EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0043

Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE Test b'rilevanza għaż–ŻEE

OJ L 157, 9.6.2006, p. 87–107 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 17 Volume 002 P. 122 - 142
Special edition in Romanian: Chapter 17 Volume 002 P. 122 - 142
Special edition in Croatian: Chapter 17 Volume 001 P. 197 - 217

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/43/oj

9.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

87


DIRETTIVA 2006/43/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2006

dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE

(Test b'relevanza għaż–ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 44(2)(g) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Attwalment, ir-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji (3), is-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 dwar il-kontijiet konsolidati (4), id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (5) u d-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' intrapriżi ta' l-assigurazzjoni (6) jirrikjedu li l-kontijiet annwali jew il-kontijiet konsolidati jkunu verifikati minn persuna waħda jew aktar li jkollhom il-kompetenza li jwettqu dawn il-verifiki.

(2)

Il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-persuni responsabbli sabiex iwettqu l-verifika statutorja ġew stabbiliti fit-Tmien Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE ta' l-10 ta' April 1984 dwar l-approvazzjoni ta' persuni responsabbli sabiex iwettqu l-verifiki statutorji ta' dokumenti dwar kontijiet (7).

(3)

In-nuqqas ta' approċċ armonizzat għall-verifika statutorja tal-kontijiet fil-Komunità kienet ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-1998 dwar “Il-Verifika Statutorja tal-Kontijiet fl-Unjoni Ewropea, ipproponiet id-direzzjoni fil-futur (8) il-ħolqien ta' Kumitat dwar il-Verifika tal-Kontijiet li jista” jipprepara aktar azzjoni f'koperazzjoni mill-qrib mal-professjoni ta' l-accounting u ma' l-Istati Membri.

(4)

Fuq il-bażi tax-xogħol ta' dak il-Kumitat, il-Kummissjoni, fil-15 ta' Novembru 2000, ħarġet Rakkomandazzjoni dwar l-Assigurazzjoni ta' Kwalità għall-Verifika Statutorja fl-Unjoni Ewropea: rekwiżiti minimi (9) u, fis-16 ta' Mejju 2002, Rakkomandazzjoni dwar l-Awdituri Statutorji – L-Indipendenza fl-Unjoni Ewropea: Sett ta' Prinċipji Fundamentali (10).

(5)

Din id-Direttiva timmira lejn armonizzazzjoni għolja, għalkemm mhux totali, tar-rekwiżiti tal-verifika statutorja. Stat Membru li jesiġi l-verifika statutorja jista' jimponi rekwiżiti aktar stretti, sakemm it-test ta' din id-Direttiva ma jipprovdix mod ieħor.

(6)

Il-kwalifiki tal-verifika miksuba mill-awdituri statutorji fuq il-bażi ta' din id-Direttiva għandhom jitqiesu ekwivalenti. Għaldaqstant ma għandux jibqa' possibbli għall-Istati Membri li jinsistu li l-maġġoranza tad-drittijiet tal-votazzjoni f'kumpannija tal-verifika għandhom jinżammu minn awdituri lokalment approvati jew li l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv jew ta' ġestjoni ta' kumpannija tal-verifika għandha tkun lokalment approvata.

(7)

Il-verifika statutorja tal-kontijiet titlob konoxxenza adegwata ta' materji bħal-liġi tal-kumpanniji, il-liġi fiskali u l-liġi soċjali. Tali konoxxenza għandha tkun ittestjata qabel awditur statutorju minn Stat Membru ieħor jista' jiġi approvat.

(8)

Sabiex jiġu protetti t-terzi, l-awdituri kollha approvati u l-kumpanniji tal-verifika għandhom jiddaħħlu f'reġistru li jkun aċċessibbli għall-pubbliku u li jkun fih tagħrif bażiku dwar l-awdituri statutorji jew dwar il-kumpanniji tal-verifika.

(9)

L-awdituri statutorji għandhom iżommu ruħhom ma' l-ogħla standards ta' etika. Għalhekk huma għandhom ikunu suġġetti għall-etika professjonali li tkopri ta' l-anqas il-funzjoni tagħhom fl-interess pubbliku, l-integrità, l-oġġettività tagħhom, il-kompetenza tagħhom u d-diliġenza dovuta minnhom. Il-funzjoni ta' l-awdituri statutorji fl-interess pubbliku tfisser li hemm komunità usa' ta' persuni u ta' istituzzjonijiet li jserrħu fuq il-kwalità tax-xogħol ta' l-awditur statutorju. Il-kwalità tajba tal-verifika tal-kontijiet tikkontribwixxi sabiex is-swieq jiffunzjonaw b'mod organizzat billi ssaħħaħ l-integrità u l-effiċjenza tar-rapporti finanzjarji. Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri implementattivi dwar l-etika professjonali bħala standards minimi. Waqt li tagħmel dan, tista' tieħu kont tal-prinċipji li jinsabu fil-Kodiċi ta' Etika tal-Federazzjoni Internazzjonali ta' l-Accountants (IFAC).

(10)

Huwa importanti li l-awdituri statutorji u l-kumpanniji ta' awdituri jirrispettaw il-privatezza tal-klijenti tagħhom. Għalhekk huma għandhom ikunu marbuta b'regoli stretti dwar il-konfidenzjalità u s-segretezza professjonali li, madankollu, m'għandhomx jimpedixxu l-infurzar adegwat ta' din id-Direttiva. Dawk ir-regoli ta' konfidenzjalità għandhom japplikaw ukoll għal kull awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika li ma baqgħetx involuta f'kompitu speċifiku ta' verifika.

(11)

L-awdituri statutorji u l-kumpanniji ta' awdituri għandhom ikunu indipendenti meta jwettqu verifiki statutorji. Huma jistgħu jinfurmaw lill-entità suġġetta għall-verifika dwar kwistjonijiet li jirriżultaw mill-verifika, iżda għandhom jastjenu mill-proċeduri deċiżjonali interni ta' l-entità suġġetta għall-verifika. Jekk isibu ruħhom f'sitwazzjoni fejn il-livell ta' periklu għall-indipendenza tagħhom, anke wara l-applikazzjoni ta' salvagwardji sabiex jitnaqqas dak il-periklu, ikun wisq għoli, huma għandhom jirriżenjaw jew jastjenu minn dak ix-xogħol ta' verifika. Il-konklużjoni li tkun teżisti relazzjoni li tikkomprometti l-indipendenza ta' l-awditur tista' tkun differenti, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-awditur u l-entità suġġetta għall-verifika, minn dik fir-rigward tar-relazzjoni bejn in-network u l-entità suġġetta għall-verifika. Fejn koperattiva fis-sens ta' l-Artikolu 2(14), jew entità simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE, tkun meħtieġa jew permessa, taħt dispożizzjonijiet nazzjonali, li tkun membru ta' entità tal-verifika li ma tagħmilx profitt, valutazzjoni objettiva, raġonevoli u infurmata ma tikkonkludix li dik ir-relazzjoni bbażata fuq is-sħubija bejn il-membri tikkomprometti l-indipendenza ta' l-awditur indipendenti, sakemm meta tali entità tal-verifika tkun qiegħda twettaq verifika statutorja ta' wieħed mill-membri tagħha, ikunu applikati l-prinċipji ta' indipendenza lill-awdituri li jwettqu dik il-verifika u lil dawk il-persuni li jkunu f'pożizzjoni fejn jistgħu jeżerċitaw xi influwenza fuq il-verifika statutorja. Eżempji ta' periklu għall-indipendenza ta' awditur statutorju jew ta' kumpannija tal-verifika huma interess finanzjarju dirett jew indirett fl-entità suġġetta għall-verifika u fil-forniment ta' servizzi addizzjonali li ma jkunux ta' verifika. Ukoll, il-livell ta' pagamenti riċevuti minn entità suġġetta għall-verifika u/jew l-istruttura tal-pagamenti jistgħu jheddu l-indipendenza ta' awditur statutorju jew ta' kumpannija tal-verifika. It-tipi ta' salvagwardji li għandhom jiġu applikati sabiex jitnaqqas jew jiġi eliminat dak il-periklu jinkludu projbizzjonijiet, restrizzjonijiet, linji politiċi u proċeduri oħra u l-iżvelar. L-awdituri statutorji u l-kumpanniji ta' awdituri għandhom jirrifjutaw li jipprovdu kwalunkwe servizz addizzjonali, li ma jkunx ta' verifika, li jikkomprometti l-indipendenza tagħhom. Il-Kummissjoni tista', bħala standards minimi, tadotta miżuri implementattivi dwar l-indipendenza. Waqt li tagħmel dan, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra l-prinċipji li jeżistu fir-Rakkomandazzjoni fuq imsemmija tas-16 ta' Mejju 2002. Sabiex tiġi stabbilital-indipendenza ta' l-awdituri, hemm bżonn li jiġi ċċarat il-kunċett ta' “network” li fih joperaw l-awdituri. F'dan ir-rigward, iridu jiġu kkunsidrati ċirkostanzi varji bħal każijiet fejn l-istruttura tista' tiġi meqjusa bħala network għaliex tkun immirata lejn il-qsim tal-profitti jew ta' l-ispejjeż, li jistgħu jidhru wkoll jekk l-awdituri statutorji u/jew il-kumpanniji tal-verifika għandhom klijenti regolari ta' verifika komuni. Il-kriterji sabiex jintwera li jkun hemm network għandhom jiġu ġġudikati u mwieżna fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi fattwali eżistenti kollha, bħal jekk hemmx klijenti regolari komuni.

(12)

F'każijiet ta' awto-reviżjoni jew ta' interess proprju, fejn ikun xieraq sabiex tiġi mħarsa l-indipendenza ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika, għandu jkun l-Istat Membru, u mhux l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika, li jiddeċiedi jekk l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika għandhomx jirriżenjaw jew jastjenu minn xogħol ta' verifika fir-rigward ta' klijenti ta' verifika tagħhom. Madankollu dan m'għandux iwassal għal sitwazzjoni fejn Stati Membri ikollhom xi dmir ġenerali li jimpedixxu awdituri statutorji jew kumpanniji ta' awdituri milli jipprovdu servizzi li ma jkunux ta' verifika lill-klijenti ta' verifika tagħhom. Sabiex jiġi stabbilit jekk ikunx xieraq, f'każijiet ta' interess propju jew ta' awto-reviżjoni, li awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika ma jwettqux verifiki statutorji, sabiex tiġi mħarsa l-indipendenza ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika, il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati għandhom jinkludu l-mistoqsija jekk l-entità ta' interess pubbliku suġġetta għall-verifika ħarġitx titoli trasferibbli li jkunu ammessi għan-negozju f'suq regolat fis-sens tal-punt 14 ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar swieq ta' strumenti finanzjarji (11).

(13)

Huwa importanti li tiġi żgurata, b'mod konsistenti, kwalità għolja fil-verifiki kollha meħtieġa mil-liġi Komunitarja. Il-verifiki statutorji kollha għandhom għalhekk isiru fuq il-bażi ta' standards internazzjonali ta' verifika. Għandhom jiġu adottati miżuri li jimplementaw dawk l-istandards fil-Komunità konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (12). Kumitat jew grupp tekniku dwar il-verifika għandu jgħin lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta' l-affidabbiltà teknika ta' l-istandards internazzjonali kollha ta' verifika, u għandu wkoll jinvolvi s-sistema ta' korpi pubbliċi ta' superviżjoni ta' l-Istati Membri. Sabiex jintlaħaq l-ogħla livell possibbli ta' armonizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu proċeduri jew rekwiżiti nazzjonali addizzjonali ta' verifika biss meta dawn joħorġu minn rekwiżiti nazzjonali legali relatati ma' l-iskop tal-verifika statutorja ta' kontijiet annwali jew konsolidati, li tfisser li dawk ir-rekwiżiti ma kinux ġew koperti mill-istandards internazzjonali ta' verifika adottati. L-Istati Membri jistgħu jżommu dawk il-proċeduri addizzjonali ta' verifika sakemm il-proċeduri jew ir-rekwiżiti ta' verifika jiġu koperti bi standards internazzjonali ta' verifika adottati sussegwentement. Jekk, madankollu, l-istandards internazzjonali ta' verifika adottati jinkludu proċeduri ta' verifika li t-twettiq tagħhom joħloq konflitt legali speċifiku mal-liġi nazzjonali li jirriżulta minn rekwiżiti speċifiċi nazzjonali relatati ma' l-ambitu tal-verifika statutorja, l-Istati Membri jistgħu jaqtgħu barra dik il-parti konfliġġenti ta' l-istandard internazzjonali, sakemm dawk il-konflitti jeżistu, bil-kondizzjoni li jkunu applikati l-miżuri msemmija fl-Artikolu 26(3). Kull żieda jew qtugħ minn Stati Membri għandhom jikkontribwixxu għal livell għoli ta' kredibbiltà tal-kontijiet annwali tal-kumpanniji, u għandhom ikunu fl-interess pubbliku. Dan ta' hawn fuq ifisser li l-Istati Membri jistgħu, bħala eżempju, jesiġu rapport addizzjonali ta' l-awditur għall-bord ta' superviżjoni jew jippreskrivu rekwiżiti oħra ta' rappurtar u verifika bbażati fuq regoli nazzjonali dwar it-tmexxija ta' kumpanniji.

(14)

Sabiex il-Kummissjoni tadotta standard internazzjonali ta' verifika għall-applikazzjoni fil-Komunità, huwa meħtieġ li l-istandard ikun aċċettat internazzjonalment fuq bażi ġenerali u li jkun ġie żviluppat bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet kollha interessati wara proċedura miftuħa u trasparenti, li l-istandard jikkontribwixxi għall-kredibbiltà u għall-kwalità tal-kontijiet annwali u konsolidati u li jservi l-interess pubbliku Ewropew. Il-bżonn li tiġi adottata Dikjarazzjoni Internazzjonali dwar il-Prattika tal-Verifika bħala parti mill-istandard għandu jkun evalwat skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE fuq il-bażi ta' kull każ individwali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li qabel ma tibda l-proċess ta' adozzjoni ssir reviżjoni sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżiti ntlaħqux u għandha tirrapporta lill-membri tal-Kumitat stabbilit f'din id-Direttiva dwar ir-riżultat tar-reviżjoni.

(15)

Fil-każ ta' kontijiet konsolidati, huwa importanti li jkun hemm definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn l-awdituri statutorji li jwettqu verifika fuq partijiet komponenti tal-grupp. Għal dan l-iskop, l-awditur tal-grupp għandu jerfa' r-responsabbiltà sħiħa għar-rapport ta' verifika.

(16)

Sabiex tiżdied il-komparabbiltà bejn kumpanniji li japplikaw l-istess standards ta' accounting, u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fil-funzjoni tal-verifika, il-Kummissjoni tista' tadotta rapport komuni ta' verifika għall-verifika ta' kontijiet annwali jew konsolidati ppreparat fuq bażi ta' standards ta' accounting approvati internazzjonalment, sakemm ma jkunx ġie adottat standard xieraq għal rapport bħal dan fuq livell Komunitarju.

(17)

L-ispezzjonijiet regolari huma mezz tajjeb sabiex tintlaħaq kwalità għolja ta' verifiki statutorji b'mod konsistenti. Għalhekk, awdituri statutorji u kumpanniji ta' awdituri għandhom ikunu suġġetti għal sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità li tkun organizzata b'mod li jkun indipendenti mill-awdituri statutorji u mill-kumpanniji ta' awdituri riveduti. Għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 29 dwar sistemi ta' assigurazzjoni ta' kwalità, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jekk awdituri individwali jkollhom politika komuni ta' assigurazzjoni ta' kwalità, ikun hemm bżonn biss li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti għall-kumpanniji ta' awdituri. L-Istati Membri jistgħu jorganizzaw sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità b'mod li kull awditur individwali jkun suġġett għal reviżjoni ta' assigurazzjoni ta' kwalità ta' l-anqas kull sitt snin. F'dan ir-rigward, il-fondi għas-sistema ta' kwalità ta' assigurazzjoni għandhom ikunu ħielsa minn kull influwenza li ma tkunx xierqa. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-kompetenza li tadotta miżuri implementattivi fi kwistjonijiet relevanti għall-organizzazzjoni ta' sistemi ta' assigurazzjoni ta' kwalità, u fir-rigward tal-fondi tagħhom, f'każijiet fejn il-fiduċja pubblika fis-sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità tkun kompromessa b'mod serju. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa li jsibu, permezz tas-sistemi ta' sorveljanza pubblika, approċċ koordinat sabiex iwettqu r-reviżjonijiet ta' l-assigurazzjoni ta' kwalità bil-ħsieb li jevitaw li jimponu piżijiet żejda fuq il-partijiet konċernati.

(18)

Investigazzjonijiet u pieni adegwati jgħinu sabiex tiġi evitata u korretta l-eżekuzzjoni mhux adegwata ta' verifika statutorja.

(19)

L-awdituri statutorji u l-kumpanniji ta' awdituri huma responsabbli li jwettqu xogħolhom bl-attenzjoni dovuta u għalhekk għandhom ikunu responsabbli li jwieġbu għall-ħsara finanzjarja li tkun kawżata minnuqqas ta' diliġenza dovuta. Madankollu, il-kapaċità ta' l-awditur u tal-kumpannija tal-verifika li jkopru ruħhom b'assigurazzjoni ta' indemnità professjonali tista' tkun milquta minn jekk ikunux suġġetti għal responsabbiltà finanzjarja bla limitu. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li teżamina dawn il-kwistjonijiet b'kont meħud tal-fatt li s-sistemi ta' regoli dwar ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri jistgħu jvarjaw b'mod konsiderevoli.

(20)

L-Istati Membri għandhom jorganizzaw sistema effettiva ta' sorveljanza pubblika għall-awdituri statutorji u għall-kumpanniji ta' awdituri fuq il-bażi ta' kontroll fil-pajjiż ta' l-oriġini. L-arranġamenti regolatorji għas-sorveljanza pubblika għandhom jippermettu koperazzjoni effettiva fuq il-livell Komunitarju fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' sorveljanza ta' l-Istati Membri. Is-sistema pubblika ta' sorveljanza għandha tkun immexxija minn persuni mhux prattikanti li jkollhom konoxxenza ta' l-oqsma relevanti tal-verifika statutorja. Dawn il-persuni mhux prattikanti jistgħu jkunu speċjalisti li qatt ma kellhom konnessjoni mal-professjoni tal-verifika jew jistgħu jkunu persuni li kienu prattikanti u li telqu l-professjoni. Madankollu l-Istati Membri jistgħu jippermettu minoranza ta' persuni prattikanti sabiex tkun involuta fit-tmexxija tas-sistema pubblika ta' sorveljanza. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' xulxin kull meta jkun hemm il-bżonn bl-iskop li jwettqu d-dmirijiet tagħhom ta' sorveljanza fuq l-awdituri statutorji jew fuq il-kumpanniji ta' awdituri approvati minnhom. Tali koperazzjoni tista' tikkontribwixxi b'mod importanti sabiex tiżgura kwalità għolja b'mod konsistenti tal-verifika statutorja fil-Komunità. Billi huwa meħtieġ li tkun żgurata l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni effikaċi bejn awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri fuq il-livell Ewropew, in-nomina ta' entità waħda, responsabbli għall-koperazzjoni, għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kapaċità ta' kull waħda mill-awtoritajiet li tikkopera direttament ma' l-awtoritajiet l-oħra kompetenti ta' l-Istati Membri.

(21)

Sabiex tiġi żgurata konformità ma' l-Artikolu 32(3) dwar il-prinċipji ta' sorveljanza pubblika, persuna mhux prattikanti hija meqjusa li għandha konoxxenza ta' l-oqsma relevanti għall-verifika statutorja permezz tal-ħila professjonali passata tagħha, jew alternattivament minħabba li jkollha konoxxenza ta' mill-anqas wieħed mis-suġġetti elenkati fl-Artikolu 8.

(22)

Il-ħatra ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika għandha ssir mil-laqgħa ġenerali ta' l-azzjonisti jew tal-membri ta' l-entità suġġetta għall-verifika. Sabiex tiġi mħarsa l-indipendenza ta' l-awditur huwa importanti li t-tneħħija tiegħu tkun possibbli biss fejn ikun hemm raġunijiet validi u jekk dawk ir-raġunijiet jiġu komunikati lill-awtorità jew awtoritajiet responsabbli mis-sorveljanza pubblika.

(23)

Billi l-entitajiet ta' interess pubbliku għandhom viżibbiltà ogħla u huma iktar importanti ekonomikament, għandhom japplikaw rekwiżiti aktar stretti fil-każ ta' verifika statutorja tal-kontijiet annwali jew konsolidati tagħhom.

(24)

Il-kumitati tal-verifika u sistemi effettivi ta' kontroll intern jgħinu sabiex ikunu minimizzati r-riskji finanzjarji, operattivi u ta' konformità, u jsaħħu l-kwalità tar-rappurtar finanzjarju. L-Istati Membri jistgħu jieħdu kont tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2005 dwar l-irwol ta' diretturi mhux eżekuttivi jew superviżorji ta' kumpanniji elenkati u dwar il-kumitati tal-bord (ta' sorveljanza) (13), li tesponi kif għandhom ikunu stabbiliti u jiffunzjonaw kumitati ta' verifika. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-funzjonijiet assenjati lill-kumitat tal-verifika jew lill- korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti jkunu mwettqa totalment mill-korp amministrattiv jew ta' sorveljanza. Fir-rigward tad-dmirijiet tal-kumitat tal-verifika, skond l-Artikolu 41, l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika bl-ebda mod ma għandhom ikunu subordinati għall-kumitat.

(25)

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jeżentaw entitajiet ta' interess pubbliku li jkunu intrapriżi ta' investiment kollettiv u li t-titoli trasferibbli tagħhom ikunu ammessi għan-negozju f'suq regolat mir-rekwiżit li jkollhom kumitat ta' verifika. Din l-għażla tqis il-fatt li, fejn l-impriża ta' investiment kollettiv topera biss għall-iskop li jkun hemm ġabra komuni ta' assi, mhux dejjem ikun xieraq li jiġi mqabbad kumitat ta' verifika. Ir-rapportar finanzjarju u r-riskji relatati ma jistgħux jitqabblu ma' dawk ta' entitajiet oħra ta' interess pubbliku. Barra minn hekk, intrapriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u l-kumpanniji li jamministrawhom joperaw f'ambjent regolatorju strettament definit u huma suġġetti għal mekkaniżmi speċifiċi ta' tmexxija bħal kontrolli mwettqa mid-depożitarju tagħhom. Għal dawk l-intrapriżi ta' investiment kollettiv li m'humiex armonizzati mid-Direttiva 85/611/KEE (14) iżda li huma suġġetti għal salvagwardji simili kif previst b'dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, f'dan il-każ partikolari jitħallew jipprovdu trattament ugwali għall-intrapriżi ta' investiment kollettiv armonizzati mill-Komunità.

(26)

Sabiex tissaħħaħ l-indipendenza ta' awdituri ta' entitajiet ta' interess pubbliku, is-soċju jew soċji essenzjali li jwettqu l-verifika ta' tali entitajiet għandhom jinbidlu fuq bażi ta' rotazzjoni. Sabiex tiġi organizzata tali rotazzjoni, l-Istati Membri għandhom jesiġu l-bidla tas-soċju jew soċji essenzjali li jwettqu l-verifika ta' entità, filwaqt li jippermettu l-kumpannija tal-verifika, li magħha jkunu assoċjati s-soċju jew soċji essenzjali, tibqa' tkun l-awditur statutorju ta' dik l-entità. Fejn Stat Membru jsib li hekk ikun xieraq sabiex jilħaq l-objettivi mixtieqa, dak l-Istat Membru jista', alternattivament, jesiġi l-bidla tal-kumpannija tal-verifika, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 42(2).

(27)

Ir-relazzjoni reċiproka bejn is-swieq kapitali tenfażizza l-bżonn ukoll li tiġi żgurata kwalità għolja ta' xogħol imwettaq minn awdituri minn pajjiżi terzi fir-rigward tas-suq kapitali tal-Komunità. Għalhekk, l-awdituri konċernati għandhom ikunu reġistrati sabiex ikunu suġġetti għas-sistema ta' reviżjonijiet ta' assigurazzjoni ta' kwalità u għas-sistema ta' investigazzjonijiet u ta' pieni. Għandhom ikunu possibbli derogi fuq il-bażi ta' reċiproċità, suġġetti għall-ittestjar ta' l-ekwivalenza mwettaq mill-Kummissjoni b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, entità li ħarġet titoli trasferibbli f'suq regolat fis-sens tal-punt 14 ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE għandha dejjem tkun suġġetta għal verifika minn awditur li jkun reġistrat fi Stat Membru jew li jkun sorveljat minn awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz minn fejn ikun ġej l-awditur, sakemm dak il-pajjiż terz ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru bħala wieħed li jissodisfa rekwiżiti ekwivalenti għar-rekwiżiti Komunitarji fil-qasam ta' prinċipji ta' sorveljanza, ta' sistemi ta' assigurazzjoni ta' kwalità u ta' sistemi ta' investigazzjonijiet u ta' pieni, u sakemm il-bażi ta' dan l-arranġament tkun waħda ta' reċiproċità. Filwaqt li sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità ta' pajjiż terz tista' tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti minn Stat Membru, dan ma jfissirx li Stati Membri oħrajn għandhom jaċċettaw dik il-valutazzjoni ta' ekwivalenza nazzjonali, u lanqas din ma għandha tiddetermina minn qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(28)

Il-kumplessità ta' verifiki ta' gruppi internazzjonali titlob koperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u dawk ta' pajjiżi terzi. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi jistgħu jkollhom aċċess għad-dokumenti tax-xogħol tal-verifika u għal dokumenti oħrajn permezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-partijiet konċernati u fl-istess waqt jiġi faċilitat l-aċċess għal dawn id-dokumenti, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi li jagħtu aċċess dirett lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi suġġett għall-qbil ta' l-awtorità kompetenti nazzjonali. Waħda mill-kriterji relevanti għall-għoti ta' aċċess hija jekk l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi jissodisfawx ir-rekwiżiti dikjarati mill-Kummissjoni bħala adegwati. Sa meta tittieħed tali deċiżjoni mill-Kummissjoni, u mingħajr preġudizzju għal din, l-Istati Membri jistgħu jeżaminaw jekk ir-rekwiżiti humiex adegwati.

(29)

L-iżvelar ta' informazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 36 u 47 għandu jkun konformi mar-regoli dwar it-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (15).

(30)

Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE u b'kunsiderazzjoni xierqa tad-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-Parlament Ewropew fil-5 ta' Frar 2002 dwar l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji.

(31)

Il-Parlament Ewropew għandu jingħata perjodu ta' tliet xhur mill-ewwel trażmissjoni ta' l-abbozzi ta' emendi u ta' miżuri implementattivi sabiex ikun jista' jeżaminahom u jagħti l-opinjoni tiegħu. Madankollu, f'każijiet urġenti u debitament ġustifikati, għandu jkun possibbli li dak il-perjodu jitqassar. Jekk, f'dak il-perjodu, tkun ġiet adottata riżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-abbozzi ta' emendi jew ta' miżuri.

(32)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li ssir meħtieġa l-applikazzjoni ta' sett wieħed ta' standards internazzjonali tal-verifika, l-aġġornament tar-rekwiżiti edukattivi, id-definizzjoni ta' l-etika professjonali u l-implementazzjoni teknika tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u bejn dawk l-awtoritajiet u l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, sabiex tittejjeb u tiġi armonizzata ulterjorment il-kwalità tal-verifika statutorja fil-Komunità u tiġi faċilitata l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi sabiex tissaħħaħ l-konfidenza fil-verifika statutorja tal-kontijiet, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-firxa u l-effetti ta' din id-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(33)

Bl-iskop li r-relazzjoni bejn l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika u l-entità suġġetta għall-verifika ssir aktar trasparenti, id-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE għandhom jiġu emendati sabiex jesiġu l-iżvelar tal-pagament għall-verifika tal-kont u tal-pagament magħmul għal servizzi mhux ta' verifika tal-kontijiet fin-noti annessi mal-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati.

(34)

Id-Direttiva 84/253/KEE għandha tiġi mħassra għaliex hemm nieqes sett komprensiv ta' regoli li jiżguraw infrastruttura adegwata tal-verifika, bħal sorveljanza pubblika, sistemi dixxiplinarji u sistemi ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità u għaliex ma tipprovdix b'mod speċifiku għal koperazzjoni regolatorja bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali huwa madankollu ċertament meħtieġ li jkun indikat li l-awdituri statutorji u l-kumpanniji ta' awdituri li ġew approvati skond id-Direttiva 84/253/KEE jitqiesu bħala approvati skond din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

'SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

'Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-verifika statutorja tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati.

Artikolu 2

'Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“verifika statutorja” tfisser verifika ta' kontijiet annwali jew ta' kontijiet konsolidati sa fejn ikun meħtieġ mil-liġi Komunitarja;

2)

“awditur statutorju” tfisser persuna fiżika approvata skond din id-Direttiva mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru sabiex twettaq verifiki statutorji;

3)

“kumpannija tal-verifika” tfisser persuna ġuridika jew kwalunkwe entità oħra, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li tkun approvata skond din id-Direttiva mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru sabiex twettaq verifiki statutorji;

4)

“entità ta' verifika minn pajjiż terz” tfisser entità, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li twettaq verifiki tal-kontijiet annwali jew konsolidati ta' kumpannija kostitwita f'pajjiż terz;

5)

“awditur ta' pajjiż terz” tfisser persuna fiżika li twettaq verifiki tal-kontijiet annwali jew konsolidati ta' kumpannija kostitwita f'pajjiż terz;

6)

“awditur ta' grupp” tfisser l-awditur jew awdituri statutorji jew il-kumpannija jew kumpanniji tal-verifika li jwettqu l-verifika statutorja tal-kontijiet konsolidati;

7)

network” tfisser l-istruttura akbar:

li tkun immirata lejn il-koperazzjoni u li għaliha jappartjenu awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika; u

li tkun immirata b'mod ċar lejn il-qsim ta' profitti jew ta' spejjeż jew ikollha drittijiet ta' proprjetà, kontroll jew ġestjoni komuni, politika u proċeduri komuni ta' kontroll ta' kwalità, strateġija kummerċjali komuni, l-użu ta' marka kummerċjali komuni, jew parti sinifikattiva tar-riżorsi professjonali;

8)

“affiljat ta' kumpannija tal-verifika” tfisser kwalunkwe intrapriża, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li tkun konnessa ma' kumpannija tal-verifika permezz ta' drittijiet tal-proprjetà, kontroll jew ġestjoni komuni;

9)

“rapport ta' verifika tal-kontijiet” tfisser ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 51(a) tad-Direttiva 78/660/KEE u fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 83/349/KEE maħruġ mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-verifika;

10)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet jew korpi nominati mil-liġi li jkunu responsabbli sabiex jirregolaw u/jew jissorveljaw l-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika jew aspetti speċifiċi tagħhom; ir-referenza għall-“awtoritajiet kompetenti” f'Artikolu speċifiku tfisser referenza għall-awtorità jew għall-korp jew korpi responsabbli għall-funzjonijiet imsemmija f'dak l-Artikolu;

11)

“standards internazzjonali ta' verifika” tfisser Standards Internazzjonali dwar il-Verifika (ISA) u dikjarazzjonijiet u standards relatati, sa fejn dawn ikunu relevanti għall-verifika statutorja;

12)

“standards internazzjonali ta' l-accounting” tfisser l-Istandards Internazzjonali ta' l-Accounting (IAS), l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) u l-Interpretazzjonijiet relatati (l-interpretazzjonijiet SIC-IFRIC), l-emendi sussegwenti lil dawk l-istandards u interpretazzjonijiet relatati, standards futuri u interpretazzjonijiet relatati maħruġa jew adottati mill-Bord ta' l-Istandards Internazzjonali ta' l-Accounting (IASB);

13)

“entitajiet ta' interess pubbliku” tfisser entitajiet regolati mil-liġi ta' Stat Membru u li t-titoli tagħhom ikunu ammessi għan-negozju f'suq regolat ta' kwalunkwe Stat Membru fis-sens tal-punt 14 ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, istituzzjonijiet ta' kreditu kif definiti fil-punt 1 ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (16) u intrapriżi ta' l-assigurazzjoni kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/674/KEE. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw ukoll entitajiet oħra bħala entitajiet ta' interess pubbliku, bħal pereżempju entitajiet li jkunu ta' relevanza pubblika sinifikattiva minħabba n-natura tan-negozju tagħhom, id-daqs tagħhom jew in-numru ta' impjegati tagħhom;

14)

“koperattiva” tfisser Soċjetà Koperattiva Ewropea kif definita fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea (SCE) (17), jew kwalunkwe koperattiva oħra li għaliha tkun meħtieġa verifika statutorja skond il-liġi Komunitarja, bħal istituzzjonijiet ta' kreditu kif definiti fil-punt 1 ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/12/KE u intrapriżi ta' l-assigurazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/674/KEE;

15)

“persuna mhux prattikanti” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li għal ta' l-anqas tliet snin qabel l-involviment tagħha fit-tmexxija tas-sistema ta' sorveljanza pubblika ma wettqitx verifiki statutorji, ma kellha l-ebda drittijiet ta' vot f'kumpannija tal-verifika, ma kenitx membru tal-korp amministrattiv jew ta' ġestjoni ta' kumpannija tal-verifika u ma kenitx impjegata minn kumpannija tal-verifika jew b'xi mod assoċjata ma' kumpannija tal-verifika;

16)

“soċju jew soċji essenzjali fil-verifika” tfisser:

(a)

l-awditur jew awdituri statutorji maħtura minn kumpannija tal-verifika għal kompitu partikolari ta' verifika bħala l-persuna jew persuni primarjament responsabbli sabiex iwettqu l-verifika statutorja f'isem il-kumpannija tal-verifika; jew

(b)

fil-każ ta' verifika ta' grupp, almenu l-awditur jew awdituri statutorji maħtura minn kumpannija tal-verifika bħala l-persuna jew persuni primarjament responsabbli sabiex iwettqu l-verifika statutorja fil-livell ta' grupp u l-awditur jew awdituri statutorji maħtura bħala l-persuna jew persuni primarjament responsabbli fil-livell ta' sussidjarji materjali; jew

(ċ)

l-awditur jew awdituri statutorji li ffirmaw ir-rapport tal-verifika.

KAPITOLU II

'APPROVAZZJONI, EDUKAZZJONI KONTINWA U RIKONOXXIMENT REĊIPROKU

Artikolu 3

'L-approvazzjoni ta' awdituri statutorji u ta' kumpanniji tal-verifika

1.   Il-verifiki statutorji għandhom jiġu mwettqa biss minn awdituri statutorji jew minn kumpanniji tal-verifika li jkunu approvati mill-Istat Membru li jesiġi l-verifika statutorja.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtoritajiet kompetenti li għandhom ikunu responsabbli mill-approvazzjoni ta' l awdituri statutorji u tal-kumpanniji tal-verifika.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu għaqdiet professjonali bil-kondizzjoni li dawn ikunu suġġetti għal sistema ta' sorveljanza pubblika kif previst fil-Kapitolu VIII.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu japprovaw bħala awdituri statutorji biss persuni fiżiċi li jissodisfaw ta' l-anqas il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 6 sa 10.

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu japprovaw biss bħala kumpanniji tal-verifika lil dawk l-entitajiet li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-persuni fiżiċi li jwettqu l-verifiki statutorji f'isem kumpannija tal-verifika għandhom jissodisfaw ta' l-anqas il-kondizzjonijiet imposti mill-Artikoli 4 u 6 sa 12 u għandhom ikunu approvati bħala awdituri statutorji fl-Istat Membru konċernat;

(b)

il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot f'entità għandha tkun f'idejn il-kumpanniji tal-verifika li jkunu approvati fi kwalunkwe Stat Membru jew f'idejn persuni fiżiċi li jissodisfaw ta' l-anqas il-kondizzjonijiet imposti mill-Artikoli 4 u 6 sa 12. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tali persuni fiżiċi għandhom ikunu approvati wkoll fi Stat Membru ieħor. Għall-iskop ta' verifika statutorja ta' koperattivi u ta' entitajiet simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-vot;

(ċ)

il-maġġoranza – sa massimu ta' 75 % – tal-membri tal-korp amministrattiv jew ta' ġestjoni ta' l-entità għandha tkun magħmula minn kumpanniji tal-verifika li jkunu approvati fi kwalunkwe Stat Membru jew minn persuni fiżiċi li jissodisfaw ta' l-anqas il-kondizzjonijiet imposti mill-Artikoli 4 u 6 sa 12. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tali persuni fiżiċi għandhom ikunu approvati wkoll fi Stat Membru ieħor. Fejn tali korp ma jkollux aktar minn żewġ membri, wieħed minn dawn il-membri għandu jissodisfa ta' l-anqas il-kondizzjonijiet f'dan il-punt;

(d)

il-kumpannija għandha tissodisfa l-kondizzjoni imposta mill-Artikolu 4.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet addizzjonali biss jekk marbuta mal-punt (ċ). Tali kondizzjonijiet għandhom ikunu proporzjanali ma' l-għanijiet mixtieqa u ma għandhomx jeċċedu dak li huwa strettament meħtieġ.

Artikolu 4

'Reputazzjoni tajba

L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jagħtu l-approvazzjoni biss lil persuni fiżiċi jew lil kumpanniji ta' reputazzjoni tajba.

Artikolu 5

'L-irtirar ta' l-approvazzjoni

1.   L-approvazzjoni ta' awditur statutorju jew ta' kumpannija tal-verifika tista' tiġi rtirata jekk ir-reputazzjoni ta' dik il-persuna jew kumpannija tkun ġiet serjament kompromessa. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu raġonevoli ta' żmien li fih jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' reputazzjoni tajba.

2.   L-approvazzjoni ta' kumpannija tal-verifika għandha tiġi rtirata jekk xi waħda mill-kondizzjonijiet imposti fl-Artikolu 3(4) punti (b) u (ċ) ma għadhiex sodisfatta aktar. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal perjodu raġonevoli ta' żmien sabiex dawk ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti.

3.   Fejn l-approvazzjoni ta' awditur statutorju jew ta' kumpannija tal-verifika tiġi rtirata għal kwalunkwe raġuni, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn l-approvazzjoni tkun ġiet irtirata għandha tinforma b'dak il-fatt u bir-raġunijiet għall-irtirar lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fejn l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika jkunu wkoll approvati u li jkunu mdaħħla fir-reġistru ta' l-Istat Membru imsemmi qabel skond l-Artikolu 16 (1) punt (ċ).

Artikolu 6

'Kwalifiki edukattivi

Bla preġudizzju għall-Artikolu 11, persuna fiżika tista' tiġi approvata sabiex twettaq verifika statutorja biss wara li tkun laħqet il-livell meħtieġ għad-dħul fl-Università jew livell ekwivalenti, tkun imbagħad kompliet kors ta' tagħlim teoretiku, tkun għamlet taħriġ prattiku u għaddiet minn eżami ta' kompetenza professjonali fil-livell ta' l-eżamijiet finali ta' l-Università jew livell ekwivalenti, organizzat jew rikonoxxut mill-Istat Membru konċernat.

Artkolu 7

'Eżami tal-kompetenza professjonali

L-eżami tal-kompetenza professjonali msemmi fl-Artikolu 6 għandu jiżgura l-livell meħtieġ ta' konoxxenza teoretika tas-suġġetti relevanti għall-verifika statutorja tal-kontijiet u l-abbiltà fl-applikazzjoni ta' din il-konoxxenza fil-prattika. Ta' l-inqas parti minn dak l-eżami għandu jkun bil-miktub.

Artikolu 8

'Test tal-konoxxenza teoretika

1.   It-test tal-konoxxenza teoretika inkluż fl-eżami għandu jkopri s-suġġetti li ġejjin b'mod partikolari:

(a)

teorija u prinċipji ġenerali ta' l-accounting,

(b)

rekwiżiti u standards legali li jirrigwardaw il-preparazzjoni tal-kontijiet annwali u konsolidati,

(ċ)

standards internazzjonali ta' l-accounting,

(d)

analiżi finanzjarja,

(e)

accounting ta' l-ispejjeż u tal-ġestjoni,

(f)

maniġġar tar-riskju u kontroll intern,

(g)

il-verifika tal-kontijiet u kapaċitajiet professjonali,

(h)

rekwiżiti legali u standards professjonali li jirrigwardaw il-verifika statutorja tal-kontijiet u l-awdituri statutorji,

(i)

standards internazzjonali tal-verifika,

(j)

etika professjonali u indipendenza.

2.   Għandu jkopri wkoll ta' l-anqas is-suġġetti li ġejjin sa fejn dawn ikunu relevanti għall-verifika:

(a)

il-liġi tal-kumpanniji u t-tmexxija korporattiva,

(b)

il-liġi tal-falliment u proċeduri simili,

(ċ)

il-liġi fiskali,

(d)

il-liġi ċivili u kummerċjali,

(e)

il-liġi dwar is-sigurtà soċjali u l-liġi dwar l-impjiegi,

(f)

l-informatika u s-sistemi tal-kompjuters,

(g)

il-kummerċ, l-ekonomija ġenerali u finanzjarja,

(h)

il-matematika u l-istatistika,

(i)

il-prinċipji bażiċi ta' l-amministrazzjoni finanzjarja ta' l-intrapriżi.

3.   Il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 48(2), tadatta l-lista tas-suġġetti li jiġu inklużi fit-test tal-konoxxenza teoretika msemmi fil-paragrafu 1. Meta tadotta dawk il-miżuri implementattivi, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' l-iżviluppi fil-verifika u fil-professjoni tal-verifika.

Artikolu 9

'Eżenzjonijiet

1.   Bħala deroga mill-Artikoli 7 u 8, Stat Membru jista' jistipula li persuna li għaddiet minn eżami universitarju jew eżami ieħor ekwivalenti jew li jkollha lawrja universitarja jew kwalifika ekwivalenti f'wieħed jew aktar mis-suġġetti msemmija fl-Artikolu 8 tista' tiġi eżentata mit-test tal-konoxxenza teoretika fis-suġġetti koperti minn dak l-eżami jew minn dik il-lawrja.

2.   B'deroga mill-Artikolu 7, Stat Membru jista' jipprovdi li d-detentur ta' lawrja universitarja jew ta' kwalifika ekwivalenti f'wieħed jew aktar mis-suġġetti msemmija fl-Artikolu 8 jistgħu jiġu eżentati mit-test ta' l-abbiltà li japplika fil-prattika l-konoxxenza teoretika tiegħu ta' tali suġġetti jekk huwa rċieva taħriġ prattiku f'dawk is-suġġetti li jkun attestat minn eżami jew diploma rikonoxxuti mill-Istat.

Artikolu 10

'Taħriġ prattiku

1.   Sabiex tkun żgurata l-abbiltà li tkun applikata l-konoxxenza teoretika fil-prattika, li test ta' din ikun inkluż fl-eżami, il-persuna li titħarreġ għandha tlesti minimu ta' taħriġ prattiku ta' tliet snin inter alia fil-verifika tal-kontijiet annwali, kontijiet konsolidati jew prospetti finanzjarji simili. Ta' l-inqas żewġ terzi ta' tali taħriġ prattiku għandu jsir ma' awditur statutorju jew ma' kumpannija tal-verifika approvati fi kwalunkwe Stat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taħriġ kollu jitwettaq ma' persuni li jipprovdu garanziji adegwati fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jipprovdu taħriġ prattiku.

Artikolu 11

'Kwalifika permezz ta' esperjenza prattika fit-tul

L-Istati Membri jistgħu japprovaw persuna li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 bħala awditur statutorju, jekk din tista' turi:

(a)

li għal 15-il sena kienet involuta f'attivitajiet professjonali li tawha esperjenza suffiċjenti fl-oqsma tal-finanzi, tal-liġi u ta' l-accounting u li għaddiet mill-eżami ta' kompetenza professjonali imsemmi fl-Artikolu 7, jew

(b)

li għal seba' snin kienet involuta f'attivitajiet professjonali f'dawk l-oqsma u li, barra minn hekk, kellha t-taħriġ prattiku msemmi fl-Artikolu 10 u għaddiet mill-eżami ta' kompetenza professjonli msemmi fl-Artikolu 7.

Artikolu 12

'Taħriġ prattiku flimkien ma' istruzzjoni teoretika

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perjodi ta' istruzzjoni teoretika fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 8 għandhom jgħoddu għall-perjodi ta' attività professjonali msemmija fl-Artikolu 11, sakemm din l-istruzzjoni tkun attestata minn eżami rikonoxxut mill-Istat. Tali istruzzjoni m'għandhiex tkun ta' anqas minn sena, u ma tistax tnaqqas il-perjodu ta' l-attività professjonali b'aktar minn erba' snin.

2.   Il-perjodu ta' attività professjonali kif ukoll it-taħriġ prattiku ma għandhomx ikunu iqsar mill-kors ta' tagħlim teoretiku flimkien mat-taħriġ prattiku meħtieġa mill-Artikolu 10.

Artikolu 13

'Edukazzjoni kontinwa

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji jkunu meħtieġa jipparteċipaw fi programmi adatti ta' edukazzjoni kontinwa sabiex iżommu fuq livell suffiċjentement għoli l-konoxxenza teoretika, il-ħiliet u l-valuri professjonali tagħhom, u li n-nuqqas tar-rispett tar-rekwiżiti ta' l-edukazzjoni kontinwa ikun suġġett għal pieni adegwati kif previst fl-Artikolu 30.

Artikolu 14

'Approvazzjoni ta' awdituri statutorji minn Stati Membri oħra

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-approvazzjoni ta' awdituri statutorji li jkunu ġew approvati fi Stati Membri oħrajn. Dawk il-proċeduri ma għandhomx jaqbżu r-rekwiżit li l-persuna tgħaddi minn test tal-kapaċità skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin (18). It-test tal-kapaċità, li għandu jsir f'waħda mil-lingwi permessi mir-regoli tal-lingwi applikabbli fl-Istat Membru konċernat, għandu jkopri biss il-konoxxenza adegwata, ta' l-awditur statutorju, tal-liġijiet u tar-regolamenti ta' l-Istat Membru konċernat sa fejn dawn ikunu relevanti għall-verifiki statutorji.

KAPITOLU III

'REĠISTRAZZJONI

Artikolu 15

'Reġistru pubbliku

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika jiddaħħlu f'reġistru pubbliku skond l-Artikoli 16 u 17. F'każijiet eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu ma japplikawx ir-rekwiżiti stipulati f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 16 dwar l-iżvelar sa fejn ikun biss meħtieġ sabiex titnaqqas theddida imminenti u sinifikattiva għas-sigurtà personali ta' kwalunkwe persuna.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull awditur statutorju u kumpannija tal-verifika jkunu identifikati fir-reġistru pubbliku permezz ta' numru individwali. L-informazzjoni tar-reġistrazzjoni għandha tinżamm fir-reġistru f'format elettroniku u għandha tkun aċċessibbli elettronikament għall-pubbliku.

3.   Ir-reġistru pubbliku għandu wkoll ikun fih l-isem u l-indirizz ta' l-awtoritajiet kompetenti li jkunu responsabbli mill-approvazzjoni kif previst fl-Artikolu 3, mill-assigurazzjoni tal-kwalità kif previst fl-Artikolu 29, mill-investigazzjonijiet u mill-pieni imposti fuq awdituri statutorji u kumpanniji tal-verifika kif previst fl-Artikolu 30, u mis-sorveljanza pubblika kif previst fl-Artikolu 32.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru pubbliku jkun imħaddem kompletament sad-29 ta' Ġunju 2009.

Artikolu 16

'Reġistrazzjoni ta' awdituri statutorji

1.   Fir-rigward ta' awdituri statutorji, ir-reġistru pubbliku għandu jkun fih ta' l-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz u n-numru tar-reġistrazzjoni;

(b)

jekk applikabbli, l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-website u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpannija jew kumpanniji tal-verifika li jimpjegaw lill-awditur statutorju, jew li magħhom huwa jkun assoċjat bħala soċju jew b'mod ieħor;

(ċ)

ir-reġistrazzjoni(jiet) l-oħrajn kollha bħala awditur statutorju ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħrajn u bħala awditur ma' pajjiżi terzi, inklużi l-isem (ismijiet) ta' l-awtorità(jiet) ta' reġistrazzjoni, u, jekk applikabbli, in-numru (i) tar-reġistrazzjoni.

2.   L-awdituri ta' pajjiż terz reġistrati skond l-Artikolu 45 għandhom jiġu indikati hekk b'mod ċar fir-reġistru u mhux bħala awdituri statutorji.

Artikolu 17

'Reġistrazzjoni tal-kumpanniji tal-verifika

1.   Fir-rigward tal-kumpanniji tal-verifika, ir-reġistru pubbliku għandu jkun fih ta' l-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz u n-numru tar-reġistrazzjoni;

(b)

il-forma ġuridika;

(ċ)

informazzjoni għall-finijiet ta' kuntatt, il-persuna prinċipali għall-finijiet ta' kuntatt u, fejn applikabbli, l-indirizz tal-websajt;

(d)

l-indirizz ta' kull uffiċċju fl-Istat Membru;

(e)

l-isem u n-numru tar-reġistrazzjoni ta' l-awdituri statutorji kollha impjegati jew assoċjati bħala imseħbin jew b'mod ieħor mal-kumpannija tal-verifika;

(f)

l-ismijiet u l-indirizzi professjonali tal-proprjetarji u ta' l-azzjonisti kollha;

(g)

l-ismijiet u l-indirizzi professjonali tal-membri kollha tal-korp amministrattiv jew ta' ġestjoni;

(h)

jekk applikabbli, is-sħubija f'network u lista ta' l-ismijiet u l-indirizzi tal-kumpanniji membri u affiljati jew indikazzjoni tal-post fejn din l-informazzjoni tkun pubblikament disponibbli;

(i)

ir-reġistrazzjonijiet l-oħrajn kollha bħala kumpannija tal-verifika ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħrajn u bħala entità tal-verifika ma' pajjiżi terzi, inklużi l-isem (ismijiet) ta' l-awtorità (jiet) ta' reġistrazzjoni, u, jekk applikabbli, in-numru (i) tar-reġistrazzjoni.

2.   L-entitajiet tal-verifika ta' pajjiżi terzi reġistrati skond l-Artikolu 45 għandhom jiġu indikati hekk b'mod ċar fir-reġistru u mhux bħala kumpanniji tal-verifika.

Artikolu 18

'L-aġġornament ta' l-informazzjoni tar-reġistrazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika javżaw mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mir-reġistru pubbliku dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li tkun tinsab fir-reġistru pubbliku. Ir-reġistru għandu jkun aġġornat mingħajr dewmien wara n-notifika.

Artikolu 19

'Responsabbiltà għall-informazzjoni tar-reġistrazzjoni

L-informazzjoni provduta lill-awtoritajiet kompetenti relevanti skond l-Artikoli 16, 17 u 18 għandha tiġi firmata mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-verifika. Fejn l-awtorità kompetenti tipprovdi għall-għoti ta' l-informazzjoni b'mod elettroniku, dan jista' jseħħ pereżempju permezz ta' firma elettronika kif definita fil-punt 1 ta' l-Artikolu 2 tad-Direrttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar kwadru Komunitarju għall-firem elettroniċi (19).

Artikolu 20

'Lingwa

1.   L-informazzjoni imdaħħla fir-reġistru pubbliku għandha tkun imfassla f'waħda mill-lingwi permessi mir-regoli tal-lingwa applikabbli fl-Istat Membru konċernat.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-informazzjoni tiddaħħal fir-reġistru pubbliku fi kwalunkwe lingwa jew lingwi uffiċjali oħra tal-Komunità. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li t-traduzzjoni ta' l-informazzjoni tkun ċertifikata.

Fil-każijiet kollha, l-Istat Membru konċernat għandu jiżgura li r-reġistru jindika jekk it-traduzzjoni hijiex ċertifikata jew le.

KAPITOLU IV

'ETIKA PROFESSJONALI, INDIPENDENZA, OĠĠETTIVITÀ, KONFIDENZJALITÀ U SEGRETEZZA PROFESSJONALI

Artikolu 21

'Etika professjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika kollha jkunu suġġetti għal prinċipji ta' etika professionali, li jkopru ta' l-anqas il-funzjoni tagħhom ta' interess pubbliku, l-integrità u l-oġġettività tagħhom, u l-kompetenza professjonali tagħhom u d-diliġenza dovuta minnhom.

2.   Sabiex tkun żgurata l-fiduċja fil-funzjoni tal-verifika u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista', konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 48(2) tadotta miżuri implementattivi bbażati fuq prinċipji li jirregolaw l-etika professjonali.

Artikolu 22

Indipendenza u oġġettività

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jwettqu verifika statutorja, l-awditur statutorju u/jew il-kumpannija tal-verifika jkunu indipendenti mill-entità suġġetta għall-verifika u ma jkunux involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-entità suġġetta għall-verifika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika ma jwettqux verifika statutorja f'każ ta' relazzjoni finanzjarja, ta' negozju, ta' impjieg jew relazzjoni oħra, diretta jew indiretta – inkluż il-forniment ta' servizzi addizzjonali mhux relatati mal-verifika – bejn l-awditur statutorju, il-kumpannija tal-verifika jew in-network u l-entità suġġetta għall-verifika li minnha parti terza oġġettiva, raġonevoli u informata tikkonkludi li l-indipendenza ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika tkun kompromessa. F'każ li l-indipendenza ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika tkun suġġetta għal xi periklu, bħal awto-reviżjoni, interess proprju, promozzjoni ta' interessi, familjarità jew fiduċja jew intimidazzjoni, l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika għandhom japplikaw is-salvagwardji sabiex inaqqsu dan il-periklu. F'każ li s-sinifikat tal-periklu, meta jitqabbel mas-salvagwardji applikati, iwassal sabiex l-indipendenza tkun kompromessa, l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika ma għandhomx iwettqu l-verifika statutorja.

Minbarra dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fir-rigward tal-verifika statutorja ta' entitajiet ta' interess pubbliku, fejn ikun xieraq sabiex tkun salvagwardata l-indipendenza ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika, l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika ma jwettqux verifika statutorja f'każijiet ta' awto-reviżjoni jew ta' interess proprju.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika jirreġistraw fid-dokumenti tal-verifika l-perikli kollha sinifikattivi għall-indipendenza tagħhom, kif ukoll is-salvagwardji applikati sabiex inaqqsu dawk il-perikli.

4.   Sabiex tiżgura l-fiduċja fil-funzjoni tal-verifika u sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista', konformement mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 48(2), tadotta miżuri implementattivi bbażati fuq prinċipji li li jikkonċernaw:

(a)

il-perikli u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 2;

(b)

is-sitwazzjonijiet li fihom is-sinifikat tal-perikli, kif imsemmija fil-paragrafu 2, ikun tali li jikkomprometti l-indipendenza ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika;

(ċ)

il-każijiet ta' awto-reviżjoni jew ta' interess proprju msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 li fihom verifiki statutorji jistgħu jew ma jistgħux jitwettqu.

Artikolu 23

'Il-konfidenzjalità u s-segretezza professjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li għalihom ikollhom aċċess l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika meta jwettqu l-verifika statutorja jkunu protetti b'regoli adegwati ta' konfidenzjalità u ta' segretezza professjonali.

2.   Ir-regoli ta' konfidenzjalità u ta' segretezza professjonali relatati ma' awdituri statutorji jew ma' kumpanniji tal-verifika ma għandhomx jimpedixxu l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

3.   Fejn awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika jiġu sostitwiti b'awditur statutorju jew b'kumpannija tal-verifika oħrajn, l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika ta' qabel għandhom jipprovdu aċċess lill-awditur statutorju jew lill-kumpannija tal-verifika l-ġodda għall-informazzjoni relevanti kollha li tikkonċerna l-entità suġġetta għall-verifika.

4.   Awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika li ma jkunux għadhom jaħdmu fuq kompitu partikolari ta' verifika u persuna li kienet taħdem bħala awditur statutorju jew kumpannija li kienet twettaq verifiki tal-kontijiet fil-passat, għandhom jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' dak ix-xogħol ta' verifika.

Artikolu 24

'L-independenza u l-oġġettivita ta' awdituri statutorji li jwettqu l-verifika statutorja f'isem kumpanniji tal-verifika

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetarji jew l-azzjonisti ta' kumpannija tal-verifika kif ukoll il-membri tal-korpi amministrattivi, ta' ġestjoni jew ta' sorveljanza ta' tali kumpannija, jew ta' kumpannija affiljata, ma jintervjenux fl-eżekuzzjoni tal-verifika statutorja fi kwalunkwe mod li jipperikola l-indipendenza u l-oġġettivita ta' l-awditur statutorju li jwettaq il-verifika statutorja f'isem il-kumpannija tal-verifika.

Artikolu 25

'Onorarji għall-verifika

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li regoli adegwati jiġu istitwiti biex jipprovdu li l-onorarji għall-verifiki tal-kontijiet:

(a)

ma jkunux influwenzati jew determinati mill-għoti ta' servizzi oħra lill-entità li tagħha ssir il-verifika tal-kontijiet;

(b)

ma jistgħux ikunu bbażati fuq kwalunkwe forma ta' kontinġenza.

KAPITOLU V

STANDARDS TAL-VERIFIKA U RAPPURTAR DWAR IL-VERIFIKA

Artikolu 26

'Standards tal-verifika

1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika jwettqu l-verifiki statutorji konformement ma' standards internazzjonali tal-verifika adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 48(2). L-Istati Membri jistgħu japplikaw standard nazzjonali tal-verifika dejjem jekk il-Kummissjoni ma tkunx adottat standard internazzjonali tal-verifika li jkopri l-istess materja. L-istandards internazzjonali tal-verifika adottati għandhom ikunu pubblikati b'mod sħiħ f'kull lingwa uffiċjali tal-Komunità fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 48(2), dwar l-applikabbiltà fi ħdan il-Komunità ta' l-istandards internazzjonali tal-verifika. Il-Kummissjoni għandha tadotta standards internazzjonali tal-verifika għall-applikazzjoni fil-Komunità biss jekk dawn:

(a)

jkunu korrettament żviluppati skond il-proċeduri legali, taħt sorveljanza pubblika u bi trasparenza, u jkunu ġeneralment aċċettati internazzjonalment;

(b)

jikkontribwixxu għal livell għoli ta' kredibbiltà u ta' kwalità fil-kontijiet annwali jew konsolidati konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 78/660/KEE u fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 83/349/KEE; u

(ċ)

jikkontribwixxu għall-ġid pubbliku Ewropew.

3.   L-Istati Membri jistgħu jimponu proċeduri jew rekwiżiti ta' verifika addizzjonalment għal – jew, f'każijiet eċċezzjonali, billi jiddelimitaw – partijiet mill-istandards internazzjonali tal-verifika biss jekk dawn joħorġu minn rekwiżiti legali nazzjonali speċifiċi relatati ma' l-ambitu tal-verifiki statutorji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-proċeduri jew rekwiżiti ta' verifika jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-punti (b) u (ċ) tal-paragrafu 2 u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri qabel l-adozzjoni tagħhom. Fil-każijiet eċċezzjonali li fihom l-Istati Membri jutilizzaw partijiet minn standard internazzjonali ta' verifika, huma għandhom jikkomunikaw ir-rekwiżiti legali nazzjonali speċifiċi tagħhom, kif ukoll ir-raġunijiet taż-żamma tagħhom, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-inqas sitt xhur qabel l-adozzjoni nazzjonali tagħhom jew, f'każ ta' rekwiżiti li diġà kienu stabbiliti fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' standard internazzjonali tal-verifika, mhux aktar tard minn tliet xhur mill-adozzjoni ta' l-istandard internazzjonali tal-verifika relevanti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti addizzjonali relatati mal-verifiki statutorji ta' kontijiet annwali u konsolidati għal perjodu li jiskadi fid-29 ta' Ġunju 2010.

Artikolu 27

'Verifiki statutorji tal-kontijiet konsolidati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'każ ta' verifika statutorja tal-kontijiet konsolidati ta' grupp ta' intrapriżi:

(a)

l-awditur tal-grupp ikollu r-responsabbilità sħiħa għar-rapport tal-verifika fir-rigward tal-kontijiet konsolidati;

(b)

l-awditur tal-grupp iwettaq reviżjoni u jżomm dokumentazzjoni tar-reviżjoni tiegħu tax-xogħol ta' verifika mwettaq minn awditur jew awdituri minn pajjiż terz, minn awditur jew awdituri statutorji, minn entità jew entitajiet ta' verifika jew minn kumpannija jew kumpanniji tal-verifika minn pajjiż terz għall-finijiet tal-verifika tal-grupp. Id-dokumentazzjoni miżmuma mill-awditur tal-grupp għandha tkun tali li tippermetti li l-awtorità kompetenti relevanti tirrivedi kif xieraq ix-xogħol ta' l-awditur tal-grupp;

(ċ)

meta ssir verifika ta' parti komponenti minn grupp ta' kumpanniji minn awditur (i) jew minn kumpannija (i) tal-verifika minn pajjiż terz li ma jkollux arranġament ta' koperazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 47, l-awditur tal-grupp ikun responsabbli sabiex jiżgura l-għoti, b'mod korrett, lill-awtoritajiet ta' sorveljanza pubblika, meta tintalab, tad-dokumentazzjoni tax-xogħol tal-verifika mwettqa minn awditur (i) jew minn kumpannija (i) tal-verifika minn pajjiż terz, inklużi d-dokumenti tax-xogħol relevanti għall-verifika tal-grupp. Sabiex jiżgura tali għoti, l-awditur tal-grupp għandu jżomm kopja ta' tali dokumentazzjoni, jew alternattivament jiftiehem ma' l-awditur (i) jew ma' l-entità (jiet) tal-verifika mill-pajjiż terz, dwar l-aċċess adegwat u liberu tiegħu meta jitlob jew jieħu kwalunkwe azzjoni adatta oħra. Jekk ikun hemm ostakoli legali jew ostakoli oħrajn li jimpedixxu li dokumenti tax-xogħol ta' verifika jgħaddu minn pajjiż terz għal għand l-awditur tal-grupp, id-dokumentazzjoni miżmuma mill-awditur tal-grupp għandha tinkludi l-prova li huwa wettaq il-proċeduri meħtieġa sabiex jikseb aċċess għad-dokumentazzjoni tal-verifika, u fil-każ ta' ostakoli li ma jkunux ta' natura legali li jirriżultaw mil-liġi tal-pajjiż, il-prova li tattesta għal tali ostakolu.

Artikolu 28

'Rappurtar tal-verifika

1.   Fejn kumpannija tal-verifika twettaq il-verifika statutorja, ir-rapport tal-verifika għandu jkun iffirmat ta' l-inqas mill-awditur (i) statutorji li jwettqu l-verifika statutorja f'isem il-kumpannija tal-verifika. F'ċirkostanzi eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu jipprovdu sabiex din il-firma ma tkunx mgħarrfa lill-pubbliku jekk dan it-tagħrif ikun jista' jwassal għal periklu imminenti u sinifikattiv għas-sigurtà personali ta' kwalunkwe persuna. Fi kwalunkwe każ l-isem (ismijiet) tal-persuna (i) involuti għandhom ikunu mgħarrfa lill-awtoritajiet kompetenti relevanti.

2.   Minkejja l-Artikolu 51a(1) tad-Direttiva 78/660/KEE, fil-każ li l-Kummissjoni ma tkunx adottat rapporti standard komuni ta' verifika konformement ma' l-Artikolu 26(1) ta' din id-Direttiva, din tista', bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 48(2) ta' din id-Direttiva, sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fil-funzjoni tal-verifika, tadotta rapport standard komuni tal-verifika għal kontijiet annwali jew konsolidati li jkunu ġew preparati skond standards internazzjonali ta' l-accounting approvati.

KAPITOLU VI

'ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ

Artikolu 29

'Sistemi ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità

1.   Kull Stat Membr għandu jiżgura li l-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika kollha jkunu suġġetti għal sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità li tilħaq ta' l-inqas il-kriterji li ġejjin:

(a)

is-sistema ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità għandha tkun organizzata b'mod li tkun indipendenti mill-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika eżaminati u suġġetta għas-sorveljanza pubblika kif previst fil-Kapitolu VIII;

(b)

il-finanzjament tas-sistema ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità għandu jkun protett u liberu minn kwalunkwe influenza indebita eventwalment possibbli mill-awdituri statutorji jew mill-kumpanniji tal-verifika;

(ċ)

is-sistema ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità għandha jkollha riżorsi adegwati;

(d)

il-persuni li jwettqu r-reviżjonijiet ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità għandhom ikollhom edukazzjoni professjonali adegwata u esperjenza relevanti fil-verifika statutorja u fir-rappurtar finanzjarju flimkien ma' taħriġ speċifiku dwar ir-reviżjonijiet għall-finijiet ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità;

(e)

l-għażla tar-reviżuri għal kompiti speċifiċi ta' reviżjoni għall-finijiet ta' l-assigurazzjoni ta' kwalità għandha sseħħ skond proċedura oġġettiva mfassla sabiex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta' interessi bejn ir-reviżuri u l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika suġġetti għar-reviżjoni;

(f)

l-ambitu tar-reviżjoni għall-finijiet ta' l-assigurazzjoni ta' kwalità, appoġġjata b'kontroll adegwat ta' dokumenti magħżula ta' verifika, għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità ma' standards applikabbli ta' verifika u ma' rekwiżiti ta' indipendenza, tal-kwantità u tal-kwalità tar-riżorsi użati, ta' l-onorarji mitluba għall-verifika u tas-sistema interna ta' kontroll tal-kwalità tal-kumpannija tal-verifika;

(g)

ir-reviżjoni għall-finijiet ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità għandha tkun is-suġġett ta' rapport li jkun fih il-konklużjonijiet prinċipali tar-reviżjoni għall-finijiet ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità;

(h)

ir-reviżjonijiet għall-finijiet ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità għandhom isiru ta' l-inqas kull sitt snin;

(i)

ir-riżultati ġenerali tas-sistema ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità għandhom ikunu pubblikati kull sena;

(j)

ir-rakkomandazzjonijiet tar-reviżjonijiet tal-kwalità għandhom jiġu applikati mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-verifika fi żmien raġonevoli.

Fil-każ li r-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-punt (j) ma jiġux applikati, l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika għandhom, jekk dan ikun applikabbli, ikunu suġġetti għas-sistema ta' azzjonijiet dixxiplinari jew ta' pieni skond l-Artikolu 30.

2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri implementattivi, konformement mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 48(2), sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fil-funzjoni tal-verifika u sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-punti (a), (b) u (e) sa (j) tal-paragrafu 1.

KAPITOLU VII

'INVESTIGAZZJONIJIET U PIENI

Artikolu 30

'Sistemi ta' investigazzjonijiet u ta' pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm sistemi effettivi ta' investigazzjonijiet u ta' pieni sabiex jiskopru, jikkorreġu u jipprevjenu l-eżekuzzjoni mhux adegwata tal-verifika statutorja tal-kontijiet.

2.   Mingħajr preġudizzju għar- regoli ta' l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà ċivili, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward ta' awdituri statutorji u kumpanniji tal-verifika, fejn il-verifiki statutorji ma jitwettqux konformement mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implementazzjoni ta' din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li miżuri meħuda u pieni imposti fir-rigward ta' awdituri statutorji u ta' kumpanniji tal-verifika jkunu mgħarrfa b'mod adegwat lill-pubbliku. Il-pieni għandhom jinkludu l-possibbiltà ta' l-irtirar ta' l-approvazzjoni.

Artikolu 31

'Responsabbiltà ta' l-awdituri

Il-Kummissjoni għandha, qabel l-1 ta' Jannar 2007, tippreżenta rapport dwar l-impatt tar-regoli nazzjonali attwali dwar ir-responsabbiltà għat-twettiq ta' verifiki statutorji dwar is-swieq Ewropej tal-kapital u dwar il-kondizzjonijiet ta' l-assigurazzjoni għall-awdituri statutorji u għall-kumpanniji tal-verifika, inkluża analiżi oġġettiva tal-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjoni pubblika fejn ikun xieraq. Il-Kummissjoni għandha, fejn tara li jkun kunsiljabbli, tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fid-dawl ta' dan ir-rapport.

KAPITOLU VIII

'SORVELJANZA PUBBLIKA U ARRANĠAMENTI REGOLATORJI BEJN L-ISTATI MEMBRI

Artikolu 32

'Il-prinċipji tas-sorveljanza pubblika

1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw sistema effettiva ta' sorveljanza pubblika għall-awdituri statutorji u għall-kumpanniji tal-verifika fuq il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7.

2.   L-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika kollha għandhom ikunu suġġetti għas-sorveljanza pubblika.

3.   Is-sistema ta' sorveljanza pubblika għandha tkun regolata minn persuni li ma jipprattikawx u li jkollhom konoxxenza fl-oqsma relevanti għall-verifika statutorja. Madankollu l-Istati Membri jistgħu jippermettu li minoranza ta' persuni prattikanti jkunu involuti fit-tmexxija tas-sistema pubblika ta' sorveljanza. Il-persuni involuti fit-tmexxija tas-sistema ta' sorveljanza pubblika għandhom ikunu magħżula skond proċedura ta' ħatra indipendenti u trasparenti.

4.   Is-sistema ta' sorveljanza pubblika għandha jkollha r-responsabbiltà finali għas-sorveljanza ta':

(a)

l-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-awdituri statutorji u tal-kumpanniji tal-verifika, u

(b)

l-adozzjoni ta' standards dwar l-etika professjonali, il-kontroll intern tal-kwalità tal-kumpanniji tal-verifika u tal-verifika, u

(ċ)

l-edukazzjoni kontinwa, l-assigurazzjoni tal-kwalità u s-sistemi investigattivi u dixxiplinarji.

5.   Is-sistema tas-sorveljanza pubblika għandha jkollha d-dritt, fejn ikun neċessarju, li twettaq investigazzjonijiet fir-rigward ta' l-awdituri statutorji u tal-kumpanniji tal-verifika u d-dritt li tieħu l-azzjoni adatta.

6.   Is-sistema tas-sorveljanza pubblika għandha tkun trasparenti. Din għandha tinkludi l-pubblikazzjoni tal-programmi annwali tax-xogħol u ta' rapporti dwar l-attività.

7.   Is-sistema ta' sorveljanza pubblika għandha tkun finanzjata adegwatament. Il-finanzjament tas-sistema ta' sorveljanza pubblika għandu jkun protett u liberu minn kwalunkwe influwenza indebita mill-awdituri statutorji jew mill-kumpanniji tal-verifika.

Artikolu 33

'Koperazzjoni bejn is-sistemi tas-sorveljanza pubblika fil-livell Komunitarju

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti regolatorji għas-sistemi ta' sorveljanza pubblika jippermettu koperazzjoni effettiva fil-livell Komunitarju bejn l-attivitajiet ta' sorveljanza ta' l-Istati Membri. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jaħtru entità waħda speċifikament responsabbli sabiex tiżgura l-koperazzjoni.

Artikolu 34

'Konoxxenza reċiproka ta' arranġamenti regolatorji bejn l-Istati Membri

1.   L-arranġamenti regolatorji ta' l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju tar-regolament skond is-sistema ta' regoli domestiċi u tas-sorveljanza mill-Istat Membru fejn l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika jkunu approvati u fejn l-entità li tagħha ssir il-verifika tal-kontijiet ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

2.   Fil-każ ta' verifika statutorja tal-kontijiet konsolidati, l-Istat Membru li jesiġi l-verifika statutorja tal-kontijiet konsolidati ma jistax jimponi rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-verifika statutorja dwar ir-reġistrazzjoni, ir-reviżjoni għall-finijiet ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-istandards tal-verifika, l-etika professjonali u l-indipendenza fuq awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika li jwettqu l-verifika statutorja ta' sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor.

3.   Fil-każ ta' kumpannija li l-ishma tagħha jkunu negozjati f'suq regolat fi Stat Membru differenti minn fejn dik il-kumpannija jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, l-Istat Membru li fih ikunu negozjati l-ishma ma jistax jimponi kwalunkwe rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-verifika statutorja dwar ir-reġistrazzjoni, ir-reviżjoni għall-finijiet ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-istandards tal-verifika, l-etika professjonali u l-indipendenza fuq awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika li jwettqu l-verifika statutorja tal-kontijiet annwali jew konsolidati ta' dik il-kumpannija.

Artikolu 35

'Il-ħatra ta' awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar għall-finijiet tal-kompiti stabbiliti f'din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-ħatra li ssir minnhom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu organizzati b'mod li jiġu evitati l-konflitti ta' interessi.

Artikolu 36

'Segretezza professjonali u koperazzjoni regolatorja bejn l-Istati Membri

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri responsabbli mill-approvazzjoni, reġistrazzjoni, assigurazzjoni ta' kwalità, ispezzjoni u dixxiplina għandhom jikkoperaw bejniethom kull meta jkun meħtieġ bl-iskop li jwettqu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skond din id-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru responsabbli mill-approvazzjoni, reġistrazzjoni, assigurazzjoni ta' kwalità, ispezzjoni u dixxiplina għandhom jipprovdu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħrajn. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, b'mod partikulari, jiskambjaw informazzjoni u jikkoperaw f'investigazzjonijiet relatati mat-twettiq ta' verifiki statutorji.

2.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jkunu impjegati jew li kienu impjegati ma' l-awtoritajiet kompetenti. L-informazzjoni koperta bl-obbligu tas-segretezza professjonali ma tistax tiġi żvelata lil kwalunkwe persuna jew awtorità oħra ħlief skond il-liġijiet, regolamenti jew proċeduri amministrattivi ta' Stat Membru.

3.   Il-paragrafu 2 ma għandux jimpedixxi l-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw informazzjoni konfidenzjali. L-informazzjoni hekk skambjata għandha tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali, li għalih ikunu suġġetti persuni impjegati jew li kienu impjegati mill-awtoritajiet kompetenti.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, meta tkun mitluba, u mingħajr dewmien eċċessiv, jipprovdu kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-iskop imsemmi fil-paragrafu 1. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu tali talba għandhom, mingħajr dewmien eċċessiv, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġbru l-informazzjoni meħtieġa. L-informazzjoni hekk provduta għandha tkun koperta bl-obbligu tas-segretezza professjonali li għalih ikunu suġġetti l-persuni impjegati jew li kienu impjegati qabel mill-awtoritajiet kompetenti li rċevew l-informazzjoni.

F'każ li l-awtorità kompetenti li tintalab tagħti l-informazzjoni meħtieġa ma tkunx tista' tipprovdiha mingħajr dewmien eċċessiv hija għandha tagħti r-raġunijiet għal dan lill-awtorità kompetenti li titlob l-informazzjoni.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrifjutaw li jipproċedu fuq talba għal informazzjoni fejn:

(a)

l-għoti ta' informazzjoni jista' jolqot ħażin is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta' l-Istat rikjest jew tikser ir-regoli ta' sigurtà nazzjonali; jew

(b)

ikunu diġà nbdew proċeduri ġudizzjarji fir-rigward ta' l-istess azzjonijiet u kontra l-istess awdituri statutorji jew kumpanniji tal-verifika quddiem l-awtoritajiet ta' l-Istat rikjest; jew

(ċ)

tkun diġà nqatet sentenza finali fir-rigward ta' l-istess azzjonijiet u fuq l-istess awdituri statutorji jew kumpanniji tal-verifika quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru mitlub.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li għalihom ikunu suġġetti fi proċeduri ġudizzjarji, l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni skond il-paragrafu 1 jistgħu jużawha biss għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fis-sens ta' din id-Direttiva u fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji relatati b'mod speċifiku ma' l-eżerċizzju ta' dawk il-funzjonijiet.

5.   Fejn l-awtorità kompetenti tikkonkludi li jkunu qegħdin jitwettqu jew twettqu attivitajiet li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, hija għandha tinnotifika dik il-konklużjoni bl-iktar mod speċifiku possibbli lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru l-ieħor. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru l-ieħor għandha tieħu l-azzjoni xierqa. Hija għandha tinforma bir-riżultat lill-awtorità kompetenti li ressqet in-notifika u, sa fejn ikun possibbli, bl-iżviluppi interim sinifikattivi.

6.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' titlob ukoll li titwettaq investigazzjoni mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor, fit-territorju ta' dan ta' l-aħħar.

Hija tista' titlob ukoll li membri mill-persunal tagħha jitħallew jakkumpanjaw il-persunal ta' l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru l-ieħor matul l-investigazzjoni.

L-investigazzjoni għandha tkun suġġetta, matul it-twettiq kollu tagħha, għall-kontroll ġenerali ta' l-Istat Membru li fih tkun qiegħda sseħħ.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrifjutaw li jipproċedu fuq talba sabiex issir investigazzjoni kif previst fl-ewwel subparagrafu, jew fuq talba sabiex il-persunal tagħhom ikunu akkumpanjati minn persunal ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor, kif previst fit-tieni subparagrafu, fejn:

(a)

tali investigazzjoni tista' tolqot ħażin is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta' l-Istat Membru rikjest; jew

(b)

ikunu diġà nbdew proċeduri ġudizzjarji fir-rigward ta' l-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru rikjest; jew

(ċ)

ikun diġà ngħata ġudizzju finali fir-rigward ta' tali persuni għall-istess azzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru rikjest.

7.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 48(2), miżuri implementattivi sabiex tiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar il-proċeduri ta' skambju ta' informazzjoni u dwar il-modalitajiet għall-investigazzjonijiet transkonfinali previsti fil-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU IX

'ĦATRA U TNEĦĦIJA

Artikolu 37

'Ħatra ta' awdituri statutorji jew kumpanniji tal-verifika

1.   L-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika għandhom jinħatru mil-laqgħa ġenerali ta' l-azzjonisti jew tal-membri ta' l-entità suġġetta għall-verifika.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu sistemi jew modalitajiet alternattivi għall-ħatra ta' awditur statutorju jew ta' kumpannija tal-verifika dejjem jekk dawn is-sistemi jew modalitajiet ikunu mfassla sabiex jiżguraw l-indipendenza ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika mill-membri eżekuttivi tal-korp amministrattiv jew ta' ġestjoni tal-kumpannija suġġetta għall-verifika.

Artikolu 38

'It-tneħħija u r-riżenja ta' awdituri statutorji jew ta' kumpanniji tal-verifika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji jew il-kumpanniji ta' awdituri jistgħu jitneħħew biss fejn ikun hemm raġunijiet tajba. Id-differenzi fl-opinjonijiet dwar it-trattamenti ta' l-accounting jew dwar il-proċeduri tal-verifika ma għandhomx ikunu meqjusa bħala raġunijiet tajba għat-tneħħija.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpannija suġġetta għall-verifika kif ukoll l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika jinfurmaw l-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli mis-sorveljanza pubblika dwar it-tneħħija jew ir-riżenja waqt iż-żmien tal-ħatra u jagħtu spjegazzjoni xierqa tar-raġunijiet għal dan.

KAPITOLU X

'DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦALL-VERIFIKA STATUTORJA TA' ENTITAJIET TA' INTERESS PUBBLIKU

Artikolu 39

'L-applikazzjoni għal entitajiet ta' interess pubbliku mhux reġistrati

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw, minn wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta' dan il-Kapitolu, l-entitajiet ta' interess pubbliku li ma jkunux ħarġu titoli trasferibbli ammessi għan-negozju f'suq regolat fis-sens tal-punt 14 ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, u l-awditur (i) statutorji jew kumpannija (i) tal-verifika tagħhom.

Artikolu 40

'Rapport ta' trasparenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji jew kumpanniji tal-verifika li jwettqu verifika (i)statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku jippubblikaw fil-website tagħhom, fi żmien tliet xhur mit-tmiem ta' kull sena finanzjarja, rapport annwali ta' trasparenza li jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni ta' l-istruttura ġuridika u d-drittijiet ta' proprjetà;

(b)

fejn il-kumpannija tal-verifika tappartjeni għal network, deskrizzjoni tan-network u ta' l-arranġamenti legali u strutturali fin-network;

(ċ)

deskrizzjoni ta' l-istruttura ta' tmexxija tal-kumpannija tal-verifika;

(d)

deskrizzjoni tas-sistema interna tal-kontroll tal-kwalità tal-kumpannija tal-verifika u dikjarazzjoni mill-korp amministrattiv jew ta' ġestjoni dwar l-effikaċja tal-funzjonament tagħha;

(e)

indikazzjoni ta' meta seħħ l-aħħar rapport għall-finijiet ta' l-assigurazzjoni ta' kwalità previst fl-Artikolu 29;

(f)

lista ta' l-entitajiet ta' interess pubbliku li għalihom il-kumpannija ta' verifika għamlet il-verifika statutorja matul l-aħħar sena;

(g)

dikjarazzjoni dwar il-prattika indipendenti tal-kumpannija tal-verifika li tikkonferma wkoll li saret reviżjoni interna tal-konformità dwar l-indipendenza;

(h)

dikjarazzjoni dwar il-politika li ssegwi l-kumpannija tal-verifika dwar l-edukazzjoni kontinwa ta' l-awdituri statutorji msemmija fl-Artikolu 13;

(i)

informazzjoni finanzjarja li turi l-importanza tal-kumpannija tal-verifika bħat-turnover totali maqsum f'onorarji mill-verifika statutorja tal-kontijiet annwali u konsolidati, u l-onorarji mitluba għal servizzi oħra ta' assigurazzjoni, servizzi ta' konsulenza fiskali u servizzi mhux tal-verifika;

(j)

informazzjoni dwar il-bażi tar-rimunerazzjoni tas-soċji.

L-Istati Membri jistgħu f'ċirkostanzi eċċezzjonali ma japplikawx ir-rekwiżit fil-punt (f) sa fejn ikun meħtieġ sabiex titnaqqas theddida imminenti u sinifikattiva għas-sigurtà personali ta' kwalunkwe persuna.

2.   Ir-rapport dwar it-trasparenza għandu jkun iffirmat mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-verifika, skond il-każ. Dan jista' jseħħ pereżempju permezz ta' firma elettronika fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 1999/93/KE.

Artikolu 41

'Kumitat tal-verifika

1.   L-entitajiet ta' interess pubbliku għandhom ikollhom kumitat tal-verifika. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk il-kumitat tal-verifika għandux ikun magħmul minn membri mhux eżekuttivi tal-korp amministrattiv u/jew membri tal-korp ta' sorveljanza ta' l-entità suġġetta għall-verifika u/jew membri li jinħatru mil-laqgħa ġenerali ta' l-azzjonisti ta' l-entità suġġetta għall-verifika. Mill-inqas membru wieħed tal-kumitat tal-verifika għandu jkun indipendenti u għandu jkollu kompetenza fl-accounting u/jew fil-verifika.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li f'entitajiet ta' interess pubbliku li jissodisfaw il-kriterji ta' l-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2003/71/KE (20), il-funzjonijiet mogħtija lill-kumitat tal-verifika jitwettqu kompletament mill-korp amministrattiv jew ta' sorveljanza, bil-kondizzjoni li sakemm il-president ta' tali korp ikun membru ta' l-eżekuttiv, huwa ma jkunx il-president tal-kumitat tal-verifika.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-membri tal-korp amministrattiv, ta' sorveljanza jew ta' ġestjoni, jew ta' membri oħrajn maħtura mil-laqgħa ġenerali ta' l-azzjonisti ta' l-entità suġġetta għall-verifika, il-kumitat tal-verifika għandu inter alia:

(a)

jissorvelja l-proċess tar-rappurtar finanzjarju;

(b)

jissorvelja l-effikaċja tal-kontroll intern, tal-verifika interna fejn tapplika, u tas-sistemi ta' l-immaniġġar tar-riskju tal-kumpannija;

(ċ)

jissorvelja l-verifika statutorja tal-kontijiet annwali u konsolidati;

(d)

jirrivedi u jissorvelja l-indipendenza ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika u b'mod partikolari l-forniment ta' servizzi addizzjonali lill-entità suġġetta għall-verifika.

3.   F'entitajiet ta' interess pubbliku, il-proposta tal-korp amministrattiv jew superviżorju għall-ħatra ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannijatal-verifika għandha tkun ibbażata fuq rakkomandazzjoni magħmula mill-kumitat tal-verifika.

4.   L-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika għandhom jirrappurtaw lill-kumitat tal-verifika dwar kwistjonijiet prinċipali li jirriżultaw mill-verifika statutorja, u b'mod partikulari dwar nuqqasijiet materjali fil-kontroll intern fir-rigward tal-proċess ta' rappurtar finanzjarju.

5.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jiddeċiedu li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw għal entitajiet ta' interess pubbliku li jkollhom korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti għal dawk ta' kumitat tal-verifika, li jkun stabbilit u jiffunzjona skond dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun reġistrata l-entità li trid tkun suġġetta għall-verifika. F'dan il-każ l-entità għandha tiżvela liema korp iwettaq dawn il-funzjonijiet u kif inhu kompost.

6.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu li jkollhom kumitat tal-verifika lil:

(a)

entitajiet ta' interess pubbliku li jkunu intrapriżi sussidjarji kif previst fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE jekk l-entità tikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu fil-livell ta' grupp;

(b)

entitajiet ta' interess pubbliku li jkunu intrapriżi ta' investiment kollettiv kif previst fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/611/KEE. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw ukoll entitajiet ta' interess pubbliku li l-objettiv uniku tagħhom ikun l-investiment kollettiv tal-kapital provdut mill-pubbliku, li joperaw skond il-prinċipju tat-tifrix tar-riskju u li ma jipproċedux sabiex jieħdu l-kontroll legali u ta' ġestjoni fuq kwalunkwe entità li toħroġ l-investimenti tagħhom, dejjem jekk dawk l-intrapriżi ta' investiment kollettiv ikunu awtorizzati u suġġetti għal sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti, u li jkollhom depożitarju li jeżerċita funzjonijiet ekwivalenti għal dawk previsti taħt id-Direttiva 85/611/KEE;

(ċ)

entitajiet ta' interess pubbliku li l-uniku kummerċ tagħhom ikun li joħorġu titoli bbażati fuq assi kif previst fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (21). F'tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-entità tispjega lill-pubbliku r-raġunijiet għaliex hija tikkunsidra li ma jkunx xieraq li jkollha kemm kumitat tal-verifika kif ukoll korp amministrattiv jew ta' sorveljanza inkarigat sabiex iwettaq il-funzjonijiet ta' kumitat tal-verifika;

(d)

kull istituzzjoni ta' kreditu fis-sens ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/12/KE li l-ishma tagħhom ikunu ammessi għan-negozju f'suq regolat ta' kwalunkwe Stat Membru fis-sens tal-punt 14 ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE u li, b'mod kontinwu jew ripetut, ikunu ħaru biss titoli ta' dejn, dejjem jekk l-ammont totali nominali ta' dawn it-titoli ta' dejn jibqa taħt EUR 100 000 000 u jekk huma ma ppubblikawx prospectus skond id-Direttiva 2003/71/KE.

Artikolu 42

'Indipendenza

1.   Addizzjonalment għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 22 u 24, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji jew il-kumpanniji tal-verifika li jwettqu verifiki statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku:

(a)

annwalment jikkonfermaw bil-miktub l-indipendenza tagħhom mill-entità ta' interess pubbliku suġġetta għall-verifika lill-kumitat tal-verifika;

(b)

annwalment jiżvelaw lill-kumitat tal-verifika kwalunkwe servizzi addizzjonali provduti mill-entità suġġetta għall-verifika; u

(ċ)

jiddiskutu mal-kumitat tal-verifika l-perikli għall-indipendenza tagħhom u s-salvagwardji applikati sabiex jitnaqqsu dawn il-perikli kif reġistrati minnhom skond l-Artikolu 22(3).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-soċju jew soċji essenzjali fil-verifika jkunu responsabbli mit-twettiq tal-verifika statutorja jinbidlu fuq bażi ta' rotazzjoni fix-xogħol tal-verifika fi żmien massimu ta' seba' snin mid-data tal-ħatra u jitħallew jerġgħu jipparteċipaw fil-verifika ta' l-entità suġġetta għall-verifika wara żmien minimu ta' sentejn.

3.   L-awditur statutorju jew is-soċju essenzjali fil-verifika li jwettaq il-verifika statutorja f'isem il-kumpannija tal-verifika ma għandux ikun permess jassumi pożizzjoni prinċipali ta' ġestjoni fl-entità suġġetta għall-verifika qabel ma jkun skada perjodu ta' mill-inqas sentejn mir-riżenja tiegħu bħala awditur statutorju jew bħala soċju essenzjali fil-verifika mix-xogħol tal-verifika.

Artikolu 43

'Assigurazzjoni tal-kwalità

Ir-reviżjoni ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 29 għandha ssir ta' l-inqas kull tliet snin għall-awdituri statutorji jew għall-kumpanniji tal-verifika li jwettqu l-verifika ta' entitajiet ta' interess pubbliku.

KAPITOLU XI

'ASPETTI INTERNAZZJONALI

Artikolu 44

'Approvazzjoni ta' awdituri minn pajjiżi terzi

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu japprovaw, bil-kondizzjoni ta' reċiproċità, awditur minn pajjiż terz bħala awditur statutorju jekk il-persuna tkun ġabet provi li hija tikkonforma ma' rekwiżiti li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6 sa 13.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru għandhom japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14 qabel ma jagħtu approvazzjoni lil awditur minn pajjiż terz li jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1.

Artikolu 45

'Reġistrazzjoni u sorveljanza ta' awdituri u entitajiet tal-verifika minn pajjiżi terzi

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, konformement ma' l-Artikoli 15 u 17, għandhom jirreġistraw lill-awdituri u entitajiet tal-verifika kollha minn pajjiż terz li jipprovdu rapport ta' verifika rigward kontijiet annwali jew konsolidati ta' kumpannija kostitwita barra l-Komunità u li t-titoli trasferibbli tagħha jkunu ammessi għan-negozju f'suq regolat ta' dak l-Istat Membru fis-sens tal-punt 14 ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, ħlief meta l-kumpannija tkun l-entità li toħroġ b'mod esklussiv it-titoli ta' dejn li jkunu ammessi għan-negozju f'suq regolat fi Stat Membru fis-sens ta' l-Artikolu 2(1)b tad-Direttiva 2004/109/KE (22), li fir-rigward tagħhom id-denominazzjoni għal kull unità tkun mill-inqas EUR 50 000 jew, f'każ ta' titoli ta' dejn denominati b'munita oħra, ekwivalenti għal mill-inqas EUR 50 000 fid-data tal-ħruġ.

2.   Għandhom japplikaw l-Artikoli 18 u 19.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-entitajiet tal-verifika u l-awdituri, minn pajjiżi terzi, reġistrati taħt is-sistema ta' sorveljanza tagħhom, is-sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità tagħhom u s-sistema ta' investigazzjonijiet u pieni tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw awdituri u entitajiet tal-verifika, minn pajjiżi terzi, reġistrati milli jkunu suġġetti għas-sistema ta' l-assigurazzjoni ta' kwalità tagħhom jekk sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiż terz, ġudikata bħala ekwivalenti skond l-Artikolu 46, tkun diġà wettqet eżami tal-kwalità ta' l-awditur jew ta' l-entità tal-verifika mill-pajjiż terz matul l-aħħar tliet snin.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46, ir-rapporti tal-verifika li jikkonċernaw kontijiet annwali jew konsolidati previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu maħruġa minn awdituri jew entitajiet tal-verifika minn pajjiż terz li m'humiex reġistrati fl-Istat Membru ma għandhomx ikollhom effett legali f'dak l-Istat Membru.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirreġistraw il-kumpanniji tal-verifika minn pajjiżi terzi biss jekk:

(a)

dawn jissodisfaw rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(3);

(b)

il-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv jew tal-ġestjoni ta' l-entità tal-verifika mill-pajjiż terz tissodisfa rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 10;

(ċ)

l-awditur mill-pajjiż terz li jwettaq il-verifika f'isem l-entità tal-verifika mill-pajjiż terz jissodisfa rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 10;

(d)

il-verifiki tal-kontijiet annwali jew konsolidati previsti fil-paragrafu 1 ikunu mwettqa konformement ma' l-istandards internazzjonali tal-verifika kif previst fl-Artikolu 26, kif ukoll mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 22, 24 u 25, jew ma' standards u rekwiżiti ekwivalenti;

(e)

dawn jippubblikaw rapport annwali ta' trasparenza fil-website tagħhom, li jinkludi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 40, jew jikkonformaw ma' rekwiżiti ekwivalenti ta' żvelar.

6.   Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 5(d), l-ekwivalenza msemmija hemmhekk għandha tkun valutata mill-Kummissjoni b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, u għandha tkun deċiża mill-Kummissjoni skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 48(2). Sa meta tittieħed tali deċiżjoni mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jivvalutaw l-ekwivalenza msemmija fil-paragrafu 5 punt (d) sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni.

Artikolu 46

'Deroga f'każ ta' ekwivalenza

1.   L-Istati Membri jistgħu ma japplikawx jew jimmodifikaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 45(1) u (3) fuq il-bażi ta' reċiproċità biss jekk dawn l-awdituri jew entitajiet tal-verifika minn pajjiż terz ikunu suġġetti għal sistemi ta' sorveljanza pubblika, ta' assigurazzjoni ta' kwalità u ta' investigazzjonijiet u pieni, fil-pajjiż terz, li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekwivalenti għal dawk ta' l-Artikoli 29, 30 u 32.

2.   Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-ekwivalenza msemmija hemmhekk għandha tkun valutata mill-Kummissjoni b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, u għandha tkun deċiża mill-Kummissjoni skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 48(2). L-Istati Membri jistgħu jivvalutaw l-ekwivalenza prevista fil-paragrafu 1 jew jibbażaw fuq il-valutazzjoni imwettqa minn Stati Membri oħrajn sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li r-rekwiżit ta' ekwivalenza previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mhuwiex qiegħed ikun rispettat, hija tista' tippermetti l-awdituri u l-entitajiet tal-verifika konċernati sabiex ikomplu l-attivitajiet ta' verifika tagħhom skond ir-rekwiżiti relevanti ta' l-Istat Membru matul perjodu xieraq ta' tranżizzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

(a)

il-valutazzjonijiet tagħhom ta' l-ekwivalenza prevista fil-paragrafu 2; u

(b)

l-elementi prinċipali ta' l-arranġamenti koperattivi tagħhom ma' sistemi ta' pajjiżi terzi ta' sorveljanza pubblika, ta' l-assigurazzjoni ta' kwalità u ta' investigazzjonijiet u pieni, fuq il-bażi tal-paragrafu 1.

Artikolu 47

'Koperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti minn pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu t-trasferiment lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz tal-karti tax-xogħol tal-verifika jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew minn kumpanniji tal-verifika approvati minnhom, sakemm:

(a)

dawk id-dokumenti tax-xogħol ta' verifika jew dokumenti oħrajn jirrigwardaw verifiki ta' kumpanniji li ħarġu titoli f'dak il-pajjiż terz jew li jkunu parti ta' grupp li joħroġ kontijiet statutorji konsolidati f'dak il-pajjiż terz;

(b)

it-trasferiment iseħħ permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak il-pajjiż terz u fuq talba tagħhom;

(ċ)

l-awtoritajiet kompetenti ta' dak il-pajjiż terz konċernat jissodisfaw ir-rekwiżiti li jkunu ġew dikjarati adegwati skond il-paragrafu 3;

(d)

ikun hemm arranġamenti tax-xogħol fuq il-bażi ta' reċiproċità miftiehma bejn l-awtoritajiet kompetenti konċernati;

(e)

it-trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz tkun konformi mal-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46/KE.

2.   L-arranġamenti tax-xogħol imsemmija fil-paragrafu 1 punt (d) għandhom jiżguraw li:

(a)

tingħata ġustifikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-iskop tat-talba għall-karti tax-xogħol tal-verifika u għal dokumenti oħrajn;

(b)

il-persuni impjegati jew li kienu impjegati qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li jirċievu informazzjoni ikunu suġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali;

(ċ)

l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikunu jistgħu jużaw karti tax-xogħol tal-verifika u dokumenti oħra biss għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom tas-sorveljanza pubblika, ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità u ta' l-investigazzjonijiet li jissodisfaw rekwiżiti ekwivalenti għal dawk fl-Artikoli 29, 30 u 32;

(d)

it-talba minn awtorità kompetenti ta' pajjiż terz għall-karti tax-xogħol tal-verifika jew dokumenti oħra miżmuma mill-awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika tista' tiġi rifjutata:

fejn l-għoti ta' dawk il-karti jew dokumenti tax-xogħol jolqtu ħażin is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-Komunità jew l-Istat Membru rikjest, jew

fejn ikunu diġa nbdew proċeduri ġudizzjarji fir-rigward ta' l-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru rikjest.

3.   L-adegwatezza prevista fil-paragrafu 1(ċ) għandha tkun deċiża mill-Kummissjoni skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 48(2) sabiex tkun faċilitata l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Il-valutazzjoni ta' l-adegwatezza għandha titwettaq b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri u tkun ibbażata fuq ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 36 jew fuq riżultati funzjonali essenzjalment ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

4.   F'każijiet eċċezjonali u b'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika approvati minnhom li jittrasferixxu l-karti tax-xogħol tal-verifika u dokumenti oħra direttament lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz, sakemm:

(a)

ikunu nbdew investigazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti f'dak il-pajjiż terz;

(b)

it-trasferiment ma jkunx f'konflitt ma' l-obbligi li magħhom l-awdituri statutorji u l-kumpanniji tal-verifika għandhom jikkonformaw fir-rigward tat-trasferiment tal-karti tax-xogħol tal-verifika u ta' dokumenti oħra lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tagħhom;

(ċ)

ikun hemm arranġamenti tax-xogħol ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' dak il-pajjiż terz li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru aċċess dirett u reċiproku għall-karti tax-xogħol tal-verifika u għal dokumenti oħra tal-kumpanniji tal-verifika ta' dak il-pajjiż terz;

(d)

l-awtorità kompetenti rikjedenti tal-pajjiż terz tavża bil-quddiem l-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta' l-awditur statutorju jew tal-kumpannijatal-verifika b'kull talba diretta għall-informazzjoni, u tindika r-raġunijiet għaliha;

(e)

ikunu rispettati l-kondizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 2.

5.   Il-Kummissjoni tista', konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 48(2), tispeċifika l-każijiet eċċezzjonali previsti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu sabiex tiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

6.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-arranġamenti tax-xogħol imsemmija fil-paragrafi 1 u 4.

KAPITOLU XII

'DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 48

'Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-miżuri implementattivi diġa adottati, u ħlief għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26, ma' l-iskadenza ta' perjodu ta' sentejn wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhux aktar tard mill-1 ta' April 2008, għandha tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha li jirrikjedu l-adozzjoni ta' regoli tekniċi, emendi u deċiżjonijiet skond il-paragrafu 2. Waqt li jaġixxu fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jġeddu d-dispożizzjonijiet relevanti skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat u għal dak il-għan huma għandhom jirriveduhom qabel l-iskadenza tal-perjodu jew tad-data msemmija hawn fuq.

Artikolu 49

'Emendament tad-Direttiva 78/660/KEE u tad-Direttiva 83/349/KEE

1.   Id-Direttiva 78/660/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 43(1), għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(15)

separatament, l-onorarji kollha għas-sena finanzjarja mitluba mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-verifika għall-verifika statutorja tal-kontijiet annwali u l-onorarji totali mħallsa għal servizzi oħrajn ta' assigurazzjoni, l-onorarji totali mħallsa għal servizzi ta' consulenza fiskali u l-onorarji totali mħallsa għall-servizzi oħrajn mhux relatati mal-verifika.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dan ir-rekwiżit ma japplikax meta kumpannija tkun inkluża fil-kontijiet konsolidati meħtieġa li jsiru skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE, sakemm informazzjoni bħal din tingħata fin-noti mal-kontijiet konsolidati.”;

(b)

Il-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 44 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 11 jagħmlu noti mqassra dwar il-kontijiet tagħhom mingħajr l-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 43(1)(5) sa (12), (14)(a) u (15). Madankollu, in-noti għandhom jagħtu l-informazzjoni totali speċifikata fl-Artikolu 43(1)(6) għall-oġġetti kollha konċernati.”;

(ċ)

Il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 45 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-paragrafu 1(b) għandu japplika wkoll għall-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 43(1)(8).

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 27 sabiex ma jiżvelawx l-informazzjoni meħtieġa skond l-Artikolu 43(1)(8). L-Istati Membri jistgħu wkoll jippermettu lill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 27 sabiex ma jiżvelawx l-informazzjoni meħtieġa skond l-Artikolu 43(1)(15), sakemm tali informazzjoni titwassal lis-sistema ta' sorveljanza pubblika msemmija fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifika statutorja tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (*) meta tkun rikjesta minn tali sistema ta' sorveljanza pubblika.

(*)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.”"

2.   Fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 83/349/KEE għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(16)

Separatament, l-onorarji kollha għas-sena finanzjarja mitluba mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-verifika għall-verifika statutorja tal-kontijiet konsolidati u l-onorarji kollha mitluba għal servizzi oħrajn ta' assigurazzjoni, l-onorarji kollha mitluba għall-servizzi konsultattivi ta' taxxa u l-onorarji kollha mitluba għall-servizzi oħrajn mhux relatati mal-verifika.”.

Artikolu 50

'Tħassir tad-Direttiva 84/253/KEE

Id-Direttiva 84/253/KEE għandha titħassar b'effett mid-29 ta' Ġunju 2006. Ir-riferenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiftehmu bħala riferenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 51

'Dispożizzjoni transitorja

L-awdituri statutorji jew il-kumpanniji tal-verifika li jkunu approvati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond id-Direttiva 84/253/KEE qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 53(1), għandhom jitqiesu bħala approvati skond din id-Direttiva.

Artikolu 52

'Armonizzazzjoni minima

L-Istati Membri li jesiġu l-verifika statutorja jistgħu jimponu rekwiżiti aktar stretti, sakemm ma jkunx previst b'mod ieħor minn din id-Direttiva.

Artikolu 53

'Traspożizzjoni

1.   Qabel id-29 ta' Ġunju 2008 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva . Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjoniet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza referenzafil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 54

'Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 55

'Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is-17 ta' Mejju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 157, 28.6.2005, p. 115.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2006.

(3)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 17.7.2003, p. 16).

(4)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/51/KE.

(5)  ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/51/KE.

(6)  ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2003/51/KE.

(7)  ĠU L 126, 12.5.1984, p. 20.

(8)  ĠU C 143, 8.5.1998, p. 12.

(9)  ĠU L 91, 31.3.2001, p. 91.

(10)  ĠU L 191, 19.7.2002, p. 22.

(11)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(13)  ĠU L 52, 25.2.2005, p. 51.

(14)  Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 79, 24.3.2005, p. 9).

(15)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(16)  ĠU L 126, 26.5.2000, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/29/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 50).

(17)  ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1.

(18)  ĠU L 19, 24.1.1989, p. 16. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 206, 31.7.2001, p. 1).

(19)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.

(20)  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospectus li għandu jkun pubblikat meta titoli jkunu offerti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozju (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(21)  ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1.

(22)  Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza relatati ma' l-informazzjoni dwar dawk li joħorġu s-sigurtajiet li huma permessi li jinbiegħu f'suq regolat (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).


Top