EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0038

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEETest b’rilevanza għaż-ŻEE.

OJ L 158, 30.4.2004, p. 77–123 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 05 Volume 005 P. 46 - 61
Special edition in Estonian: Chapter 05 Volume 005 P. 46 - 61
Special edition in Latvian: Chapter 05 Volume 005 P. 46 - 61
Special edition in Lithuanian: Chapter 05 Volume 005 P. 46 - 61
Special edition in Hungarian Chapter 05 Volume 005 P. 46 - 61
Special edition in Maltese: Chapter 05 Volume 005 P. 46 - 61
Special edition in Polish: Chapter 05 Volume 005 P. 46 - 61
Special edition in Slovak: Chapter 05 Volume 005 P. 46 - 61
Special edition in Slovene: Chapter 05 Volume 005 P. 46 - 61
Special edition in Bulgarian: Chapter 05 Volume 007 P. 56 - 71
Special edition in Romanian: Chapter 05 Volume 007 P. 56 - 71
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 002 P. 42 - 55

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/06/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/38/oj

32004L0038



Official Journal L 158 , 30/04/2004 P. 0077 - 0123


Direttiva 2004/38/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill

tad-29 ta' April 2004

dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 12,18, 40, 44 u 52 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta' l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta' l-istess.

(2) Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

(3) Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta' moviment liberu u ta' residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta' moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni.

(4) Bil-għan li jiġi rrimedjat dan l-approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt ta' moviment liberu u residenza u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta' dan id-dritt, hemm il-bżonn li jkun hemm att leġislattiv uniku li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar il-libertà ta' moviment tal-ħaddiema fil-Komunità [5], u li jħassar l-atti li ġejjin: id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għall-ħaddiema ta' l-Istati Membri u għall-familji tagħhom [6], id-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta' Mejju 1973 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' stabbiliment u ta' provvediment ta' servizzi [7], id-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar id-dritt ta' residenza [8], id-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar id-dritt ta' residenza għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività professjonali tagħhom [9] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE tad-29 ta' Ottubru 1993 dwar id-dritt ta' residenza għall-istudenti [10].

(5) Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjoni ta' "membri tal-familja' għandha tinkludi wkoll is-sieħeb/sieħba reġistrat/reġistrata jekk il-leġislazzjoni tal-Membru Stat li qed jospita jikkonsidra koppja bħal din bħala ekwivalent għal żwieġ."

(6) Sabiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta' dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta' membri ta' familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta' dħul u ta' residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta' l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta' l-Unjoni.

(7) Il-formalitajiet konnessi mal-moviment liberu taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fit-territorju ta' l-Istati Membru għandhom jitfissru b'mod ċar, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet applikabbli għall-kontrolli nazzjonali fil-fruntiera.

(8) Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, dawk li diġà kisbu kard ta' residenza għandhom jiġu eżentati mill-ħtieġa li jiksbu visa ta' dħul fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom il-visas meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa [11] jew, fejn xieraq, il-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli.

(9) Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom ikollhom id-dritt li jgħixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi kondizzjonijiet jew xi formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta' l-identità jew passaport li huma validi, mingħajr preġudizzju għal trattament aktar favorevoli applikabbli għal dawk li qed ifittxu xogħol, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(10) Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' residenza m'għandhomx, madankollu, ikunu ta' piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta' għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta' residenza. Għalhekk, id-dritt ta' residenza għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

(11) Id-dritt fondamentali u personali ta' residenza fi Stat Memrbu ieħor hu konferit direttament mit-Trattat fuq iċ-ċittadini ta' l-Unjoni u ma jiddependix fuq it-tlestija tagħhom tal-proċeduri amministrattivi.

(12) Għal perjodi ta' residenza itwal minn tliet xhur, l-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibilità li jitolbu r-reġistrazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti fil-post ta' residenza, affermata minn ċertifikat ta' reġistrazzjoni maħruġ għal dak il-għan.

(13) Il-ħtieġa tal-karta tar-residenza għandha tkun limitata għall-membri tal-familja taċ-ċittadini ta' l-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru għal perjodi ta' residenza itwal minn tliet xhur.

(14) Id-dokumenti ta' sostenn meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta' residenza jew ta' karta ta' residenza għandhom jiġi speċifikati b'mod komprensiv sabiex jiġu evitati prattiċi jew interpretazzjonijiet amministrattivi diverġenti li jikkostitwixxu ostaklu mhux dovut għall-eżerċizzju tad-dritt ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom.

(15) Il-membri tal-familja għandhom ikunu ġuridikament protetti fil-każ ta' mewt taċ-ċittadin ta' l-Unjoni, ta' divorzju, ta' annullament taż-żwieġ jew tat-tmiem ta' l-unjoni reġistrata. Għandhom għalhekk jittieħdu miżuri li jiżguraw li f'ċirkostanzi bħal dawn, bir-rispett dovut għall-ħajja familjari u għad-dinjità umana, u f'ċerti kondizzjonijiet li jostakolaw abbuż, il-membri tal-familja li qed jgħixu diġà fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti jżommu d-dritt tagħhom ta' residenza esklussivament fuq bażi personali.

(16) Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta' residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta' l-għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti, dawn m'għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta' tkeċċija m'għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta' l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta' diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta' għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta' għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m'għandha tiġi adotatta miżura ta' tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika.

(17) It-tgawdija ta' residenza permanenti miċ-ċittadini ta' l-Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is-sens ta' ċittadinanza ta' l-Unjoni u hi element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali ta' l-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbilit dritt ta' residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta' ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta' tkeċċija.

(18) Sabiex jikkostitwixxi mezz awtentiku ta' integrazzjoni fis-soċjetà ta' l-Istat Membru ospitanti li fih jgħix iċ-ċittadin ta' l-Unjoni, id-dritt ta' residenza permanenti, ġaladarba miksub, m'għandux ikun suġġett għal xi kondizzjonijiet.

(19) Għandhom jinżammu ċerti vantaġġi speċifikati għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom, li jħallu lil dawn il-persuni li jiksbu dritt ta' residenza permanenti qabel ma jkunu għexu għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti, peress li dawn jikkostitwixxu drittijiet miksuba, konferiti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1251/70 tad-29 ta' Ġunju 1970, dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta' l-Istat Membru wara li jkunu ħadmu [12] u mid-Direttiva tal-Kunsill 75/34/KEE tas-17 ta' Diċembru 1974 dwar id-dritt taċ-ċittadini ta' Stat Membru li jibqgħu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor wara li jkunu ħadmu għal rashom. [13].

(20) Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni skond iċ-ċittadinanza, iċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fi Stat Membru skond din id-Direttiva għandhom igawdu, f'dak l-Istat Membru, trattament ugwali bħaċ-ċittadini f'oqsma koperti mit-Trattat, bla ħsara għal dawk id-disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b'mod ċar mit-Trattat u mil-liġi sekondarja.

(21) Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta' residenza, jew għal perjodu itwal f'każ ta' dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta' l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta' residenza permanenti minn dawn l-istess persuni.

(22) It-Trattat jikkonsenta restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta' moviment liberu u residenza għal raġunijiet ta' politika pubblika, ta' sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Sabiex tiġi żgurata definizzjoni rigoruża taċ-ċirkostanzi u tal-garanziji proċedurali li minħabba fihom ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ma jitħallewx jidħlu jew jistgħu jitkeċċew, din id-Direttiva għandha tibdel id-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta' Frar 1964 dwar il-kordinazzjoni tal-miżuri speċjali dwar il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin, li huma ġustifikati minn raġunijiet ta' politika pubblika, ta' sigurtà pubblika u ta' saħħa pubblika [14].

(23) It-tkeċċija taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-familji tagħhom minħabba raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika hi miżura li tista' tweġġa' serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat, ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-iskop ta' dawn il-miżuri għandu għalhekk ikun limitat skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, waqt li jkun ikkunsidrat il-grad ta' integrazzjoni tal-persuni kkonċernati, it-tul tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, l-età tagħhom, il-kondizzjonijiet ta' saħħa, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika u r-rabtiet mal-pajjiż ta' oriġini.

(24) Għalhekk, aktar ma tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, aktar għandha tkun kbira l-protezzjoni kontra tkeċċija. F'ċirkostanzi eċċezzjonali biss, fejn hemm raġunijiet imperattivi ta' sigurtà pubblika, għandha tittieħed miżura ta' tkeċċija kontra ċ-ċittadini ta' l-Unjoni li għexu għal diversi snin fit-territorju ta' l-Istat Membru, b'mod partikolari meta jkunu twieldu u għexu hemm matul il-ħajja kollha tagħhom. B'addizzjoni, dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom japplikaw ukoll għal miżura ta' tkeċċija meħuda kontra minorenni, sabiex jiġu protetti r-rabtiet tagħhom mal-familja, skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ta' l-20 ta' Novembru 1989.

(25) Il-garanziji proċedurali għandhom jiġu wkoll speċifikati fid-dettall sabiex, fuq naħa jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom f'każ li jiġu mċaħħda milli jidħlu jew milli jgħixu fi Stat Membru ieħor, kif ukoll, fuq in-naħa l-oħra, ir-rispett tal-prinċipju li kwalunkwe azzjoni meħuda mill-awtoritajiet għandha tkun kompletament ġustifikata.

(26) Fil-każijiet kollha, iċ-ċittadin ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jistgħu jippreżentaw kawża ġudizzjarja jekk jiġu mċaħħda milli jidħlu jew milli jgħixu fi Stat Membru ieħor.

(27) F'linja mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizza li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jadottaw ordnijiet permanenti li jeskludu mit-territorju tagħhom persuni koperti minn din id-Direttiva, għandu jiġi kkonfermat id-dritt taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li tkeċċew mit-territorju ta' Stat Membru li jippreżentaw applikazzjoni ġdida wara perjodu raġonevoli, u fi kwalunkwe każ, wara perjodu ta' tliet snin mill-infurzar tal-ordni ta' tkeċċija finali.

(28) Biex jipproteġu kontra abbuż tad-drittijiet jew ta' frodi, notevolment żwiġijet ta' konvenjenza jew kwalunkwe forma oħra ta' relazzjonijiet kuntrattwali għall-uniku skop biex jitgawda d-dritt ta' moviment liberu u residenza, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jadottaw il-miżuri neċessarji.

(29) Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa id-disposizzjonijiet nazzjonali li huma aktar favorevoli.

(30) Bil-għan li jiġi eżaminat kif jiġi ffaċilitat aktar id-dritt tal-moviment liberu u ta' residenza, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport sabiex tivvaluta l-opportunità li tippreżenta kwalunkwe proposti neċessarji għal dan l-effett, notevolment fuq l-estensjoni tal-perjodu ta' residenza mingħajr kondizzjonijiet.

(31) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li tinsab fil-Karta, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji ta' din id-Direttiva minħabba sess, razza, kulur tal-ġilda, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta' natura oħra, sħubija f'minoranza etnika, proprjetà, twelid, diżabilità, età, jew preferenzi sesswali,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

Disposizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a) il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri miċ-ċittadini ta' l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

(b) id-dritt ta' residenza permanenti fit-territorju ta' l-Istat Membru taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

(ċ) il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f'(a) u (b) minħabba raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

1. "ċittadin ta' l-Unjoni" tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru;

2. "membru tal-familja" tfisser:

(a) ir-raġel jew martu;

(b) is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f'kuntratt ta' unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta' l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta' Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta' l-Istat Memrbu ospitanti;

(ċ) id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

(d) il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3. "Stat Membru ospitanti" tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta' l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta' moviment liberu u residenza.

Artikolu 3

Benefiċjarji

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta' l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta' l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta' moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista' jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

(a) kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta' l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta' l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta' residenza, jew meta raġunijiet serji ta' saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta' l-Unjoni;

(b) is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta' l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta' dħul jew ta' residenza lil dawn in-nies.

KAPITOLU II

Dritt ta' ħruġ u dħul

Artikolu 4

Dritt ta' ħruġ

1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta' vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni li għandhom karta ta' l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta' Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

2. L-ebda visa ta' ħruġ jew formalità ekwivalenti m'għandha tiġi imposta fuq il-persuni li għalihom japplika l-paragrafu 1.

3. Skond il-liġijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom joħorġu jew iġeddu għaċ-ċittadini tagħhom karta ta' l-identità jew passaport li jiddikjara ċ-ċittadinanza tagħhom.

4. Il-passaport għandu jkun validu minn ta' l-inqas għall-Istati Membri kollha u għall-pajjiżi li minnhom irid jgħaddi meta ċ-ċittadin ikun qed jivjaġġa bejn l-Istati Membri. Fejn il-liġi ta' Stat Membru ma tipprevedix li joħorġu karti ta' l-identità, il-perjodu ta' validità tal-passaport, meta jinħareġ jew jiġi mġedded, m'għandux ikun inqas minn ħames snin.

Artikolu 5

Dritt ta' dħul

1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta' vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta' l-Unjoni li għandhom karta ta' l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru li għandhom passaport validu.

L-ebda visa ta' dħul jew formalità ekwivalenti m'għandha tiġi mposta fuq iċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

2. Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru għandhom jiġu mitluba biss li jkollhom visa ta' dħul skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jew, fejn xieraq, skond il-liġi nazzjonali. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, il-pussess ta' karta ta' residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta' visa.

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lil dawn il-persuni kull faċilità biex jiksbu l-visas neċessarji. Dawn il-visas għandhom jinħarġu b'xejn kemm jista' jkun malajr u skond il-proċedura aċċelerata.

3. L-Istat Membru ospitanti m'għandux jagħmel timbru ta' dħul jew ta' ħruġ fuq il-passaport tal-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru sakemm huma jippreżentaw il-karta tar-residenza prevista fl-Artikolu 10.

4. Meta ċittadin ta' l-Unjoni, jew membru tal-familja li mhux ċittadin ta' Stat Membru, m'għandux id-dokumenti ta' vjaġġar neċessarji jew, jekk meħtieġ, il-visas neċessarji, l-Istat Membru kkonċernat, qabel ma jibgħathom lura, għandu jagħti lil dawn il-persuni kull opportunità raġonevoli biex jiksbu jew iġibu d-dokumenti neċessarji f'perjodu ta' żmien raġonevoli jew inkella jistgħu juru jew jiċċertifikaw b'mezzi oħra li huma koperti mid-dritt ta' moviment liberu u residenza.

5. L-Istat Membru jista' jeħtieġ lill-persuna kkonċernata li tiddikjara l-presenza tagħha fit-territorju nazzjonali fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju. In-nuqqas li dan l-obbligu jiġi osservat jista' jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.

KAPITOLU III

Dritt ta' residenza

Artikolu 6

Dritt ta' residenza sa tliet xhur

1. Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom id-dritt ta' residenza fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta' l-identità jew passaport li huma validi.

2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta' l-Unjoni.

Artikolu 7

Dritt ta' residenza ta' aktar minn tliet xhur

1. Iċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni għandhom id-dritt ta' residenza fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għal perjodu ta' aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a) ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b) għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta' piż fuq is-sistema ta' l-għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta' residenza u għandhom assigurazzjoni ta' mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(ċ) - miktuba f'istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta' studju, inkluż taħriġ professjonali; u

- għandhom assigurazzjoni ta' mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta' dikjarazzjoni jew b'mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta' piż fuq is-sistema ta' l-għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta' residenza; jew

(d) membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma' ċittadin ta' l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2. Id-dritt ta' residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta' l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta' l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).

3. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta' l-Unjoni li m'għadux jaħdem jew li m'għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta' ħaddiem jew ta' persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

(b) il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma' l-uffiċċju ta' l-impjieg rilevanti;

(ċ) il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta' xogħol għal żmien fiss ta' anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma' l-uffiċċju ta' l-impjieg rilevanti. F'dan il-każ, l-istatus ta' ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

(d) il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta' l-istatus ta' ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.

4. Permezz ta' deroga mill-paragrafi 1(d) u 2 t'hawn fuq, ir-raġel jew il-mara, is-sieħeb/sieħba reġistrat/a previsti fl-Artikolu 2(2)(b) u t-tfal dipendenti biss għandhom id-dritt ta' residenza bħala membri tal-familja ta' ċittadin ta' l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet taħt 1(ċ) t'hawn fuq. L-Artikolu 3(2) għandu japplika għall-qraba diretti dipendenti tiegħu u għar-raġel, għall-mara jew għas-sieħeb/sieħba reġistrat/a.

Artikolu 8

Formalitajiet amministrattivi għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(5), għal perjodi ta' residenza ta' aktar minn tliet xhur, l-Istat Membru ospitanti jista' jeħtieġ li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni jirreġistraw ma' l-awtoritajiet rilevanti.

2. It-terminu perentorju għal reġistrazzjoni m'għandux ikun inqas minn tliet xhur mid-data tal-waslien. Għandu jinħareġ immedjatament ċertifikat ta' reġistrazzjoni, li jiddikjara l-isem u l-indirizz tal-persuna li qed tirreġistra u d-data tar-reġistrazzjoni. In-nuqqas li dan l-obbligu ta' reġistrazzjoni jiġi osservat jista' jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.

3. Biex jinħareġ iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu biss li:-

- iċ-ċittadini ta' l-Unjoni li għalihom japplika l-punt (a) ta' l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta' ta' l-identità jew passaport li huma validi, konferma ta' tħaddim minn dak li jħaddem jew ċertifikat ta' xogħol, jew prova li huma persuni li jaħdmu għal rashom,

- iċ-ċittadini ta' l-Unjoni li għalihom japplika l-punt (b) ta' l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta ta' l-identità jew passaport li huma validi u jipprovdu prova li huma jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti hemm,

- iċ-ċittadini ta' l-Unjoni li għalihom jirreferi l-punt (ċ) ta' l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta' ta' l-identità jew passaport li huma validi, jipprovdu prova ta' dħul f'istitut akkreditat u ta' assigurazzjoni ta' mard komprensiva u d-dikjarazzjoni jew mezzi ekwivalenti msemmija fil-punt (ċ) ta' l-Artikolu 7(1). L-Istati Membri jistgħu ma jeħtieġux li din id-dikjarazzjoni tirreferi għal xi ammont speċifiku ta' riżorsi.

4. L-Istati Membri jistgħu ma jistabbilixxux ammont fiss li huma jikkunsidraw bħala "riżorsi suffiċjenti", imma għandhom iqisu s-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata. Fil-każijiet kollha, dan l-ammont m'għandux ikun ogħla mil-limitu li taħtu ċ-ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti jkunu eliġibbli għal għajnuna soċjali, jew, fejn ma tapplikax din il-kriterja, ogħla mill-pensjoni minima soċjali mħallsa mill-Istat Membru ospitanti.

5. Biex jinħareġ ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni lill-membri tal-familja taċ-ċittadini ta' l-Unjoni, li huma wkoll ċittadini ta' l-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jiġu ppreżentati d-dokumenti li ġejjin:

(a) karta ta' l-identità jew passaport li huma validi;

(b) dokument li juri l-eżistenza ta' relazzjoni ta' familja jew ta' unjoni reġistrata;

(ċ) fejn approprjat, iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni taċ-ċittadin ta' l-Unjoni li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu miegħu;

(d) fil-każijiet li jaqgħu taħt il-punti (ċ) u (d) ta' l-Artikolu 2(2), evidenza dokumentata li turi li l-kondizzjonijiet stabbiliti hawn qed jintlaħqu;

(e) fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(a), dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti fil-pajjiż ta' oriġini jew mill-pajjiż minn fejn ġejjin li jiċċertifika li huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta' l-Unjoni, jew prova ta' eżistenza ta' raġunijiet serji ta' saħħa li strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta' l-Unjoni;

(f) fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(b), prova ta' eżistenza ta' relazzjoni stabbli maċ-ċittadin ta' l-Unjoni.

Artikolu 9

Formalitajiet amministrattivi għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru

1. Meta l-perjodu ppjanat tar-residenza hu ta' aktar minn tliet xhur, l-Istati Membri għandhom joħorġu karta ta' residenza lill-membri tal-familja taċ-ċittadin ta' l-Unjoni li m'għandhomx iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

2. It-terminu perentorju li fih għandha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ħruġ tal-karta ta' residenza m'għandux ikun inqas minn tliet xhur mid-data tal-waslien.

3. In-nuqqas li jiġi osservat l-obbligu ta' applikazzjoni għal karta ta' residenza jista' jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.

Artikolu 10

Ħruġ tal-karta ta' residenza

1. Id-dritt ta' residenza tal-membri tal-familja ta' ċittadin ta' l-Unjoni li m'għandhomx ċittadinanza ta' Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta' dokument imsejjaħ "Karta ta' residenza ta' membru ta' familja taċ-ċittadin ta' l-Unjoni" mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta' applikazzjoni għall-karta ta' residenza.

2. Biex tinħareġ il-karta ta' residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

(a) passaport validu;

(b) dokument li juri l-eżistenza ta' relazzjoni ta' familja jew ta' unjoni reġistrata;

(ċ) iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta' sistema ta' reġistrazzjoni, kwalunkwe evidenza oħra ta' residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin ta' l-Unjoni li qiegħdin jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu miegħu;

(d) fil-każijiet li jaqgħu taħt il-punti (ċ) u (d) ta' l-Artikolu 2(2), l-evidenza dokumentata li qed jintlaħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti;

(e) fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(a), dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu li jiċċertifika li huma dipendenti jew membri tan-nukleu familjari taċ-ċittadin ta' l-Unjoni, jew evidenza ta' l-eżistenza ta' raġunijiet serji ta' saħħa li jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta' l-Unjoni;

(f) f'każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(b), evidenza ta' l-eżistenza ta' relazzjoni stabbli maċ-ċittadin ta' l-Unjoni.

Artikolu 11

Validità tal-karta ta' residenza

1. Il-karta ta' residenza prevista mill-Artikolu 10(1) għandha tkun valida għal ħames snin mid-data tal-ħruġ jew tkun valida għal perjodu ta' residenza previst miċ-ċittadin ta' l-Unjoni, jekk dan il-perjodu hu inqas minn ħames snin.

2. Il-validità tal-karta ta' residenza m'għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur fis-sena, jew minn assenzi ta' dewma itwal għal servizz militari obbligatorju jew minn assenza waħda ta' massimu ta' 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala jew maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

Artikolu 12

Żamma tad-dritt ta' residenza tal-membri tal-familja f'każ ta' mewt jew tluq miċ-ċittadin ta' l-Unjoni

1. Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, il-mewt jew it-tluq taċ-ċittadin ta' l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti m'għandux jolqot id-dritt ta' residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m'għandhomx ċittadinanza ta' Stat Membru.

Qabel jinkiseb id-dritt ta' residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta' l-Artikolu 7(1).

2. Mingħajr preġudizzju tat-tieni sottoparagrafu, il-mewt taċ-ċittadin ta' l-Unjoni ma jwassalx it-telf tad-dritt ta' residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m'għandhomx ċittadinanza ta' Stat Membru u li kienu qed jgħixu fl-Istat Membru ospitanti bħala membri tal-familja għal ta' l-inqas sena qabel il-mewt taċ-ċittadin ta' l-Unjoni.

Qabel jinkiseb id-dritt ta' residenza permanenti, id-dritt ta' residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa' suġġett għall-ħtieġa li jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta' piż fuq is-sistema ta' għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta' residenza tagħhom, kif ukoll li għandhom assigurazzjoni ta' mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma parti min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta' persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. "Riżorsi biżżejjed" huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta' residenza esklussivament b'titlu personali.

3. It-tluq taċ-ċittadin ta' l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m'għandux iwassal għal telf tad-dritt ta' residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f'istituzzjoni edukattiv, għal skop ta' studju, sat-tlestija ta' l-istudji tagħhom.

Artikolu 13

Żamma tad-dritt ta' residenza mill-membri ta' familja f'każ ta' divorzju, ta' annullament ta' żwieġ, jew ta' tmiem ta' unjoni reġistrata

1. Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta' l-Unjoni jew it-tmiem ta' l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta' l-Artikolu 2, m'għandhomx jaffettwaw id-dritt ta' residenza tal-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta' Stat Membru.

Qabel jinkiseb id-dritt ta' residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta' l-Artikolu 7(1).

2. Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta' l-Unjoni jew it-tmiem ta' l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta' l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta' residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta' l-Unjoni li m'għandhomx ċittadinanza ta' Stat Membru fejn:

(a) qabel il-bidu tal-proċeduri ta' divorzju jew ta' annullament jew it-tmiem ta' l-unjoni reġistrata msemmija fil-punt 2(b) ta' l-Artikolu 2, iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata damu minn ta' l-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b) ir-raġel/mara jew is-sieħeb/sieħba li m'għandhomx iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru u li għandhom il-kustodja tat-tfal taċ-ċittadin ta' l-Unjoni skond ftehim bejn il-miżżewġin jew bejn is-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt 2(b) ta' l-Artikolu 2, jew b'deċiżjoni ġudizjarja; jew

(ċ) dan hu ġustifikat minn ċirkostanzi b'mod partikolari diffiċli, bħall-fatt li tkun vittma ta' vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata; jew

(d) ir-raġel/mara jew is-sieħeb/sieħba li m'għandhomx iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru u li għandhom id-dritt ta' aċċess għal tifel/tifla minorenni skond ftehim bejn il-miżżewġin jew bejn is-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt 2(b) ta' l-Artikolu 2, jew b'deċiżjoni ġudizzjarja, b'kondizzjoni li l-Qorti ddeċidiet li dan l-aċċess għandu jkun fl-Istat Membru ospitanti, u għal tul ta' żmien meqjus bħala neċessarju.

Qabel jinkiseb id-dritt ta' residenza permanenti, id-dritt ta' residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa s-suġġett tal-ħtieġa li huma jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew li huma persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta' piż fuq is-sistema ta' għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta' residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta' mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta' persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. "Riżorsi biżżejjed' huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4)."

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta' residenza esklussivament b'titlu personali.

Artikolu 14

Żamma tad-dritt ta' residenza

1. Ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta' residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta' piż fuq is-sistema ta' għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti.

2. Ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta' residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F'każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta' dan. Din il-verika m'għandhiex titwettaq sistematikament.

3. Miżura ta' tkeċċija m'għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta' l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta' għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti.

4. Permezz ta' deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m'għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta' tkeċċija kontra ċittadini ta' l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

(a) iċ-ċittadini ta' l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

(b) iċ-ċittadini ta' l-Unjoni daħlu fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F'dan il-każ, iċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m'għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta' l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.

Artikolu 15

Garanziji proċedurali

1. Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta' politika pubblika, ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika.

2. L-iskadenza tal-karta ta' l-identità jew tal-passaport b'liema l-persuna kkonċernata daħlet fl-Istat Membru ospitanti u li ngħatat ċertifikat ta' reġistrazzjoni jew karta ta' residenza m'għandhiex tikkostitiwixxi raġuni għal tkeċċija mill-Istat Membru ospitanti.

3. L-Istat Membru ospitanti m'għandux jimponi projbizzoni fuq id-dħul fil-kuntest ta' deċiżjoni ta' tkeċċija li għaliha japplika l-paragrafu 1.

KAPITOLU IV

Dritt ta' residenza permanenti

Taqsima I

Eliġibilità

Artikolu 16

Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom

1. Iċ-ċittadin ta' l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta' ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta' residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m'għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m'għandhomx ċittadinanza ta' Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta' l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta' ħames snin.

3. Il-kontinwità tar-residenza m'għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f'sena, jew minn assenzi ta' dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta' massimu ta' 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4. Meta jinkiseb, id-dritt ta' residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta' assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta' sentejn konsekuttivi.

Artikolu 17

Derogi favur persuni li m'għadhomx jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti u għall-membri tal-familja tagħhom

1. B'deroga mill-Artikolu 16, id-dritt ta' residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti għandu jitgawda qabel it-tlestija ta' perjodu kontinwu ta' ħames snin ta' residenza minn:

(a) ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom li, fil-ħin li jieqfu jaħdmu, laħqu l-età stabbilita mil-liġi ta' dak l-Istat Membru għal jedd ta' pensjoni ta' xjuħija jew ħaddiema li waqfu minn xogħol b'salarju biex jirtiraw kmieni, sakemm kienu ilhom jaħdmu f'dak l-Istat Membru minn ta' l-anqas matul l-aħħar tnax-il xahar u għexu hemm b'mod kontinwu għal aktar minn tliet snin.

Jekk il-liġi ta' l-Istat Membru ospitanti ma tirrikonoxxix id-dritt għal pensjoni ta' xjuħija lil ċerti kategoriji ta' persuni li jaħdmu għal rashom, il-kondizzjoni dwar l-età għandha titqies bħala li ntlaqħet meta l-persuna kkonċernata tagħlaq 60 sena;

(b) ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom li għexu kontinwament fl-Istat Membru ospitanti għal aktar minn sentejn u jieqfu jaħdmu hemm minħabba inkapaċità permanenti għal xogħol.

Jekk din l-inkapaċità hi r-riżultat ta' aċċident fuq ix-xogħol jew ta' mard ikkaġunat minn ċertu xogħol li jintitola lill-persuna kkonċernata għal benefiċċju pagabbli totalment jew parzjalment minn istituzzjoni fl-Istat Membru ospitanti, m'għandha tiġi mposta l-ebda kondizzjoni dwar it-tul tar-residenza;

(ċ) ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom li, wara tliet snin ta' xogħol u residenza kontinwi fl-Istat Membru ospitanti, jeżerċitaw attività ta' xogħol subordinata jew awtonoma fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jżommu l-post ta' residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, li jmorru lura fih, bħala regola, kuljum jew ta' l-inqas darba fil-ġimgħa.

Għall-iskopijiet ta' jeddijiet tad-drittijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), perjodi ta' xogħol magħmula fl-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata qed taħdem għandhom jitqiesu bħala li saru fl-Istat Membru ospitanti.

Il-perjodi ta' qgħad involontarju, debitament reġistrat mill-uffiċċju ta' xogħol rilevanti, jew il-perjodi ta' sospensjoni għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tal-persuna kkonċernata u n-nuqqas mix-xogħol jew il-waqfien ta' xogħol minħabba mard jew inċident għandhom jitqiesu bħala perjodi ta' xogħol.

2. Il-kondizzjonijiet dwar it-tul ta' residenza u impjieg stabbiliti fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u l-kondizzjoni dwar it-tul ta' residenza stabbilita fil-punt (b) tal-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw jekk ir-raġel/il-mara jew is-sieħeb/sieħba tal-ħaddiem jew tal-persuna li taħdem għal rasha kif imfissra fil-punt 2(b) ta' l-Artikolu 2 għandhom iċ-ċittadinanza ta' l-Istat Membru ospitanti jew tilfu ċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat Membru minħabba żwieġ ma' dak il-ħaddiem jew ma' dik il-persuna li taħdem għal rasha.

3. Irrispettivament miċ-ċittadinanza, il-membri tal-familja ta' ħaddiem jew ta' persuna li taħdem għal rasha li qed jgħixu miegħu/magħha fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti għandhom id-dritt ta' residenza permanenti f'dak l-Istat Membru, jekk il-ħaddiem jew il-persuna li taħdem għal rasha j/tikseb id-dritt ta' residenza permanenti f'dak l-Istat Membru skond il-paragrafu 1.

4. Jekk, madankollu, il-ħaddiem jew il-persuna li taħdem għal rasha j/tmut waqt li kien/et qed j/taħdem imma qabel ma j/tikseb l-istatus ta' residenza permanent fl-Istat Membru ospitanti skond il-paragrafu 1, il-membri tal-familja li qed jgħixu miegħu/magħha fl-Istat Membru ospitanti għandhom jiksbu d-dritt ta' residenza permanenti hemm, b'kondizzjoni li:

(a) il-ħaddiem jew il-persuna li taħdem għal rasha kien/et, fil-ħin tal-mewt, għex/et kontinwament fit-territorju ta' dak l-Istat Membru għal sentejn; jew

(b) il-mewt kien kaġun ta' inċident fuq ix-xogħol jew ta' mard ikkaġunat minn ċertu xogħol; jew

(ċ) ir-raġel/il-mara li baqa'/baqgħet ħajja tilef/tilfet iċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat Membru wara ż-żwieġ mal-ħaddiem jew mal-persuna li taħdem għal rasha.

Artikolu 18

Kisba tad-dritt ta' residenza permanenti minn ċerti membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, il-membri tal-familja ta' ċittadin ta' l-Unjoni li għalihom japplikaw l-Artikoli 12(2) u 13(2), li jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fihom, għandhom jiksbu d-dritt ta' residenza permanenti wara li jgħixu legalment għal perjodu ta' ħames snin konsekuttivi fl-Istat Membru ospitanti.

Taqsima II

Formalitajiet amministrattivi

Artikolu 19

Dokument li jiċċertifika r-residenza permanenti taċ-ċittadini ta' l-Unjoni

1. L-Istati Membri, wara li jivverifikaw id-dewma tar-residenza, fuq preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni għandhom joħorġu liċ-ċittadin ta' l-Unjoni li hu ntitolat għal dritt ta' residenza permanenti dokument li jiċċertifika din ir-residenza permanenti.

2. Id-dokument li jiċċertifika residenza permanenti għandu jinħareġ kemm jista' jkun malajr.

Artikolu 20

Karta ta' residenza permanenti għall-membri tal-familja li m'għandhomx ċittadinanza ta' Stat Membru

1. L-Istati Membri għandhom joħorġu lill-membri tal-familja li m'għandhomx ċittadinanza ta' Stat Membru u li huma ntitolati għal karta ta' residenza permanenti fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni. Il-karta ta' residenza permanenti għandha tiġġedded awtomatikament kull 10 snin.

2. L-applikazzjoni għal karta ta' residenza permanenti għandha tiġi ppreżentata qabel tiskadi l-karta ta' residenza. In-nuqqas li jiġi osservat l-obbligu ta' applikazzjoni għal karta ta' residenza permanenti jista' jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.

3. L-interruzzjoni fl-għixien li ma jaqbiżx sentejn konsekuttivi m'għandhiex tolqot il-validità tal-karta ta' residenza permanenti.

Artikolu 21

Kontinwità ta' residenza

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, kontinwità ta' residenza tista' tiġi vverifikata permezz ta' kwalunkwe evidenza fl-użu fl-Istat Membru ospitanti. Il-kontinwità ta' residenza tinkiser bi kwalunkwe deċiżjoni ta' tkeċċija debitament sfurzata kontra l-persuna kkonċernata.

KAPITOLU V

Disposizzjonijiet komuni għad-dritt ta' residenza u għad-dritt ta' residenza permanenti

Artikolu 22

Firxa territorjali

Id-dritt ta' residenza u d-dritt ta' residenza permanenti għandhom ikopru t-territorju kollu ta' l-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet territorjali fuq id-dritt ta' residenza u fuq id-dritt ta' residenza permanenti biss meta l-istess restrizzjonijiet japplikaw għaċ-ċittadini tagħhom.

Artikolu 23

Drittijiet relatati

Irrispettivament miċ-ċittadinanza, il-membri tal-familja ta' ċittadin ta' l-Unjoni li għandu d-dritt ta' residenza jew id-dritt ta' residenza permanenti fi Stat Membru għandhom ikunu ntitolati li jaħdmu jew li jaħdmu għal rashom hemmhekk.

Artikolu 24

Trattament ugwali

1. Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b'mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta' dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru u li għandhom id-dritt ta' residenza jew għandhom residenza permanenti.

2. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m'għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta' għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta' residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta' residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta' manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f'konċessjonijiet ta' l-istudenti jew f'self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.

Artikolu 25

Disposizzjonijiet ġenerali dwar id-dokumenti ta' residenza

1. Il-pussess ta' ċertifikat ta' reġistrazzjoni kif imfisser fl-Artikolu 8, ta' dokument li jiċċertifika residenza permanenti, ta' ċertifikat li juri l-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-karta ta' residenza għall-membru tal-familja, ta' karta ta' residenza jew ta' karta ta' residenza permanenti, ma jista' taħt l-ebda ċirkostanzi jkun ikkondizzjonat minn qabel għall-eżerċizzju ta' dritt jew għat-tlestija ta' formalità amministrattiva, peress li l-jedd għad-drittijiet jista' jiġi vverifikat minn mezzi oħra ta' evidenza.

2. Id-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinħarġu b'xejn jew kontra piż li ma jaqbiżx dak impost fuq ċittadini għall-ħruġ ta' dokumenti simili.

Artikolu 26

Kontrolli

L-Istati Membri jistgħu jwettqu kontrolli fuq konformità ma' kwalunkwe ħtieġa li toħroġ mil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom għal dawk li mhumiex ċittadini li jġorru dejjem iċ-ċertifikat ta' residenza jew il-karta ta' residenza tagħhom, sakemm l-istess ħtieġa tapplika għaċ-ċittadini tagħhom fir-rigward tal-karta ta' l-identità. F'każ ta' nuqqas li titħares din il-ħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jimponu l-istess sanzjonijiet bħal dawk imposti fuq iċ-ċittadini tagħhom għan-nuqqas li tinġarr il-karta ta' l-identità.

KAPITOLU VI

Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' dħul u fuq id-dritt ta' residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika

Artikolu 27

Prinċipji ġenerali

1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta' moviment u residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m'għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta' proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta' l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m'għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta' l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni ġenerali m'għandhomx jiġu aċċettati.

3. Sabiex ikun aċċertat jekk il-persuna kkonċernata tirrappreżentax periklu għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika, fil-ħruġ taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta' sistema ta' reġistrazzjoni, mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tal-waslien tal-persuna kkonċernata fit-territorju jew mid-data tar-rappurtaġġ tal-preżenza tagħha fit-territorju, kif previst fl-Artikolu 5(5), jew fil-mument li tinħareġ il-karta ta' residenza, l-Istat Membru ospitanti jista', jekk dan jitqies bħala essenzali, jitlob lill-Istat Membru ta' oriġini u, jekk hemm il-bżonn lill-Istati Membri oħra, biex jipprovdu informazzjoni dwar rekordji tal-pulizija preċedenti li jista' jkollha l-persuna kkonċernata. Dan l-istħarriġ m'għandux isir b'mod sistematiku. L-Istat Membru kkonsultat jista' jagħti r-risposta tiegħu fi żmien xahrejn.

4. L-Istat Membru li ħareġ il-passaport jew il-karta ta' l-identità għandu jħalli lit-titolar tad-dokument li tkeċċa minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika minn Stat Membru ieħor biex jerġa' jidħol fit-territorju tiegħu mingħajr xi formalità anke jekk id-dokument m'għadux validu aktar jew jekk iċ-ċittadinanza tat-titolar qed tiġi kkontestata.

Artikolu 28

Protezzjoni minn tkeċċija

1. Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta' tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta' l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta' saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta' oriġini.

2. L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta' tkeċċija kontra ċittadini ta' l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta' residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika.

3. Deċiżjoni ta' tkeċċija m'għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta' l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta' sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

(a) għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

(b) huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta' l-20 ta' Novembru 1989.

Artikolu 29

Saħħa pubblika

1. L-uniċi mard li jiġġustifikaw miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta' moviment għandhom ikunu l-mard b'potenzal epidermiku kif imfisser mill-Organizzazzjoni ta' Saħħa Dinjija u mard ieħor infettiv jew mard parassit kontaġjuż jekk huma s-suġġetti tad-disposizzjonijiet protettivi li japplikaw għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti.

2. Mard li joħroġ wara perjodu ta' tliet xhur mid-data tal-waslien m'għandux jikkostitwixxi raġunijiet għal tkeċċija mit-territorju.

3. Fejn hemm indikazzjonijiet serji li dan hu neċessarju, l-Istati Membri jistgħu, fi żmien tliet xhur mid-data tal-waslien, jeħtieġu lill-persuni ntitolati għad-dritt ta' residenza li jagħmlu eżami mediku b'xejn biex ikunu ċċertifikati li ma jsofrux minn xi kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Dawn l-eżamijiet mediċi m'għandhomx isiru b'mod sistematiku.

Artikolu 30

Notifika ta' deċiżjonijiet

1. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b'tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

2. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta' politika pubblika, ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.

3. In-notifika għandha tispeċifika l-awtorità amministrattiva u dik ta' ġurisprudenza li magħha l-persuna kkonċernata tista' tiddepożita appell, il-limitu ta' żmien għall-appell u, fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta' l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta' urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m'għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta' notifika.

Artikolu 31

Garanziji proċedurali

1. Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta' kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta' kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2. Meta l-applikazzjoni għall-appell kontra jew għar-reviżjoni tad-deċiżjoni ta' tkeċċija hi akkumpanjata minn applikazzjoni għal ordni temporanja biex jiġi sospiż l-infurzar ta' dik id-deċiżjoni, m'għandiex isseħħ it-tneħħija proprja mit-territorju sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar l-ordni temporanja, ħlief:

- fejn id-deċiżjoni ta' tkeċċija hi bbażata fuq deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti; jew

- fejn il-persuni kkonċernati kellhom aċċess preċedenti għal reviżjoni ġudizzjarja; jew

- fejn id-deċiżjoni ta' tkeċċija hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta' sigurtà politika skond l-Artikolu 28(3).

3. Il-proċeduri ta' riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b'mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

4. L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-individwu kkonċernat mit-territorju tagħhom matul il-proċeduri ta' riżarċiment, imma ma jistgħux jostakolaw milli l-individwu jippreżenta d-difiża tiegħu personalment, ħlief meta l-apparenza tiegħu tista' toħloq inkonvenjenza serja għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika jew meta l-appell jew ir-reviżjoni ġudizzjarja tikkonċerna t-tiċħid tad-dħul fit-territorju.

Artikolu 32

Tul ta' żmien ta' l-ordnijiet ta' tkeċċija

1. Persuni esklużi minħabba raġunijiet ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għat-tneħħija ta' l-ordni ta' tkeċċija wara perjodu raġonevoli, skond iċ-ċirkostanzi, u fi kwalunkwe każ wara tliet snin mill-infurzar ta' l-aħħar ordni ta' tkeċċija li ġiet adottata b'mod validu skond il-liġi tal-Komunità, billi jiġu ppreżentati argumenti biex jiġi stabbilit li kien hemm tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi li ġġustifikaw id-deċiżjoni li tordna l-esklużjoni tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jilħaq deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni sa sitt xhur mill-preżentazzjoni tagħha.

2. Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhom l-ebda dritt li jidħlu fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat waqt li tkun qed tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tagħhom.

Artikolu 33

Tkeċċija bħala penali jew konsegwenza legali

1. L-Istat Membru ospitanti m'għandux joħroġ ordnijiet ta' tkeċċija bħala penali jew konsegwenza legali ta' piena ta' ħabs, sakemm dawn m'humiex skond il-ħtiġiet ta' l-Artikoli 27, 28 u 29.

2. Jekk ordni ta' tkeċċija, kif prevista fil-paragrafu 1, tiġi mposta aktar minn sentejn wara li nħarġet, l-Istat Membru għandu jikkontrolla jekk l-individwu kkonċernat hux ta' theddida, ġenwinament u attwalment, għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika u għandu jevalwa jekk kienx hemm xi tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi minn meta nħarġet l-ordni ta' tkeċċija.

KAPITOLU VII

Disposizzjonijiet finali

Artikolu 34

Pubbliċità

L-Istati Membri għandhom jiżvelaw l-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom dwar is-suġġetti koperti b'din id-Direttiva, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni effettwati permezz tal-mezzi ta' komunikazzjoni nazzjonali u lokali u mezzi oħrajn.

Artikolu 35

Abbuż tad-drittijiet

L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b'din id-Direttiva f'każ ta' abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta' konvenjenza. Kwalunkwe miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u bla ħsara għall-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 30 u 31.

Artikolu 36

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-disposizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-regoli nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom. Is-sanzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu effettivi u proporzjonati. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dawn id-disposizzjonijiet mhux aktar tard mit-30 ta' April 2006 u kemm jista' jkun malajr fil-każ ta' tibdil sussegwenti.

Artikolu 37

Disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli

Id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhomx jolqtu xi liġijiet, regoli jew disposizzjonijiet amministrattivi stabbiliti minn Stat Membru li jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva.

Artikolu 38

Abrogazzjonijiet

1. L-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 għandhom jitħassru b'effett mit-30 ta' April 2006.

2. Id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandhom jitħassru b'effett mit-30 ta' April 2006.

3. Ir-referenzi li jsiru għad-disposizzjonijiet u għad-Direttivi mħassra għandhom jitqiesu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva.

Artikolu 39

Rapport

Mhux aktar tard mit-30 ta' April 2006, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien mal-proposti neċessarji, notevolment dwar l-opportunità li jiġi estiż il-perjodu ta' żmien li matulu ċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jistgħu jgħixu fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti mingħajr xi kondizzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex jitħejja r-rapport.

Artikolu 40

Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi skond din id-Direttiva sat-30 ta' April 2006.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir it-tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva flimkien ma' tabella li turi kif id-disposizzjonijiet jikkorrespondu mad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati.

Artikolu 41

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 42

Destinatarji

Din id-Direttiva hi ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasbourg, fid-29 ta' April 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 270 E, tal-25.9.2001, pġ. 150.

[2] ĠU C 149, tal-21.6.2002, pġ. 46.

[3] ĠU C 192, tat-12.8.2002, pġ. 17.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2003 (ĠU C 43 E, tad-19.2.2004, pġ. 42), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2003 (ĠU C 54 E, tat-2.3.2004, pġ. 12) u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Marzu 2004 (għadha mhiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 257, tad-19.10.1968, pġ. 2. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 2434/92 (ĠU L 245, tas-26.8.1992, pġ. 1).

[6] ĠU L 257, tad-19.10.1968, pġ. 13. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni 2003.

[7] ĠU L 172, tat-28.6.1973, pġ. 14.

[8] ĠU L 180, tat-13.7.1990, pġ. 26.

[9] ĠU L 180, tat-13.7.1990, pġ. 28.

[10] ĠU L 317, tat-18.12.1993, pġ. 59.

[11] ĠU L 81, tal-21.3.2001, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 453/2003 (ĠU L 69, tat-13.3.2003, pġ. 10).

[12] ĠU L 142, tat-30.6.1970, pġ. 24.

[13] ĠU L 14, ta' l- 20.1.1975, pġ. 10.

[14] ĠU 56, ta' l- 4.4.1964, pġ. 850. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 75/35/KEE (ĠU 14, ta' l-20.1.1975, pġ. 14).

--------------------------------------------------

Top