ta’ konsum standard definiti minn firxa ta’ konsum annwali ta’ l-elettriku.

(d)

Il-prezzijiet se jinġabru darbtejn fis-sena, fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ sitt xhur, (Jannar u Lulju) u se jirreferu għall-medja tal-prezz imħallsa mill-konsumaturi industrijali għall-elettriku fuq is-sitt xhur preċedenti. L-ewwel komunikazzjoni tad-data dwar il-prezz lill-Eurostat se tirreferi għas-sitwazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2008.

(e)

Il-prezzijiet għandhom ikunu fil-valuta nazzjonali għal kull kWh.

(f)

Il-prezzijiet għandhom jinkludu t-tariffi kollha applikabbli: it-tariffi tan-network jingħaddu flimkien ma’ l-enerġija kkonsmata, jitnaqqas kwalunkwe roħs jew primjum, u jiżdiedu kwalunkwe tariffi oħra (tariffi skond id-domanda, il-kummerċjalizzazzjoni, il-kiri tal-meter, eċċ.). It-tariffi tal-bidu għall-konnessjoni m’għandhomx jiġu inklużi.

(g)

Il-prezzijiet għandhom jiġu rreġistrati bħala prezzijiet nazzjonali medji.

(h)

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri effettivi f’termini ta’ nfiq sabiex jiżguraw sistema ta’ kompilazzjoni tad-data rappreżentattiva bbażata fuq ir-regoli li ġejjin:

il-prezzijiet se jirrappreżentaw prezzijiet medji differenzjati bl-użu tas-sehem fis-suq ta’ l-impriżi li jfornu l-elettriku li ġew mistħarrġa bħala l-fattur ta’ piż. Prezzijiet medji aritmetiċi se jkunu pprovduti biss meta l-figuri differenzjati ma jistgħux jiġu kkalkulati. Fi kwalunkwe miż-żewġ każi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istħarriġ ikopri sehem rappreżentattiv tas-suq nazzjonali.

l-ishma tas-suq għandhom ikunu bbażati fuq il-kwantità ta’ elettriku li għaliha nħarġet fattura mill-fornituri ta’ l-elettriku lill-konsumaturi industrijali. Fejn hu possibbli, l-ishma tas-suq se jiġu kkalkulati separatament għal kull kategorija. L-informazzjoni użata biex jiġu kkalkulati l-prezzijiet medji differenzjati se tkun immaniġġjata mill-Istati Membri, filwaqt illi jkunu rrispettati r-regoli tal-kunfidenzjalità.

fl-interess tal-kunfidenzjalità, id-data li għandha x’taqsam mal-prezzijiet se tiġi kkomunikata biss fejn, fl-Istat Membru kkonċernat, hemm ta’ l-inqas tliet konsumaturi f’kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-punt (j).

(i)

Għandhom jiġu pprovduti tliet livelli ta’ prezzijiet:

prezzijiet li jeskludu t-taxxi u l-imposti.

prezzijiet li jeskludu l-VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati.

prezzijiet li jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT kollha.

(j)

Se jsir stħarriġ fuq il-prezzijiet ta’ l-elettriku għall-kategoriji ta’ konsumaturi industrijali li ġejjin:

Konsumaturi Industrijali

Konsum annwali ta’ l-elettriku (MWh)

L-inqas

L-ogħla

Kategorija-IA

 

< 20

Kategorija-IB

20

< 500

Kategorija-IC

500

< 2 000

Kategorija-ID

2 000

< 20 000

Kategorija-IE

20 000

< 70 000

Kategorija-IF

70 000

<= 150 000

(k)

Darba kull sentejn, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, informazzjoni dwar is-sistema ta’ kompilazzjoni applikata għandha tiġi kkomunikata lill-Eurostat, u b’mod partikolari: deskrizzjoni ta’ l-istħarriġ u l-ambitu tiegħu (l-għadd ta’ fornituri mistħarrġa, il-perċentwali aggregat tas-suq rrappreżentat, eċċ.) u l-kriterji użati għall-kalkolu tal-prezzijiet medji differenzjati kif ukoll tal-volumi aggregati ta’ konsum li kull kategorija tirrappreżenta. L-ewwel komunikazzjoni relatata mas-sistema ta’ kompilazzjoni ser tikkonċerna s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2008.

(l)

Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, għandhom jiġu kkomunikati l-karatteristiċi u l-fatturi medji ewlenin li jaffettwaw il-prezzijiet irreġistrati għal kull kategorija ta’ konsum, lill-Eurostat.

L-informazzjoni li għandha tingħata għandha tinkludi:

il-fatturi medji ta’ konsum mill-konsumaturi industrijali li jikkorrispondu ma’ kull kategorija ta’ konsum, ikkalkulati fuq bażi ta’ l-enerġija totali pprovduta u l-medja tad-domanda massima.

tabella li tindika l-limiti tal-vultaġġ għal kull pajjiż.

deskrizzjoni tat-tariffi fis-seħħ, kirjiet tal-meter jew kwalunkwe tariffi oħra rilevanti fuq livell nazzjonali.

(m)

Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz ta’ Jannar, għandhom jiġu rrapportati wkoll ir-rati u l-metodu ta’ kalkolu kif ukoll deskrizzjoni tat-taxxi imposti għall-bejgħ ta’ l-elettriku fuq il-konsumaturi industrijali. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi kwalunkwe levy mhux fiskali li tkopri l-ispejjeż tas-sistema u l-obbligi tas-servizz pubbliku.

Id-deskrizzjoni dwar it-taxxi li għandha tiġi pprovduta se tinkludi tliet taqsimiet separati b’mod ċar:

it-taxx, l-imposti, l-imposti mhux fiskali, id-drittijiet u kwalunkwe tariffi fiskali oħra mhux identifikati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifra rrapportata għal-livell tal-prezz: “Prezzijiet li jeskludu t-taxxi u l-imposti”,

it-taxxi u l-imposti identifikati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali u kkunsidrati bħala li ma jistgħux jiġu rkuprati. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: “Prezzijiet li jeskludu l-VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati”.

it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati identifikati fil-fatturi pprovduti lill-konsumaturi industrijali. L-elementi kollha deskritti f’dan il-punt se jiġu inklużi maċ-ċifri rrapportati għal-livell tal-prezz: “Prezzijiet li jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT kollha”.

Deskrizzjoni tat-taxxi, imposti, imposti mhux fiskali, drittijiet u kwalunkwe tariffi fiskali differenti li jistgħu jkunu applikabbli:

it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud,

drittijiet ta’ konċessjoni. Dawn normalment jirreferu għal-liċenzji u t-tariffi għall-okkupazzjoni ta’ art u proprjetà pubblika jew privata min-networks jew apparat ieħor ta’ l-elettriku,

taxxi jew imposti ambjentali. Dawn normalment jirreferu jew għall-promozzjoni ta’ sorsi ta’ l-enerġija rinnovabbli jew is-CHP, jew bħala piż għas-CO2, SO2 jew emissjonijiet minn aġenti oħra relatati mal-bidla fil-klima,

taxxi għal spezzjonijiet nukleari jew għal spezzjonijiet oħra: tariffi għad-dekommissjonar nukleari, spezzjonijiet u tariffi għall-istallazzjonijiet nukleari, eċċ.,

taxxi jew imposti oħra marbuta mas-settur ta’ l-enerġija: obbligi/tariffi tas-servizz pubbliku, imposti għall-iffinanzjar ta’ l-awtoritajiet regolatorji ta’ l-enerġija, eċċ.,

taxxi jew imposti oħra mhux marbuta mas-settur ta’ l-enerġija: taxxi fiskali nazzjonali, lokali u reġjonali fuq l-enerġija kkonsmata, taxxi fuq id-distribuzzjoni ta’ l-elettriku, eċċ.

Taxxi fuq id-dħul, taxxi fuq proprjetà, taxxi tas-sisa fuq il-prodotti taż-żejt u l-fjuwil li mhumiex għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, żejt għall-karozzi, taxxi għall-użu tat-toroq, taxxi fuq il-liċenzji għat-telekomunikazzjoni, radju, reklamar, tariffi għal-liċenzji, taxxi fuq l-iskart, eċċ., mhux se jitqiesu u huma esklużi minn din id-deskrizzjoni peress li huma parti, mingħajr ebda dubju, mill-ispejjeż ta’ l-operaturi u japplikaw għal industriji jew attivitajiet oħra.

(n)

Darba fis-sena, flimkien mar-rapportar dwar il-prezz f’Jannar, għandu jiġi nnotifikat lill-Eurostat, it-tqassim tal-prezzijiet ta’ l-elettriku fil-komponenti ewlenin tagħhom. Dan it-tqassim tal-prezzijiet ta’ l-elettriku fil-komponenti ewlenin tagħhom se jkun ibbażat fuq il-metodoloġija li ġejja:

Il-prezz sħiħ ta’ l-elettriku għall-kategorija ta’ konsum jista’ jitqies bħala s-somma globali tal-prezzijiet tan-“Network”, il-prezzijiet għall-“Enerġija u l-Forniment” (jiġifieri, mill-ġenerazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni, minbarra n-networks) u t-taxxi u l-imposti kollha.

il-prezz tan-“Network” huwa l-proporzjon bejn id-dħul relatat mat-tariffi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni u (jekk possibbli) il-volum korrispondenti ta’ kWh għal kull kategorija ta’ konsum. Jekk il-volumi separati ta’ kWh għal kull kategorija mhumiex disponibbli, għandhom jiġu pprovduti stimi tagħhom.

il-prezz ta’ “l-Enerġija u l-Forniment” huwa l-prezz totali mingħajr il-prezz tan-“Network” u mingħajr it-taxxi u l-imposti kollha.

taxxi u imposti. Għal dan il-komponent, tqassim addizzjonali se jiġi pprovdut:

taxxi u imposti fuq il-prezzijiet tan-“Network”.

taxxi u imposti fuq il-prezzijiet ta’ “l-Enerġija u l-Forniment”.

VAT u taxxi oħra li jistgħu jiġu rkuprati.

NOTA: Jekk is-servizzi komplementari jiġu identifikati separatament, dawn jistgħu jiġu allokati f’wieħed miż-żewġ komponenti ewlenin kif ġej:

il-prezz tan-“Network” se jinkludi l-ispejjeż li ġejjin: It-tariffi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, it-telf tat-trażmissjonijiet u d-distribuzzjoni, l-ispejjeż tan-network, is-servizz ta’ wara l-bejgħ, l-ispejjeż tas-servizz tas-sistema u l-kiri tal-meter,

il-prezz ta’ “l-Enerġija u l-Forniment” se jinkludi l-ispejjeż li ġejjin: Il-ġenerazzjoni, l-aggregazzjoni, l-enerġija ta’ bilanċ, l-ispejjeż ta’ l-enerġija fornuta, is-servizzi lill-klijent, l-immaniġġjar ta’ wara l-bejgħ, il-metering u spejjeż oħra ta’ forniment,

spejjeż oħra speċifiċi. Dawn jirrappreżentaw spejjeż li la huma spejjeż tan-network, la spejjeż ta’ “l-Enerġija u l-Forniment” u lanqas taxxi. Jekk jeżistu spejjeż bħal dawn, għandhom jiġu rrapportati separatament.

(o)

Fl-Istati Membri, meta kumpanija waħda tkopri l-bejgħ industrijali kollu, l-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata minn dik il-kumpanija. Fi Stati Membri fejn joperaw iktar kumpaniji, l-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata minn korp indipendenti ta’ l-istatistika.


(1)  Konsumaturi industrijali jistgħu jinkludu utenti mhux residenzjali.


ANNESS III

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ lista ta’ l-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 10)

Direttiva tal-Kunsill 90/377/KEE

(ĠU L 185, 17.7.1990, p. 16)

 

Direttiva tal-Kummissjoni 93/87/KEE

(ĠU L 277, 10.11.1993, p. 32)

 

Anness I għall-Att ta’ Adeżjoni 1994

(ĠU C 241, 29.8.1994, p. 21)

 

Punt 12 (A)(3)(a) u (b) ta’ l-Anness II għall-Att ta’ Adeżjoni 2003

(ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33)

 

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003

(ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)

Anness I, punt 3 biss

Direttiva tal-Kunsill 2006/108/KE

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 414)

Ir-referenza għad-Direttiva 90/377/KEE u l-punti 1(a) u (b) ta’ l-Anness I biss

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/394/KE

(ĠU L 148, 9.6.2007, p. 11)

 

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 10)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

90/377/KEE

fit-30 ta’ Lulju 1991.

93/87/KEE

2006/108/KE

fl-1 ta’ Jannar 2007.


ANNESS IV

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 90/377/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 2(1) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 2(1) it-tieni sentenza

Artikolu 2(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3) l-ewwel sentenza

Artikolu 2(3) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 2(3) it-tieni sentenza

Artikolu 2(3) it-tielet sentenza

Artikolu 2(3) it-tieni subparagrafu

Artikoli 3 sa 5

Artikoli 3 sa 5

Artikolu 6, l-ewwel sentenza

Artikolu 6(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 6(1) it-tieni sentenza, ġdida

Artikolu 6, it-tieni sentenza

Artikolu 6(2)

Artikolu 7(1) u (2)

Artikolu 7

Artikolu 7(3)

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(2) l-ewwel sentenza

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(2) t-tieni sentenza

Artikolu 9(2)

Artikoli 10 u 11

Artikolu 10

Artikolu 12

Anness I – II

Anness I – II

Anness III

Anness IV


Top