EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0533

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta' Lulju 2006 li tirrigwarda ċerti miżuri ta' ħarsien marbuta ma' l-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja fil-Kroazja (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3352) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

OJ L 212, 2.8.2006, p. 19–21 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 118M, 8.5.2007, p. 1023–1025 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 074 P. 157 - 159
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 074 P. 157 - 159

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/533/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1023


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' Lulju 2006

li tirrigwarda ċerti miżuri ta' ħarsien marbuta ma' l-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja fil-Kroazja

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3352)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/533/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 18(1) u (7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistipula l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jkunu ser jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 (1), (5) u (6) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta' l-irziezet u f'għasafar oħra, li tikkawża mwiet u disturbi li malajr jistgħu jiżviluppaw fi proporzjonijiet epiżootiċi li kapaċi jwasslu għal theddida serja għas-saħħa ta' l-annimali u dik pubblika u jnaqqsu sew il-kapaċità ta' qliegħ mit-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jinfirex permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ta' l-irziezet u fl-għasafar oħra ħajjin jew fil-prodotti tagħhom.

(2)

Wara t-tifqigħa ta' l-influwenza tat-tjur, ikkawżata minn razza tal-vajrus H5N1 b'patoġeniċità għolja, fix-Xlokk ta' l-Ażja f'Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat bosta miżuri ta' ħarsien marbuta ma' l-influwenza tat-tjur. Dawn il-miżuri kienu jinkludu, b'mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/758/KE tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar ċerti miżuri ta' ħarsien fir-rigward ta' suspett ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja fil-Kroazja u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/749/KE (3). Din id-Deċiżjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjonijiet minn ċerti partijiet tal-Kroazja ta' tjur ħaj ta' l-irżiezet, ir-ratiti, it-tjur selvaġġ tal-priża bir-rix u ċerti għasafar ħajjin oħra inklużi għasafar bħala pets u bajd għat-tfaqqis ta' dawn l-ispeċi, kif ukoll ta' ċerti prodotti ta' għasafar. Id-Deċiżjoni 2005/758/KEE għanda tapplika sal-31 ta' Lulju 2006.

(3)

il-Kroazja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-awtoritajiet kompetenti ta' dan il-pajjiż qegħdin japplikaw miżuri ta' ħarsien li huma ekwivalenti għal dawk applikati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/115/KE tas-17 ta' Frar 2006 dwar ċerti miżuri ta' ħarsien fir-rigward ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja f'għasafar selvaġġi fil-Komunità u li temenda d-Deċiżjonijiet 2006/86/KE, 2006/90/KE, 2006/91/KE, 2006/94/KE, 2006/104/KE u 2006/105/KE (4).

(4)

Barra minn hekk, il-Kroazja nnotifikat lill-Kummissjoni li għandha tinnotifika minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil futur fl-istat tas-saħħa ta' l-annimali tal-Kroazja, inkluż speċifikament kwalunkwe tifqigħa oħra ta' inflwenza tat-tjur li tista' sseħħ f'għasafar selvaġġi. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Istati Membri u twasslilhom kwalunkwe tagħrif li tirċievi mill-awtoritajiet Kroati.

(5)

Fid-dawl ta' dawn il-miżuri ta' ħarsien li qegħdin jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja u l-impenn min-naħa tal-Kroazja li tinnotifika minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla futura fl-istat tas-saħħa ta' l-annimali fir-rigward ta' l-influwenza tat-tjur, il-miżuri ta' ħarsien applikabbli fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward ta' tifqigħat ta' influwenza fil-pajjiż għandhom jiġu emendati sabiex jippermettu importazzjonijiet minn dawk l-inħawi tal-Kroazja li għalihom l-awtorità kompetenti tal-Kroazja ma stabbilietx miżuri ekwivalenti ta' ħarsien kif stipulat fid-Deċiżjoni 2006/115/KE, wara li saret il-konferma ta' l-influwenza tat-tjur, ikkawżata minn razza tal-vajrus H5N1 b'patoġeniċità għolja fl-għasafar selvaġġi.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u tas-saħħa pubblika u l-mudelli ta' ċertifikati għall-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 97/41/KE, 97/221/KE and 97/222/KE (5), tistipula lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam u tistabbilixxi sistemi ta' trattament li huma meqjusa effettivi fid-diżattivazzjoni tal-patoġeni rispettivi. Bħala prevenzjoni tar-riskju tat-teħid tal-mard permezz ta' prodotti bħal dawn, jeħtieġ li jiġu applikati trattamenti adegwati skond l-istatus ta' saħħa tal-pajjiż ta' l-oriġni u l-ispeċi li minnha jinkiseb il-prodott. Għalhekk jidher xieraq li l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam tat-tjur tal-kaċċa bir-rix li joriġinaw mill-Kroazja u li huma pproċessati sa temperatura ta' għall-inqas 70oĊ fil-prodott kollu kemm hu għandhom jibqgħu awtorizzati.

(7)

Meta wieħed iqis il-qagħda ta' l-epidemoloġija fil-Kroazja u fil-pajjiżi ġirien u r-riskju li għad hemm ta' influwenza tat-tjur, il-miżuri ta' ħarsien previsti fid-Deċiżjoni għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2006.

(8)

Għar-raġunijiet ta' ċarezza u konsistenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, id-Deċiżjoni 2005/758/KE għandha tiġi rrevokata u sostitwita minn din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

L-Istati membri għandhom jissospendu importazzjonijiet, minn dik il-parti tat-territorju tal-Kroazja msemmija fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, ta' dawn li ġejjin:

(a)

tjur ħaj, ratiti, tjur tal-priża u bir-rix sew ta' l-irziezet kif ukoll selvaġġ, għasafar ħajjin għajr it-tjur kif definiti fl-Artikolu 1, it-tielet inċiż, tad-Deċiżjoni 2000/666/KE, inklużi għasafar li jakkumpanjaw is-sidien tagħhom (għasafar bħala pets), u bajd għat-tfaqqis ta' dawn l-ispeċijiet;

(b)

laħam frisk tat-tjur selvaġġ tal-priża,

(ċ)

preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam tat-tjur tal-priża selvaġġ,

(d)

ikel mhux imsajjar għall-pets u materjal mhux ipproċessat għall-għalf li fih kwalunkwe parti minn tjur tal-priża selvaġġ bir-rix, u

(e)

laħam mhux ttrattat minn tjur tal-priża minn kwalunkwe għasfur.

Artikolu 2

B'deroga mill-punt (c) ta' l-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam tat-tjur selvaġġ tal-priża bir-rix bil-kundizzjoni li l-laħam ikun għadda minn mill-anqas wieħed mit-trattamenti speċifiċi msemmija taħt il-punti B, C jew D fil-Parti 4 ta' l-Anness II mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom, minnufih, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri. Għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 2005/758/KE hija rrevokata.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2006.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar it-28 ta' Lulju 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1). Verżjoni kkoreġġuta ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 285, 28.10.2005, p. 50. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/321/KE (ĠU L 118, 3.5.2006, p. 18).

(4)  ĠU L 48, 18.2.2006, p. 28. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/277/KE (ĠU L 103, 12.4.2006, p. 29).

(5)  ĠU L 151, 14.6.2005, p. 3. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/330/KE (ĠU L 121, 6.5.2006, p. 43).


ANNESS

Parti mit-territorju tal-Kroazja msemmija fl-Artikolu 1

Il-kodiċi ISO tal-pajjiż

Isem tal-pajjiż

Il-parti tat-territorju

HR

Il-Kroazja

Fil-Kroazja: iż-żoni kollha tat-territorju tal-Kroazja li għalihom l-awtoritajiet kompetenti applikaw il-miżuri ta' ħarsien li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/115/KE.


Top