EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0712

2007/712/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 15 ta' Ottubru 2007 dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali

OJ L 339, 21.12.2007, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 013 P. 119 - 120

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/712/oj

Related international agreement

21.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 339/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Ottubru 2007

dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali

(2007/712/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 61(ċ) tiegħu, flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Settembru 1988, l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej iffirmaw ftehim internazzjonali mar-Repubblika ta' l-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (1) (il-“Konvenzjoni ta' Lugano”), u permezz ta' hekk estendew għall-Iżlanda, in-Norveġja, u l-Iżvizzera l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar l-istess materja (2) (il-“Konvenzjoni ta' Brussell”).

(2)

In-negozjati dwar reviżjoni tal-Konvenzjoni ta' Brussell u tal-Konvenzjoni ta' Lugano saru matul is-snin 1998-1999 fil-qafas ta' Grupp ta' Ħidma ad hoc imkabbar bil-parteċipazzjoni ta' l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda. Dawn in-negozjati wasslu għall-adozzjoni ta' test ta' abbozz ta' konvenzjoni imfassal mill-Grupp ta' Ħidma, li ġie kkonfermat mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu fis-27 u it-28 ta' Mejju 1999.

(3)

Saru negozjati sussegwenti fil-Kunsill abbażi ta' dan it-test li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (3), li mmodernizza r-regoli tal-Konvenzjoni ta' Brussell u għamel aktar rapida u effiċjenti s-sistema ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni.

(4)

Fid-dawl tal-parallelliżmu bejn is-sistemi tal-Konvenzjoni ta' Brussell u l-Konvenzjoni ta' Lugano dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Lugano għandhom jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 sabiex jinkiseb l-istess livell ta' ċirkulazzjoni ta' sentenzi bejn l-Istati Membri ta' l-UE u l-Istati ta' l-EFTA konċernati.

(5)

Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-applikazzjoni ta' miżuri skond it-Titlu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Sabiex id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Lugano japplikaw għad-Danimarka, id-Danimarka għandha għalhekk tipparteċipa bħala Parti Kontraenti għal konvenzjoni ġdida li tkopri l-istess materja.

(6)

Bid-Deċiżjoni tas-27 ta' Settembru 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Konvenzjoni ta' Lugano ġdida dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali.

(7)

Il-Kummissjoni nnegozjat tali konvenzjoni, f'isem il-Komunità, ma' l-Iżlanda, man-Norveġja, ma' l-Iżvizzera, u mad-Danimarka.

(8)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irland anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(9)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Il-Konvenzjoni, inizjalata fi Brussell fit-28 ta' Marzu 2007, għandha tiġi ffirmata.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, li sejra tissostitwixxi l-Konvenzjoni ta' Lugano tas-16 ta' Settembru 1988, huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni ta' l-imsemmija Konvenzjoni.

It-test tal-Konvenzjoni jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw, f'isem il-Komunità, il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali.

Magħmul fil-Lussemburgu, 15 ta' Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


(1)  Il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 319, 25.11.1988, p. 9).

(2)  Il-Konvenzjoni ta' Brussell dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 299, 31.12.1972, p. 32) (Verżjoni konsolidata fil-ĠU C 27, 26.1.1998, p. 1).

(3)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


Top