EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0858

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta' Dicembru 2004 li twaqqaf aġenzija esekuttiva bl-isem Aġenzija Esekuttiva għall-Programm dwar is-Saħħa Pubblika għat-tmexxija ta' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubbilka — b'applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 tal-Kunsill

OJ L 369, 16.12.2004, p. 73–75 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 269M, 14.10.2005, p. 98–100 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 01 Volume 008 P. 366 - 368
Special edition in Romanian: Chapter 01 Volume 008 P. 366 - 368

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013D0770

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/858/oj

14.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

98


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Dicembru 2004

li twaqqaf aġenzija esekuttiva bl-isem “Aġenzija Esekuttiva għall-Programm dwar is-Saħħa Pubblika” għat-tmexxija ta' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubbilka — b'applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 tal-Kunsill

(2004/858/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 li jistipola l-istatut għall-aġenziji esekuttivi li se jkunu fdati b'ċerti ħidmiet li għandhom x'jaqsmu mat-tmexxija tal-programmi Komunitarji (1), u partikolarment l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 jagħti setgħa lill-Kummissjoni li twaqqaf aġenziji esekuttivi konformi ma' l-istatut stipulat minn dan ir-Regolament u tafdalhom ċerti ħidmiet ta' tmexxija li għandhom x'jaqsmu ma' wieħed jew aktar mill-programmi Komunitarji; din id-Deċiżjoni ma taffettwax il-firxa tar-Regolament.

(2)

Il-ħolqien ta' aġenzija esekuttiva għandu l-għan li jgħin lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-attivitajiet u l-ħidmiet ewlenin tagħha li ma jistgħux jiġu assenjati lil entitajiet esterni, mingħajr ma titlef, madankollu, l-kontroll fuq, jew ir-responsabbiltà aħħarija għal, l-attivitajiet li jitmexxew mill-aġenziji esekuttivi msemmija.

(3)

It-tmexxija tal-programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika, adottat mid-Deċiżjoni (2) Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002, tinvolvi l-implimentazzjoni ta' proġetti tekniċi li ma jimplikawx teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u li jeħtieġu livell għoli ta' għarfien tekniku u finanzjarju tul il-proġett kollu.

(4)

Id-delega lil aġenzija esekuttiva ta' ħidmiet marbuta ma' l-implimentazzjoni ta' programm hija xi ħaġa possibbli, flimkien ma' distinzjoni ċara bejn il-fażi tal-programmazzjoni tal-proġett, li huwa xogħol il-Kummissjoni, u l-fażi ta' l-implimentazzjoni, li se tkun f'idejn l-aġenzija esekuttiva.

(5)

Sar studju li jqabbel l-ispejjeż mal-benefiċċji li wera li l-aġenzija esekuttiva tkun mezz aktar ekonomiku għat-titjib ta' l-effettività fil-mod ta' kif jiġi implimentat il-programm għas-saħħa pubblika. Fuq il-karatteristiċi ta' dan il-programm, l-enfasi hija fuq id-delega ta' ħidmiet tekniċi, bil-għan ewlieni jkun it-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-programm Komunitarju msemmi u l-komunitajiet ta'esperti fl-Istati Membri.

(6)

L-aġenzija se jkollha timmobilizza esperti ta' livell għoli sabiex tilħaq l-għanijiet definiti mill-Kummissjoni u taħt il-kontroll tagħha. L-aġenzija se jkollha wkoll tottimizza l-implimentazzjoni tal-programm billi tiffaċilita r-reklutaġġ ta' speċjalisti fi kwistjonijiet ta' saħħa pubblika.

(7)

Minbarra ħidmietha għaż-żmien fit-tul, l-aġenzija se ttejjeb il-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-programm. Il-programm ta' ħidma annwali ta' l-aġenzija għandu jippermettilha tappoġġja t-tfassil ta' prioritajiet annwali għall-implimentazzjoni tal-programm ta' saħħa pubblika, irranġat u deċiż mill-Kummissjoni wara l-opinjoni tal-kumitat programmatiku.

(8)

Tmexxija msejsa fuq ir-riżultati miksuba mill-aġenzija, flimkien mat-twaqqif ta' proċeduri u mogħdijiet meħtieġa għall-kontroll u l-koordinazzjoni, se jagħmulha possibbli li jitħaffu l-modi li bihom il-programm jiġi implimentat mill-Kummissjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jieħdu vantaġġ mix-xogħol tekniku mwettaq mill-aġenzija billi jiżviluppaw, b'mod parallel u xieraq, ħidmiet ta' natura politika. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jiżviluppaw ukoll ħidmiet marbuta ma' l-implimentazzjoni tal-programm li ma jkunux xierqa għall-konferiment lill-aġenzija.

(9)

Il-kooperazzjoni ta' l-aġenzija mas-servizzi tal-Kummissjoni, u t-twettiq tal-ħidmiet speċifiċi ta' l-aġenzija f'dak li għandu x'jaqsam mat-tixrid ta' l-informazzjoni u l-għoti ta' assistenza lin-netwerks, għandu jgħin sabiex jikber il-profil ta' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eskuttivi,

IDDEĊIEDET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ħolqien

1.   B'dan, qed titwaqqaf aġenzija esekuttiva għat-tmexxija ta' l-azzjoni komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubbilka (“l-Aġenzija”), li l-istatut tagħha huwa mniżżel fir — Regolament tal-Kunsill (KE) nru 58/2003

2.   Isem l-aġenzija se jkun “L-Aġenzija esekuttiva għall-Programm dwar is-Saħħa Pubblika”.

Artikolu 2

Fejn tinsab l-aġenzija

L-Aġenzija se tkun ibbażata fil-Lussemburgu.

Artikolu 3

Il-mandat ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija hija b'dan stabbilita għal perjodu li jibda mill-1 ta' Jannar 2005 u jintemm fit-31 ta' Diċembru 2010.

Artikolu 4

Għanijiet u ħidmiet

1.   Skond il-programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 (“Deċiżjoni ta' qafas”), l-Aġenzija hija b'dan fdata bl-implimentazzjoni ta' proġetti tekniċi li jikkonċernaw l-għajnuna Komunitarja taħt il-programm, minbarra għall-evalwazzjoni tal-programmi, il-monitoraġġ tal-leġislazzjoni, u kull azzjoni oħra li tista' tkun fil-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni. Hija qed tiġi fdata, partikolarment, b'mod il-ħidmiet:

a)

it-tmexxija tal-fażijiet kollha ta' proġetti speċifiċi, fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal-programm dwar is-saħħa pubblika, fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE u tal-pjan ta' ħidma previst f'dik id-deċiżjoni u adottat mill-Kummissjoni, u l-verifiki meħtieġa kollha għal dak il-għan, filwaqt li jittieħedu d-deċizjoniiet rilevanti fil-każi fejn il-Kummissjoni tatha s-setgħa tagħmel dan;

b)

l-adozzjoni ta' l-istrumenti għall-esekuzzjoni tal-baġit għad-dħul u l-ħruġ u, fil-każi fejn il-Kummissjoni tatha s-setgħa tagħmel dan, t-twettiq ta' kull operazzjoni meħtieġa għat-tmexxija tal-programm Komunitarju u, b'mod partikolari, dawk marbuta ma' l-għoti ta' kuntratti u ta' għotjiet;

c)

l-għoti ta' appoġġ loġistiku, xjentifiku u tekniku, partikolarment l-organizzazzjoni ta' laqgħat tekniċi (it-tmexxija ta' gruppi ta' ħidma espert), studji ta' tħejjija, seminars jew konferenzi.

2.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddelega l-awtorità lill-Aġenzija sejra turi fid-dettal il-ħidmiet kollha fdati lill-Aġenzija. Sejra tintbagħat lill-Kumitat għall-Aġenziji Esekuttivi bħala informazzjoni.

Artikolu 5

Struttura organizzattiva

1.   L-Aġenzija se tkun immexxija minn Kumitat ta' Ġestjoni u Direttur maħtur mill-Kummissjoni.

2.   Il-membri tal-Kumitat ta' Ġestjoni se jinħatru għal perjodu ta' sentejn.

3.   Id-Direttur se jinħatar għal perjodu ta' erba' snin.

Artikolu 6

Għotja

L-Aġenzija se tirċievi għotja li hija mdaħħla fil-baġit ta' l-Unjoni Ewropea u li hija meħuda mill-fondi allokati lill-programm dwar is-saħħa pubblika.

Artikolu 7

Superviżjoni u rendikont

L-Aġenzija se tkun soġġetta għas-superviżjoni mill-Kummissjoni u għandha tirrapporta regolarment dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi li għalihom hi responsabbli, fi qbil ma' l-arranġamenti u l-intervalli stipulati fl-istrument tad-delega.

Artikolu 8

L-implimentazzjoni tal-baġit operattiv

L-Aġenzija għandha timplimenta l-baġit operattiva tagħha fi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju standard. (1).

Maghmula fi Brussell, tal-15 ta' Dicembru 2004.

Għall-Kummissjoni Ewropea

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 11 tas-16 ta' Jannar 2003, p. 1.

(2)  ĠU L 271 tad-9 ta' Ottubru 2002, p. 1. Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, tat 30.4.2004, p. 7).

(1)  Ir-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1653/2004 tal-21 ta' Settembro 2004 dwar ir-regolamentazzjoni finanzjar ja standard għall-agenziji cżekuttivi li jsegwi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jħejji l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu afdati b'ċerti dmirijiet fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 297, tat-22.9.2004, p. 6).


Top