EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D1351

Deċiżjoni Nru 1351/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 348, 24.12.2008, p. 118–127 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 044 P. 100 - 109

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/1351/oj

24.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 348/118


DEĊIŻJONI Nru 1351/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-użu ta’ l-internet u tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni bħat-telefowns ċellulari għadhom qed jikbru b’mod konsiderevoli fl-Unjoni Ewropea u joffru liċ-ċittadini kollha opportunitajiet kbar għal, inter alia, il-parteċipazzjoni, l-interattività u l-kreattività. Madankollu, ir-riskji għat-tfal u l-abbuż ta’ dawn it-teknoloġiji jkomplu jeżistu u qed ikomplu jitfaċċaw riskji u abbużi ġodda riżultanti minn tibdil fit-teknoloġiji u fl-imġiba fis-soċjetà. Għandhom jiġu adottati miżuri fil-livell tal-UE sabiex tiġi protetta l-integrità fiżika, mentali u morali tat-tfal, li tista’ ssirilha l-ħsara jekk huma jkollhom aċċess għal kontenut mhux xieraq. Barra minn hekk, sabiex iċ-ċittadini jitħeġġu jużufruwixxu rwieħhom mill-opportunitajiet u jgawdu mill-benefiċċji pożittivi naxxenti mill-Internet u mit-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni l-oħrajn, hemm bżonn ta’ miżuri li jippromwovu l-użu aktar sikur tagħhom.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “i2010 – Soċjetà ta’ l-Informatika Ewropea għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi” (COM(2005)0229), li żviluppat l-istrateġija ta’ Liżbona, tfittex li toħloq koerenza fil-politiki kollha tal-Kummissjoni dwar is-soċjetà ta’ l-informatika u l-midja sabiex issaħħaħ il-kontribut ewlieni tat-teknoloġiji ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni lejn il-ħidma ta’ l-ekonomiji ta’ l-Istati Membri. Wieħed mill-għanijiet tagħha huwa l-ħolqien ta’ Spazju Waħdieni Ewropew għall-Informazzjoni li joffri komunikazzjonijiet ta’ medda ta’ frekwenzi għolja sikuri u bi prezz raġonevoli, kontenut għani u varjat u servizzi diġitali.

(3)

Il-qafas leġiżlattiv Komunitarju li jindirizza l-isfidi tal-kontenut diġitali fis-Soċjetà ta’ l-informatika jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tal-minuri (3), il-ħarsien tal-privatezza (4) u r-responsabbiltà ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi intermedjarji (5). Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta’ Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (6) tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-Istati Membri fid-definizzjoni ta’ l-atti kriminali u s-sanzjonijiet adatti. Ir-Rakkomandazzjoni 2006/952/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ tweġiba fir-rigward tal-kompetittività ta’ l-industrija awdjoviżiva u dik tas-servizzi ta’ l-informatika fuq l-internet ta’ l-Ewropa (7) tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 98/560/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-iżvilupp tal-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u ta’ l-informazzjoni billi tippromwovi l-oqfsa nazzjonali mmirati li jiksbu livell komparabbli u effettiv ta’ protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem (8), billi tistabbilixxi linji gwida għall-iżvilupp ta’ l-awtoregolamentazzjoni nazzjonali, u billi testendi l-ambitu tagħha sabiex tinkludi l-litteriżmu fil-midja, il-koperazzjoni u l-iskambju ta’ l-esperjenzi u l-aqwa prattika bejn il-korpijiet regolatorji, awtoregolatorji u koregolatorji, u l-miżuri kontra d-diskriminazzjoni fil-midja kollha.

(4)

Se jkun hemm bżonn kontinwu għal azzjoni kemm fil-qasam tal-kontenut potenzjalment dannuż għat-tfal, b'mod partikulari materjal pornografiku, kif ukoll fil-qasam tal-kontenut illegali, b’mod partikolari l-materjal ta’ l-abbuż tat-tfal. Daqshekk ieħor tkompli n-neċessita' ta’ azzjoni sabiex tipprevjeni li t-tfal jisfaw vittmi ta’ mġiba dannuża u illegali li twassal għal dannu fiżiku u psikoloġiku u li t-tfal jiġu mħajra jimitaw din it-tip ta’ mġiba u jagħmlu ħsara lilhom infushom u lill-oħrajn. Għandhom isiru sforzi partikulari biex jinstabu soluzzjonijiet sabiex l-adult jiġu prevenut milli jagħmel proposti permezz ta’ l-informazzjoni u tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni sabiex jiltaqa' ma’ tfal bl-intenzjoni li jikkommetti abbużi jew reati sesswali. Fl-istess ħin għandha tingħata attenzjoni speċjali għas-sistema ta’ appoġġ tal-pari.

(5)

L-azzjoni għandha wkoll tkun immirata sabiex it-tfal jiġu mħarsa milli jsiru vittma permezz ta’ theddid, bil-fastidju u bl-umiljazzjoni permezz tal-Internet u/jew permezz ta’ teknoloġiji diġitali interattivi, fosthom it-telefowns ċellulari.

(6)

Id-Deċiżjoni Nru 276/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 1999 li tadotta Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju multijannwali dwar il-promozzjoni ta’ l-użu aktar sikur ta’ l-Internet u tat-teknoloġiji online il-ġodda billi jiġi miġġieled il-kontenut illegali u dannuż primarjament fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal u tal-minuri (9) (il-Pjan ta’ Azzjoni għal Internet aktar Sikur 1998-2004) u d-Deċiżjoni Nru 854/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li tistabbilixxi Programm Komunitarju pluriennali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-internet u ta’ teknoloġiji online ġodda (10) (il-Programm ta’ Internet aktar Sikur Plus 2005 sa l-2008) ipprovdew finanzjament Komunitarju li, kif muri mill-evalwazzjonijiet tal-programm imressqin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM (2001) 690, COM (2003) 653, COM (2006) 663), inkoraġixxa b'suċċess għadd ta’ inizjattivi u li ta “valur miżjud Ewropew”.

(7)

Minbarra s-sejbiet ta’ l-evalwazzjonijiet tal-programmi ta’ qabel, serje ta’ stħarriġ ta’ l-Ewrobarometru u konsultazzjoni pubblika identifikaw b’mod ċar il-bżonn li jinżammu l-attivitajiet għar-rappurtar tal-kontenut illegali u għall-ħolqien tal-kuxjenza fl-Istati Membri.

(8)

Il-programm stabbilit b'din id-Deċiżjoni għandu, inter alia, jkollu l-għan li joħloq pakketti edukattivi għall-ġenituri, il-carers, l-għalliema u l-edukaturi.

(9)

It-teknoloġiji li qed jevolvu, it-tibdil fil-modi kif l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni jintużaw mill-adulti u mit-tfal, u t-tibdil fl-imġiba soċjetali qed iwasslu għal riskji ġodda għat-tfal. Il-bażi ta’ l-għarfien li tista’ tintuża sabiex jitfasslu azzjonijiet effiċjenti għandha bżonn tissaħħaħ sabiex dawn it-tibdiliet jinftiehmu aħjar. Għandhom jiġu kkombinati diversi miżuri b’mod komplementarju u li jinvolvi ħafna aspetti differenti; dan jinkludi per eżempju, li jittieħdu miżuri li jippromwovu l-użu sikur u responsabbli tal-Internet, l-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġiji ta’ appoġġ, il-promozzjoni ta’ l-aħjar prattika għall-kodiċijiet tal-kondotta li għandhom jinkorporaw standards ta’ mġiba li hemm qbil ġenerali dwarhom u koperazzjoni ma’ l-industrija dwar għanijiet maqbula ta’ dawk il-kodiċijiet.

(10)

Il-programm għandu jkompli jappoġġja miżuri li jinkoraġġixxu kontenut li jkun pożittiv għat-tfal.

(11)

Ix-xena tal-midja qiegħda tinbidel, minħabba t-teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni tal-midja, u dan iġib miegħu n-neċessita’ li t-tfal, kif ukoll il-ġenituri, il-carers, l-għalliema u l-edukaturi, jiġu mgħallma jużaw is-servizzi ta’ tagħrif fuq l-Internet b'mod sikur u effikaċi.

(12)

Għandhom isiru sforzi biex it-tfal jitħarsu permezz tal-iżvilupp, pereżempju, ta’ sistemi effikaċi għall-verifika tal-età u tikketti ta’ ċertifikazzjoni volontarji.

(13)

Il-koperazzjoni internazzjonali hija essenzjali minħabba n-natura globali tal-problema. Il-kontenut illegali jista’ jkun prodott f’pajjiż wieħed, ospitat f’ieħor, iżda aċċessat u mniżżel mad-dinja kollha. Il-koperazzjoni internazzjonali, li ġiet stimulata permezz ta’ l-istrutturi tan-netwerks Komunitarji, għandha tiġi rinfurzata sabiex it-tfal jitħarsu aħjar minn riskji transkonfinali li jinvolvu pajjiżi terzi. Skambju ta’ l-aħjar prattika bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet f’partijiet oħrajn tad-dinja kollha jistgħu jkunu reċiprokament vantaġġjużi.

(14)

L-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU tal-20 ta’ Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, skond liema l-Istati firmatarji għandhom jadottaw dawk il-miżuri nazzjonali, bilaterali u multilaterali meħtieġa sabiex tiġi prevenuta kull xorta ta’ sfruttament tat-tfal, u li jadottaw dawk il-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u oħrajn neċessarji sabiex jiddefendu d-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Konvenzjoni, fejn ikun xieraq permezz tal-koperazzjoni internazzjonali.

(15)

Il-miżuri li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta skond is-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti lilha b'din id-Deċiżjoni huma essenzjalment miżuri ta’ ġestjoni relatati ma’ l-implimentazzjoni ta’ programm b’implikazzjonijiet baġitarji sostanzjali fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (11). Dawn il-miżuri għalhekk għandhom jiġu adottati skond il-proċedura amministrattiva prevista fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(16)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija ma’ inizjattivi u programmi Komunitarji relatati.

(17)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm li jikkostitwixxi r-referenza ewlenija għall-awtorità baġitarja, matul il-proċedura baġitarja annwali, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (12).

(18)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura tranżnazzjonali tal-kwistjonijiet involuti u jistgħu, għalhekk, minħabba l-ambitu Ewropew u l-effetti Ewropej ta’ l-azzjonijiet, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(19)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 3(1),7, 8 u 24 tagħha,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-għan tal-programm

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm Komunitarju biex tippromwovi użu aktar sikur ta’ l-Internet u tat-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni, b’mod partikolari għat-tfal, u biex jiġu miġġieldin il-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-Internet.

Il-programm għandu jkun magħruf bħala l-programm “Internet Aktar Sikur” (“il-Programm”).

2.   Għandhom jiġu indirizzati l-linji ta’ azzjoni li ġejjin:

(a)

l-iżgurar ta’ kuxjenza pubblika;

(b)

il-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-Internet;

(c)

il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sikur fuq l-Internet;

(d)

il-ħolqien ta’ bażi ta’ l-għarfien.

L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt dawn il-linji ta’ azzjoni huma stabbiliti fl-Anness I.

Il-Programm għandu jiġi implimentat skond l-Anness III.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni “tfal” għandha tfisser persuni taħt it-18-il sena, sakemm il-liġi rilevanti nazzjonali ma tagħtihomx, f'ċerti kundizzjonijiet, il-kapaċità legali sħiħa taħt dik l-età.

Artikolu 2

Il-Parteċipazzjoni

1.   Il-parteċipazzjoni fil-Programm għandha tkun miftuħa għall-entitajiet legali stabbiliti fi:

(a)

l-Istati Membri;

(b)

l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

(c)

pajjiżi fi triqithom lejn l-adeżjoni u l-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi Komunitarji stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Qafas rispettivi u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni;

(d)

pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-viċinat Ewropew, skond id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu determinati ma’ dawk il-pajjiżi wara t-twaqqif ta’ Ftehim ta’ Qafas dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji;

(e)

pajjiż terz li huwa parti fi ftehim internazzjonali mal-Komunità, li skond it-termini tiegħu jew abbażi tiegħu jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għall-Programm.

2.   Il-Programm għandu wkoll ikun miftuħ għall-organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi minbarra dawk imsemmija fil-punti (b) sa (e) skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 3

Il-kompetenzi tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprepara programmi ta’ ħidma annwali fuq il-bażi ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Meta timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tiżgura konsistenza ġenerali u komplementarjeta' ma’ linji politiċi, programmi u azzjonijiet Komunitarji rilevanti oħra.

4.   Il-Kummissjoni għandha taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2) għall-finijiet ta':

(a)

l-adozzjoni u l-modifika tal-programmi ta’ ħidma annwali, inkluża d-determinazzjoni ta’ l-oqsma prioritarji għall-koperazzjoni internazzjonali;

(b)

l-evalwazzjoni tal-proġetti proposti wara sejħiet għal proposti għal finanzjament Komunitarju fejn il-kontribut Komunitarju stmat huwa ekwivalenti għal EUR 500 000 jew aktar;

(c)

l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-evalwazzjoni tal-Programm.

5.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 4 dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Programm. B'mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lil dak il-Kumitat immedjatament bid-deċiżjonijiet dwar l-għażla li jittieħdu fuq kwistjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Il-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 5

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

1.   Sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna Komunitarja tintuża b’mod effiċjenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet skond din id-Deċiżjoni jkunu soġġetti għal evalwazzjoni minn qabel, segwitu u evalwazzjoni sussegwenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġetti taħt il-Programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod kif twettqu l-proġetti u l-impatt tagħhom sabiex tevalwa jekk intlaħqux l-għanijiet oriġinali.

4.   Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2011 tirraporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-linji ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2).

5.   Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport ta’ evalwazzjoni finali fi tmiem il-Programm.

Artikolu 6

Id-dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Il-Programm għandu jkopri perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2009.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013 għandu jkun ta’ EUR 55 000 000.

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għall-perjodu mill-2009 sal-2013 għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

4.   Tqassim indikattiv ta’ l-infiq hu indikat fl-Anness II.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2008 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2008.

(3)  Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27).

(4)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(5)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(6)  ĠU L 13, 20.1.2004, p. 44.

(7)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 72.

(8)  ĠU L 270, 7.10.1998, p. 48.

(9)  ĠU L 33, 6.2.1999, p. 1.

(10)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 1.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(12)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


ANNESS I

L-AZZJONIJIET

Daħla

L-għan tal-Programm huwa li jippromwovi użu aktar sikur ta’ l-Internet u tat-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (“teknoloġiji online”), li jeduka lill-utenti, b’mod partikolari lit-tfal, il-ġenituri, il-carers, l-għalliema u l-edukaturi f’dan ir-rigward, u li jiġu miġġielda l-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet.

Sabiex jikseb dan l-għan, il-programm se jiffoka fuq għajnuna prattika għall-utent finali, b’mod partikolari t-tfal, il-ġenituri, il-carers, l-għalliema u l-edukaturi, billi jħeġġu l-isħubijiet bejn bosta partijiet interessati.

Il-programm għandu l-għan ġenerali li jippromwovi l-użu aktar sikur tat-teknoloġiji online, speċjalment mit-tfal, jippromwovi l-iżvilupp ta’ ambjent sikur fuq l-internet, inaqqas l-ammont ta’ kontenut illegali mxerred fuq l-internet, jittratta l-imġiba potenzjalment dannuża fuq l-internet, (inkluża l-manipulazzjoni psikoloġika tat-tfal bl-iskop ta’ abbuż sesswali u “grooming”, li huwa l-proċess li bih adult jagħmel ħbieb ma’ tifel jew tifla bil-għan li jwettaq abbuż sesswali, il-fastidju elettroniku jew fajls elettroniċi li juru aggressjoni fiżika u/jew psikoloġika u jiżgura kuxjenza pubblika dwar ir-riskji fuq l-internet u l-prekawzjonijiet, kif ukoll jiżviluppa għodod pedagoġiċi msejsa fuq prattiki tajba.

Sabiex jiżgura approċċ koerenti dwar ir-riskji, fejn il-kontenut u s-servizzi jistgħu jiġu aċċessati u wżati kemm online kif ukoll offline, bħal fil-każ tal-logħob tal-kompjuter, il-Programm jista’ jindirizza ż-żewġ tipi ta’ aċċess u użu.

Il-Programm se jiġi implimentat permezz ta’ erba’ linji ta’ azzjoni ġenerali:

(1)   L-iżgurar tal-kuxjenza pubblika

L-attivitajiet se jkunu mmirati lejn it-tkabbir tal-kuxjenza tal-pubbliku, b’mod partikolari tat-tfal, tal-ġenituri, tal-carers, tal-għalliema u ta’ l-edukaturi, dwar l-opportunitajiet u r-riskji marbutin ma’ l-użu tat-teknoloġiji online u l-mezzi biex wieħed jibqa’ sikur fuq l-internet. Se jittrattaw ukoll l-opportunitajiet u r-riskji tas-servizzi li jużaw pjattaformi ġodda tad-distribuzzjoni, bħas-servizzi awdjoviżivi li jużaw in-netwerks tal-mobiles. Meta xieraq, għandha tkun disponibbli informazzjoni b’verżjonijiet multilingwi. L-azzjonijiet ippjanati ewlenin huma:

1.

Il-ħolqien tal-kuxjenza pubblika u t-tixrid ta’ l-informazzjoni dwar l-użu aktar sikur tat-teknoloġiji online.

L-attivitajiet se jippromwovu l-kuxjenza pubblika b’mod ikkoordinat ma’ l-Unjoni Ewropea kollha, billi jwasslu messaġġ pożittiv dwar l-opportunitajiet għal użu usa’ u aktar intensiv ta’ l-informazzjoni u tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni (ICT), filwaqt li jipprovdu informazzjoni xierqa dwar il-possibbiltajiet, ir-riskji u l-modi kif jiġu ttratati. Se jiġu nkoraġġuti azzjonijiet li jippermettu lit-tfal li jużaw it-teknoloġiji online b’mod responsabbli, partikolarment permezz ta’ programmi ta’ għarfien jew ta’ edukazzjoni dwar il-midja. L-attivitajiet se jinkoraġixxu mezzi effettivi f’termini ta’ nfiq li permezz tagħhom jixxerred it-tagħrif ta’ kuxjenza lil għadd kbir ta’ utenti, pereżempju, permezz ta’ koperazzjoni mal-mass midja, permezz ta’ distribuzzjoni online ta’ kontenut iġġenerat mill-utent u permezz tas-sistema edukattiva. Il-metodi ta’ distribuzzjoni u ta’ preżentazzjoni tal-messaġġi jkunu adattati għad-diversi gruppi mmirati (għal gruppi ta’ età differenti tat-tfal, u għall-ġenituri, il-carers, l-għalliema u l-edukaturi tagħhom).

2.

L-għoti ta’ punti ta’ kuntatt fejn il-ġenituri u t-tfal jistgħu jirċievu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar kif jibqgħu sikuri fuq l-internet inklużi pariri dwar kif wieħed għandu jittratta kemm il-grooming kif ukoll is-cyber-bullying.

L-attivitajiet se jkunu mmirati li jagħtu s-setgħa lill-utenti jagħmlu għażliet infurmati u responsabbli billi jipprovdulhom pariri dwar informazzjoni rilevanti u l-prekawzjonijiet li għandhom jieħdu biex jibqgħu sikuri fuq l-internet.

3.

It-tħeġġiġ tat-titjib ta’ mezzi u għodda effiċjenti u effettivi f’termini ta’ nfiq biex tinħoloq kuxjenza.

L-attivitajiet se jkunu mmirati li jtejbu l-metodi u l-għodda rilevanti biex tinħoloq kuxjenza bil-għan li dawn ikunu aktar effiċjenti u effettivi f’termini ta’ nfiq fit-tul.

4.

L-iżgurar ta’ l-iskambju ta’ l-aħjar prattika u l-koperazzjoni transkonfinali fil-livell ta’ l-UE.

Se jittieħdu azzjonijiet biex jiġu żgurati l-koperazzjoni transkonfinali effettiva fl-UE u l-iskambju effettiv ta’ l-aħjar prattika, għodda, metodi, esperjenza u informazzjoni.

5.

L-iżgurar ta’ l-iskambju ta’ l-aħjar prattika u l-koperazzjoni fuq livell internazzjonali.

L-attivitajiet se jkunu mmirati li jippromwovu l-koperazzjoni u l-iskambju ta’ l-aħjar prattika, għodda, metodi, esperjenza u informazzjoni fuq livell internazzjonali għall-inkoraġġiment ta’ metodi komuni u metodi ta’ ħidma u jittejbu l-effettività, l-effiċjenza f’termini ta’ nfiq u l-firxa ta’ inizjattivi globali.

(2)   Il-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet

L-attivitajiet ser jimmiraw lejn it-tnaqqis ta’ l-ammont ta’ kontenut illegali ċċirkolat fuq l-internet u lejn it-trattament adegwat ta’ l-imġiba dannuża fuq l-internet, b’attenzjoni partikolari fuq it-tixrid ta’ materjal ta’ l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet, l-grooming ul-ibbulijar fuq l-Internet. L-azzjonijiet ġenerali ippjanati huma:

1.

L-għoti lill-pubbliku u l-promozzjoni tal-eżistenza ta’ punti ta’ kuntatt u hotlines għar-rappurtar ta’ kontenut illegali fuq l-internet u mġiba dannuża fuq l-internet.

L-attivitajiet għandhom jiżguraw li dawn il-punti ta’ kuntatt huma effettivi u viżibbli għall-pubbliku, li jikkooperaw mill-qrib ma’ atturi oħra fil-livell nazzjonali (b’mod partikulari ma’ unitajiet tal-pulizija speċjalizzati fir-reati tal-Internet), u li jikkooperaw fil-livell ta’ l-UE biex jittrattaw kwistjonijiet transkonfinali, u jiskambjaw l-aħjar prattika. Dawn il-punti ta’ kuntatt jistgħu jagħtu lill-pubbliku t-tagħrif meħtieġ dwar kif għandhom jirrappurtaw kontenut illegali u kif jevalwaw il-kontenut tas-servizzi ta’ tagħrif fuq l-Internet li jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità fiżika, mentali jew morali tat-tfal.

2.

L-ittrattar ta’ l-imġiba dannuża fuq l-internet, b’mod partikolari l-grooming u l-ibbulijar fuq l-Internet. L-attivitajiet se jimmiraw li jittrattaw il-grooming u l-ibbulijar fuq l-Internet.

L-azzjonijiet jittrattaw kwistjonijiet tekniċi, psikoloġiċi u soċjoloġiċi relatati ma’ dawn il-kwistjonijiet u jippromwovu l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati.

3.

It-tqanqil ta’ l-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi biex jiġu ttrattati b’mod xieraq il-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet u biex l-utenti aħħarin jieħdu tagħrif dwar kif tista’ tkun applikata din it-teknoloġija.

L-attivitajiet għandhom iħeġġu d-disinn, l-iżvilupp jew l-adattazzjoni u/jew il-promozzjoni ta’ għodod teknoloġiċi effettivi biex jittrattaw b’mod xieraq il-kontenut illegali u l-ġlieda kontra l-imġiba dannuża fuq l-internet, b’mod partikulari dawk l-għodod li jkunu disponibbli bla ħlas għall-użu ġenerali ħafif mill-partijiet interessati, u għandhom jinkoraġġixxu wkoll il-promozzjoni min-naħa tal-operaturi tas-servizzi tal-użu sikur u responsabbli tal-kollegamenti sabiex it-tfal ikunu mħarsa mill-attivitajiet illegali u dannużi. Il-partijiet interessati għandhom jiġu mgħarrfa bid-disponibilità ta’ din it-teknoloġija u l-użu xieraq tagħha. Jistgħu jitqiesu fost l-oħrajn il-miżuri li ġejjin:

(a)

l-adozzjoni ta’ tikketta ta’ kwalità għall-fornituri tas-servizzi, sabiex l-utenti jkunu jistgħu jivverifikaw malajr jekk fornitur partikulari jsegwix xi kodiċi ta’ kondotta;

(b)

l-użu mill-utenti aħħarin ta’ filters li ma jħallux tagħrif li jista’ jagħmel ħsara lill-integrità fiżika, mentali jew morali tat-tfal jgħaddi permezz tat-teknoloġiji tal-Internet;

(c)

l-appoġġ u l-promozzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu kontenut pożittiv għat-tfal;

(d)

l-għan li tiġi esplorata l-effikaċja ta’ għodda żviluppata b’koperazzjoni mal-industrija tal-Internet li tippermetti lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi li jittraċċaw il-kriminali online.

4.

Il-promozzjoni tal-koperazzjoni u l-iskambju ta’ l-informazzjoni, l-esperjenza u l-aħjar prattika bejn il-partijiet interessati fuq livell nazzjonali u dak ta’ l-UE.

L-attivitajiet se jimmiraw li jtejbu l-koordinazzjoni tal-partijiet interessati involuti fil-ġlieda kontra d-distribuzzjoni ta’ kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet u jħeġġu l-parteċipazzjoni u l-involviment ta’ dawn il-partijiet interessati. B’mod partikulari, l-attivitajiet se jħeġġu l-iskambju internazzjonali tal-kompetenza u l-ġbir ta’ ideat bejn il-gvernijiet, l-aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi, il-hotlines, l-istituzzjonijiet bankarji/finanzjarji/tal-karti tal-kreditu, iċ-ċentri ta’ l-għoti ta’ pariri kontra l-abbuż tat-tfal, l-organizzazzjonijiet għall-benessri tat-tfal u l-industrija ta’ l-Internet.

5.

It-titjib tal-koperazzjoni, l-iskambju ta’ l-informazzjoni u l-esperjenza fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet fuq livell internazzjonali.

L-attivitajiet se jimmiraw li jtejbu l-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, jarmonizzaw il-metodi ta’ trattament tal-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet fuq livell internazzjonali u jinkoraġixxu l-iżvilupp ta’ rabtiet ta’ koordinazzjoni bejn il-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri dwar l-abbuż tat-tfal, kif ukoll ta’ metodi komuni u metodi ta’ ħidma. B’mod partikulari, l-attivitajiet għandhom ikunu mmirati biex jistabbilixxu koperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, il-pulizija u l-punti ta’ kuntatt. Se jittieħdu azzjonijiet biex tinbena bażi ta’ data ta’ l-UE komuni li tiġbor informazzjoni dwar l-abbuż tat-tfal u biex ikun żgurat li tkun konnessa mal-Europol.

6.

L-istabbiliment ta’ reġistri tal-ismijiet tad-domains meta dawn ma jkunux għadhom ġew stabbiliti u t-tisħiħ tal-koperazzjoni eżistenti.

Filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-għan tal-attivitajiet għandu jkun li jikkomplementaw l-azzjonijiet eżistenti billi tittejjeb il-koperazzjoni mar-reġistri tal-ismijiet tad-domains fl-Istati Membri, u billi jitħeġġew relazzjonijiet pożittivi mar-reġistri barra l-UE għal identifikazzjoni aktar bikrija ta’ kontenut potenzjalment illegali u biex titnaqqas kemm jista’ jkun il-lonġevità ta’ websajts magħrufa li joffru kontenut b’abbuż sesswali tat-tfal.

(3)   Il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sikur fuq l-internet

L-attivitajiet se jimmiraw li jiġbru lill-partijiet interessati biex isibu modi biex jippromwovu ambjent aktar sikur fuq l-internet u jħarsu lit-tfal minn kontenut dannuż għalihom. L-azzjonijiet ġenerali ippjanati huma:

1.

It-titjib tal-koperazzjoni, l-iskambju ta’ l-informazzjoni u l-esperjenza u l-aħjar prattika bejn il-partijiet interessati.

L-attivitajiet se jimmiraw li jtejbu l-koperazzjoni, jarmonizzaw l-approċċi fil-ħolqien ta’ ambjent aktar sikur għat-tfal fuq l-internet, u jippermettu l-iskambju ta’ l-aħjar prattiki u metodi ta’ ħidma. L-azzjonijiet sejrin ikollhom l-għan li lill-partijiet interessati jipprovdulhom pjattaforma miftuħa għad-diskussjoni tal-kwistjonijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ ambjent aktar sikur fuq l-internet u ta’ modi għall-ħarsien tat-tfal minn kontenut potenzjalment dannuż fi pjattaformi differenti.

2.

It-tħeġġiġ tal-partijiet interessati biex jiżviluppaw u jimplimentaw sistemi xierqa ta’ awtoregolazzjoni u ta’ koregolazzjoni. L-azzjonijiet se jħeġġu l-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi awtoregolatorji u koregolatorji u jħeġġu lill-partijiet interessati biex iqisu s-sikurezza tat-tfal meta jiżviluppaw teknoloġiji u servizzi ġodda.

3.

Inkoraġġiment u għajnuna lill-fornituri biex jiżviluppaw il-klassifikar.

L-għan tal-azzjonijiet ikun li jħeġġu u jgħinu lill-fornituri tas-servizz tal-Internet biex jiżviluppaw, bħala għodda ta’ awtoregolazzjoni, klassifikar “sikur għat-tfal” għall-paġni tal-web. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu, inter alia, li wieħed jesplora l-possibiltà li titwaqqaf sistema ta’ simboli deskrittivi jew messaġġi ta’ twissija komuni li jindikaw il-kategorija tal-età u/jew dawk l-aspetti tal-kontenut li wasslu għal ċerta rakkomandazzjoni dwar l-età, sistema li tgħin lill-utenti jkunu aktar konxji minn kontenut online li jista’ jkun ta’ ħsara.

4.

It-tqanqil ta’ l-involviment tat-tfal fil-ħolqien ta’ ambjent aktar sikur fuq l-internet.

L-azzjonijiet se jimmiraw li jinvolvu lit-tfal, filwaqt li tkun żgurata parteċipazzjoni indaqs tat-tfajliet u tas-subien, bil-għan li jinftiehmu aħjar il-perspettivi u l-esperjenzi tagħhom dwar l-użu tat-teknoloġiji online u, bl-appoġġ ta’ speċjalisti, dwar kif jiġi promoss ambjent aktar sikur għat-tfal fuq l-internet. Dan l-involviment għandu jiġi eżerċitat b’mod regolari fi ħdan il-qafas tal-attivitajiet bħall-Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Forum dwar Internet Aktar Sikur u oħrajn.

5.

Iż-żieda ta’ l-informazzjoni dwar għodod xierqa biex jiġi ttrattat il-kontenut dannuż fuq l-internet.

L-attivitajiet se jimmiraw li jżidu l-informazzjoni, partikolarment għall-ġenituri, carers, għalliema u edukaturi, dwar il-ħidma u l-effettività ta’ l-għodod, bħal sistemi ta’ filtering, biex jiġi ttrattat il-kontenut potenzjalment dannuż fuq l-internet u biex l-utenti kollha jingħataw regolarment informazzjoni edukattiva sempliċi, strumenti u applikazzjonijiet li jappoġġawhom b’mod xieraq biex jittrattaw il-kontenut dannuż fuq pjattaformi differenti.

6.

L-iżgurar tal-kompatibbiltà bejn l-approċċ segwit fl-Unjoni Ewropea u dak internazzjonali.

L-attivitajiet se jippromwovu l-koperazzjoni u l-iskambju ta’ l-informazzjoni, l-esperjenza u l-aħjar prattika bejn il-partijiet interessati fil-livell ta’ l-UE u dak internazzjonali.

(4)   Il-ħolqien ta’ bażi ta’ l-għarfien

L-attivitajiet se jimmiraw li jistabbilixxu bażi ta’ għarfien biex jiġu ttrattati b’mod effettiv użi eżistenti u emerġenti ta’ l-ambjent ta’ fuq l-internet u r-riskji u l-konsegwenzi rilevanti, bil-għan li jitfasslu azzjonijiet xierqa mmirati li jiżguraw is-sikurezza fuq l-internet għall-utenti kollha. Il-kontenut ta’ din il-bażi ta’ għarfien għandu jinqasam mal-partijiet interessati u jitqassam fl-Istati Membri kollha. L-azzjonijiet ġenerali ippjanati huma:

1.

It-tħeġġiġ ta’ strateġija kkoordinata dwar ir-riċerka fl-oqsma rilevanti.

L-azzjonijiet se jimmiraw biex jinġabru x-xjenzati u l-esperti involuti fil-qasam tas-sikurezza tat-tfal fuq l-internet fil-livell ta’ l-UE, jistimulaw il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali u jistabbilixxu perspettivi ġenerali aġġornati ta’ riċerka eżistenti u emerġenti.

2.

L-għoti ta’ informazzjoni aġġornata dwar l-użu mit-tfal tat-teknoloġiji online.

Se jittieħdu azzjonijiet biex tiġi ġġenerata informazzjoni aġġornata dwar l-użu mit-tfal tat-teknoloġiji online u l-mod kif huma u l-ġenituri tagħhom, il-carers, l-għalliema u l-edukaturi jittrattaw kemm l-opportunitajiet kif ukoll ir-riskji. L-azzjonijiet se jinkludu aspetti kwantitattivi u kwalitattivi. L-azzjonijiet se jimmiraw ukoll li jżidu l-għarfien ta’ l-istrateġiji proprji tat-tfal biex jittrattaw ir-riskji fl-ambjent ta’ fuq l-internet, u jevalwaw l-effettività tagħhom.

3.

Analiżi tal-istatistiċi u tat-tendenzi ta’ Stati Membri differenti.

Se jittieħdu azzjonijiet sabiex jiġu analizzati l-istatistiċi u t-tendenzi ta’ Stati Membri differenti bil-għan l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet rilevanti mill-Istati Membri jkunu jistgħu jnaqqsu l-irduppjar tal-isforzi eżistenti u jimmassimizzaw l-użu tar-riżorsi attwali u futuri.

4.

Il-promozzjoni tar-riċerka dwar il-vittimizzazzjoni tat-tfal fuq l-internet.

L-azzjonijiet, filwaqt li jinkorporaw approċċ li sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi,se jimmiraw li jinvestigaw kwistjonijiet tekniċi, psikoloġiċi u soċjoloġiċi relatati mal-vittimizzazzjoni tat-tfal fl-ambjent ta’ fuq l-internet, inklużi l-ibbulijar fuq l-Internet, il-grooming, kwistjonijiet relatati mal-materjal ta’ l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet u forom emerġenti ta’ mġiba li tqiegħed lit-tfal fir-riskju tad-dannu.

5.

Il-promozzjoni ta’ l-investigazzjoni dwar modi effiċjenti biex jitjieb l-użu sikur tat-teknoloġiji online.

L-azzjonijiet jistgħu jinkludu l-investigazzjonijiet u l-provi tal-metodi u l-għodod tal-ħolqien tal-kuxjenza, skemi koregolatorji u awtoregolatorji li rnexxew, l-effettività ta’ soluzzjonijiet tekniċi u mhux tekniċi differenti, kif ukoll kwistjonijiet oħrajn rilevanti.

6.

Iż-żieda fl-għarfien dwar l-effetti ta’ l-użu ta’ teknoloġiji attwali u emerġenti fuq it-tfal.

L-azzjonijiet, filwaqt li jinkorporaw approċċ sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi, se jimmiraw li jifhmu aħjar l-effetti psikoloġiċi, ta’ mġiba u soċjoloġiċi tat-teknoloġiji online fuq it-tfal, li jvarjaw mill-effett ta’ l-esponiment għall-kontenut u l-imġiba dannużi, għall-grooming u l-ibbulijar fuq l-Internet permezz ta’ pjattaformi differenti, minn kompjuters u telefowns ċellulari għal konsowls tal-logħob u teknoloġiji oħrajn li qed jiżviluppaw.


ANNESS II

TQASSIM INDIKATTIV TA’ L-INFIQ

1.

L-iżgurar tal-kuxjenza pubblika

48  %

2.

Il-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet

34  %

3.

Il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sikur fuq l-internet

10  %

4.

Il-ħolqien ta’ bażi ta’ l-għarfien

8  %


ANNESS III

IL-METODI TA’ L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM

(1)   Il-Kummissjoni se timplimenta l-Programm skond il-kontenut tekniku speċifikat fl-Anness I.

(2)   Il-Programm se jiġi implimentat permezz ta’ azzjonijiet li jinkludu:

A.   Azzjonijiet ta’ spejjeż konġunti:

1.

Proġetti esperimentali u azzjonijiet ta’ l-aħjar prattika; proġetti ad hoc fl-oqsma rilevanti għall-Programm, inklużi proġetti li juru l-aħjar prattika jew li jinvolvu użi innovattivi tat-teknoloġija eżistenti.

2.

Netwerks u azzjonijiet nazzjonali li jiġbru għadd ta’ partijiet interessati sabiex tiġi żgurata l-azzjoni madwar l-Ewropa kollha u jiġu ffaċilitati l-attivitajiet tal-koordinazzjoni u t-trasferiment ta’ l-għarfien.

3.

Investigazzjoni madwar l-Ewropa kollha mwettqa fuq bażi komparabbli dwar l-użu tat-teknoloġiji online, ir-riskji li jirriżultaw għat-tfal u l-effetti tal-prattika dannuża fuq it-tfal, u aspetti ta’ mġiba u psikoloġiċi b’enfasi fuq l-abbuż sesswali tat-tfal relatat ma’ l-użu tat-teknoloġiji online, riċerka dwar sitwazzjonijiet ta’ riskju fil-ġejjieni kkawżati minn tibdiliet fl-imġiba jew żviluppi teknoloġiċi, eċċ.

4.

Proġetti għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji.

B.   Miżuri ta’ akkumpanjament

Miżuri ta’ akkumpanjament se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Programm jew il-preparazzjoni ta’ attivitajiet futuri.

1.

Sorveljanza ta’ l-ilħiq ta’ standards u stħarriġ dwar opinjonijiet biex tiġi prodotta dejta affidabbli dwar l-użu aktar sikur tat-teknoloġiji online għall-Istati Membri kollha, miġbura permezz ta’ metodoloġiji komparabbli.

2.

Valutazzjoni teknika tat-teknoloġiji bħall-iffiltrar imfassla li jippromwovu użu aktar sikur ta’ l-Internet u tat-teknoloġiji l-ġodda online.

3.

Studji b’sostenn tal-Programm u l-azzjonijiet tiegħu.

4.

L-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta’ konferenzi, seminars, gruppi ta’ ħidma jew laqgħat oħrajn u l-ġestjoni ta’ attivitajiet miġbura.

5.

Attivitajiet tat-tixrid, ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

(3)   Skond l-Artikolu 2(2), l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi jistgħu jieħdu sehem f’azzjonijiet bi spejjeż maqsuma, bi jew mingħajr finanzjament Komunitarju, b’dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-azzjoni għandha taqa’ taħt prijorità għall-koperazzjoni internazzjonali kif iddefinita fil-programmi annwali ta’ ħidma. Dawn il-prioritajiet jistgħu jiġu ddefiniti skond il-qasam tematiku ta’ l-attività, skond il-qasam ġeografiku, jew it-tnejn;

(b)

il-programmi annwali ta’ ħidma jista’ jiddefinixxi kriterji u kundizzjonijiet ulterjuri li għandhom jiġu ssodisfatti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi sabiex jirċievu finanzjament Komunitarju.


Top