EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0502

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta' Mejju 2006 li tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li l-lajters li jitqiegħdu fis-suq ikunu biss dawk reżistenti għat-tfal u li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-lajters magħrufa bħala novelty lighters (innotifikata taħt dokument numru C(2006)1887 u numru L 197 tad-19 ta' Lulju 2006, p. 9 ) Test b'rilevanza għaż-ŻEE. (Dan it-test iħassar u jissostitwixxi t-test ippubblikatfil- Ġurnal Uffiċjali L 197 tad-19 ta' Lulju 2006, p. 9 )

OJ L 198, 20.7.2006, p. 41–45 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 118M, 8.5.2007, p. 976–980 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 15 Volume 017 P. 3 - 7
Special edition in Romanian: Chapter 15 Volume 017 P. 3 - 7
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 022 P. 79 - 83

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/05/2017: This act has been changed. Current consolidated version: 14/04/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/502/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

976


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta' Mejju 2006

li tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li l-lajters li jitqiegħdu fis-suq ikunu biss dawk reżistenti għat-tfal u li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-lajters magħrufa bħala “novelty lighters

(innotifikata taħt dokument numru C(2006)1887 u numru L 197 tad-19 ta' Lulju 2006, p. 9)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(Dan it-test iħassar u jissostitwixxi t-test ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali L 197 tad-19 ta' Lulju 2006, p. 9)

(2006/502/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2001/95, il-produtturi huma obbligati li jqiegħdu biss fis-suq prodotti li huma mingħajr periklu.

(2)

Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/95/KE, jekk il-Kummissjoni ssir taf li ċerti prodotti jippreżentaw risjku serju għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, hi tista', taħt ċerti kundizzjonijiet, tadotta Deċiżjoni li titlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri temporanji mmirati b'mod partikolari ħalli jirrestrinġu jew jissoġġettaw għal kundizzjonijiet partikolari t-tqegħid fis-suq tat-tali prodotti, jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom u jintroduċu l-miżuri akkompanjatriċi meħtieġa sabiex jiżguraw li jkun hemm konformità mal-projbizzjoni, jew jirrikjedu l-irtirar jew is-sejħa lura minn fuq is-suq.

(3)

It-tali Deċiżjoni hija assoċjata mal-fatt li l-metodi adottati jew li ser jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jiffaċċjaw ir-riskju inkwistjoni huma sinifikament differenti; li r-riskju ma jistax, invista tan-natura tal-kwistjoni tas-sigurtà, jiġi ffaċċjat b'manjiera kompatibbli mal-grad ta' l-urġenza tal-każ taħt il-proċeduri l-oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja applikabbli għall-prodotti kkonċernati; u li r-riskju jista' jiġi eliminat b'mod effettiv biss billi jiġu adottati miżuri xierqa applikabbli fil-livell Komunitarju, sabiex jiżguraw livell ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi għoli u konsistenti u t-tħaddim sew tas-suq intern.

(4)

Il-lajters huma prodotti inerentement perikolużi billi jipproduċu fjamma jew sħana u billi fihom fjuwil fjammabbli. Huma jippreżentaw riskju serju meta jintużaw b'mod ħażin mit-tfal, li konsegwentement għandhom mnejn iwasslu għal nirien, korrimenti u anke mwiet. Meta wieħed iqis in-natura inerentement perikoluża tal-lajters, l-ammont tant kbir ta' unitajiet imqiegħda fis-suq u l-kundizzjonijiet ta' l-użu prevedibbli, il-gravità tar-riskju li l-lajters jippreżentaw lis-sigurtà tat-tfal għandha tiġi evalwata fir-relazzjoni ma' l-użu possibbli tagħhom mit-tfal waqt il-logħob.

(5)

Ir-riskju serju li jippreżentaw il-lajters huwa kkonfermat ukoll mid-data u l-informazzjoni disponibbli dwar in-nirien fl-UE konnessa ma' tfal li kienu qed jilagħbu bil-lajters. Rapport ippubblikat mid-Dipartiment tal-Kummerċ u l-Industrija tar-Renju Unit fi Frar 1997 msejjaħ “European research — accidents caused by children under 5 playing with cigarette lighters and matches” ta stima totali ta' 1 200 nar, 260 korriment u 20 mewta fis-sena fl-UE għas-sena 1997. Informazzjoni aktar reċenti tikkonferma li numru sinifikanti ta' inċidenti serji, inkluż imwiet, għadhom qed jiġu kkawżati fl-UE minn tfal li jkunu qed jilagħbu b'lajters mhux reżistenti.

(6)

Il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti tar-reżistenza għat-tfal għal-lajters ekwivalenti għal dawk stipulati f'din id-Deċiżjoni teżisti fl-Awstralja, il-Kanada, New Zealand u l-Istati Uniti ta' l-Amerika (US). Qabel ma ġiet imfasslal-leġiżlazzjoni, kien tnieda servej fl-Istati Uniti. Il-proposta ta' l-1993 tal-Kummissjoni ta' l-Istati Uniti dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsum ħalli jsir Regolament għal-lajters stmat li, kull sena, il-lajters li jintużaw mit-tfal jikkawżaw mal-5 000 nar, 1 150 korriment u 170 mewta fl-Istati Uniti.

(7)

Ir-rekwiżit ta' l-Istati Unit dwar ir-reżistenza għat-tfal iddaħħal fl-1994. Fl-2002, studju fl-Istati Uniti dwar l-effikaċja tar-rekwiżit irrapporta tnaqqis ta' 60 % fin-nirien, il-korrimenti u l-imwiet.

(8)

Il-konsultazzjoni ta' l-Istati Membri fil-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE stabbilixxiet li l-Istati Membri għandhom differenzi sinifikanti fejn tidħol l-istrateġija ta' kif jaffrontaw ir-riskju ppreżentat mil-lajters li mhumiex reżistenti għat-tfal.

(9)

Żewġ standards tekniċi huma konnessi mas-sigurtà tal-lajters: L-Istandard Ewropew u Internazzjonali EN ISO 9994:2002 “Lighters — Safety Specification”, li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-kwalità, l-affidabbiltà u s-sigurtà tal-lajters flimkien ma' proċeduri xierqa bħala test tal-manifattura, iżda li ma jinkludix speċifikazzjonijiet dwar ir-reżistenza għat-tfal, u l-Istandard Ewropew EN 13869:2002 “Lighters — Child-resistance for lighters — Safety requirements and test methods”, li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet dwar ir-reżistenza għat-tfal.

(10)

Ir-referenzi ta' l-EN ISO 9994:2002 kienu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali (2) skond il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE li tagħti l-preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżit ta' sigurtà ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE għar-riskji koperti minn dan l-istandard. Sabiex jaffrontaw ir-reżistenza għat-tfal, xi Stati Membri kkunsidraw li l-Kummissjoni għandha tippubblika wkoll fil-ĠU r-referenzi ta' l-EN 13869:2002. Madankollu, xi Stati Membri oħra kkunsidraw li l-EN 13869:2002 għandu qabelxejn jiġi rrevedut waħda sew.

(11)

Fin-nuqqas ta' miżuri Komunitarji dwar il-lajters reżistenti għat-tfal u l-lajters magħrufa bħala “novelty lighters”, xi Stati Membri jistgħujadottaw miżuri nazzjonali diverġenti. Ma jistax jonqos li l-introduzzjoni tat-tali miżuri tirriżulta f'livell inekwu ta' protezzjoni u ta' ostakli intra-Komunitarji għall-kummerċ tal-lajters.

(12)

M'hemm ebda leġiżlazzjoni Komunitarja speċifikament applikabbli għal-lajters. Ir-riskju ma jistax jiġi affrontat b'mod effikaċi skond proċeduri oħra stabbiliti f'regoli speċifiċi tal-liġi Komunitarja, meta wieħed iqis in-natura tal-problema tas-sigurtà inkwistjoni, u b'mod kompatibbli mad-dimensjoni ta' l-urġenza tal-każ. Għaldaqstant, huwa neċessarju li wieħed jirrikorri għal Deċiżjoni kif previst fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/95/KE.

(13)

Fid-dawl tar-riskju serju mil-lajters u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm protezzjoni konsistenti ta' livell għoli tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur madwar l-UE kollha kif ukoll sabiex jiġu evitati l-ostakli għall-kummerċ, għandha tiġi adottata Deċiżjoni temporanja skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/95/KE. It-tali Deċiżjoni għandha mingħajr dewmien tissoġġetta t-tqegħid fis-suq tal-lajters għall-kundizzjoni li dawn ikunu reżistenti għat-tfal. It-tali Deċiżjoni għandha tipprevjeni aktar danni u mwiet, sakemm ikun hemm soluzzjoni permanentili għandha tissejjes fuq konsensus internazzjonali.

(14)

Ir-rekwiżit dwar ir-reżistenza għat-tfal ta' din id-Deċiżjoni għandu jkopri l-lajters li jintremew wara li jintużaw, billi dawn il-lajters jippreżentaw ammont ta' riskju partikolarment għoli ta' użu ħażin mit-tfal. Studju li sar fl-Istati Uniti fl-1987, “Harwood's study” wera li medja ta' 96 % ta' l-inċidenti kkawżati minn tfal li jkunu qed jilagħbu bil-lajters kienu kkawżati minn lajters li jintremew wara li jintużaw. Ftit kien hemm inċidenti li kienu jinvolvu lajters oħrajn apparti dawk tat-tip li jintremew wara li jintużaw, jiġifieri l-hekk imsejħa lajters lussużi jew semi-lussużi li huma jitfasslu, jiġu mmanifatturati u jitqiegħdu fis-suq b'tali mod li jkun mistenni minnhom użu sikur kontinwu fuq medda twila ta' żmien, u li jkunu koperti minn garanzija miktuba u jibbenefikaw minn servizz ta' wara l-bejgħ li jippermettilhom li l-partijiet tagħhom jiġu sostitwiti jew imsewwija matul ħajjithom, u li jikkaratterizzahom disinn sofistikat bl-użu ta' materjal li jiswa' l-flus, b'immaġni lussuża u livell baxx ta' sostituzzjonabbiltà ma' lajters oħra, u li jitqassmu fi ħwienet skond l-immaġni tal- prestiġju u l-lussu tad-ditta. Dawn ir-riżultati huma konsistenti mal-fatt li dak li jkun aktarx li joqgħod aktar attent għal lajters ta' valur ogħla maħsuba għal użu aktar fit-tul.

(15)

Il-lajters kollha li b'xi mod jixbħu lil xi oġġett ieħor li normalment huwa magħruf li jappella għat-tfal jew li huwa maħsub għalihom għandhom jiġu pprojbiti. Dawn jinkludu, imma mhux esklussivament, dawk il-lajters li l-forma tagħhom tkun tixbaħ xi karattri tal-kartuns, ġugarelli, snieter, arloġġi, settijiet tat-telefown, strumenti mużikali, vetturi, il-ġisem uman jew partjiet minnu, annimali, oġġetti ta' l-ikel jew xorb, jew li jkunu jdoqqu noti mużikali, jew li jkunu jteptpu d-dawl (flashing lights) jew li jkollhom partijiet jiċċaqilqu jew fatturi oħra divertenti, li spiss jissejħu “novelty lighters”, li jippreżentaw riskju għoli ta' użu ħażin mit-tfal.

(16)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni min-naħa tal-produtturi tar-rekwiżit tar-reżistenza għat-tfal għal-lajters, jixraq li ssir referenza għall-ispeċifikazzjonijiet relevanti ta' l-istandard Ewropew EN 13869:2002, sabiex il-lajters li jikkonformaw ma' l-ispeċifikazzjonijiet korrespondenti ta' l-istandards nazzjonali li jittrasponu dak l-istandard Ewropew huma preżunti bħala konformi mar-rekwiżit ta' reżistenza għat-tfal ta' din id-Deċiżjoni. Għall-istess għan, il-lajters li jikkonformaw mar-regoli relevanti tal-pajjiżi mhux fl-UE fejn hemm fis-seħħ rekwiżiti ta' reżistenza għat-tfal ekwivalenti għal dawk stabbiliti minn din id-Deċiżjoni għandhom ukoll ikunu preżunti bħala konformi mar-rekwiżit ta' reżistenza għat-tfal ta' din id-Deċiżjoni.

(17)

L-infurzar konsistenti u effikaċi tar-rekwiżit ta' reżistenza għat-tfal stabbilit minn din id-Deċiżjoni jirrikjedi s-sottomissjoni min-naħa tal-produtturi lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom, ta' rapporti tat-testijiet magħmula mill-entitajiet li jwettqu t-testijiet akkreditati mill-entitajiet ta' l-akkreditazzjoni li jkunu membri ta' organizzazzjonijiet internazzjonali ta' l-akkreditazzjoni jew inkella rrikonoxxuti għal dak il-għan mill-awtoritajiet jew magħmula minn entitajiet li jwettqu t-testijiet rikonoxxuti li jeżegwixxu dan it-tip ta' test mill-awtoritajiet tal-pajjiżi fejn jiġu applikati rekwiżiti ta' sigurtà ekwivalenti għal dawk stabbiliti permezz ta' din id-Deċiżjoni. Il-manifatturi tal-lajters, meta jintalbu, għandhom jipprovdu mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti stabbiliti skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/95/KE d-dokumenti kollha meħtieġa. Jekk il-manifattur ma jkunx kapaċi jipprovdi t-tali dokumentazzjoni fil-limiti ta' żmien stabbiliti mill-awtorità kompetenti, il-lajters ikollhom jitneħħew mis-suq.

(18)

Skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/95/KE d-distributuri għandhom jassistu sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-lajters fornuti minnhom bir-rekwiżit tar-reżistenza għat-tfal stabbilit minn din id-Deċiżjoni. B'mod partikolari, huma għandhom jikkooperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti billi jipprovdulhom, fuq talba tagħhom, id-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex tiġi traċċata l-oriġini tal-lajters;

(19)

Għandhom jingħataw l-aktar perjodi ta' tranżizzjoni qosra possibbli għall-applikazzjoni min-naħa tal-produtturi tal-miżuri stabbiliti minn din id-Deċiżjoni, b'konsistenza mal-ħtieġa li jiġu prevenuti aktar inċidenti filwaqt li jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet tekniċi u tiġi ggarantita l-proporzjonalità. Huma meħtieġa wkoll mill-Istati Membri perjodi ta' tranżizzjoni sabiex jiżguraw li l-miżuri jiġu applikati b'mod effiċjenti, meta wieħed iqis il-volum kbir ta' lajters imqiegħda fis-suq kull sena fl-UE u l-kanali ta' distribuzzjoni multipli użati għat-tali kummerċjalizzazzjoni. Għaldaqstant, l-obbligu min-naħa tal-produtturi li jqiegħdu biss fis-suq lajters li jkunu reżistenti għat-tfal għandu japplika għaxar xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni filwaqt li l-obbligu sabiex jiġu fornuti biss lill-konsumaturi lajters li jkunu reżistenti għat-tfal għandu japplika sena minn meta tidħol fis-seħħ il-projbizzjoni kontra t-tqegħid fis-suq tat-tali lajters. Għaldaqstant, l-obbligu ta' l-aħħar se jiġi stabbilit meta tiġi reveduta din id-Deċiżjoni, sena minn meta tiġi adottata.

(20)

L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2001/95/KE tipprojbixxi l-esportazzjoni mill-Komunità tal-prodotti perikolużi li kienu s-suġġett ta' xi Deċiżjoni. Madankollu, b'kunsiderazzjoni ta' l-istruttura tas-suq għal-lajters f'dawk li huma n-numru ta' produtturi madwar id-dinja, il-volum tal-lajters esportati u importati u l-globalizzazzjoni tas-swieq, projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ma ttejjibx is-sigurtà tal-konsumaturi li jinsabu f'Pajjiżi Terzi li ma japplikawx rekwiżiti ta' reżistenza għat-tfal, billi l-lajters esportati mill-UE jeħdulhom posthom lajters li ma jkunux reżistenti għat-tfal li joriġinaw minn pajjiżi li mhumiex fl-UE. L-applikazzjoni ta' l-Artikolu 13(3) għandha għalhekk tiġi sospiża sakemm jiġi adottat standard internazzjonali dwar ir-reżistenza għat-tfal. Dan m'għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta' miżuri f'Pajjiżi Terzi li fejn hemm fis-seħħ rekwiżiti ta' reżistenza għat-tfal.

(21)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni

1.

“lajter” tfisser biċċa tagħmir imħaddem manwalment li jipproduċi l-fjammi permezz ta' fjuwil, li normalment jintuża biex iqabbad in-nar apposta, b'mod partikolari s-sigaretti, is-sigarri u l-pipi, u li prevedibilment jista' jintuża biex iqabbad materjali bħal karti, ftejjel, xemgħat u lanterni, manifatturat b'forniment integrali ta' fjuwil, sew jekk maħsuba biex terġa' timtela bil-fjuwil inkella le.

Bla preġudizzju għall-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta' “novelty lighters” stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta' din id-Deċiżjoni, din id-definizzjoni m'għandhiex tapplika għal lajters li jistgħu jerġgħu jimtlew, li għalihom il-manifatturi, meta jintalbu, jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti d-dokumentazzjoni neċessarja li tissostanzja li l-lajters ikunu ddisinjati, immanifatturati u mqiegħda fis-suq b'tali mod li jiżguraw użu kontinwu sikur fuq medda ta' żmien ta' talanqas ħames snin, suġġetti għal tiswijiet, u li jissodisfaw b'mod partikolari r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

Garanzija bil-miktub mill-produttur ta' mhux anqas minn sentejn għal kull lajter, skond id-Direttiva 1999/44/KE (3);

Il-possibilità prattika li tissewwa u terġa' timtela mill-ġdid b'mod sikur matul ħajjitha kollha, inkluż b'mod partikolari mekkaniżmu tat-tqabbid li jkun jista' jissewwa;

Partijiet li ma jkunux konsumabbli, imma li aktarx jitmermru jew ma jibqgħux tajbin b'użu kontinwu wara l-perjodu tal-garanzija, li jkunu aċċessibbli f'każ ta' bżonn ta' sostituzzjoni jew tiswija minn ċentru ta' servizz ta' wara l-bejgħ awtorizzat jew speċjalizzat ibbażat fl-Unjoni Ewropea.

2.

Novelty lighter” tfisser kwalunkwe lajter kif iddefinita fl-ispeċifikazzjoni 3.2 ta' l-Istandard Ewropew EN 13869:2002;

3.

“lajter reżistenti għat-tfal” tfisser lajter ddisinjata u mmanifatturata b'tali mod li ma tkunx tista', f'kundizzjonijijiet ta' l-użu normali u raġonevolment prevedibbli, titħaddem minn tfal iżgħar minn 51 xahar minħabba, pereżempju, is-saħħa meħtieġa biex titħaddem jew minħabba l-mod kif tkun iddisinjata jew il-protezzjoni tal-mekkaniżmu tat-tqabbid tagħha jew l-komplessità jew is-sekwenza tat-tħaddim meħtieġa għat-tqabbid.

Għandhom jiġu preżunti bħala reżistenti għat-tfal:

(a)

lajters li jikkonformaw ma' l-istandards nazzjonali li jittrasponu l-Istandard Ewropew EN 13869:2002, sa fejn huma kkonċernati l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-istandard ħlief dawk fil-paragrafi 3.1, 3.4 u 5.2.3;

(b)

lajters li jikkonformaw mar-regoli relevanti ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE fejn hemm fis-seħħ rekwiżiti rigward ir-reżistenza għat-tfal ekwivalenti għal dawk stabbiliti minn din id-Deċiżjoni.

4.

“mudell ta' lajter” tfisser lajters mill-istess produttur li ma fihomx differenzi fid-disinn jew f'karatteristiċi oħra b'xi mod li għandu mnejn jaffettwa r-reżistenza għat-tfal;

5.

“test ta" reżistenza għat-tfal’ għandu jfisser test sistematiku ta' reżistenza għat-tfal ta' mudell partikolari ta' lajter, fuq kampjun tal-lajters inkwistjoni, b'mod partikolari testijiet mwettqa skond l-istandards nazzjonali li jittrasponu l-Istandard Ewropew EN 13869:2002, safejn huma kkonċernati l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-Istandard ħlief dawk fil-paragrafi 3.1, 3.4 u 5.2.3, jew skond ir-rekwiżiti ta' l-ittestjar tar-regoli relevanti ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE fejn hemm fis-seħħ rekwiżiti ta' reżistenza għat-tfal ekwivalenti għal dawk stabbiliti minn din id-Deċiżjoni;

6.

“produttur” għandha t-tifsira kif jiddefinixxiha l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2001/95/KE.

7.

“distributur” għandhat-tifsira kif jiddefinixxiha l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2001/95/KE.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li lajters li jkunu reżistenti għat-tfal biss jitqiegħdu fis-suq minn għaxar xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Mill-istess data msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu it-tqegħid fis-suq tan-“novelty lighters.”

Artikolu 3

(1)   Minn għaxar xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu dan li ġej mill-produtturi, bħala kundizzjoni għat-tqegħid ta' lajters fis-suq:

(a)

li jżommu u jipprovdu minnufih lill-awtoritajiet kompetenti stabbiliti skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/95/KE, kull meta jintalbu jagħmlu dan, rapport ta' test dwar ir-reżistenza għat-tfal għal kull mudell ta' lajters flimkien ma' kampjuni tal-lajters tal-mudell ittestjat, li jiċċertifika r-reżistenza għat-tfal tal-mudell tal-lajters imqiegħed fis-suq;

(b)

li jattestaw ma' l-awtoritajiet kompetenti, kull meta jintalbu jagħmlu dan, li l-lajters kollha f'kull waħda mill-baċċijiet imqiegħda fis-suq jikkonformaw mal-mudell ittestjat u jipprovdu lill-awtoritajiet, kull meta jintalbu jagħmlu dan, id-dokumentazzjoni tal-programm ta' l-ittestjar u l-kontroll li tappoġġa t-tali attestazzjoni;

(ċ)

li jimmonitorjaw kontinwament il-konformità tal-lajters prodotti mas-soluzzjonijiet tekniċi adottati sabiex jiżguraw r-reżistenza għat-tfal, bl-użu ta' metodi ta' l-ittestjar adatti u billi jżommu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti d-dokumentazzjoni neċessarja tal-produzzjoni li turi li l-lajters kollha prodotti jikkonformaw mal-mudell ittestjat;

(d)

li jżommu u jipprovdu minnufih lill-awtoritajiet kompetenti, kull meta jintalbu jagħmlu dan, rapport ġdid ta' test ta' reżistenza għat-tfal jekk xi mudell ta' lajter isirulu kwalunkwe bidliet li jafu jaffettwaw ħażin l-abbiltà li l-mudell jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Deċiżjoni.

(2)   Minn għaxar xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu lid-distributuri, sabiex iżommu u, kull meta jintalbu jagħmlu dan, jipprovdu minnufih lill-awtoritajiet kompetenti d-dokumentazzjoni neċessarja sabiex jidentifikaw kwalunkwe persuna li tkun fornitilhom il-lajters li jqiegħdu fis-suq sabiex jiżguraw it-traċċabbiltà tal-produttur tal-lajters matul il-katina tal-forniment kollha.

(3)   Dawk il-lajters li l-produtturi u d-distributuri ma jipprovdulhomx id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 hawn fuq fil-limiti ta' l-iskadenza ffissata mill-awtoritajiet kompetenti, għandhom jiġu irtirati mis-suq.

Artikolu 4

(1)   Rapporti tat-test tar-reżistenza għat-tfal li jirreferi għalih l-Artikolu 3 għandu, b'mod partikolari, jinkludi:

(a)

L-isem, l-indirizz u l-post tan-negozju ewlieni tal-manifattur jinsab fejn jinsab, u ta' l-importatur fejn ikun relevanti, jekk il-lajters ikunu importati;

(b)

Deskrizzjoni sħiħa tal-lajter, inklużi d-dimensjonijiet, il-forma, il-piż, il-fjuwil, il-kapjenza tal-fjuwil, il-mekkaniżmu li jqabbad in-nar, it-tagħmir ta' reżistenza għat-tfal, id-disinn, soluzzjonijiet tekniċi u fatturi oħra li jagħmlu l-lajter waħda reżistenti għat-tfal skond id-definizzjonijiet u r-rekwiżiti ta' din id-Deċiżjoni. B'mod partikolari, dan jinkludi deskrizzjoni dettaljata tad-dimensjonijiet kollha, ir-rekwiżiti ta' saħħa, jew fatturi oħra li jafu jaffettwaw ir-reżistenza tal-lajter għat-tfal, inklużi t-tolleranzi tal-manifattur għal kull wieħed minn dawn il-fatturi;

(ċ)

Deskrizzjoni dettaljata tat-testijiet u r-riżultati miksuba, id-dati tat-testijiet, il-postijiet fejn saru t-testijiet, l-identità ta' l-organizzazzjoni li mexxiet it-testijiet u d-dettalji tal-kwalifiki u l-kompetenza tat-tali organizzazzjoni sabiex tmexxi t-testijiet inkwistjoni;

(d)

L-identifikazzjoni tal-post fejn jinħadmu jew inħadmu l-lajters;

(e)

Il-post fejn tinżamm id-dokumentazzjoni rikjesta minn din id-Deċiżjoni;

(f)

Ir-referenzi ta' l-akkreditazzjoni jew ir-rikonoxximent ta' l-entità li twettaq it-testijiet.

(2)   Ir-rapporti tat-test tar-reżistenza għat-tfal li jirreferi għalihom l-Artikolu 3 għandhom jiġu stabbiliti jew minn:

(a)

entitajiet akkreditati, li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn EN ISO/IEC17025:2005 “General requirements for the competence of testing and calibration laboratories”, minn membru tal-Kooperazzjoni Internazzjonali ta' l-Akkreditazzjoni tal-Laboratorji (ILAC) għall-eżekuzzjoni ta' testijiet għar-reżistenza tal-lajters għat-tfal jew inkella rikonoxxuti għal dawk il-finjiet mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru,

(b)

entitajiet ta' l-ittestjar li r-rapporti tagħhom ta' testijiet tar-reżistenza għat-tfal huma aċċettati minn wieħed mill-pajjiżi fejn huma applikati re-kwiżiti tar-reżistenza għat-tfal huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti minn din id-Deċiżjoni.

Għal finijiet ta' informazzjoni, ser tiġi ppubblikata u aġġornata skond il-bżonn mill-Kummissjoni lista ta' l-entitajiet imsemmija fil-paragrafi (a) u (b) hawn fuq.

Artikolu 5

Il-projbizzjoni li jirreferi għaliha l-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni 2001/95/KE m'għandhiex tapplika.

Artikolu 6

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Huma għandhom jgħarrfu b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli sa tnax-il xhar mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

3.   ll-Kummissjoni, abbażi ta' l-esperjenza miksuba u l-progress magħmul invista ta' miżura permanenti, għandha tiddeċiedi jekk ittawwalx għal perjodi addizzjonali l-validità ta' din id-Deċiżjoni, u jekk id-Deċiżjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 1(1), 1(3) u 4, għandhiex tiġi emendata u jekk is-sospensjoni fl-Artikolu 5 għandhiex titneħħa. B'mod partikolari, fil-każ ta' l-Artikolu 1(3), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk standards internazzjonali oħra jew regoli nazzjonali jew standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra, b'mod partikolari speċifikazzjonijiet li jikkonċernaw metodi jew kriterji alternattivi sabiex tiġi stabbilita r-reżistenza għat-tfal fil-lajters, jistgħux jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-reżistenza għat-tfal stabbilit permezz ta' din id-Deċiżjoni. Id-deċiżjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2001/95/KE.

4.   Fi ħdan il-qafas ta' l-attivitajiet imsemmija fil-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, il-Kummissjoni, qabel l-iskadenza ta' żmien għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mill-Istati Membri, se tistabbilixxi linji ta' gwida bil-għan li tiffaċilita l-applikazzjoni prattika tad-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar il-11 ta' Mejju 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)  ĠU C 100, 24.4.2004, p. 20.

(3)  ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12.


Top