EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0091

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Frar 2005 li tistabbilixxi l-perijodu li warajh it-tilqim kontra l-idrofobija/rabja huwa kkunsidrat bħala validu (innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 190) Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

OJ L 31, 4.2.2005, p. 61–61 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 272M, 18.10.2005, p. 3–3 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 062 P. 161 - 161
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 062 P. 161 - 161
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 030 P. 193 - 193

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/12/2014; Imħassar b' 32013R0577

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/91(1)/oj

18.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

3


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta' Frar 2005

li tistabbilixxi l-perijodu li warajh it-tilqim kontra l-idrofobija/rabja huwa kkunsidrat bħala validu

(innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 190)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2005/91/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għal moviment mhux kummerċjali ta' l-annimali domestiċi u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (1) u b' mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistipula l-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u insma (ferrets) u r-regoli li japplikaw għal kontrolli fuq dawn il-movimenti.

(2)

Dak ir-Regolament jipprovdi li l-annimal domestiku għandu jkollu passaport miegħu li jiċċertifika li sarlu tilqim kontra l-idrofobija/rabja, jew tilqim mill-ġdid (booster) jekk applikabbli, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-laboratorju ta' manifattura.

(3)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-produttur tat-tilqim jistqarru b'mod ċar it-tmiem tal-perijodu ta' immunità u d-data li qabilha jrid iseħħ tilqim mill-ġdid (booster).

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 ma jistipulax il-perijodu meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-immunità kontra l-idrofobija/rabja. Fl-interess taċ-ċarezza tal-leġislazzjoni tal-Komunità, huwa xieraq li jiġi stabbilit perijodu ta' żmien li malli jgħaddi, t-tilqim kontra l-idrofoboja/rabja jew tilqim mill-ġdid (booster) għandu jiġi kkunsidrat bħala validu.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mingħajr ħsara għall-ħtiġijiet stipulati fl-Artikolu 6 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003, għall-iskop ta' l-Artikolu 5(1) (b) ta' dak ir-Regolament, tilqim kontra l-idrofobija/rabja għandu jkun ikkunsidrat bħala validu 21 ġurnata mid-data tat-tlestija tal-protokoll ta' tilqim meħtieġ mill-manifattur għat-tilqim primarju fil-pajjiż li fih iseħħ it-tilqim.

Madankollu, it-tilqim kontra l-idrofobija/rabja għandu jkun ikkunsidrat bħala validu mid-data tat-tilqim mill-ġdid (booster) fejn it-tilqim jingħata fi ħdan il-perijodu ta' validità indikat mill-manifattur ta' tilqim preċedenti fil-pajjiż li fih it-tilqim preċedenti kien diġa sar. It-tilqim għandu jkun ikkunsidrat bħala tilqim primarju fin-nuqqas ta' ċertifikat veterinarju li jikkonferma t-tilqim preċedenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-7 ta' Frar 2005.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fit-2 ta' Frar 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 146, tat-13.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1994/2004 (ĠU L 344, ta' l-20.11.2004, p. 17).


Top