EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1934

Ir-Regolament (KE) Nru 1934/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1726/2000 dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ l-Afrika t’Isfel

OJ L 338, 13.11.2004, p. 1–3 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1934/oj

13.11.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 338/1


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1934/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' Ottubru 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1726/2000 dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ l-Afrika t’Isfel

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 179 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1726/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ l-Afrika t’Isfel (2), il-Kummissjoni għandha tissottometti reviżjoni mid-term lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2003. Abbażi ta’dik ir-reviżjoni, ġew suġġeriti xi emendi għar-Regolament (KE) Nru. 1726/2000.

(2)

Ir-reviżjoni mid-term tinkludi suġġerimenti u proposti sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ l-Afrika t’Isfel, li xi wħud minnhom kienu diġa’ saru fid-Dokument Strateġiku tal-Pajjiż ta’ l-2002 u ġew ikkunsidrati fil-Programm Indikattiv 2003-2005. Huma għandhom x’jaqsmu, inter alia, ma’ l-integrazzjoni sistematika (mainstreaming) ta’ kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza tas-sessi fil-livelli kollha taċ-ċiklu tal-proġett mill-ippjanar sa l-implimentazzjoni; ir-razzjonalizzazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi; it-titjib tal-kriterji ta’ stima tat-tfassil ta’ proġett u l-iċċarar tal-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjonijiet mill-Programm Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EPRD) għal programmi reġjonali.

(3)

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru. 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (3) jistgħu jingħataw fondi lir-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel permezz ta’ appoġġ tal-baġit dirett. Ir-Regolament (KE) Nru. 1726/2000 jista’, madankollu, jiġi interpretat li jeskludi l-appoġġ tal-baġit mhux speċifiku. Barra minn dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru. 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) jinkludi fit-Titolu IV tat-Tieni Parti dispożizzjonijiet speċifiċi għal “Azzjonijiet Esterni”. Huwa, għalhekk, xieraq li r-Regolament (KE) Nru 1726/2000 ikun konformi mar-Regolament (KE, Euratom) Nru. 1605/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru. 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru. 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5).

(4)

Minħabba l-implimentazzjoni tal-EPRD, u b’mod partikolari tal-Programm Indikattiv Pluriennali 2000 - 2002, ir-Regolament (KE) Nru.1726/2000 għandu jiġi aġġustat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-adozzjoni ta’ Programmi li jolqtu s-settur sħiħ, il-finanzjament permezz ta’ appoġġ tal-baġit, u l-finanzjament konġunt ta’ proġetti u programmi fil-qasam tal-kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru. 1726/2000 daħal fis-seħħ fl-2000 u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2006. Madankollu, l-Artikolu 6(1) jeħtieġ li jsir programmar indikattiv triennali. Sabiex il-programmi jikkorrispondu mal-perijodu ta’ validità tar-Regolament, għandu jsir ukoll provvediment għal Programmi Indikattivi ta’ erba’ snin.

(6)

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati ta’ l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (6), li tiegħu l-Afrika t’Isfel hija firmatarja ġie ffirmat f’Kotonu fit-23 ta’ Ġunju 2000. Il-Protokoll 3 għal dak il-Ftehim jiddefinixxi l-istatus kwalifikat ta’ l-Afrika t’Isfel taħt il-Ftehim.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/753/KE (7) approvat l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel. L-Anness X ta’ dak il-Ftehim jistipula li l-Komunità tipprovdi għajnuna għar-ristrutturar tas-settur ta’ l-inbid u l-ispirti ta’ l-Afrika t’Isfel u għall-immarkitjar u d-distribuzzjoni ta’ nbejjed u spirti ta’ l-Afrika t’Isfel. Iż-żewġ Ftehimijiet korrispondenti dwar il-kummerċ fl-inbid u l-ispirti ġew approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/51/KE (8) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/52/KE (9) rispettivament. Huwa, għalhekk, meħtieġ li jiġi inkluż ammont addizzjonali fl-ammont ta’ referenza finanzjarju previst mir-Regolament (KE) Nru. 1726/2000.

(8)

Fil-prattika il-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp kien qiegħed jaġixxi fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1726/2000 bħala l-“Kumitat dwar l-Afrika t’Isfel”. Huwa xieraq formalment li dak il-Kumitat jiġi stabbilit.

(9)

L-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 1726/2000 jitlob lill-Kummissjoni tikkonsulta l-Kumitat dwar id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament li bi ħsiebha tieħu dwar proġetti u programmi ta’ valur għola minn EUR 5 miljun. Sabiex ikun hemm amministrazzjoni finanzjarja f’saħħitha u razzjonalizzazzjoni ta’ proċeduri, huwa xieraq li dan il-limitu jiġi miżjud għal EUR 8 miljun.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nu 1726/2000 għandu, għalhekk, jiġi hekk emendat.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nu 1726/2000 hu emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2(1) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“1.   Il-Programmi għandhom jiffukaw fuq il-ġlieda kontra l-faqar, iqisu l-ħtiġijiet tal-komunitajiet li qabel kienu żvantaġġjati, jintegraw id-dimensjoni ambjentali ta’ l-iżvilupp u jintegraw sistematikament l-ugwaljanza tas-sessi, waqt li b’mod partikolari jsaħħu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha ta’ politika, ta’ l-ipprogrammar u ta’ l-implimentazzjoni. F’dawn il-programmi kollha attenzjoni speċjali għandha tingħata sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali.”

(2)

Fl-Artikolu 2(2), il-frażi introduttorja għandha tiġi mibdula b’dan li ġej:

“2.   Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp li għandha titwettaq b’dan ir-Regolament għandha tiffoka l-iżjed fuq l-oqsma ta’ kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tal-Protokoll 3 dwar l-Afrika t’Isfel tal-Ftehim ta’ Kotonu u b’mod partikulari fuq:”

(3)

L-Artikolu 4 hu b’dan emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-frażi introduttorja għandha tiġi mibdula b’dan li ġej:

“2.   Il-finanzjament Komunitarju jista’ jkopri:”

(ii)

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“(a)

infieq tal-baġit tal-gvern biex jappoġġa r-riformi u l-implimentazzjoni ta’ politika fis-setturi ta’ prijorità identifikati permezz ta’ djalogu ta' politika, billi jintużaw l-aktar strumenti xierqa inklużi l-appoġġ tal-baġit u forom speċifiċi oħra ta’ għajnuna tal-baġit.”

(iii)

it-tieni subparagrafu għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Parti mill-finanzjament jista’ jiġi dirett lejn benefiċjarji finali speċifiċi (per eżempju intraprendituri emerġenti) fil-forma ta’ kapital ta’ riskju jew forom oħra ta’ parteċipazzjoni finanzjarja. Il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment jista’ jiġi assoċjat ma’ l-amministrazzjoni ta’ dawn il-fondi, kif xieraq. Ir-riżorsi magħmula disponibbli b’dan ir-Regolament ma għandhomx jintużaw b’mod li jippermetti kompetizzjoni inġusta.”

(b)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi mdaħħal:

“4a.   Il-finanzjament ta’ proġetti u programmi individwali għal kooperazzjoni u integrazzjoni regjonali għandu jiġi pprovdut mill-EPRD u/jew mill-fondi regjonali taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF).

Il-Kummissjoni għandha tħabrek biex tiżgura finanzjament bilanċjat miż-żewġ għejjun fil-livell tal-Programm Indikattiv Pluriennali, billi timpenja għall-kooperazzjoni u integrazzjoni regjonali persentaġġ indikattiv tal-EPRD simili għas-sehem tal-fondi EDF iddedikati għall-kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali fil-Protokoll Finanzjarju tal-Ftehim ta’ Kotonu.”

(4)

L-Artikolu 5 għandu jiġi mħassar.

(5)

L-Artikolu 6 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 6

L-Iprogrammar

1.   Programmar indikattiv pluriennali għandu jitwettaq fil-kuntest ta’ kuntatti mill-qrib mal-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel u jittieħed kont tar-riżultati tal-koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6) u (7). Il-proċess ta’ programmar indikattiv jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju ta’ programmar immexxi minn min qed jirċievi l-finanzjament.

2.   Sabiex ikun hemm tħejjija għal kull eżerċizzju ta’ programmar, fil-kuntest ta’ koordinazzjoni mkabbra ma’ l-Istati Membri, inkluż fuq il-post, il-Kummissjoni għandha tfassal Dokument Strateġiku tal-Pajjiż bi djalogu mal-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel. Dan id-Dokument Strateġiku tal-Pajjiż għandu jieħu kont tar-riżultati tal-valutazzjoni globali l-aktar reċenti ta’ l-operazzjonijiet iffinanzjati taħt ir-Regolament (KE) Nru. 2259/96 u taħt dan ir-Regolament kif ukoll ta’ valutazzjonijiet regolari oħra ta’ operazzjonijiet. Id-dokument ikun marbut ma’ analiżi orjentata għall-problemi, u jintegra kwistjonijiet trasversali bħalma huma t-tnaqqis tal-faqar, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ambjent u s-sostenibbiltà. L-Abbozz tal-Programm Indikattiv Pluriennali jiġi anness mad-Dokument Strateġiku tal-Pajjiż. Numru limitat ta’ setturi ta’ kooperazzjoni bbażat fuq l-oqsma identifikati fl-Artikolu 2 għandu jiġi magħżul. Għal dawn is-setturi, il-modalitajiet u l-miżuri ta’ akkompanjament għandhom jiġu stabbiliti. Safejn hu possibbli, indikaturi ta’ eżekuzzjoni għandhom jiġu żviluppati sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet u l-valutazzjoni tiegħu ta’ l-impatt. Id-Dokument Strateġiku tal-Pajjiż u l-abbozz tal-Programm Indikattiv Pluriennali għandhom jiġu eżaminati mill-kumitat stabbilit ġeografikament kompetenti għall-iżvilupp kif imsemmi fl-Artikolu 8(1), minn hawn il’quddiem imsejjaħ il-‘Kumitat’. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

3.   Il-Programm Indikattiv Pluriennali għandu jiġi nnegozjat u ffirmat mill-Kummissjoni u l-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel. Ir-riżultat finali tan-negozjati għandu jintbagħat lill-Kumitat għal informazzjoni. Jekk ikun hemm talba ta’ wieħed jew aktar mill-membri tal-Kumitat, dan id-dokument jiġi diskuss mill-Kumitat.

4.   Darba fis-sena l-Kumitat għandu jeżamina l-funzjonament, ir-riżultati u r-rilevanza ssoktata tad-Dokument Strateġiku tal-Pajjiż u l-Programm Indikattiv Pluriennali. Jekk il-valutazzjonijiet jew l-iżviluppi rilevanti oħra jindikaw hekk, il-Kumitat jista’ jistieden lill-Kummissjoni biex tinnegozja mal-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel emendi għall-Programm Indikattiv Pluriennali.

5.   Darba fis-sena l-Kumitat għandu, abbażi ta’ preżentazzjoni mill-Kummissjoni, jiddiskuti l-linji gwida ġenerali għall-operazzjonijiet li għandhom jitwettqu fis-sena li jkun imiss.”

(6)

L-Artikolu 7(2) għandu jiġi mħassar.

(7)

L-Artikolu 8 hu b’dan emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejjuna mill-Kumitat ta’ l-Afrika t’Isfel, minn hawn il’quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’;”

(b)

fil-paragrafi 5 u 6 l-ammont ta’ “EUR 5 miljun” għandu jiġi sostitwit b’ “EUR 8 miljun”.

(8)

Fl-Artikolu 10(1) l-ammont ta’ “EUR 885,5 miljun” għandu jiġi sostitwit b’ “EUR 900,5 miljun”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

A. NICOLAI


(1)  L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2004 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2004.

(2)  ĠU L 198, ta’ l-4.8.2000, p. 1.

(3)  ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1.

(4)  ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, tal-31.12.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 317, tal-15.12.2000, p.3.

(7)  ĠU L 311, ta’ l-4.12.1999, p. 1.

(8)  ĠU L 28, tat-30.1.2002, p. 3.

(9)  ĠU L 28, tat-30.1.2002, p.112.


Top