EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006H0961

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 394, 30.12.2006, p. 5–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2006/961/oj

30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

5


RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà

(2006/961/KE)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-mobbiltà fl-edukazzjoni u fit-taħriġ hi parti integrali tal-moviment ħieles tal-persuni – libertà fundamentali protetta mit-Trattat – u wieħed mill-objettivi prinċipali ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam edukattiv u tat-taħriġ, imsejjes kemm fuq il-valuri komuni kif ukoll fuq ir-rispett lejn id-diversità. Hija għodda essenzjali biex jinħoloq spazju Ewropew ġenwin għal edukazzjoni tul il-ħajja, għall-promozzjoni tax-xogħol u għat-tnaqqis tal-faqar u għall-għajnuna fil-promozzjoni ta' ċittadinanza Ewropea attiva.

(2)

Il-mobbiltà tqarreb liċ-ċittadini lejn xulxin u ttejjeb il-fehim reċiproku. Tippromwovi s-solidarjetà, l-iskambju ta' l-ideat u għarfien aħjar tal-kulturi differenti li jsawru 'l-Ewropa; għaldaqstant il-mobbiltà tmexxi 'l quddiem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u reġjonali.

(3)

L-intensifikazzjoni tal-mobbiltà Ewropea u ta' l-iskambji għal skopijiet edukattivi u ta' taħriġ, u avvenimenti bħas-Sena Ewropea għall-Mobbiltà tal-Ħaddiema fl-2006, għandhom rwol importanti fil-kisba ta' l-objettiv ta' Liżbona li l-Ewropa ssir l-aktar ekonomija innovattiva u kompetittiva bbażata fuq l-għarfien sa l-2010.

(4)

Il-provediment ta' qafas aħjar għall-mobbiltà għal skopijiet ta' edukazzjoni u taħriġ fi ħdan l-UE se jgħin fil-kontribut lejn il-kisba ta' ekonomija bbażata fuq l-għerf, li tkun ċentrali għall-ħolqien ta' l-impjiegi, ta' l-iżvilupp sostenibbli, tar-riċerka u ta' l-innovazzjoni fl-Istati Membri.

(5)

Huwa meħtieġ aktar appoġġ min-naħa tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, għall-mobbiltà fl-UE sabiex jittejbu l-kwalità u l-effettività tas-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ fl-Ewropa.

(6)

Ir-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fi ħdan il-Komunità għall-istudenti, il-persuni li qed jitħarrġu, il-voluntieri, l-għalliema u l-ħarrieġa (4) kienet l-ewwel rakkomandazzjoni adottata bil-għan li tiffaċilitata l-azzjoni Komunitarja biex tkun inkoraġġuta l-mobbiltà.

(7)

Ix-xogħol tal-grupp ta' esperti stabbilit mill-Kummissjoni skond il-punt III.(a) ta' dik ir-Rakkomandazzjoni, u l-ewwel rapport li jsegwi l-iżviluppi, filwaqt li juru l-progress magħmul kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew fir-rigward tal-mobbiltà għal skopijiet edukattivi u ta' taħriġ, juru l-bżonn mhux biss li jkun hemm konċentrazzjoni fuq iż-żieda tal-mobbiltà f'termini kwantitattivi, iżda fuq kollox fuq it-titjib tal-kwalità tagħha.

(8)

Dan l-objettiv jista' jiġi segwit, inter alia, billi tkun adottata, fil-forma ta' Rakkomandazzjoni, Karta ta' Kwalità favur il-Mobbiltà, li tistabbilixxi sett ta' prinċipji f'dan il-qasam, li għandu jkun implimentat fuq bażi volontarja.

(9)

Il-Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà (hawn aktar 'il quddiem ”il-Karta”)għandha wkoll tħalli lok għall-bżonnijiet speċifiċi ta' nies b'diżabilitajiet u għal gruppi żvantaġġjati.

(10)

Il-Karta għandha tgħin biex jiżdiedu l-iskambji, jitħaffef l-għarfien tal-perijodi dedikati għall-edukazzjoni jew għat-taħriġ u l-għarfien tat-titoli u tal-kwalifiki u tistabbilixxi fiduċja reċiproka sabiex titjieb u tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet relevanti, l-organizzazzjonijiet u l-partijiet kollha interessati fil-mobbiltà. Għandha tingħata attenzjoni lill-kwistjoni tal-portabbiltà tas-self, tal-konċessjonijiet u tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

(11)

Il-Karta hija maħsuba biex tikkumplimenta, iżda mhux biex tieħu post, id-dispożizzjonijiet speċifiċi msemmija fil-Karta ta' l-Istudent Erasmus.

(12)

Il-Karta, fil-lingwi rispettivi tar-riċevituri, għandha tkun disponibbli mingħajr xkiel mill-awtoritajiet għall-istudenti u l-persuni kollha li jkunu qegħdin jirċievu taħriġ, organizzazzjonijiet u partijiet interessati oħrajn fil-mobbiltà fil-pajjiżi ta' oriġini u fil-pajjiżi ospitanti, u għandha titqies bħala qafas bażiku ta' riferenza.

(13)

Il-vantaġġi tal-mobbiltà jiddependu ħafna fuq il-kwalità tal-modalitajiet prattiċi: l-informazzjoni, il-preparazzjoni, l-għajnuna u l-għarfien ta' l-esperjenza u tal-kwalifiki miksuba mill-parteċipanti matul il-perijodi ta' studju u taħriġ. In-nies u l-organizzazzjonijiet involuti jistgħu itejbu konsiderevolment il-valur tagħha permezz ta' ppjanar bil-ħsieb u evalwazzjoni adattata.

(14)

L-Europass (5) huwa strument partikolarment utli b'mod partikulari għall-iżvilupp tat-trasparenza u ta' l-għarfien sabiex tiġi mgħejjuna l-mobbiltà.

(15)

Huwa mixtieq li l-prinċipji stabbiliti fil-Karta japplikaw mhux biss għall-perijodu nnifsu tal-mobbiltà iżda wkoll għall-perijodi preċedenti u sussegwenti tagħha.

(16)

Għandu jkun imfassal minn qabel pjan għat-tagħlim. Il-preparazzjoni ġenerali tal-parteċipanti hi wkoll neċessarja, u din għandha tagħti kas tal-preparazzjoni lingwistika. L-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kompetenti għandhom jipprovdu l-assistenza għal dak li għandu x'jaqsam ma' dan.

(17)

Il-mistoqsijiet amministrattivi u finanzjarji kollha, bħal liema għajnuna finanzjarja tkun disponibbli, u min ikun responsabbli għall-ispejjeż u għall-kopertura ta' l-assigurazzjoni fil-pajjiż ospitant, għandhom ikunu solvuti qabel it-tluq.

(18)

Għall-perijodu barra l-pajjiż, il-kwalità tal-mobbiltà tista' tittejjeb permezz tal-provediment ta' skemi bħal, pereżempju l-mentoring għall-parteċipanti.

(19)

Deskrizzjoni ddettaljata u ċara ta' kwalunkwe kors jew taħriġ segwiti fil-pajjiż ospitanti, inkluż it-tul taż-żmien tal-kors jew taħriġ, għandha tgħin biex jitħaffef l-għarfien tagħhom meta jmorru lura f'pajjiżhom.

(20)

It-trasparenza u l-amministrazzjoni tajba jitolbu definizzjoni ċara tal-partijiet li jkollhom interess u li jkunu responsabbli minn kull stadju u azzjoni tal-programm ta' mobbiltà.

(21)

Sabiex tkun żgurata l-kwalità globali tal-mobbiltà, huwa mixtieq li jiġi żgurat il-moviment ħieles għaċ-ċittadini kollha ta' l-UE u li jkunu applikati kemm jista' jkun il-prinċipji stabbiliti fil-Karta u r-rakkomandazzjonijiet relevanti għat-tipi kollha ta' mobbiltà għall-iskopijiet ta' tagħlim jew żvilupp professjonali: l-edukazzjoni jew it-taħriġ; it-tagħlim formali jew mhux formali, inklużi x-xogħol u l-proġetti volontarji; il-perijodi qosra jew twal ta' mobbiltà; it-tagħlim fl-iskejjel, fl-edukazzjoni ogħlja jew tagħlim relatat max-xogħol; miżuri relatati mat-tagħlim tul il-ħajja kollha.

(22)

Minħabba d-diversità tan-natura u t-tul ta' żmien ta' l-attivitajiet ta' mobbiltà, l-Istati Membri jistgħu jadattaw l-implimentazzjoni tal-Karta skond iċ-ċirkostanzi, iġifieri jadattawha għal sitwazzjonijiet u programmi speċifiċi. L-Istati Membri jistgħu jqisu xi punti obbligatorji u jikkunsidraw oħrajn bħala fakultattivi.

(23)

Ladarba l-għanijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk minħabba l-iskala u l-effetti ta' din ir-Rakkomandazzjoni jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, b'mod konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din ir-Rakkomandazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI:

1)

jadottaw u jippromwovu l-użu tal-Karta mehmuża bħala mezz biex jissaħħaħ l-iżvilupp personali u professjonali;

2)

jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u dwar kwalunkwe miżuri kumplimentari li jistgħu jagħżlu li jieħdu favur il-mobbiltà, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-aspetti kwalitattivi tagħhom, fil-kontributi nazzjonali tagħhom għall-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010, sa mit-tieni sena wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

3)

ikomplu jikkoperaw mill-qrib u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom bil-ħsieb li jeqirdu l-ostakli li, direttament jew indirettament, ixekklu l-mobbiltà taċ-ċittadini ta' l-UE;

4)

jipprovdu għajnuna xierqa u infrastrutturi adattati għall-mobbiltà għal skopijiet ta' edukazzjoni u taħriġ sabiex jitjiebu l-livelli ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ taċ-ċittadini tagħhom;

5)

jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex jippromwovu l-mobbiltà, biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha tkun tinftiehem faċilment u tkun aċċessibbli għal kulħadd, pereżempju permezz ta' gwida introduttorja għall-mobbiltà jew lista ta' organizzazzjonijiet li joffru appoġġ, u biex itejbu l-kundizzjonijiet għall-mobbiltà.

B'DAN JISTIEDNU L-KUMMISSJONI BIEX:

1)

tħeġġeġ l-użu tal-Karta mill-aġenziji nazzjonali u minn organizzazzjonijiet oħrajn li jaħdmu fil-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni u l-mobbiltà;

2)

tkompli tikkopera ma' l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, sabiex informazzjoni u esperjenza utli li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-miżuri pproklamati f'din ir-Rakkomandazzjoni jistgħu jkunu skambjati;

3)

ittejjeb jew tiżviluppa b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet relevanti id-dejta statistika speċifika fuq is-sessi dwar il-mobbiltà għall-skopijiet ta' edukazzjoni u taħriġ;

4)

tqis li din ir-Rakkomandazzjoni bħala li tagħmel ħaġa sħiħa mar-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE u għalhekk tinkludi r-rapporti ta' kull sentejn mitluba fiha fir-rapporti ġenerali tal-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010.

Magħmul fi Brussel 18 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 20.

(2)  ĠU C 206, 29.8.2006, p. 40.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Settembru 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006

(4)  ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30.

(5)  Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6).


ANNESS

KARTA EWROPEA TA' KWALITÀ FAVUR IL-MOBBILTÀ

INTRODUZZJONI

Imsaħħa mill-Pjan ta' Azzjoni favur il-Mobbiltà ta' l-2000 (1) u r-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobbilta' fil-Komunita' għall-istudenti, persuni li qed jagħmlu taħriġ, volontiera, għalliema u ħarrieġa (2), il-mobbiltà minn dejjem kienet ta' interess konsiderevoli għall-partijiet interessati. Dik ir-Rakkomandazzjoni kellha kamp ta' applikazzjoni wiesgħa, indirizzat sensiela ta' kwistjonijiet importanti assoċjati mal-mobbiltà u kienet immirata lejn kulmin seta' jibbenefika minn perijodu ta' tagħlim barra pajjiżu (formali u mhux formali), inklużi l-istudenti, l-għalliema, il-ħarrieġa, il-voluntieri u n-nies li qed jitħarrġu. Ir-Rakkomandazzjoni 2006/961/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-18 ta' Diċembru 2006,dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta'edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà (3), li minnha din il-Karta tagħmel parti integrali, għandha l-istess kamp ta' applikazzjoni iżda tiffoka fuq l-aspetti kwalitattivi tal-mobbiltà, kif proposti mill-grupp espert stabbilit skond l-ewwel Rakkomandazzjoni. Hi għandha tgħin biex ikun żgurat li l-parteċipanti jkollhom esperjenza pożittiva, kemm fil-pajjiż ospitanti kif ukoll fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom meta huma jirritornaw lura.

Din il-Karta toffri gwida għal mobbiltà minn persuni individwali żgħażagħ jew adulti, għal skopijiet ta' tagħlim formali jew mhux formali u għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom. Kienet imfassla bħala dokument bażiku ta' referenza li jqis is-sitwazzjonijiet nazzjonali u jirrispetta l-kompetenzi ta' l-Istati Membri. Il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontentut jistgħu ikunu adattati skond it-tul ta' żmien tal-mobbiltà u l-ispeċifikazzjonijiet tad-diversi attivitajiet edukattivi, ta' taħriġ u taż-żgħażagħ kif ukoll il-bżonnijiet tal-parteċipanti. Għalkemm primarjament hi tindirizza l-mobbiltà għal skopijiet ta' tagħlim, jinħass li din il-gwida kwalitattiva tista' tkun utli wkoll għal tipi oħra ta' mobbiltà, bħall-mobbiltà professjonali.

1.   Gwida u informazzjoni

Il-kandidati b'potenzjal għal mobbiltà għandu jkollhom aċċess indaqs, fil-livelli kollha, għal sorsi ta' informazzjoni u gwida li wieħed jista' joqgħod fuqhom dwar il-mobbiltà u l-kondizzjonijiet li fihom din tista' titwettaq. Fost affarijiet oħra, għandha tiġi provduta informazzjoni ċara dwar kull wieħed mill-punti li hemm f'din il-Karta, dwar l-irwol u l-ħidmiet ta' l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u jospitaw, u dwar is-sistemi varji ta' edukazzjoni u taħriġ.

2.   Pjan ta' tagħlim

Qabel ma jkun assunt kull tip ta' mobbiltà għal skopijiet edukattivi jew ta' taħriġ, pjan ta' tagħlim li jqis it-tħejjija lingwistika, għandu jkun imfassal u aċċettat mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u jospitaw u mill-parteċipanti. Pjan ta' tagħlim huwa partikolarment importanti fil-każ ta' mobbiltà fuq tul ta' żmien twil u jista' jkun utli wkoll f'każ ta' mobbiltà fuq tul ta' żmien qasir. Il-pjan għandu jfassal l-objettivi u r-riżultati ta' tagħlim mistennija, kif ukoll il-mod kif dawn għandhom jinkisbu u jiġu implimentati. Kull modifika sinifikanti tal-pjan ta' tagħlim għandu jiġi aċċettat mill-partijiet kollha. Meta jitfassal il-pjan ta' tagħlim, għandhom jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet ta' l-integrazzjoni mill-ġdid fil-pajjiż ta' l-oriġini u l-evalwazzjoni.

3.   Personalizzazzjoni

Il-mobbiltà assunta għal skopijiet edukattivi jew ta' taħriġ għandha tkun adatta kemm jista' jkun possibbli max-xejriet personali ta' tagħlim, kapaċitajiet u motivazzjoni tal-parteċipanti, u għandha tiżviluppahom jew tissupplimentahom.

4.   Preparazzjoni ġenerali

Preparazzjoni minn qabel tal-parteċipanti hi rakkomandata, u għandha tkun imfassla għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Din għandha tinkludi l-aspetti lingwistiċi, pedagoġiċi, amministrattivi, legali, personali u kulturali, u informazzjoni dwar aspetti finanzjarji, kif meħtieġ.

5.   Aspetti lingwistiċi

Il-kapaċitajiet lingwistiċi huma importanti għal tagħlim effettiv, għal komunikazzjoni bejn il-kulturi u għal fehim aħjar tal-kultura tal-pajjiż ospitant. Il-parteċipanti, u l-organizzazzjonijiet li jibagħtuhom u jospitawhom, għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-preparazzjoni lingwistika xierqa. Kull fejn ikun possibbli, l-arranġamenti għall-mobbiltà għandhom jinkludu:

l-evalwazzjoni tal-lingwa qabel it-tluq, u l-opportunità li jkunu segwiti korsijiet fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti u/jew fil-lingwa li biha jsir it-tagħlim, jekk din tkun differenti;

fil-pajjiż ospitanti, għajnuna lingwistika u pariri.

6.   Għajnuna loġistika

Kull fejn ikun neċessarju, għandha tingħata għajnuna loġistika adegwata lill-parteċipanti. Din tista' tinkludi informazzjoni u assistenza li tikkonċerna arranġamenti ta' l-ivvjaġġar, l-assigurazzjoni, il-permessi għar-residenza jew ix-xogħol, is-sigurtà soċjali, il-possibbiltà li jsiru trasferimenti ta' għotjiet u self tal-gvern mill-pajjiżi ta' l-oriġini għall-pajjiż ospitant, l-akkomodazzjoni, u aspetti prattiċi oħra inklużi l-kwistjonijiet ta' sigurtà rilevanti għaż-żjara tagħhom, fejn ikun xieraq.

7.   Mentoring

L-organizzazzjoni ospitanti (l-istabbiliment edukattiv, l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ, il-kumpanija, eċċ.) għandhom jipprovdu skemi bħal mentoring biex jingħataw pariri lill-parteċipanti u tingħata għajnuna fl-integrazzjoni effettiva tagħhom fl-ambjent ospitanti, u għandhom iservu ta' punt ta' kuntatt biex jakkwistaw assistenza kontinwa.

8.   Għarfien

Jekk perijodu ta' studju jew apprendistat barra l-pajjiż ikun parti integrali ta' programm formali ta' studju jew taħriġ, dan il-fatt għandu jkun iddikjarat fil-pjan ta' tagħlim, u l-parteċipanti għandhom ikunu pprovduti bl-assistenza biex jitħaffu l-għarfien u ċ-ċertifikazzjoni, fejn ikun xieraq. Fil-pjan ta' tagħlim l-organizzazzjoni li tibgħat għandha tieħu r-responsabbiltà li tagħraf perijodi ta' mobbiltà ta' suċċess. Għal tipi oħra ta' mobbiltà, u b'mod partikulari dawk fil-kuntest ta' edukazzjoni jew taħriġ mhux formali, għandu jinħareġ dokument xieraq sabiex il-parteċipant ikun jista' juri l-parteċipazzjoni attiva tiegħu u r-riżultati tat-tagħlim b'mod sodisfaċenti u kredibbli. F'dan il-kuntest, l-użu ta' l-'Europass' (4) għandu jkun inkoraġġut.

9.   Integrazzjoni mill-ġdid u evalwazzjoni

Meta jirritornaw lura lejn il-pajjiż ta' l-oriġini, b'mod partikolari wara mobbiltà fuq tul ta' żmien twil, il-parteċipanti għandhom jiġi ggwidati dwar kif jagħmlu użu mill-kompetenzi u l-kapaċitajiet akkwistati matul iż-żjara. Fejn ikun neċessarju, għajnuna għall-integrazzjoni mill-ġdid fl-ambjent soċjali, edukattiv jew professjonali tal-pajjiż ta' oriġini għandha ssir disponibbli għal persuni li jirritornaw lura wara mobbiltà għal tul twil ta' żmien. L-esperjenza akkwistata għandha tkun evalwata b'mod adatt mill-parteċipanti, flimkien ma' l-organizzazzjonijiet responsabbli, biex ikun assessjat jekk l-għanijiet tal-programm ta' tagħlim kinux milħuqa.

10.   Impenji u responsabbilitajiet

Ir-responsabilitajiet li jirriżultaw minn dawn il-kriterji kwalitattivi għandhom ikunu mifthemin mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jospitaw u mill-parteċipanti. Dawn għandhom preferibilment ikunu konfermati bil-miktub, sabiex ir-responsabilitajiet ikunu ċari għal dawk kollha involuti.


(1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, riuniti fil-Kunsill, ta' l-14 ta' Diċembru 2000, dwar pjan ta' azzjoni favur il-mobbiltà (ĠU C 371, 23.12.2000, p. 4).

(2)  ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30.

(3)  Ara paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċċjali.

(4)  Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6).


Top