EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0501

Azzjoni Konġunta 2007/501/PESK tal-Kunsill tas- 16 ta’ Lulju 2007 dwar il-kooperazzjoni maċ-Ċentru Afrikan ta' Studju u ta' Riċerka dwar it-Terroriżmu, fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu

OJ L 185, 17.7.2007, p. 31–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/07/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/501/oj

17.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 185/31


AZZJONI KONĠUNTA 2007/501/PESK TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Lulju 2007

dwar il-kooperazzjoni maċ-Ċentru Afrikan ta' Studju u ta' Riċerka dwar it-Terroriżmu, fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, li tipprevedi b'mod partikolari l-iżvilupp ta' kooperazzjoni ma' msieħba esterni għall-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

(2)

Fil-15 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-istrateġija “L-Unjoni Ewropea u l-Afrika: lejn sħubija strateġika”, li fiha l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li tappoġġa l-isforzi ta' l-Istati Afrikani fil-kamp tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

(3)

L-Unjoni Afrikana, fl-14 ta' Settembru 2002, approvat Pjan ta' Azzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-Afrika, li jipprevedi b'mod partikolari l-ħolqien ta' Ċentru Afrikan ta' Studju u ta' Riċerka dwar it-Terroriżmu (CAERT).

(4)

Is-CAERT inħoloq fit-13 ta' Ottubru 2004 mill-Unjoni Afrikana. Huwa inkarigat b'mod partikolari mill-evalwazzjoni tat-theddida terroristika fl-Afrika u mill-promozzjoni tal-kooperazzjoni anti-terroristika inter-Afrikana. Huwa jixtieq jibbenefika minn sostenn Ewropew.

(5)

It-theddida terroristika qed tiżviluppa f'ċerti pajjiżi ta' l-Afrika u tirrappreżenta għalihom, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea, periklu li qiegħed dejjem jikber.

(6)

L-effikaċja tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Afrika qed taffaċċja ċerti nuqqasijiet lokali, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-organizzazzjoni istituzzjonali,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Objettiv

L-objettiv ta' din l-azzjoni konġunta huwa li jipprovdi appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Afrikana bil-għan li titjieb l-organizzazzjoni tal-kapaċitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta' l-Istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu rigward il-promozzjoni ta' sħubija fil-kamp barra mill-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari ma' l-istituzzjonijiet internazzjonali. B'din l-Azzjoni Konġunta, l-Unjoni Ewropea timmira wkoll li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn pajjiżi ta' l-Unjoni Afrikana fil-kamp tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari permezz ta' l-iskambju ta' informazzjoni.

Artikolu 2

Deskrizzjoni tal-Proġett

Għall-finijiet ta' din l-Azzjoni Konġunta, l-Unjoni Ewropea tagħti appoġġ finanzjarju lis-CAERT għat-twettiq tal-proġett imfisser hawn taħt għat-titjib fl-effiċjenza tad-dispożizzjonijiet anti-terroristiċi tal-pajjiżi Afrikani.

Il-proġett jikkonsisti fit-twettiq ta' missjonijiet ta' verifika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-ġlieda anti-terroristika u ta' konsulenza fl-organizzazzjoni mill-ġdid fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Afrikana. Dawn il-missjonijiet jibbażaw fuq pjan ta' azzjoni, elaborat bil-kooperazzjoni tas-CAERT, ippreżentat mill-Unjoni Ewropea waqt seminar li jsir qabel f'Addis-Adeba mal-pajjiżi membri kollha ta' l-Unjoni Afrikana.

Deskrizzjoni dettaljata ta' dan il-proġett tidher fl-anness.

Artikolu 3

Implimentazzjoni

1.   Il-Presidenza, assistita mis-SegretarjuĠenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK (SĠ/RGħ), għandha tassumi r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 2 huwa fdat lis-CAERT, li għandu jwettaq din il-missjoni taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ. Għal dan l-għan, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-CAERT.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 2 huwa ta' EUR 665 000, pagabbli mill-baġit ġenerali 2007 tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   L-ispejjeż huma amministrati taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni b'konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta ta' l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2, li jieħdu l-forma ta' għajnuna mhux rimborsabbli. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mas-CAERT. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jipprevedi li s-CAERT għandu jassumi l-viżibbiltà sħiħa tal-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, skond il-volum tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta. Hija għandha tgħarraf lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dan il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 5

Informazzjoni u evalwazzjoni

Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, abbażi ta' rapporti li għandhom jiġu pprovduti perjodikament mis-CAERT. Ir-rapporti stabbiliti għall-Kunsill għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 2. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ u għandha tforni informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji ta' l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 6

Koerenza u kooperazzjoni

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed minnhom skond il-kompetenzi tagħhom, il-koerenza bejn l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u dik ta' attivitajiet oħra esterni tal-Komunità, skond l-Artikolu 3, it-tieni inċiż tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw għal dan l-għan.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha. Hi tiskadi tmintax-il xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim finanzjarju bejn il-Kummissjoni u s-CAERT imsemmi fl-Artikolu 4(3), jew fis-16 ta’ Lulju 2008 jekk il-ftehim finanzjarju m'huwiex konkluż qabel din id-data.

Artikolu 8

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


ANNESS

Azzjoni ta' appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana fil-kamp tal-ġlieda kontra t-terroriżmu

Deskrizzjoni ta' l-azzjoni

Il-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, iffirmata f'Alġeri fl-14 ta' Lulju 1999 mill-pajjiżi membri ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Unità Afrikana (OUA), hija l-ewwel strument speċifiku tal-ġlieda anti-terroristika fuq livell tal-Kontinent Afrikan kollu.

Din il-Konvenzjoni fiha definizzjoni tat-terroriżmu (1), l-obbligu li jiġu speċifikati l-atti terroristiċi fil-liġi nazzjonali dwar ir-reati, l-impenn li ma jiġux appoġġati l-attivitajiet terroristiċi, obbligu ta' kooperazzjoni bejn l-Istati kontra t-terroriżmu permezz ta' l-iskambju ta' informazzjoni, ta' stipulazzjonijiet dwar l-estradizzjoni ta' terroristi u li jiġu ffaċilitati l-inkjesti ġudizzjarji minn awtoritajiet barranin fit-territorju nazzjonali.

Abbażi ta' dan, l-Unjoni Afrikana (UA), li ħadet post l-OUA fl-2001, fl-14 ta' Settembru 2002 f'Alġeri approvat Pjan ta' Azzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-Afrika, bil-għan li tiġi stabbilita l-Konvenzjoni ta' l-OUA permezz ta' azzjonijiet konkreti.

Dan il-pjan jipprevedi b'mod partikolari l-ħolqien, previst mit-taqsima H tal-Pjan ta' Azzjoni, ta' Ċentru Afrikan ta' Studju u ta' Riċerka dwar it-Terroriżmu (CAERT) inkarigat li jwettaq azzjonijiet ta' taħriġ, li jwettaq studji fil-qasam tat-terroriżmu, li jistabbilixxi sistema ta' bażijiet tad-data għall-ġbir, l-iskambju u l-analiżi ta' informazzjoni u li jeżerċita funzjoni ta' superviżjoni u ta' allert fil-kamp tat-terroriżmu. Iċ-ċentru jiddisponi minn korrispondent, imsejjaħ “punt fokali”, f'kull Stat.

Kontenut tal-proġett

L-appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea (UE) għall-UA fil-kamp tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jifforma parti minn proċess gradwali, li jippermetti l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' kooperazzjoni u l-valur miżjud ta' tali azzjoni.

Ser jiġi organizzat seminar konġunt mis-CAERT matul it-tieni semestru ta' l-2007 f'Addis Abeba bil-għan li tiġi proposta lill-pajjiżi Afrikani offerta Ewropea ta' valutazzjoni tas-sistemi nazzjonali tagħhom tal-ġlieda anti-terroristika u ta' konsulenza fl-organizzazzjoni mill-ġdid. Matul dan is-seminar, ser jiġi ppreżentat pjan ta' azzjoni. Fi tmiemu, il-pajjiżi li jixtiequ jistgħu jesprimu x-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tiegħu billi jilqgħu missjoni ta' verifika fit-territorju tagħhom. Dan il-pjan jikkonsisti fit-twettiq ta' missjonijiet ta' verifika bil-għan li titjieb l-organizzazzjoni tal-ġlieda anti-terroristika fl-Afrika.

Wara dan, ser jitmexxew missjonijiet ta' evalwazzjoni tal-kapaċitajiet lokali tal-pajjiżi ta' l-UA fil-kamp tal-ġlieda anti-terroristika mal-pajjiżi li jkunu talbuhom fit-tmiem tas-seminar. Il-gruppi ta' verifika ser jevalwaw fuq il-post il-kapaċitajiet anti-terroristiċi ta' l-Istati bil-għan li jipproponu titjib fir-rapport abbozzat mill-kap tal-missjoni li mbagħad ikun trasmess lis-CAERT, li ser ikun inkarigat li jittrasmettih lill-Kunsill għall-komunikazzjoni lill-Istati Membri.

Imbagħad, abbażi ta' dawn l-evalwazzjonijiet, is-CAERT (wara qbil ta' l-UE) ser jipproponi azzjonijiet ta' konsulenza lill-pajjiżi li saritilhom verifika, li ser ikunu inkarigati li jimplimentaw il-konklużjonijiet tagħhom.

Modalitajiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni konġunta

Is-CAERT li jirċievi fondi mill-PESK jingħata rwol ċentrali fl-implimentazzjoni ta' l-azzjoni konġunta. Is-CAERT ser ikun inkarigat mill-organizzazzjoni tas-seminar ta' Addis Abeba, huwa għandu jiżgura kuntatt permanenti ma' l-Istati li aċċettaw il-Pjan ta' Azzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti l-missjonijiet ta' verifika, hu ser imexxi l-missjonijiet tiegħu f'termini operattivi u finanzjarji u għandu jokkupa rwol ta' koordinatur. L-Istati Membri ser ikunu mgħarrfa regolarment bl-istat ta' progress ta' din l-azzjoni konġunta li ser tiżvolġi ruħha fuq perijodu ta' tmintax-il xahar.

Seminar, li jiġbor flimkien żewġ rappreżentanti minn 53 pajjiż ta' l-UA, tal-Marokk, ta' l-UNODC, tas-CAERT u ta' kull Stat Membru ta' l-UE, kif ukoll il-koordinatur anti-terroristiku ta' l-UE, ser isir f'Addis Abeba, sede ta' l-UA, fit-tieni semestru ta' l-2007. Ir-rappreżentanti ser ikunu esperti ta' livell għoli u funzjonarji għolja.

Is-seminar ser jinfetaħ mir-rappreżentant ta' l-UA, u ser ikun jikkonsisti fl-interventi:

tas-CAERT dwar l-evalwazzjoni tat-theddida terroristika,

ta' l-UNODC dwar il-konvenzjonijiet internazzjonali,

tal-koordinatur Ewropew dwar il-politika Ewropea tal-ġlieda kontra t-terroriżmu,

tar-rappreżentanti Ewropej dwar l-unitajiet nazzjonali ta' koordinazzjoni tal-ġlieda anti-terroristika, u

fl-aħħarnett tar-rappreżentanti ta' l-UA.

Is-seminar ser jasal fi tmiemu bil-preżentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni elaborat minn qabel mill-UE, li jipproponi missjonijiet ta' verifika tas-sistema anti-terroristika u ta' konsulenza fl-organizzazzjoni mill-ġdid lill-pajjiżi li jixtiequ dan.

Il-baġit proviżorju, is-seminar ser ikopri l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u tas-soġġorn tar-rappreżentanti tat-53 pajjiż ta' l-UA, u tal-Marokk, tar-rappreżentanti Ewropej u ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll missjoni ta' tħejjija u missjoni ta' twaqqif tal-loġistika tas-seminar. Il-lingwi ta' ħidma ta' dan is-seminar ser ikunu dawk ta' l-UA: l-Ingliż, il-Franċiż, l-Għarbi u l-Portugiż.

Fit-tmiem tas-seminar, l-Istati Afrikani ser jesprimu jekk jixtiqux jirċievu missjoni ta' verifika jew le. Il-gruppi ta' verifika ser jikkonsistu f'żewġ speċjalisti ta' l-Istati Membri ta' l-UE kif ukoll membru tas-CAERT. Huma għandhom ikollhom aċċess liberu għall-informazzjoni kollha pertinenti u ser ikollhom l-għan li jevalwaw is-sistemi anti-terroristiċi ta' kull Stat. Fit-tmiem tal-missjoni tagħhom, huma ser jabbozzaw rapporti li jkun fihom rakkomandazzjonijiet li, jekk jiġu aċċettati mill-awtoritajiet tal-pajjiżi li saritilhom verifika, ser ikunu implimentati minn dawn l-awtoritajiet b'segwitu mis-CAERT.


(1)  L-Artikolu 1(3) ta' din il-Konvenzjoni ta' l-OUA tiddefinixxi “l-att terroristiku” bħala “kwalunkwe att jew theddida ta' att bi ksur tal-liġijiet kriminali ta' l-Istat Parti li jista' jpoġġi f'periklu l-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertajiet ta' persuna jew ta' grupp ta' persuni, li jikkawża jew li jista' jikkawża ħsarat lill-proprjetà privata jew pubblika, lir-riżorsi naturali, lill-ambjent jew lill-patrimonju kulturali, u li hu kommess bl-intenzjoni:

(i)

li jintimida, jipprovoka sitwazzjoni ta' terrur, ta' forza, ta' eżerċizzju ta' pressjonijiet jew li jwassal kwalunkwe gvern, organiżmu, istituzzjoni, popolazzjoni jew grupp tagħha, biex jieħdu kwalunkwe inizjattiva jew biex jastjenu, biex jadottaw, biex jirrinunzjaw pożizzjoni partikolari jew biex jaġixxu skond ċerti prinċipji; jew

(ii)

li jipperturba t-tħaddim normali tas-servizzi pubbliċi, il-prestazzjoni ta' servizzi essenzjali għall-popolazzjonijiet jew li joħloq sitwazzjoni ta' kriżi fi ħdan il-popolazzjonijiet;

(iii)

li joħloq insurrezzjoni ġenerali fi Stat Parti.”

Id-definizzjoni f'dan l-artikolu tkopri b'mod partikolari l-finanzjament tat-terroriżmu, safejn huwa wkoll immirat “kwalunkwe promozzjoni, finanzjament, kontribut, ordni, għajnuna, inċitament, inkoraġġiment, tentattiv, theddida, konspirazzjoni, organizzazzjoni jew attrezzatura ta' kwalunkwe persuna bl-intenzjoni li jiġu kommessi l-atti kollha msemmija fil-paragrafu [preċedenti].”


Top