EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0954

2006/954/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' disinji industrijali, adottat f’Ġinevra fit- 2 ta’ Lulju 1999 (2006/954/KE)

OJ L 386, 29.12.2006, p. 28–43 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 17 Volume 003 P. 25 - 40
Special edition in Romanian: Chapter 17 Volume 003 P. 25 - 40
Special edition in Croatian: Chapter 17 Volume 002 P. 114 - 129

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/954/oj

Related international agreement

29.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Diċembru 2006

li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' disinji industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999

(2006/954/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308, flimkien ma’ l-Artikolu 300(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, u l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dan,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji tal-Komunità (1), li hu bbażat fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat, għandu l-għan li joħloq suq li jaħdem kif suppost u joffri kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq nazzjonali. Bil-għan li jinħoloq suq ta’ dan it-tip u jsir dejjem iktar suq uniku, dak ir-Regolament ħoloq is-sistema ta’ disinji tal-Komunità fejn intrapriżi jistgħu permezz ta’ proċedura unika jakkwistaw disinji tal-Komunità li jingħataw protezzjoni uniformi u li jipproduċu l-effetti tagħhom fiż-żona kollha tal-Komunità.

(2)

Wara l-preparamenti mibdija u mwettqa mill-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali (WIPO) bil-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri li huma membri ta’ l-Unjoni ta’ l-Aja, l-Istati Membri li mhumiex membri ta’ l-Unjoni ta’ l-Aja u l-Komunità Ewropea, il-Konferenza Diplomatika, imsejħa għal dak il-għan f Ġinevra, adottat fit-2 ta’ Lulju 1999 l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta' disinji industrijali (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala l-“Att ta’ Ġinevra”).

(3)

L-Att ta’ Ġinevra ġie adottat biex jintroduċi ċerti innovazzjonijiet fis-sistema għad-depożitu internazzjonali ta' disinji industrijali previsti fl-Att ta’ Londra, li kien ġie adottat fit-2 ta’ Ġunju 1934, u l-Att ta’ l-Aja, li kien ġie adottat fit-28 ta’ Novembru 1960.

(4)

L-objettivi ta’ l-Att ta’ Ġinevra huma li jestendu s-sistema ta’ l-Aja tar-reġistrazzjoni internazzjonali għall-membri ġodda, u li jagħmlu s-sistema iktar attraenti għall-applikanti. Meta imqabbla ma’ l-Att ta’ Londra u l-Att ta’ l-Aja, waħda mill-innovazzjonijiet ewlenin hija li organizzazzjoni intergovernattiva li żżomm uffiċċju awtorizzat biex jagħti l-protezzjoni lid-disinji b’effett fit-territorju ta’ l-organizzazzjoni tista’ ssir parti għall-Att ta’ Ġinevra.

(5)

Il-faċilità li biha organizzazzjoni intergovernattiva li għandha uffiċċju reġjonali għar-reġistrazzjoni ta' disinji tista’ ssir parti għall-Att ta’ Ġinevra ddaħħlet biex tħalli, b’mod partikolari, lill-Komunità taderixxi għal dak l-Att, u b’hekk, ma’ l-Unjoni ta’ l-Aja.

(6)

L-Att ta' Ġinevra daħal fis-seħħ fit-23 ta' Diċembru 2003 u sar operattiv fl-1 ta' April 2004. Mill-1 ta’ Jannar 2003, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trejdmarks u Disinji) beda jilqa' applikazzjonijiet għad-disinji tal-Komunità reġistrati, bl-ewwel data tal-preżentazzjoni tingħata fl-1 ta’ April 2003.

(7)

Is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali kif stabbiliti mill-Att ta’ Ġinevra huma komplementari. Is-sistema ta’ disinn tal-Komunità tipprovdi għal sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ disinji reġjonali kompleta u unifikata li tkopri t-territorju kollu tal-Komunità. Il-Ftehim ta’ l-Aja jikkostitwixxi trattat li jiċċentralizza l-proċeduri għall-akkwist tal-protezzjoni ta’ disinji fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti nnominati.

(8)

Il-ħolqien ta’ rabta bejn is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali taħt l-Att ta’ Ġinevra jista’ jawtorizza lid-disinjaturi jakkwistaw, permezz ta’ applikazzjoni internazzjonali unika l-protezzjoni għad-disinji tagħhom fil-Komunità taħt is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u fit-territorji ta’ l-Att ta’ Ġinevra ġewwa u barra l-Komunità.

(9)

Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ rabta bejn is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali taħt l-Att ta’ Ġinevra jippromwovi żvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ekonomiċi, jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jkun kost effiċjenti u jżid il-livell ta’ integrazzjoni u l-funzjonalità tas-suq intern. Għalhekk, il-Komunità tenħtieġ li taderixxi għall-Att ta’ Ġinevra biex tagħmel is-sistema ta’ disinn tal-Komunità aktar attraenti.

(10)

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tirrappreżenta l-Komunità fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ l-Aja wara l-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra.

(11)

Id-Deċiżjoni ma taffettwax id-dritt ta’ l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ l-Aja fir-rigward tad-disinji nazzjonali tagħhom.

IDDEĊIEDA KIF GEJ:

Artikolu 1

L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta' disinji industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999 (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala l-Att ta’ Ġinevra), huwa hawnhekk approvat f’isem il-Komunità fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha.

It-test ta’ l-Att ta’ Ġinevra huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat jiddepożita l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali mid-data li fiha l-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu adottaw il-miżuri meħtieġa għall-ħolqien ta’ rabta bejn il-liġi tad-disinn tal-Komunità u l-Att ta’ Ġinevra.

2.   Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni għandhom isiru fl-istrument ta’ adeżjoni.

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni hija hawnhekk awtorizzata tirrappreżenta lill-Komunità Ewropea fil-laqgħat ta’ l-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ l-Aja miżmuma taħt il-patroċinju ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali.

2.   Fuq il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità fir-rigward tad-disinn tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tinnegozja fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ l-Aja f’isem il-Komunità u skond l-arranġamenti li ġejjin:

(a)

il-pożizzjoni li tista’ tadotta l-Komunità fi ħdan l-Assemblea għandha tkun preparata mill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill jew, jekk dan mhux possibbli, f’laqgħat li jsiru fuq il-post imlaqqgħin matul ix-xogħol fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali;

(b)

fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu emendi għar-Regolament (KE) Nru 6/2002, jew għal kull att ieħor tal-Kunsill li jenħtieġ l-unanimità, il-pożizzjoni tal-Komunità għandha tkun adottata mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni;

(ċ)

fir-rigward ta’ deċiżjonijiet oħra li jaffettwaw il-liġi tad-disinn tal-Komunità, il-pożizzjoni tal-Komunità għandha tkun adottata mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussel, 18 ta’ Diċembru 2006

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1. Regolament kif emendat bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003.


ANNESS

L-Att ta’ Ġinevra tat-2 ta’ Lulju, 1999

WERREJ

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTIVI

Artikolu 1:

Espressjonijiet imqassra

Artikolu 2:

L-applikabbiltà ta' Protezzjoni Oħra Mogħtija mil-Liġijiet ta’ Partijiet Kontraenti u minn Ċerti Trattati Internazzjonali

KAPITOLU I:

APPLIKAZZJONI INTERNAZZJONALI U REĠISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 3:

Dritt għad-Depożitu ta' Applikazzjoni Internazzjonali

Artikolu 4:

Proċedura għad-Depożitu ta' l-Applikazzjoni Internazzjonali

Artikolu 5:

Kontenut ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali

Artikolu 6:

Prijorità

Artikolu 7:

Ħlasijiet tan-Nomina

Artikolu 8:

Korrezzjoni ta’ Irregolaritajiet

Artikolu 9:

Data tad-Depożitu ta' l-Applikazzjoni Internazzjonali

Artikolu 10:

Reġistrazzjoni Internazzjonali, Data tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali, Pubblikazzjoni u Kopji Kunfidenzjali tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

Artikolu 11:

Differiment tal-Pubblikazzjoni

Artikolu 12:

Rifjut

Artikolu 13:

Ħtiġiet Speċjali li Jikkonċernaw l-Unità tad-Disinn

Artikolu 14:

Effetti tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

Artikolu 15:

Invalidazzjoni

Artikolu 16:

Reġistrazzjoni tal-Bidliet u Kwistjonijiet Oħrajn li Jikkonċernaw ir-Reġistrazzjonijiet Internazzjonali

Artikolu 17:

Terminu Inizjali u t-Tiġdid tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali u t-Tul ta' Żmien tal-Protezzjoni

Artikolu 18:

Informazzjoni li Tikkonċerna Reġistrazzjonijiet Internazzjonali Ppubblikati

KAPITOLU II:

DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI

Artikolu 19:

Uffiċċju Komuni ta’ Numru ta’ Stati

Artikolu 20:

Sħubija ta' l-Unjoni ta’ l-Aja

Artikolu 21:

Assemblea

Artikolu 22:

Uffiċċju Internazzjonali

Artikolu 23:

Finanzi

Artikolu 24:

Regolamenti

KAPITOLU III:

REVIŻJONI U EMENDI

Artikolu 25:

Reviżjoni ta’ Dan l-Att

Artikolu 26:

Emendi ta’ Ċerti Artikoli mill-Assemblea

KAPITOLU IV:

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27:

Issir Parti minn Dan l-Att

Artikolu 28:

Data Effettiva tar-Ratifiki u ta’ l-Adeżjonijiet

Artikolu 29:

Projbizzjoni ta' Riżervi

Artikolu 30:

Dikjarazzjonijiet Magħmulin mill-Partijiet Kontraenti

Artikolu 31:

Applikabbiltà ta’ l-Atti ta’ l-1934 u ta’ l-1960

Artikolu 32:

Denunzja ta’ Dan l-Att

Artikolu 33:

Lingwi ta’ Dan l-Att; L-iffirmar

Artikolu 34:

Depożitarju

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTIVI

Artikolu 1

Espressjonijiet imqassra

Għall-finijiet ta’ dan l-Att:

(i)

“il-Ftehim ta’ l-Aja” tfisser il-Ftehim ta’ l-Aja li Jikkonċerna d-Depożitu Internazzjonali ta' Disinji Industrijali, li minn hawn ’il quddiem qed jingħata l-isem il-ġdid ta’ Ftehim ta’ l-Aja li Jikkonċerna r-Reġistrazzjoni Internazzjonali ta' Disinji Industrijali;

(ii)

“dan l-Att” tfisser il-Ftehim ta’ l-Aja kif stabbilit mill-Att preżenti;

(iii)

“Regolamenti” tfisser ir-Regolamenti taħt dan l-Att;

(iv)

“preskritt” tfisser preskritt fir-Regolamenti;

(v)

“Konvenzjoni ta’ Pariġi” tfisser il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1 883, kif riveduta u emendata;

(vi)

“reġistrazzjoni internazzjonali” tfisser ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinn industrijali li saret skond dan l-Att;

(vii)

“applikazzjoni internazzjonali” tfisser applikazzjoni għal reġistrazzjoni internazzjonali;

(viii)

“Reġistru Internazzjonali” tfisser il-ġbir uffiċjali ta’ data li tikkonċerna r-reġistrazzjonijiet internazzjonali miżmuma mill-Uffiċċju Internazzjonali, liema data dan l-Att jew dawn ir-Regolamenti jeħtieġu jew jippermettu li tkun irreġistrata, mingħajr ma jitqies il-mod kif tinżamm tali data;

(ix)

“persuna” tfisser persuna fiżika jew entità ġuridika;

(x)

“applikant” tfisser il-persuna li f’isimha tiġi depożitata applikazzjoni internazzjonali;

(xi)

“detentur” tfisser il-persuna li f’isimha hija rreġistrata reġistrazzjoni internazzjonali fir-Reġistru Internazzjonali;

(xii)

“organizzazzjoni intergovernattiva” tfisser organizzazzjoni intergovernattiva eliġibbli biex issir parti għal dan l-Att skond l-Artikolu 27(1)(ii);

(xiii)

“Parti Kontraenti” tfisser kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva parti għal dan l-Att;

(xiv)

“Parti Kontraenti ta' l-applikant” tfisser il-Parti Kontraenti jew waħda mill-Partijiet Kontraenti li minnhom l-applikant jikseb id-dritt biex jiddepożita applikazzjoni internazzjonali biex jissodisfa, f’relazzjoni ma' dik il-Parti Kontraenti, mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 3; fejn hemm żewġ Partijiet Kontraenti jew aktar li minnhom l-applikant jista', skond l-Artikolu 3, jikseb id-dritt tiegħu biex iressaq applikazzjoni internazzjonali, “il-Parti Kontraenti ta’ l-applikant” tfisser dik il-parti, fost dawk il-Partijiet Kontraenti, li hija indikata bħala tali fl-applikazzjoni internazzjonali;

(xv)

“territorju ta’ Parti Kontraenti” tfisser, fejn il-Parti Kontraenti hija Stat, it-territorju ta’ dak l-Istat u, fejn il-Parti Kontraenti hija organizzazzjoni intergovernattiva, it-territorju li fih japplika t-trattat kostitwenti ta’ dik l-organizzazzjoni intergovernattiva;

(xvi)

“Uffiċċju” tfisser l-aġenzija inkarigata minn Parti Kontraenti bl-għoti ta' protezzjoni għad-disinji industrijali b'effett fit-territorju ta’ dik il-Parti Kontraenti;

(xvii)

“Uffiċċju li Jeżamina” tfisser Uffiċċju li jeżamina ex officio l-applikazzjonijiet iddepożitati għandu għall-protezzjoni ta' disinji industrijali għall-inqas biex ikun iddeterminat jekk id-disinji industrijali jissodisfawx il-kondizzjoni ta’ novità;

(xviii)

“nomina” tfisser talba biex reġistrazzjoni internazzjonali jkollha effett f'Parti Kontraenti; tfisser ukoll ir-reġistrazzjoni ta' dik it-talba fir-Reġistru Internazzjonali;

(xix)

“Parti Kontraenti nnominata” u “Uffiċċju nnominat” tfisser il-Parti Kontraenti u l-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti, rispettivament, li għalihom tapplika n-nomina;

(xx)

“Att ta’ l-1934” tfisser l-Att iffirmat f’Londra fit-2 ta’ Ġunju, 1934, tal-Ftehim ta’ l-Aja;

(xxi)

“Att ta’ l-1960” tfisser l-Att iffirmat fl-Aja fit-28 ta’ Novembru 1960, tal-Ftehim ta’ l-Aja;

(xxii)

“Att Addizzjonali ta’ l-1961” tfisser l-Att iffirmat f’Monako fit-18 ta’ Novembru 1961, b’mod addizzjonali għall-Att ta’ l-1934;

(xxiii)

“Att Komplementari ta’ l-1967” tfisser l-Att Komplementari ffirmat fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, kif emendat, tal-Ftehim ta’ l-Aja;

(xxiv)

“Unjoni” tfisser l-Unjoni ta’ l-Aja stabbilita mill-Ftehim ta’ l-Aja tas-6 ta’ Novembru 1925, u miżmuma mill-Atti ta’ l-1934 u ta’ l-1960, mill-Att Addizzjonali ta’ l-1961, mill-Att Komplementari ta’ l-1967 u minn dan l-Att;

(xxv)

“Assemblea” tfisser l-Assemblea li tissemma fl-Artikolu 21(1)(a) jew kwalunkwe korp li jissostitwixxi dik l-Assemblea;

(xxvi)

“Organizzazzjoni” tfisser l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali;

(xxvii)

“Direttur Ġenerali” tfisser id-Direttur Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni;

(xxviii)

“Uffiċċju Internazzjonali” tfisser l-Uffiċċju Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni;

(xxix)

“strument tar-ratifika” għandha tkun interpretata bħala li tinkludi strumenti ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni.

Artikolu 2

Applikabbiltà ta' Protezzjoni Oħra Mogħtja mil-Liġijiet tal-Partijiet Kontraenti u minn Ċerti Trattati Internazzjonali

1.   [Il-Liġijiet tal-Partijiet Kontraenti u ta' Ċerti Trattati Internazzjonali] Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att m’għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe protezzjoni aktar li tista’ tingħata mil-liġi ta’ Parti Kontraenti, lanqas m’għandhom jaffettwaw b’xi mod il-protezzjoni li tingħata lil xogħlijiet artistiċi u xogħlijiet ta’ arti applikata minn trattati jew konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, jew il-protezzjoni mogħtija lil disinji industrijali skond il-Ftehim dwar l-Aspetti relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet għall-Proprjetà Intellettwali anness mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

2.   [L-Obbligu tal-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi] Kull Parti Kontraenti għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li jikkonċernaw id-disinji industrijali.

KAPITOLU I

APPLIKAZZJONI INTERNAZZJONALI U REĠISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 3

Dritt għad-Depożitu ta' Applikazzjoni Internazzjonali

Kwalunkwe persuna li hija ċittadina ta’ Stat li huwa Parti Kontraenti jew ta’ Stat li huwa membru ta’ organizzazzjoni intergovernattiva li hija Parti Kontraenti, jew li għandha domiċilju, residenza abitwali jew stabbiliment industrijali jew kummerċjali li huwa reali u effettiv fit-territorju ta’ Parti Kontraenti, għandu jkollha d-dritt li tiddepożita applikazzjoni internazzjonali.

Artikolu 4

Proċedura għad-Depożitu ta' Applikazzjoni Internazzjonali

1.   [Depożitu Dirett jew Indirett]

(a)

L-applikazzjoni internazzjonali tista’ tiġi ddepożitata, skond kif jagħżel l-applikant, jew b’mod dirett ma’ l-Uffiċċju Internazzjonali jew permezz ta’ l-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti ta’ l-applikant.

(b)

Minkejja s-subparagrafu (a), kwalunkwe Parti Kontraenti tista’, permezz ta' dikjarazzjoni, tinnotifika lid-Direttur Ġenerali li l-applikazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux jiġu ddepożitati permezz ta’ l-Uffiċċju tagħha.

2.   [Il-Ħlas tat-Trasmissjoni f’Każ ta’ Depożitu Indirett] L-Uffiċċju ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti jista’ jeħtieġ li l-applikant iħallas imposta ta’ trasmissjoni, għall-benefiċċju ta’ l-Uffiċċju stess, fejn għandha x’taqsam kull applikazzjoni internazzjonali li tiġi ddepożitata permezz tiegħu.

Artikolu 5

Kontenut ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali

1.   [Kontenut Obbligatorju ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali] L-applikazzjoni internazzjonali għandha tkun bil-lingwa preskritta jew b’waħda mil-lingwi preskritti u għandu jkun fiha jew ikollha magħha

(i)

talba għal reġistrazzjoni internazzjonali taħt dan l-Att;

(ii)

id-data preskritta li tikkonċerna l-applikant;

(iii)

in-numru ta' kopji ta' riproduzzjoni preskritt jew, skond kif jagħżel l-applikant, ta' għadd ta' riproduzzjonijiet differenti tad-disinn industrijali li huwa s-suġġett ta' l-applikazzjoni internazzjonali, ippreżentati bil-mod preskritt; madankollu, fejn id-disinn industrijali għandu żewġ dimensjonijiet u ssir talba biex tkun iddifferita l-pubblikazzjoni skond il-paragrafu (5), l-applikazzjoni internazzjonali tista', minflok li jkun fiha r-riproduzzjonijiet, ikollha magħha n-numru preskritt ta' kampjuni tad-disinn industrijali;

(iv)

indikazzjoni tal-prodott jew tal-prodotti li jikkostitwixxu d-disinn industrijali jew li b’rabta miegħu jew magħhom ser jintuża d-disinn industrijali, kif ikun preskritt;

(v)

indikazzjoni tal-Partijiet Kontraenti nnominati;

(vi)

il-ħlasijiet preskritti;

(vii)

kwalunkwe dettall ieħor preskritt.

2.   [Kontenut Obbligatorju Addizzjonali ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali]

(a)

Kwalunkwe Parti Kontraenti li l-Uffiċċju tagħha huwa Uffiċċju li Jeżamina u li l-liġi tagħha, meta ssir parti għal dan l-Att, tenħtieġ li applikazzjoni biex tingħata protezzjoni lil disinn industrijali, irid ikun fiha kwalunkwe wieħed mill-elementi speċifikati fis-subparagrafu (b) sabiex dik l-applikazzjoni tingħata data għad-depożitu skond dik il-liġi tista’, permezz ta' dikjarazzjoni, tinnotifika lid-Direttur Ġenerali b’dawk l-elementi.

(b)

L-elementi li jistgħu jkunu nnotifikati skond is-subparagrafu (a) huma dawn li ġejjin:

(i)

indikazzjonijiet li jikkonċernaw l-identità ta’ min joħloq id-disinn industrijali li huwa s-suġġett ta’ dik l-applikazzjoni;

(ii)

deskrizzjoni qasira tar-riproduzzjoni jew tal-karatteristiċi tad-disinn industrijali li huwa s-suġġett ta’ dik l-applikazzjoni;

(iii)

pretensjoni.

(ċ)

Fejn l-applikazzjoni internazzjonali fiha n-nomina ta’ Parti Kontraenti li għamlet notifika taħt is-subparagrafu (a), għandu jkun fiha wkoll, bil-mod preskritt, kwalunkwe element li kien is-suġġett ta’ dik in-notifika.

3.   [Kontenut Ieħor Possibbli ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali] L-applikazzjoni internazzjonali jista’ jkun fiha jew ikollha magħha tali elementi oħrajn bħal dawk speċifikati fir-Regolamenti.

4.   [Bosta Disinji Industrijali fl-Istess Applikazzjoni Internazzjonali] Bla ħsara għal tali kondizzjonijiet li jistgħu jkunu preskritti, applikazzjoni internazzjonali tista’ tinkludi żewġ disinji industrijali jew aktar.

5.   [Talba biex il-Pubblikazzjoni tkun Iddifferita] L-applikazzjoni internazzjonali jista’ jkun fiha talba sabiex il-pubblikazzjoni tkun iddifferita.

Artikolu 6

Prijorità

1.   [L-affermazzjoni tal-Prijorità]

(a)

L-applikazzjoni internazzjonali jista’ jkun fiha dikjarazzjoni li tafferma, skond l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-prijorità ta’ applikazzjoni jew ta’ aktar minn applikazzjoni waħda preċedenti li ġew iddepożitati fi, jew għal, kull pajjiż parti għal dik il-Konvenzjoni jew kwalunkwe Membru ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(b)

Ir-Regolamenti jistgħu jipprovdu li d-dikjarazzjoni msemmija fis-subparagrafu (a) tista’ ssir wara li tiġi ddepożitata l-applikazzjoni internazzjonali. F’każ bħal dan, ir-Regolamenti għandhom jippreskrivu sa meta tista’ ssir dikjarazzjoni bħal din.

2.   [Applikazzjoni Internazzjonali li Sservi ta' Bażi għall-Affermazzjoni tal-Prijorità] Mid-data ta’ meta tkun ġiet iddepożitata u jkun liema jkun id-destin sussegwenti tagħha, l-applikazzjoni internazzjonali għandha tkun ekwivalenti għal depożitu regolari skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

Artikolu 7

Ħlasijiet tan-Nomina

1.   [Ħlas Preskritt tan-Nomina] Il-Ħlasijiet preskritti għandhom jinkludu, bla ħsara għall-paragrafu (2), il-ħlas tan-nomina għal kull Parti Kontraenti nnominata.

2.   [Ħlas Individwali tan-Nomina] Kwalunkwe Parti Kontraenti li l-Uffiċċju tagħha huwa Uffiċċju li Jeżamina u kull Parti Kontraenti li hija organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali, permezz ta’ dikjarazzjoni, li b’rabta ma’ kwalunkwe applikazzjoni internazzjonali li fiha hija nnominata, u b’rabta mat-tiġdid ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali li tirriżulta minn tali applikazzjoni internazzjonali, il-ħlas preskritt tan-nomina li jissemma fil-paragrafu (1) għandu jiġi sostitwit bi ħlas individwali tan-Nomina, li l-ammont tiegħu għandu jiġi indikat fid-dikjarazzjoni u jista’ jinbidel f’dikjarazzjonijiet ulterjuri. Dan l-ammont jista’ jkun iffissat mill-Parti Kontraenti msemmija għat-terminu inizjali tal-protezzjoni u għal kull terminu ta’ tiġdid jew għall-perijodu massimu ta' protezzjoni permess mill-Parti Kontraenti konċernata. Madankollu, ma jistax ikun ikbar mill-ekwivalenti ta' l-ammont li l-Uffiċċju ta' dik il-Parti Kontraenti jkun intitolat li jirċievi mingħand applikant għall-għoti ta' protezzjoni għal perijodu ekwivalenti lill-istess numru ta’ disinji industrijali, b’dak l-ammont jitnaqqas mit-tifdil li jirriżulta mill-proċedura internazzjonali.

3.   [Trasferiment tal-Ħlasijiet tan-Nomina] Il-ħlasijiet tan-nomina msemmija fil-paragrafi (1) u (2) għandhom ikunu ttrasferiti mill-Uffiċċju Internazzjonali lill-Partijiet Kontraenti li għalihom saru l-ħlasijiet.

Artikolu 8

Korrezzjoni ta’ Irregolaritajiet

1.   [Eżami ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali] Jekk l-Uffiċċju Internazzjonali jsib li l-applikazzjoni internazzjonali, fiż-żmien li l-Uffiċċju Internazzjonali jirċiviha, ma tissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa ta’ dan l-Att u tar-Regolamenti, hu għandu jistieden lill-applikant biex jagħmel il-korrezzjonijiet meħtieġa fil-limitu taż-żmien preskritt.

2.   [Irregolaritajiet Mhux Ikkoreġuti]

(a)

Bla ħsara għas-subparagrafu (b), jekk l-applikant ma jikkonformax ma’ l-istedina fil-limitu taż-żmien preskritt, l-applikazzjoni internazzjonali għandha titqies li ġiet abbandunata.

(b)

F’każ ta’ irregolarità li għandha x’taqsam ma’ l-Artikolu 5(2) jew ma’ ħtieġa speċjali nnotifikata lid-Direttur Ġenerali minn Parti Kontraenti skond ir-Regolamenti, jekk l-applikant ma jikkonformax ma’ l-istedina fil-limitu taż-żmien preskritt, l-applikazzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ma fihiex in-nomina ta’ dik il-Parti Kontraenti.

Artikolu 9

Data tad-Depożitu ta' l-Applikazzjoni Internazzjonali

1.   [Applikazzjoni Internazzjonali Ddepożitata Direttament] Fejn l-applikazzjoni internazzjonali tiġi ddepożitata direttament fl-Uffiċċju Internazzjonali, id-data tad-depożitu, bla ħsara għall-paragrafu (3), għandha tkun id-data li fiha l-Aġenzija Internazzjonali rċeviet l-applikazzjoni internazzjonali.

2.   [Applikazzjoni Internazzjonali Ddepożitata Indirettament] Fejn l-applikazzjoni internazzjonali tiġi ddepożitata permezz ta’ l-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti ta’ l-Applikant, id-data tad-depożitu għandha tkun iddeterminata kif preskritt.

3.   [Applikazzjoni Internazzjonali b’Ċerti Irregolaritajiet] Fejn l-applikazzjoni internazzjonali, fid-data li l-Uffiċċju Internazzjonali rċeviha, ikollha irregolarità li hija preskritta bħala irregolarità li tinvolvi posponiment tad-data tad-depożitu ta’ l-applikazzjoni internazzjonali, id-data tad-depożitu għandha tkun id-data li fiha l-Uffiċċju Internazzjonali jirċievi l-korrezzjoni ta’ tali irregolarità.

Artikolu 10 (1)

Reġistrazzjoni Internazzjonali, Data tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali, Pubblikazzjoni u Kopji Kunfidenzjali tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

1.   [Reġistrazzjoni Internazzjonali] L-Uffiċċju Internazzjonali għandu jirreġistra kull disinn industrijali li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni internazzjonali immedjatament meta hu jirċievi l-applikazzjoni internazzjonali jew, fejn jintalbu xi korrezzjonijiet skond l-Artikolu 8, immedjatament malli jirċievi l-korrezzjonijiet meħtieġa. Ir-reġistrazzjoni għandha ssir sew jekk il-pubblikazzjoni tkun iddifferita taħt l-Artikolu 11 u sew jekk le.

2.   [Data tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali]

(a)

Bla ħsara għas-subparagrafu (b), id-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tkun id-data ta’ meta tiġi ddepożitata l-applikazzjoni internazzjonali.

(b)

Fejn l-applikazzjoni internazzjonali, fid-data li fiha l-Uffiċċju Internazzjonali jirċiviha, ikollha irregolarità li għandha x’taqsam ma’ l-Artikolu 5(2), id-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tkun id-data li fiha l-Uffiċċju Internazzjonali jirċievi l-korrezzjoni ta’ tali irregolarità jew id-data tad-depożitu ta' l-applikazzjoni internazzjonali, liema minnhom tkun l-aħħar waħda.

3.   [Pubblikazzjoni]

(a)

Ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tiġi ppubblikata mill-Uffiċċju Internazzjonali. Tali pubblikazzjoni għandha titqies fil-Partijiet Kontraenti kollha bħala pubbliċità suffiċjenti, u l-ebda pubbliċità oħra m’għandha tkun meħtieġa min-naħa tad-detentur.

(b)

L-Uffiċċju Internazzjonali għandu jibgħat kopja tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali lil kull Uffiċċju nnominat.

4.   [Żamma tal-Kunfidenzjalità Qabel il-Pubblikazzjoni] Bla ħsara għall-paragrafu (5) u għall-Artikolu 11(4)(b), l-Uffiċċju Internazzjonali għandu jżomm kunfidenzjali kull applikazzjoni internazzjonali u kull reġistrazzjoni internazzjonali sakemm ikunu ppubblikati.

5.   [Kopji Kunfidenzjali]

(a)

Immedjatament wara li tkun saret ir-reġistrazzjoni, l-Uffiċċju Internazzjonali għandu jibgħat kopja tar-reġistrazzjoni internazzjonali, flimkien ma’ kwalunkwe dikjarazzjoni, dokument jew kampjun rilevanti li jkun hemm ma’ l-applikazzjoni internazzjonali, lil kull Uffiċċju li nnotifika lill-Uffiċċju Internazzjonali li jixtieq jirċievi tali kopja u li ġie nnominat fl-applikazzjoni internazzjonali.

(b)

Sakemm tkun ippubblikata r-reġistrazzjoni internazzjonali mill-Uffiċċju Internazzjonali, l-Uffiċċju għandu jżomm kull reġistrazzjoni internazzjonali li ntbagħtitlu kopja tagħha mill-Uffiċċju Internazzjonali bħala kunfidenzjali u jista’ juża l-kopja msemmija biss għall-eżami tar-reġistrazzjoni internazzjonali u għall-applikazzjonijiet biex ikunu protetti d-disinji industrijali ddepożitati fi, jew għall-Partijiet Kontraenti li l-Uffiċċju huwa kompetenti fihom. B’mod partikolari, hu ma jistax ixandar il-kontenut ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali bħal din lil kwalunkwe persuna barra mill-Uffiċċju minbarra d-detentur ta’ dik ir-reġistrazzjoni internazzjonali, ħlief għall-finijiet ta’ proċediment amministrattiv jew legali li jinvolvi konflitt dwar id-dritt għad-depożitu ta' l-applikazzjoni internazzjonali li fuqha hija bbażata r-reġistrazzjoni internazzjonali. F’każ ta’ proċedura amministrattiva jew legali bħal din, il-kontenut tar-reġistrazzjoni internazzjonali jista’ jkun żvelat biss b’mod kunfidenzjali lill-partijiet involuti fil-proċediment li għandhom ikunu marbuta li jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ dak li jkun żvelat.

Artikolu 11

Differiment tal-Pubblikazzjoni

1.   [Dispożizzjonijiet tal-Liġijiet tal-Partijiet Kontraenti li Jikkonċernaw Id-Differiment tal-Pubblikazzjoni]

(a)

Fejn il-liġi ta’ Parti Kontraenti tipprovdi għad-differiment tal-pubblikazzjoni ta’ disinn industrijali għal perijodu li huwa inqas mill-perijodu preskritt, dik il-Parti Kontraenti għandha tinnotifika, permezz ta’ dikjarazzjoni, lid-Direttur Ġenerali bil-perijodu ta’ differiment permess.

(b)

Fejn il-liġi ta’ Parti Kontraenti ma tipprovdix għad-differiment tal-pubblikazzjoni ta’ disinn industrijali, il-Parti Kontraenti għandha tinnotifika lid-Direttur Ġenerali b’dan permezz ta’ dikjarazzjoni.

2.   [Differiment tal-Pubblikazzjoni] Fejn l-applikazzjoni internazzjonali jkun fiha talba biex il-pubblikazzjoni tkun iddifferita, il-pubblikazzjoni għandha sseħħ,

(i)

fejn l-ebda Parti Kontraenti nnominata fl-applikazzjoni internazzjonali m’għamlet dikjarazzjoni skond il-paragrafu (1), fl-għeluq tal-perijodu preskritt,

jew

(ii)

fejn kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata fl-applikazzjoni internazzjonali għamlet dikjarazzjoni skond il-paragrafu (1)(a), fl-għeluq tal-perijodu nnotifikat f’tali dikjarazzjoni jew, fejn hemm iktar minn tali Parti Kontraenti waħda nnominata, fl-għeluq ta’ l-iqsar perijodu nnotifikat fid-dikjarazzjonijiet tagħhom.

3.   [Trattament tat-Talbiet għal Differiment Fejn Differiment Mhuwiex Possibbli Taħt il-Liġi Applikabbli] Fejn intalab differiment ta’ pubblikazzjoni u kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti nnominati fl-applikazzjoni internazzjonali għamlet dikjarazzjoni skond il-paragrafu (1)(b) li d-differiment tal-pubblikazzjoni mhux possibbli taħt il-liġi tagħha,

(i)

bla ħsara għall-punt (ii), l-Aġenzija Internazzjonali għandha tinnotifika lill-applikant b’dan; jekk, fil-perijodu preskritt, l-applikant, b’avviż bil-miktub lill-Uffiċċju Internazzjonali, ma jirtirax in-nomina tal-Parti Kontraenti msemmija, l-Uffiċċju Internazzjonali m’għandux jagħti kas tat-talba biex il-pubblikazzjoni tkun iddifferita;

(ii)

fejn, minflok ma jkun fiha r-riproduzzjonijiet tad-disinn industrijali, l-applikazzjoni internazzjonali jkollha magħha kampjuni tad-disinn industrijali, l-Uffiċċju Industrijali m’għandux jagħti kas tan-nomina tal-Parti Kontraenti msemmija u għandu jinnotifika lill-applikant b’dan.

4.   [Talba għal Pubblikazzjoni Aktar Bikrija jew għal Aċċess Speċjali għar-Reġistrazzjoni Internazzjonali]

(a)

Fi kwalunkwe żmien matul il-perijodu ta’ differiment applikabbli skond il-paragrafu (2), id-detentur jista’ jitlob il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe disinn industrijali jew tagħhom kollha li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali, li f’dan il-każ il-perijodu ta’ differiment fejn għandu x’jaqsam dan id-disinn jew dawn id-disinji industrijali għandu jitqies li għalaq fid-data li fiha l-Uffiċċju Internazzjonali jirċievi tali talba.

(b)

Id-detentur jista’ wkoll, fi kwalunkwe żmien matul il-perijodu ta’ differiment applikabbli skond il-paragrafu (2), jitlob lill-Uffiċċju Internazzjonali biex jipprovdi lil parti terza speċifikata mid-detentur silta minn, jew li jingħata permess biex din il-parti jkollha aċċess għal kwalunkwe disinn industrijali jew għad-disinji industrijali kollha li huwa/huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

5.   [Rinunzja u Limitazzjoni]

(a)

Jekk, fi kwalunkwe żmien matul il-perijodu ta’ differiment applikabbli skond il-paragrafu (2), id-detentur jirrinunzja għar-reġistrazzjoni internazzjonali fejn għandhom x’jaqsmu l-Partijiet Kontraenti nnominati kollha, id-disinn jew id-disinji industrijali li huwa/huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali m’għandux/m’għandhomx ikun/u ppubblikat/i.

(b)

Jekk, fi kwalunkwe żmien tal-perijodu ta’ differiment applikabbli skond il-paragrafu (2), id-detentur jillimita r-reġistrazzjoni internazzjonali, fejn għandhom x’jaqsmu l-Partijiet Kontraenti nnominati kollha, għal disinn industrijali wieħed jew għal ftit mid-disinji industrijali li huwa/huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali, id-disinn industrijali l-ieħor jew id-disinji industrijali l-oħrajn li huwa/huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali m’għandux/m’għandhomx ikun/u ppubblikat/i.

6.   [Pubblikazzjoni u Forniment tar-Riproduzzjonijiet]

(a)

Fl-għeluq ta’ kwalunkwe perijodu ta’ differiment applikabbli skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Uffiċċju Internazzjonali, bla ħsara għall-ħlas tal-ħlasijiet preskritti, għandu jippubblika r-reġistrazzjoni internazzjonali. Jekk tali ħlasijiet ma jsirux kif preskritt, ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha titħassar u l-pubblikazzjoni m’għandhiex issir.

(b)

Fejn l-applikazzjoni internazzjonali jkollha magħha kampjun wieħed jew aktar tad-disinn industrijali skond l-Artikolu 5(1)(iii), id-detentur għandu jippreżenta in-numru ta’ kopji preskritti ta’ riproduzzjoni ta’ kull disinn industrijali li huwa s-suġġett ta’ dik l-applikazzjoni lill-Uffiċċju Internazzjonali fit-terminu perentorju preskritt. Sakemm id-detentur ma jagħmilx dan, ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha titħassar u l-pubblikazzjoni m’għandhiex issir.

Artikolu 12

Rifjut

1.   [Dritt tar-Rifjut] L-Uffiċċju ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata jista’, fejn ma jintlaħqux il-kondizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ protezzjoni skond il-liġi ta’ dik il-Parti Kontraenti fejn għandu x’jaqsam kwalunkwe disinn industrijali jew id-disinji industrijali kollha li huwa/huma s-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, jirrifjuta l-effetti, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, tar-reġistrazzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Parti Kontraenti msemmija, bil-kondizzjoni li l-ebda Uffiċċju ma jista’ jirrifjuta l-effetti, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali minħabba li r-rekwiżiti relatati mal-forma jew mal-kontenut ta’ l-applikazzjoni internazzjonali li huma pprovduti f’dan l-Att jew fir-Regolamenti jew huma addizzjonali għal, jew differenti minn, dawk ir-rekwiżiti ma kinux sodisfatti skond il-liġi tal-Parti Kontraenti kkonċernata.

2.   [Notifika tar-Rifjut]

(a)

Ir-rifjut ta’ l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali għandu jiġi kkomunikat mill-Uffiċċju lill-Uffiċċju Internazzjonali f’notifika ta’ rifjut fil-perijodu preskritt.

(b)

Kwalunkwe notifika ta’ rifjut għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat ir-rifjut.

3.   [Trasmissjoni tan-Notifika tar-Rifjut;Rimedji]

(a)

L-Uffiċċju Internazzjonali għandu, mingħajr dewmien, jittrasmetti kopja tan-notifika tar-rifjut lid-detentur.

(b)

Id-detentur għandu jgawdi l-istess rimedji daqs li kieku kwalunkwe disinn industrijali li huwa s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali kien is-suġġett ta’ applikazzjoni biex tingħata protezzjoni skond il-liġi applikabbli għall-Uffiċċju li kkomunika r-rifjut. Tali rimedji għandhom mill-inqas jikkonsistu fil-possibbiltà li jkun eżaminat mill-ġdid jew issir reviżjoni tar-rifjut jew isir appell kontra r-rifjut.

4.    (2) [Irtirar tar-Rifjut] Kwalunkwe rifjut jista’ jiġi rtirat, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, fi kwalunkwe ħin mill-Uffiċċju li kkomunikah.

Artikolu 13

Ħtiġiet Speċjali li Jikkonċernaw l-Unità tad-Disinn

1.   [Notifika tal-Ħtiġiet Speċjali] Kwalunkwe Parti Kontraenti li l-liġi tagħha, meta ssir parti għal dan l-Att, tenħtieġ li d-disinji li huma s-suġġett ta’ l-istess applikazzjoni jikkonformaw ma' rekwiżit ta’ l-unità tad-disinn, l-unità tal-produzzjoni jew l-unità ta’ l-użu, jew li huma parti mill-istess sett jew kompożizzjoni ta’ oġġetti, jew li disinn indipendenti u distint wieħed biss jista’ jkun ikklejmjat f'applikazzjoni waħda, tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali b’dan permezz ta’ dikjarazzjoni. Madankollu, l-ebda tali dikjarazzjoni m’għandha taffettwa d-dritt ta’ applikant li jinkludi żewġ disinji industrijali jew aktar f’applikazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 5(4), anki jekk l-applikazzjoni tinnomina lill-Parti Kontraenti li għamlet id-dikjarazzjoni.

2.   [Effett tad-Dikjarazzjoni] Kwalunkwe tali dikjarazzjoni għandha tagħti l-opportunità lill-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti li għamilha biex jirrifjuta l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 12(1) sakemm isseħħ konformità mar-rekwiżit innotifikat minn dik il-Parti Kontraenti.

3.   [Ħlasijiet Ulterjuri Pagabbli Meta Tinqasam ir-Reġistrazzjoni] Fejn, wara notifika ta’ rifjut skond il-paragrafu (2), reġistrazzjoni internazzjonali tinqasam quddiem l-Uffiċċju kkonċernat biex tingħeleb ir-raġuni tar-rifjut kif iddikjarata fin-notifika, dak l-Uffiċċju għandu jkollu d-dritt jitlob ħlas fir-rigward ta' kull applikazzjoni internazzjonali addizzjonali li kien ikun meħtieġ sabiex tkun evitata dik ir-raġuni tar-rifjut.

Artikolu 14

Effetti tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

1.   [Effett bħala Applikazzjoni Skond il-Liġi Applikabbli] Mid-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali, ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandu jkollha mill-inqas l-istess effett f’kull Parti Kontraenti nnominata bħala applikazzjoni li ġiet iddepożitata b’mod regolari biex tingħata protezzjoni għad-disinn industrijali skond il-liġi ta’ dik il-Parti Kontraenti.

2.   [Effett bħala Għoti ta’ Protezzjoni Skond il-Liġi Applikabbli]

(a)

F’kull Parti Kontraenti nnominata fejn l-Uffiċċju tagħha ma ikkomunikax rifjut skond l-Artikolu 12, ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandu jkollha l-istess effett bħal għoti ta’ protezzjoni għad-disinn industrijali skond il-liġi ta’ dik il-Parti Kontraenti, sa mhux aktar tard mid-data ta’ l-għeluq tal-perijodu li matulu l-Uffiċċju jista' jikkomunika rifjut jew, fejn Parti Kontraenti għamlet dikjarazzjoni korrispondenti skond ir-Regolamenti, sa mhux aktar tard miż-żmien speċifikat f’dik id-dikjarazzjoni.

(b) (3)

Fejn l-Uffiċċju ta’ Parti Kontraenti nnominata kkomunika rifjut u sussegwentement, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, irtira dak ir-rifjut, ir-reġistrazzjoni internazzjonali, sal-punt li jkun irtirat dak ir-rifjut, għandu jkollha l-istess effett f’dik il-Parti Kontraenti bħal għoti ta’ protezzjoni għad-disinn industrijali skond il-liġi tal-Parti Kontraenti msemmija sa mhux aktar tard mid-data ta’ meta ġie rtirat ir-rifjut.

(ċ)

L-effett mogħti lir-reġistrazzjoni internazzjonali skond dan il-paragrafu għandu japplika għad-disinn industrijali jew għad-disinji industrijali li huwa/huma s-suġġett ta’ dik ir-reġistrazzjoni kif waslu mill-Uffiċċju Internazzjonali għand l-Uffiċċju nnominat jew, fejn applikabbli, kif emendat fil-proċedura f'dak l-Uffiċċju.

3.   [Dikjarazzjoni li Tikkonċerna l-Effett tan-Nomina tal-Parti Kontraenti ta’ l-Applikant]

(a)

Kwalunkwe Parti Kontraenti li l-Uffiċċju tagħha huwa Uffiċċju li Jeżamina tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali, permezz ta’ dikjarazzjoni li, fejn hija l-Parti Kontraenti ta’ l-Applikant, in-nomina ta’ dik il-Parti Kontraenti f’reġistrazzjoni internazzjonali m’għandu jkollha l-ebda effett.

(b)

Fejn Parti Kontraenti li tkun għamlet id-dikjarazzjoni msemmija fis-subparagrafu (a) hija indikata f’applikazzjoni internazzjonali kemm bħala l-Parti Kontraenti ta’ l-applikant kif ukoll bħala l-Parti Kontraenti nnominata, l-Uffiċċju Internazzjonali m’għandux jagħti kas tan-nomina ta’ dik il-Parti Kontraenti.

Artikolu 15

Invalidazzjoni

1.   [Ħtieġa ta’ l-Opportunità għad-Difiża] L-invalidazzjoni ta’ l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Parti Kontraenti nnominata, fit-territorju ta’ dik il-Parti Kontraenti, ma tistax tkun ippronunzjata mingħajr ma d-detentur, fi żmien xieraq, jingħata l-opportunità li jiddefendi d-drittijiet tiegħu.

2.   [Notifika ta’ l-Invalidazzjoni] L-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tiegħu ġew invalidati l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandu, fejn ikun jaf bl-invalidazzjoni, jinnotifika lill-Uffiċċju Internazzjonali b'dan.

Artikolu 16

Reġistrazzjoni tal-Bidliet u Affarijiet Oħrajn Li Jikkonċernaw ir-Reġistrazzjonijiet Internazzjonali

1.   [Reġistrazzjoni tal-Bidliet u Affarijiet Oħrajn] Kif preskritt, l-Uffiċċju Internazzjonali għandu jirreġistra fir-Reġistru Internazzjonali

(i)

kwalunkwe bidla fis-sjieda tar-reġistrazzjoni internazzjonali, fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata jew tal-Partijiet Kontraenti nnominati kollha u fir-rigward ta' kwalunkwe disinn industrijali jew id-disinji industrijali kollha li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali, sakemm is-sid il-ġdid għandu d-dritt li jiddepożita applikazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 3,

(ii)

kwalunkwe bidla fl-isem jew fl-indirizz tad-detentur,

(iii)

il-ħatra ta’ rappreżentant għall-applikant jew għad-detentur u kwalunkwe fatt rilevanti ieħor li jikkonċerna tali rappreżentant,

(iv)

kwalunkwe rinunzja, mid-detentur, għar-reġistrazzjoni internazzjonali, fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata jew tal-Partijiet Kontraenti nnominati kollha,

(v)

kwalunkwe limitazzjoni, mid-detentur, tar-reġistrazzjoni internazzjonali, fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata jew tal-Partijiet Kontraenti nnominati kollha, għal disinn industrijali jew ftit mid-disinji industrijali li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali,

(vi)

kwalunkwe invalidazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Parti Kontraenti nnominata, ta’ l-effetti, fit-territorju ta’ dik il-Parti Kontraenti, tar-reġistrazzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe disinn industrijali jew tad-disinji industrijali kollha li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali,

(vii)

kwalunkwe fatt rilevanti ieħor, identifikat fir-Regolamenti, li jikkonċerna d-drittijiet fi kwalunkwe disinn industrijali jew fid-disinji industrijali kollha li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

2.   [Effett tar-Reġistrazzjoni fir-Reġistru Internazzjonali] Kwalunkwe reġistrazzjoni li tissemma fil-punti (i), (ii), (iv), (v), (vi) u (vii) tal-paragrafu (1) għandu jkollha l-istess effett daqslikieku saret fir-Reġistru ta’ l-Uffiċċju ta’ kull Parti Kontraenti kkonċernata, ħlief li Parti Kontraenti tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali, permezz ta’ dikjarazzjoni, li reġistrazzjoni li tissemma’ fil-punt (i) tal-paragrafu (1) m’għandux ikollha dak l-effett f’dik il-Parti Kontraenti sakemm l-Uffiċċju ta’ dik il-Parti Kontraenti ma jkunx irċieva d-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti speċifikati f’dik id-dikjarazzjoni.

3.   [Ħlasijiet] Kwalunkwe reġistrazzjoni li ssir skond il-paragrafu (1) tista’ tkun soġġetta għall-pagament ta’ ħlasijiet.

4.   [Pubblikazzjoni] L-Uffiċċju Internazzjonali għandu jippubblika avviż li jikkonċerna kwalunkwe reġistrazzjoni li ssir skond il-paragrafu (1). Hu għandu jibgħat kopja tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż lill-Uffiċċju ta’ kull Parti Kontraenti kkonċernata.

Artikolu 17

Terminu Inizjali u Tiġdid tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali u t-Tul ta' Żmien tal-Protezzjoni

1.   [Terminu Inizjali tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali] Ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha ssir għal terminu inizjali ta’ ħames snin li jibdew jgħoddu mid-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

2.   [Tiġdid tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali] Ir-reġistrazzjoni internazzjonali tista’ tiġġedded għal termini addizzjonali ta’ ħames snin, skond il-proċedura preskritta u bla ħsara għall-pagament tal-ħlasijiet preskritti.

3.   [Tul ta' Żmien tal-Protezzjoni fil-Partijiet Kontraenti Nnominati]

(a)

Sakemm ir-reġistrazzjoni internazzjonali tiġġedded, u bla ħsara għas-subparagrafu (b), it-tul ta' żmien tal-protezzjoni, f’kull Parti Kontraenti nnominata, għandu jkun ta’ 15-il sena li jibdew jgħoddu mid-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

(b)

Fejn il-liġi ta’ Parti Kontraenti nnominata tipprovdi għal tul ta' żmien tal-protezzjoni ta' aktar minn 15-il sena għal disinn industrijali li jkun ingħata protezzjoni skond il-liġi, bil-kondizzjoni li r-reġistrazzjoni internazzjonali tiġġedded, it-tul ta' żmien tal-protezzjoni għandu jkun l-istess bħal dak previst fil-liġi ta’ dik il-Parti Kontraenti.

(ċ)

Kull Parti Kontraenti għandha tinnotifika lid-Direttur Ġenerali, permezz ta' dikjarazzjoni, bit-tul ta' żmien massimu ta' protezzjoni previst fil-liġi tagħha.

4.   [Possibbiltà ta’ Tiġdid Limitat] It-tiġdid tar-reġistrazzjoni internazzjonali jista’ jsir għal kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata jew għall-Partijiet Kontraenti nnominati kollha u għal kwalunkwe disinn industrijali jew għad-disinji industrijali kollha li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

5.   [Reġistrazzjoni u Pubblikazzjoni tat-Tiġdid] L-Uffiċċju Internazzjonali għandu jirreġistra t-tiġdid fir-Reġistru Internazzjonali u jippubblika avviż b’din l-informazzjoni. Hu ghandu jibgħat kopja tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż lill-Uffiċċju ta’ kull Parti Kontraenti kkonċernata.

Artikolu 18

Informazzjoni li Tikkonċerna r-Reġistrazzjonijiet Internazzjonali Ppubblikati

1.   [Aċċess għall-Informazzjoni] Wara li jsir il-ħlas preskritt, l-Uffiċċju Internazzjonali għandu jipprovdi lil kwalunkwe persuna li tapplika għalihom, siltiet mir-Reġistru Internazzjonali, jew informazzjoni li tikkonċerna l-kontenut tar-Reġistru Internazzjonali, fir-rigward ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali ppubblikata.

2.   [Eżenzjoni mil-Legalizzazzjoni] Is-siltiet mir-Reġistru Internazzjonali pprovduti mill-Aġenzija Internazzjonali għandhom ikunu eżenti minn kwalunkwe kondizzjoni meħtieġa ta’ legalizzazzjoni f’kull Parti Kontraenti.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI

Artikolu 19

Uffiċċju Komuni ta’ Numru ta’ Stati

1.   [Notifika ta’ Uffiċċju Komuni] Jekk numru ta’ Stati li biħsiebhom isiru parti għal dan l-Att għaqqdu, jew jekk numru ta’ Stati li huma parti għal dan l-Att jaqblu li jgħaqqdu, l- leġislazzjoni domestika tagħhom dwar id-disinji industrijali, huma jistgħu jinnotifikaw lid-Direttur Ġenerali

(i)

li Uffiċċju komuni għandu jissostitwixxi l-Uffiċċju nazzjonali ta’ kull wieħed minnhom,

u

(ii)

li t-territorji rispettivi kollha li għalihom tapplika l-leġislazzjoni unifikata għandhom jitqiesu bħala Parti Kontraenti unika għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1, 3 sa 18 u 31 ta’ dan l-Att.

2.   [Żmien li fih Trid Issir in-Notifika] In-notifika li tissemma fil-paragrafu (1) għandha ssir,

(i)

fil-każ ta’ Stati li biħsiebhom isiru parti għal dan l-Att, fil-ħin tad-depożitu ta' l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 27(2);

(ii)

fil-każ ta’ Stati li huma parti għal dan l-Att, fi kwalunkwe żmien wara li tkun ġiet effettwata l-għaqda tal-leġislazzjoni domestika tagħhom.

3.   [Data tad-Dħul b'Effett tan-Notifika] In-notifika li tissemma’ fil-paragrafi (1) u (2) għandu jkollha effett,

(i)

fil-każ ta’ Stati li biħsiebhom isiru parti għal dan l-Att, fiż-żmien li tali Stati jintrabtu b’dan l-Att;

(ii)

fil-każ ta’ Stati li huma parti għal dan l-Att, tliet xhur wara d-data tal-komunikazzjoni ta’ dan mid-Direttur Ġenerali lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn jew fi kwalunkwe data oħra, aktar tard, indikata fin-notifika.

Artikolu 20

Sħubija fl-Unjoni ta’ l-Aja

Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu membri ta’ l-istess Unjoni bħall-Istati li huma parti għall-Att ta’ l-1934 jew għall-Att ta’ l-1960.

Artikolu 21

Assemblea

1.   [Kompożizzjoni]

(a)

Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu membri ta’ l-istess Assemblea bħall-Istati marbuta bl-Artikolu 2 ta’ l-Att Komplementari ta’ l-1967.

(b)

Kull membru ta’ l-Assemblea għandu jkun irrappreżentat fl-Assemblea minn delegat wieħed, li jista’ jkun assistit minn delegati supplenti, konsulenti u esperti, u kull delegat jista’ jirrappreżenta Parti Kontraenti waħda biss.

(ċ)

Il-Membri ta’ l-Unjoni li mhumiex membri ta’ l-Assemblea għandhom jitħallew jattendu għal-laqgħat ta’ l-Assemblea bħala osservaturi.

2.   [Kompiti]

(a)

L-Assemblea għandha

(i)

tittratta l-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw iż-żamma u l-iżvilupp ta’ l-Unjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan l-Att;

(ii)

teżerċita tali drittijiet u twettaq tali kompiti kif inhuma speċifikament mogħtija jew assenjati lilha skond dan l-Att jew skond l-Att Komplementari ta’ l-1967;

(iii)

tagħti direzzjonijiet lid-Direttur Ġenerali li jikkonċernaw il-preparamenti għall-konferenzi ta’ reviżjoni u tiddeċiedi dwar il-konvokazzjoni ta’ kwalunkwe tali konferenza;

(iv)

temenda r-Regolamenti;

(v)

tirrevedi u tapprova r-rapporti u l-attivitajiet tad-Direttur Ġenerali li jikkonċernaw l-Unjoni, u tagħti lid-Direttur Ġenerali l-istruzzjonijiet kollha meħtieġa li jikkonċernaw kwistjonijiet li huma fil-kompetenza ta’ l-Unjoni;

(vi)

tiddetermina l-programm u tadotta l-baġit bjennali ta’ l-Unjoni, u tapprova l-kontijiet finali tagħha;

(vii)

tadotta r-regolamenti finanzjarji ta’ l-Unjoni;

(viii)

tistabbilixxi tali kumitati u gruppi ta’ ħidma kif tqis li huwa xieraq biex jinkisbu l-objettivi ta’ l-Unjoni;

(ix)

bla ħsara għall-paragrafu (1) (ċ), tiddetermina liema Stati, organizzazzjonijiet intergovernattivi u organizzazzjonijiet mhux governattivi għandhom jitħallew jattendu għal-laqgħat tagħha bħala osservaturi;

(x)

tieħu kwalunkwe azzjoni oħra xierqa biex tilħaq dejjem aktar l-objettivi ta’ l-Unjoni u twettaq kwalunkwe funzjoni oħra kif inhu xieraq skond dan l-Att.

(b)

Fejn għandhom x’jaqsmu l-kwistjonijiet li huma wkoll ta’ interess għal Unjonijiet oħrajn amministrati mill-Organizzazzjoni, l-Assemblea għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha wara li tkun semgħet il-parir tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni.

3.   [Kworum]

(a)

Nofs il-membri ta’ l-Assemblea li huma Stati u li għandhom id-dritt li jivvutaw dwar kwistjoni partikolari għandhom jikkostitwixxu kworum għall-finijiet tal-vot dwar dik il-kwistjoni.

(b)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a), jekk, fi kwalunkwe sessjoni, in-numru tal-membri ta’ l-Assemblea li huma Stati, għandhom id-dritt li jivvutaw dwar kwistjoni partikolari u huma rrappreżentati huwa inqas min-nofs imma daqs jew iktar minn terz tal-membri ta’ l-Assemblea li huma Stati u għandhom id-dritt li jivvutaw dwar dik il-kwistjoni, l-Assemblea tista’ tieħu deċiżjonijiet imma, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-proċedura tagħha stess, id-deċiżjonijiet kollha ta’ din ix-xorta għandhom jidħlu b'effett biss jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti iktar tard. L-Uffiċċju Internazzjonali għandu jikkomunika d-deċiżjonijiet msemmija lill-membri ta’ l-Assemblea li huma Stati, li għandhom id-dritt li jivvutaw fuq il-kwistjoni msemmija u li ma kinux irrappreżentati u għandha tistedinhom biex jesprimu bil-kitba l-vot jew l-astensjoni tagħhom fi żmien tliet xhur mid-data tal-komunikazzjoni. Jekk, fl-għeluq ta’ dan il-perijodu, in-numru ta’ tali membri li jkunu esprimew il-vot jew l-astensjoni tagħhom b’dan il-mod jilħaq in-numru tal-membri li kienu nieqsa biex jintlaħaq il-kworum fis-sessjoni nfisha, tali deċiżjonijiet għandhom jidħlu b'effett sakemm, fl-istess ħin, għadha teżisti l-maġġoranza meħtieġa.

4.   [Teħid tad-Deċiżjonijiet fl-Assemblea]

(a)

L-Assemblea għandha tagħmel ħiltha biex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’kunsens.

(b)

Fejn deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b’kunsens, il-kwistjoni li qed tkun diskussa għandha tiġi deċiża permezz ta’ votazzjoni. F’każ bħal dan,

(i)

kull Parti Kontraenti li hija Stat għandu jkollha vot wieħed u għandha tivvota f’isimha biss,

u

(ii)

kwalunkwe Parti Kontraenti li hija organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tivvota, minflok l-Istati Membri tagħha, b’numru ta’ voti li huwa daqs in-numru ta’ l-Istati Membri tagħha li huma parti għal dan l-Att, u l-ebda organizzazzjoni intergovernattiva bħal din m’għandha tipparteċipa fil-votazzjoni jekk kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota, u vice versa.

(ċ)

Dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw biss lill-Istati li huma marbutin bl-Artikolu 2 ta’ l-Att Komplementari ta’ l-1967, il-Partijiet Kontraenti li mhumiex marbutin bl-Artikolu msemmi m’għandux ikollhom id-dritt li jivvutaw, filwaqt li f'affarijiet li jikkonċernaw biss lill-Partijiet Kontraenti, dawn ta' l-aħħar biss għandu jkollhom id-dritt li jivvutaw.

5.   [Maġġoranzi]

(a)

Bla ħsara għall-Artikoli 24(2) u 26(2), id-deċiżjonijiet ta’ l-Assemblea għandhom jeħtieġu żewġ terzi tal-voti espressi.

(b)

L-astensjonijiet m’għandhomx jitqiesu bħala voti.

6.   [Sessjonijiet]

(a)

L-Assemblea għandha tiltaqa’ darba kull tieni sena kalendarja f'sessjoni ordinarja permezz ta’ konvokazzjoni mid-Direttur Ġenerali u, fin-nuqqas ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, matul l-istess perijodu u fl-istess post bħall-Assemblea Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni.

(b)

L-Assemblea għandha tiltaqa’ f'sessjoni straordinarja permezz ta’ konvokazzjoni mid-Direttur Ġenerali, jew fuq it-talba ta’ kwart tal-membri ta’ l-Assemblea jew fuq l-inizjattiva tad-Direttur Ġenerali nnifsu.

(ċ)

L-aġenda ta’ kull sessjoni għandha tiġi mħejjija mid-Direttur Ġenerali.

7.   [Regoli ta’ Proċedura] L-Assemblea għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha stess.

Artikolu 22

Uffiċċju Internazzjonali

1.   [Kompiti Amministrattivi]

(a)

Ir-Reġistrazzjoni internazzjonali u d-dmirijiet relatati, kif ukoll il-kompiti amministrattivi l-oħrajn kollha li jikkonċernaw l-Unjoni, għandhom jitwettqu mill-Uffiċċju Internazzjonali.

(b)

B’mod partikolari, l-Uffiċċju Internazzjonali għandu jħejji l-laqgħat u jipprovdi s-segretarjat ta’ l-Assemblea u ta’ dawn il-kumitati ta’ esperti u gruppi ta’ ħidma kif jista’ jiġi stabbilit mill-Assemblea.

2.   [Direttur Ġenerali] Id-Direttur Ġenerali għandu jkun il-kap esekuttiv ta’ l-Unjoni u għandu jirrappreżenta lill-Unjoni.

3.   [Laqgħat Għajr is-Sessjonijiet ta’ l-Assemblea] Id-Direttur Ġenerali għandu jsejjaħ kwalunkwe kumitat u grupp ta’ ħidma stabbilit mill-Assemblea u l-laqgħat l-oħrajn kollha li jittrattaw kwistjonijiet li jikkonċernaw l-Unjoni.

4.   [Rwol ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali fl-Assemblea u f’Laqgħat Oħrajn]

(a)

Id-Direttur Ġenerali u l-persuni nnominati mid-Direttur Ġenerali għandhom jipparteċipaw, mingħajr id-dritt li jivvutaw, fil-laqgħat kollha ta’ l-Assemblea, tal-kumitati u tal-gruppi ta’ ħidma stabbiliti mill-Assemblea, u fi kwalunkwe laqgħa oħra msejħa mid-Direttur Ġenerali taħt il-patroċinju ta’ l-Unjoni.

(b)

Id-Direttur Ġenerali jew membru tal-persunal innominat mid-Direttur Ġenerali għandu jkun is-segretarju ex officio ta’ l-Assemblea, u tal-kumitati, tal-gruppi ta’ ħidma u tal-laqgħat l-oħrajn msemmija fis-subparagrafu (a).

5.   [Konferenzi]

(a)

Skond id-direzzjonijiet ta’ l-Assemblea, l-Uffiċċju Internazzjonali għandu jagħmel il-preparamenti għal kwalunkwe konferenza ta’ reviżjoni.

(b)

L-Uffiċċju Internazzjonali jista’ jikkonsulta ma’ organizzazzjonijiet intergovernattivi u ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi kemm dawk internazzjonali kif ukoll dawk nazzjonali, dwar il-preparamenti imsemmijin.

(ċ)

Id-Direttur Ġenerali u l-persuni nnominati mid-Direttur Ġenerali għandhom jipparteċipaw fid-diskussjonijiet waqt konferenzi ta’ reviżjoni, mingħajr ma jkollhom id-dritt li jivvutaw.

6.   [Kompiti Oħrajn] L-Uffiċċju Internazzjonali għandu jwettaq kull kompitu ieħor assenjat lilu b’rabta ma’ dan l-Att.

Artikolu 23

Finanzi

1.   [Baġit]

(a)

L-Unjoni għandu jkollha baġit.

(b)

Il-baġit ta’ l-Unjoni għandu jinkludi d-dħul u l-infiq li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Unjoni u l-kontribuzzjoni tagħha għall-baġit ta’ l-infiq komuni għall-Unjonijiet amministrati mill-Organizzazzjoni.

(ċ)

L-infiq li mhux attribwit esklużivament lill-Unjoni iżda wkoll lil Unjoni waħda jew aktar amministrata/i mill-Organizzazzjoni għandu jitqies bħala nfiq komuni għall-Unjonijiet. Is-sehem ta’ l-Unjoni f’infiq komuni bħal dan għandu jkun proporzjonali għall-interess li l-Unjoni għandha fih.

2.   [Koordinazzjoni mal-Baġits ta’ Unjonijiet Oħra] Il-baġit ta’ l-Unjoni għandu jkun stabbilit bl-attenzjoni xierqa għall-ħtiġiet ta' koordinazzjoni mal-baġits ta’ l-Unjonijiet l-oħrajn li huma amministrati mill-Organizzazzjoni.

3.   [Sorsi ta' Finanzjament tal-Baġit] Il-baġit ta’ l-Unjoni għandu jkun iffinanzjat mis-sorsi li ġejjin:

(i)

il-ħlasijiet relatati mar-reġistrazzjonijiet internazzjonali;

(ii)

it-taxxi dovuti għal servizzi oħrajn mogħtija mill-Uffiċċju Internazzjonali fejn għandha x’taqsam l-Unjoni;

(iii)

il-bejgħ ta’, jew drittijiet ta' l-awtur fuq, pubblikazzjonijiet ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali li jikkonċernaw l-Unjoni;

(iv)

id-donazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet f’testmenti dwar proprjetà personali u s-sovvenzjonijiet;

(v)

il-kirjiet, l-interessi u dħul differenti ieħor.

4.   [Iffissar tal-Ħlasijiet u tat-Taxxi; Il-Livell tal-Baġit]

(a)

L-ammonti tal-ħlasijiet msemmija fil-paragrafu (3)(i) għandhom ikunu ffissati mill-Assemblea fuq il-proposta tad-Direttur Ġenerali. It-taxxi msemmija fil-paragrafu 3(ii) għandhom ikunu stabbiliti mid-Direttur Ġenerali u għandhom ikunu applikati b’mod provviżorju, dejjem jekk ikunu approvati mill-Assemblea fis-sessjoni ta’ wara.

(b)

L-ammonti tal-ħlasijiet li jissemmew fil-paragrafu (3)(i) għandhom ikunu ffissati b’tali mod li d-dħul ta’ l-Unjoni mill-ħlasijiet u minn sorsi oħrajn għandhom ikunu mill-inqas biżżejjed biex ikopru l-infiq kollu ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali li jikkonċerna l-Unjoni.

(ċ)

Jekk il-baġit ma jiġix adottat qabel il-bidu ta’ perijodu finanzjarju ġdid, hu għandu jkun fuq l-istess livell tal-baġit tas-sena ta’ qabel, kif previst fir-regolamenti finanzjarji.

5.   [Fond tal-Kapital li Jiċċirkola] L-Unjoni għandu jkollha fond tal-kapital li Jiċċirkola li għandu jkun magħmul mill-introjti żejda u, jekk tali introjti żejda ma jkunux biżżejjed, minn pagament uniku magħmul minn kull membru ta’ l-Unjoni. Jekk il-fond isir insuffiċjenti, l-Assemblea għandha tiddeċiedi li żżidu. Il-proporzjon u t-termini tal-pagament għandhom ikunu ffissati mill-Assemblea fuq il-proposta tad-Direttur Ġenerali.

6.   [Self bil-Quddiem mill-Istat Ospitanti]

(a)

Fil-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali konkluż ma’ l-Istat li l-Organizzazzjoni għandha l-kwartieri ġenerali tagħha fuq it-territorju tiegħu, għandu jkun provdut li, kull meta l-fond tal-kapital li jiċċirkola jkun insuffiċjenti, tali Stat għandu jagħti self bil-quddiem. L-ammont ta’ dak is-self bil-quddiem u l-kondizzjonijiet li jridu jkunu sodisfatti biex jingħata għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim separati, f’kull każ, bejn tali Stat u l-Organizzazzjoni.

(b)

L-Istat li jissemma fis-subparagrafu (a) u l-Organizzazzjoni għandhom kull wieħed ikollu d-dritt li jiddenunzja l-obbligu li jingħata self bil-quddiem, permezz ta’ notifika bil-miktub. Id-denunzja għandha tidħol b'effett tliet snin wara li tintemm is-sena li fiha ġiet notifikata.

7.   [Verifika tal-Kontijiet] Il-verifika tal-kontijiet għandha titwettaq minn Stat wieħed jew aktar li huwa membru ta’ l-Unjoni jew minn awdituri esterni, kif previst fir-regolamenti finanzjarji. Għandhom ikunu nnominati, bil-qbil tagħhom, mill-Assemblea.

Artikolu 24

Regolamenti

1.   [Suġġett] Ir-Regolamenti għandhom jirregolaw id-dettalji ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan l-Att. B’mod partikolari, huma għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw

(i)

kwistjonijiet li dan l-Att jipprovdi b’mod espliċitu biex ikunu preskritti;

(ii)

aktar dettalji li jikkonċernaw, jew kwalunkwe dettall utli fl-implimentazzjoni ta’, dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att;

(iii)

kwalunkwe ħtieġa, kwistjoni jew proċedura amministrattiva.

2.   [Emendar ta’ Ċerti Dispożizzjonijiet tar-Regolamenti]

(a)

Ir-Regolamenti jistgħu jispeċifikaw li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti jistgħu jkunu emendati biss permezz ta’ vot unanimu jew biss permezz ta’ maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa.

(b)

Jeħtieġ li jkun hemm vot unanimu biex il-ħtieġa ta’ vot unanimu jew maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa ma tibqax tapplika fil-futur biex tkun emendata dispożizzjoni tar-Regolamenti.

(ċ)

Jeħtieġ li jkun hemm maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa sabiex il-ħtieġa ta’ vot unanimu jew maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa tibqa’ tapplika fil-futur biex tkun emendata dispożizzjoni tar-Regolamenti.

3.   [Konflitt Bejn Dan l-Att u r-Regolamenti] Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att u dawk tar-Regolamenti, ta’ l-ewwel għandhom jirbħu.

KAPITOLU III

REVIŻJONI U EMENDI

Artikolu 25

Reviżjoni ta’ Dan l-Att

1.   [Konferenzi ta’ Reviżjoni] Dan l-Att jista’ jkun rivedut permezz ta’ konferenza tal-Partijiet Kontraenti.

2.   [Reviżjoni jew Emendar ta' Ċerti Artikoli] L-Artikoli 21, 22, 23 u 26 jistgħu jkunu emendati jew permezz ta’ konferenza ta’ reviżjoni jew inkella mill-Assemblea skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 26.

Artikolu 26

Emendar ta’ Ċerti Artikoli mill-Assemblea

1.   [Proposti għall-Emendar]

(a)

Il-proposti biex l-Assemblea temenda l-Artikoli 21, 22, 23 u dan l-Artikolu jistgħu jinbdew minn kwalunkwe Parti Kontraenti jew mid-Direttur Ġenerali.

(b)

Tali proposti għandhom ikunu kkomunikati mid-Direttur Ġenerali lill-Partijiet Kontraenti mill-inqas sitt xhur qabel ma jitqiesu mill-Assemblea.

2.   [Maġġoranzi] L-adozzjoni ta’ kwalunkwe emenda għall-Artikoli msemmija fil-paragrafu (1) għandha tinħtieġ maġġoranza ta’ tliet kwarti, ħlief li l-adozzjoni ta’ kwalunkwe emenda għall-Artikolu 21 jew tal-paragrafu preżenti għandha tinħtieġ maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa.

3.   [Dħul fis-Seħħ]

(a)

Ħlief fejn japplika s-subparagrafu (b), kwalunkwe emenda għall-Artikoli msemmija fil-paragrafu (1) imwettqa skond il-proċessi kostituzzjonali rispettivi tagħhom, għandha tidħol fis-seħħ xahar wara li n-notifiki ta’ aċċettazzjoni bil-miktub jaslu għand id-Direttur Ġenerali mingħand tliet kwarti ta’ dawk il-Partijiet Kontraenti li, fiż-żmien li ġiet adottata l-emenda, kienu membri ta’ l-Assemblea u kellhom id-dritt li jivvutaw fuq dik l-emenda.

(b)

Kwalunkwe emenda għall-Artikolu 21(3) jew (4) jew għal dan is-subparagrafu m’għandhiex tidħol fis-seħħ jekk, fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tagħha mill-Assemblea, kwalunkwe Parti Kontraenti tinnotifika lid-Direttur Ġenerali li ma taċċettax tali emenda.

(ċ)

Kwalunkwe emenda li tidħol fis-seħħ skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandha torbot lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet intergovernattivi kollha li huma Partijiet Kontraenti fiż-żmien li l-emenda tidħol fis-seħħ, jew li jsiru Partijiet Kontraenti aktar tard.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27

Parti għal Dan l-Att

1.   [Eliġibbiltà] Bla ħsara għall-paragrafi (2) u (3) u għall-Artikolu 28,

(i)

kwalunkwe Stat membru ta’ l-Organizzazzjoni jista’ jiffirma u jsir parti għal dan l-Att;

(ii)

kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li għandha Uffiċċju fejn tista’ tinkiseb il-protezzjoni tad-disinji industrijali b’effett fit-territorju li fih japplika t-trattat kostituzzjonali ta’ l-organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tiffirma u ssir parti għal dan l-Att, sakemm għall-inqas wieħed mill-Istati li huma membri ta’ l-organizzazzjoni intergovernattiva huwa membru ta’ l-Organizzazzjoni u sakemm tali Uffiċċju mhuwiex is-suġġett ta’ notifika skond l-Artikolu 19.

2.   [Ratifika jew Adeżjoni] Kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva msemmi/ja fil-paragrafu (1) j/tista’ j/tiddepożita

(i)

strument ta’ ratifika jekk iffirma/t dan l-Att,

jew

(ii)

strument ta’ l-adeżjoni jekk ma ffirma(t)x dan l-Att.

3.   [Data Effettiva tad-Depożitu]

(a)

Bla ħsara għas-subparagrafi (b) sa (d), id-data effettiva tad-depożitu ta’ strument ta’ ratifika jew ta' adeżjoni għandha tkun id-data li fiha ġie ddepożitat l-istrument.

(b)

Id-data effettiva tad-depożitu ta’ l-istrument ta’ ratifika jew ta' adeżjoni ta’ kwalunkwe Stat fejn il-protezzjoni tad-disinji industrijali tista’ tinkiseb biss mill-Uffiċċju miżmum minn organizzazzjoni intergovernattiva li tagħha huwa membru dak l-Istat għandha tkun id-data li fiha jiġi ddepożitat l-istrument ta’ dik l-organizzazzjoni intergovernattiva jekk dik id-data hija aktar tard mid-data li fiha ġie ddepożitat l-istrument ta’ l-Istat msemmi.

(ċ)

Id-data effettiva tad-depożitu ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika jew ta' adeżjoni li fih jew għandu miegħu n-notifika msemmija fl-Artikolu 19 għandha tkun id-data li fiha jiġi ddepożitat l-aħħar wieħed mill-istrumenti ta’ l-Istati li huma membri tal-grupp ta’ Stati li jkunu għamlu n-notifika msemmija.

(d)

Kwalunkwe strument ta’ ratifika jew ta' adeżjoni ta’ Stat jista’ jkun fih jew ikollu miegħu dikjarazzjoni fejn issir kondizzjoni biex jitqies bħala ddepożitat li l-istrument ta’ Stat ieħor jew organizzazzjoni intergovernattiva oħra, jew l-istrumenti ta’ żewġ Stati oħrajn, jew l-istrumenti ta’ Stat ieħor u organizzazzjoni intergovernattiva oħra, speċifikat/i bl-isem u eliġibbli biex isiru parti għal dan l-Att, jiġi jew jiġu ddepożitat/i wkoll. L-istrument li fih jew li għandu miegħu tali dikjarazzjoni għandu jitqies bħala li ġie ddepożitat dakinhar li ntlaħqet il-kondizzjoni indikata fid-dikjarazzjoni. Madanakollu, meta strument speċifikat fid-dikjarazzjoni nfisha fih, jew għandu miegħu, dikjarazzjoni tat-tip imsemmi, dak l-istrument għandu jitqies bħala ddepożitat dakinhar li ntlaħqet il-kondizzjoni speċifikata fid-dikjarazzjoni ta’ l-aħħar.

(e)

Kwalunkwe dikjarazzjoni li ssir skond il-paragrafu (d) tista’ tkun irtirata, fl-intier tagħha jew b’mod parzjali, fi kwalunkwe ħin. Kwalunkwe irtirar għandu jsir effettiv fid-data li fiha d-Direttur Ġenerali jirċievi n-notifika ta’ l-irtirar.

Artikolu 28

Data Effettiva tar-Ratifika u ta’ l-Adeżjonijiet

1.   [Strumenti li Jridu Jitqiesu] Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni li huma ddepożitati mill-Istati jew mill-organizzazzjonijiet intergovernattivi msemmija fl-Artikolu 27(1) u li għandhom data effettiva skond l-Artikolu 27(3) biss għandhom jitqiesu.

2.   [Dħul fis-Seħħ ta’ Dan l-Att] Dan l-Att għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara li sitt Stati jkunu ddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika jew ta' adeżjoni tagħhom, sakemm, skond l-aktar statistiċi annwali reċenti miġbura mill-Uffiċċju Internazzjonali, mill-inqas tlieta minn dawk l-Istati jissodisfaw mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ġew depożitati mill-inqas 3,000 applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ disinji industrijali fl-Istat jew għall-Istat ikkonċernat,

jew

(ii)

ġew depożitati mill-inqas 1,000 applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ disinji industrijali fl-Istat jew għall-Istat ikkonċernat mir-residenti ta’ Stati għajr għal dak l-Istat.

3.   [Dħul fis-Seħħ tar-Ratifiki u ta’ l-Adeżjonijiet]

(a)

Kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva li ddepożita/t l-istrumenti ta’ ratifika jew ta' adeżjoni tiegħu/tagħha tliet xhur jew aktar qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att għandu/ha jintrabat/tintrabat b’dan l-Att fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att.

(b)

Kwalunkwe Stat ieħor jew organizzazzjoni intergovernattiva oħra għandu/ha j/tintrabat b’dan l-Att tliet xhur wara d-data li fiha ddepożita/t l-istrumenti ta’ ratifika jew ta' adeżjoni tiegħu/tagħha jew fi kwalunkwe data oħra aktar tard indikata f’dak l-istrument.

Artikolu 29

Projbizzjoni ta' Riżervi

M’hi permessa l-ebda riżerva għal dan l-Att.

Artikolu 30

Dikjarazzjonijiet Magħmula mill-Partijiet Kontraenti

1.   [Żmien li Matulu Jistgħu Jsiru d-Dikjarazzjonijiet] Tista’ssir kwalunkwe dikjarazzjoni skond l-Artikoli 4(1)(b), 5(2)(a), 7(2), 11(1), 13(1), 14(3), 16(2) jew 17(3)(ċ)

(i)

fiż-żmien tad-depożitu ta’ strument li jissemma fl-Artikolu 27(2), f’liema każ għandu jsir effettiv fid-data li fiha l-Istat jew l-organizzazzjoni intergovernattiva wara li jkun għamel/għamlet id-dikjarazzjoni j/tintrabat b’dan l-Att,

jew

(ii)

wara d-depożitu ta’ strument li jissemma fl-Artikolu 27(2), f’liema każ għandu jsir effettiv tliet xhur wara d-data li jirċevih id-Direttur Ġenerali jew fi kwalunkwe data li tiġi aktar tard indikata fid-dikjarazzjoni imma għandha tapplika biss fejn għandha x’taqsam kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali li d-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali tagħha hija l-istess bħad-data effettiva tad-dikjarazzjoni jew hija iktar tard minnha.

2.   [Dikjarazzjonijiet mill-Istati li Għandhom Uffiċċju Komuni] Minkejja l-paragrafu (1), kwalunkwe dikjarazzjoni li tissemma f’dak il-paragrafu li saret minn Stat li, ma’ Stat ieħor jew ma’ Stati oħrajn, innotifika lid-Direttur Ġenerali skond l-Artikolu 19(1) bis-sostituzzjoni ta’ Uffiċċju komuni minflok l-Uffiċċji nazzjonali tagħhom għandha ssir effettiva biss jekk dak l-Istat l-ieħor jew dawk l-Istati l-oħrajn jagħmel jew jagħmlu dikjarazzjoni korrispondenti jew dikjarazzjonijiet korrispondenti.

3.   [Irtirar tad-Dikjarazzjonijiet] Kwalunkwe dikjarazzjoni li tissemma fil-paragrafu (1) tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe żmien permezz ta’ notifika indirizzata lid-Direttur Ġenerali. Tali irtirar għandu jidħol b'effett tliet xhur wara d-data li fiha d-Direttur Ġenerali jkun irċieva n-notifika jew fi kwalunkwe data li tiġi iktar tard indikata fin-notifika. Fil-każ ta’ dikjarazzjoni li ssir skond l-Artikolu 7(2), l-irtirar m’għandux jaffettwa l-applikazzjonijiet internazzjonali li ġew iddepożitati qabel id-dħul b'effett ta’ l-irtirar msemmi

Artikolu 31

Applikabbiltà ta’ l-Atti ta’ l-1934 u ta’ l-1960

1.   [Relazzjonijiet Bejn l-Istati li huma Parti Kemm għal Dan l-Att kif ukoll għall-Atti ta’ l-1934 jew ta’ l-1960] Dan l-Att waħdu għandu jkun applikabbli fejn għandhom x’jaqsmu r-relazzjonijiet reċiproċi ta' l-Istati li huma parti kemm għal dan l-Att kif ukoll għall-Att ta’ l-1934 jew għall-Att ta’ l-1960. Mandankollu, tali Stati, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, għandhom japplikaw l-Att ta’ l-1934 jew l-Att ta’ l-1960, skond il-każ, għad-disinji industrijali ddepożitati fl-Uffiċċju Internazzjonali qabel id-data li fiha dan l-Att isir applikabbli fir-rigward tar-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom.

2.   [Relazzjonijiet Bejn l-Istati li huma Parti Kemm għal Dan l-Att kif ukoll għall-Atti ta’ l-1934 jew ta’ l-1960 u l-Istati li huma Parti għall-Atti ta’ l-1934 jew ta’ l-1960 Mingħajr ma Huma Parti għal Dan l-Att]

(a)

Kwalunkwe Stat li huwa parti kemm għal dan l-Att kif ukoll għall-Att ta’ l-1934 għandu jibqa’ japplika l-Att ta’ l-1934 fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-Istati li huma parti għall-Att ta’ l-1934 mingħajr m’huma parti għall-Att ta’ l-1960 jew għal dan l-Att.

(b)

Kwalunkwe Stat li huwa parti kemm għal dan l-Att kif ukoll għall-Att ta’ l-1960 għandu jibqa’ japplika l-Att ta’ l-1960 fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-Istati li huma parti għall-Att ta’ l-1960 mingħajr m’huma parti għal dan l-Att.

Artikolu 32

Denunzja ta’ Dan l-Att

1.   [Notifika] Kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tiddenunzja dan l-Att permezz ta’ notifika indirizzata lid-Direttur Ġenerali.

2.   [Data Effettiva] Id-denunzja għandu jkollha effett sena wara d-data li fiha d-Direttur Ġenerali jkun irċieva n-notifika jew fi kwalunkwe data li tiġi aktar tard indikata fin-notifika. M’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta’ dan l-Att għal kwalunkwe applikazzjoni internazzjonali pendenti u kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali fis-seħħ fejn għandha x’taqsam id-denunzja ta’ Parti Kontraenti fiż-żmien li tidħol b'effett id-denunzja.

Artikolu 33

Lingwi ta’ Dan l-Att; Iffirmar

1.   [Testi Oriġinali; Testi Uffiċjali]

(a)

Dan l-Att għandu jkun iffirmat f’oriġinal uniku bl-Ingliż, bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol, bit-testi kollha jkunu awtentiċi b’mod ugwali.

(b)

It-testi uffiċjali għandhom ikunu stabbiliti mid-Direttur Ġenerali, wara konsultazzjoni mal-Gvernijiet interessati, f’tali lingwi oħrajn kif tista’ tagħżel l-Assemblea.

2.   [Terminu Perentorju għall-Iffirmar] Dan l-Att għandu jibqa' miftuħ għall-iffirmar fil-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni għal sena wara l-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 34

Depożitarju

Id-Direttur Ġenerali għandu jkun id-depożitarju ta’ dan l-Att.

DIKJARAZZJONI

Dwar il-preżentazzjoni diretta

Il-President tal-Kunsill, meta jiddepożita dan l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali tad-WIPO, għandu jehmeż ma’ l-istrument ta’ l-adeżjoni d-dikjarazzjoni li ġejja:

“Il-Komunità Ewropea tiddikjara li l-applikazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux jiġu ppreżentati permezz ta’ l-Uffiċċju tagħha.”

DIKJARAZZJONI

dwar is-sistema ta’ ħlas individwali

Il-President tal-Kunsill, meta jiddepożita dan l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali tad-WIPO, għandu jehmeż ma’ l-istrument ta’ l-adeżjoni d-dikjarazzjoni li ġejja:

“Il-Komunità Ewropea tiddikjara li, b’konnessjoni ma’ kull applikazzjoni internazzjonali li fiha hija nominata, u b’konnessjoni mat-tiġdid ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali li tirriżulta minn tali applikazzjoni internazzjonali, il-ħlas tan-nomina preskritt imsemmi fl-Artikolu 7 (1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra għandu jiġi sostitwit bi ħlas ta’ nomina individwali, li l-ammont tiegħu għandu jkun:

EUR 62 għal kull disinn fl-istadju ta' l-applikazzjoni internazzjonali;

EUR 31 għal kull disinn fl-istadju tad-tiġdid.”

DIKJARAZZJONI

dwar it-tul ta' żmien ta' protezzjoni fil-Komunità Ewropea

Il-President tal-Kunsill, meta jiddepożita dan l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali tad-WIPO, għandu jehmeż ma’ l-istrument ta’ l-adeżjoni d-dikjarazzjoni li ġejja:

“Il-Komunità Ewropea tiddikjara li t-tul ta’ żmien massimu ta’ protezzjoni previst mil-liġi tagħha huwa ta’ 25 sena.”


(1)  Meta jkun adottat l-Artikolu 10, il-Konferenza Diplomatika fehmet li xejn f’dan l-Artikolu ma jipprekludi l-aċċess għall-applikazzjoni internazzjonali jew għar-reġistrazzjoni internazzjonali mill-applikant jew mid-detentur jew mill-persuna li għandha l-kunsens ta’ l-applikant jew tad-detentur.

(2)  Meta jkun adottat l-Artikolu 12(4), l-Artikolu 14(2)(b) u r-Regola 18(4), il-Konferenza Diplomatika fehmet li l-irtirar ta’ rifjut minn Uffiċċju li kkomunika notifika ta’ rifjut jista’ jieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni li tgħid li l-Uffiċċju kkonċernat iddeċieda li jaċċetta l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali fejn għandhom x’jaqsmu d-disinji industrijali, jew uħud minnhom, li għalihom kienet tirrelata n-notifika ta’ rifjut. Kien ukoll mifhum li Uffiċċju, fil-perijodu permess biex tkun ikkomunikata notifika ta’ rifjut, jista’ jibgħat dikjarazzjoni li tgħid li hu ddeċieda li jaċċetta l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali anki fejn ma ikkomunikax tali notifika ta’ rifjut.

(3)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna fl-Artikolu 12(4).


Top