EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1295

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1295/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 dwar miżuri maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri għall-applikazzjoni għall-ħruġ ta' viża għall-membri tal-familja Olimpika li ħa tieħu sehem fil-Logħob Olimpiku jew Paralimpiku f'Ateni

OJ L 183, 22.7.2003, p. 1–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 19 Volume 006 P. 177 - 181
Special edition in Estonian: Chapter 19 Volume 006 P. 177 - 181
Special edition in Latvian: Chapter 19 Volume 006 P. 177 - 181
Special edition in Lithuanian: Chapter 19 Volume 006 P. 177 - 181
Special edition in Hungarian Chapter 19 Volume 006 P. 177 - 181
Special edition in Maltese: Chapter 19 Volume 006 P. 177 - 181
Special edition in Polish: Chapter 19 Volume 006 P. 177 - 181
Special edition in Slovak: Chapter 19 Volume 006 P. 177 - 181
Special edition in Slovene: Chapter 19 Volume 006 P. 177 - 181

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/08/2004

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1295/oj

32003R1295



Official Journal L 183 , 22/07/2003 P. 0001 - 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1295/2003

tal-15 ta' Lulju 2003

dwar miżuri maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri għall-applikazzjoni għall-ħruġ ta' viża għall-membri tal-familja Olimpika li ħa tieħu sehem fil-Logħob Olimpiku jew Paralimpiku f'Ateni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a) u (b)(ii) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Billi:

(1) Il-Karta Olimpika taħseb għal "dritt ta' dħul" għall-membri tal-familja Olimpika fil-pajjiż tal-belt li tkun qed tospita l-Logħob Olimpiku billi jippreżentaw il-karta ta' akkreditazzjoni Olimpika u l-passaport jew xi dokument uffiċjali ieħor ta' l-ivvjaġġar, mingħajr ma jkollhom bżonn jgħaddu minn proċeduri jew formalitajiet oħra minbarra dawk marbuta mal-karta ta' akkreditazzjoni.

(2) L-organizzazzjonijiet responsabbli jagħżlu u jipproponu l-persuni li jistgħu jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku jew Paralimpiku bħala membri tal-familja Olimpika, skond il-proċedura ta' akkreditazzjoni stipulata mill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku.

(3) Il-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku joħroġ karti ta' akkreditazzjoni lill-membri tal-familja Olimpika fid-dawl tal-fatt illi l-Logħob jistgħu ikunu fil-mira ta' attakki terroristiċi. Il-karta ta' akkreditazzjoni hija dokument ta' sikurezza għolja u hija neċessarja sabiex persuna jkun jista' jkollha aċċess għas-siti speċifiċi fejn ikunu qegħdin isiru l-kompetizzjonijiet u għal attivitajiet oħra pjanati matul il-Logħob Olimpiku u Paralimpiku.

(4) Il-Greċja ħa torganizza l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tal-2004 ġewwa Ateni. Din hija l-ewwel darba li avveniment bħal dan ħa jiġi organizzat minn Stat Membru li japplika d-dispozizzjonijiet kollha tas-Schengen acquis.

(5) Sabiex il-Greċja tkun tista' torganizza l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tal-2004 u in vista ta' l-obbligi stipulati fil-Karta Olimpika, il-Komunità għandha tistabbilixxi leġislazzjoni li tiffaċilità l-ħruġ tal-viża lill-membri tal-familja Olimpika.

(6) Għaldaqstant, huwa meħtieġ li ssir deroga temporanja għat-tul tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tal-2004 għall-membri tal-familja Olimpika li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi bla ħsara għal-ħtieġa ta' viża taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li fiha lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom bżonn viża meta jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni u ta' dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dan l-obbligu [3].

(7) L-ambitu ta' din id-deroga għandu jkun limitat mid-disposizzjonijiet tal-acquis dwar is-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet għall-viża, il-ħruġ tal-viża u l-format tagħhom. Bl-istess mod, il-metodi ta' kif ikunu kontrollat l-fruntieri esterni għandhom jiġu adattati fil-limiti neċessarji sabiex jirriflettu l-bidliet fis-sistema tal-viża.

(8) Applikazzjonijiet għall-viża għall-membri tal-familja Olimpika li ħa jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u Paralimpiku għandhom ikunu sottomessi lill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku permezz ta' l-organizzazzjonijiet responsabbli, flimkien ma' l-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni. Il-forma ta' l-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni għandha tinkludi informazzjoni bażika dwar il-persuni konċernati, bħal per eżempju, l-isem sħiħ tagħhom, is-sess, id-data u l-post ta' twelid, in-numru tal-passaport, it-tip tal-passaport u d-data sa' meta huwa validu. Dawn l-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lis-servizzi Griegi li huwa responsabbli mill-ħruġ tal-viżas.

(9) Irrispettivament minn dan ir-Regolament, membri tal-familja Olimpika jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet individwali għall-viżas skond l-acquis komunitarju rilevanti.

(10) Fejn dan ir-Regolament ma jistipulax disposizzjonijiet speċifiċi, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet rilevanti tal-acquis komunitarju dwar viżas u kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri. B'mod partikolari, id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar il-ħruġ ta' viżas ma humiex applikabbli għall-membri tal-familja Olimpika li huma ċittadini ta' pajjiż terż li huwa suġġet għal ħtiġiet ta' viża iżda li għandhom permess ta' residenza jew permess ta' residenza proviżorju maħruġ minn wieħed mill-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet tas-Schengen acquis.

(11) L-arranġamenti ta' deroga stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta' l-esperjenza ta' kif jaħdmu fil-prattika. Għaldaqstant, għandha ssir evalwazzjoni wara l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku ta' l-2004 sabiex jiġi eżaminat kemm kienu effettivi dawn l-arranġamenti fid-dawl tal-possibiltà li fil-futur xi Stat Membru, li wkoll japplika d-disposizzjonijiet kollha tas-Schengen acquis, jorganizza l-Logħob Olimpiku.

(12) Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, sabiex jingħata effett lill-għan prinċipali li jiġi iffaċilitat il-ħruġ ta' viżas lill-membri tal-familja Olimpika, huwa meħtieġ u xieraq li tiġi adottata d-deroga temporanja minn xi disposizzjonijiet Komunitarji stabbilita f'dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament ma jaqbiżx il-limiti ta' dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħħqu l-għanijiet segwiti, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat.

(13) (13)Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma hix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u ma hix marbuta jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li dan il-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-disposizzjonijiet tat-Titlu IV ta' Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Kunsill, jekk hix ħa timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(14) Fil-każ ta' l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim finalizzat fit-18 ta' Mejju 1999 bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [4], li jaqgħu taħt iż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim [5].

(15) Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jieħux sehem fih, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq sabiex jieħdu sehem f'uħud mid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [6]; għaldaqstant, ir-Renju Unit mhux jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih u lanqas ma huwa suġġett għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(16) Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tieħux sehem fih, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda sabiex tieħu sehem f'uħud mid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [7]; għaldaqstant, l-Irlanda mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas ma hija suġġett għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(17) Dan ir-Regolament huwa att li jkompli jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew inkella għandu x'jaqsam ma' l-acquis ta' Schengen fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-Att tal-Għaqda ta' l-2003.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

GĦAN U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi disposizzjonijiet speċifiċi li jintroduċu deroga temporanja minn ċerti disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen dwar il-proċeduri għall-applikazzjoni u l-ħruġ ta' viżas, kif ukoll dwar format uniformi għall-viżas għall-membri tal-familja Olimpika għat-tul tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tal-2004.

Minbarra dawn id-disposizzjonijiet speċifiċi, id-disposizzjonijiet rilevanti ta' l-acquis ta' Shengen dwar il-proċeduri għall-applikazzjoni u l-ħruġ ta' viża uniformi, għandhom jibqgħu fis-seħħ.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

1. "Organizzazzjonijiet responsabbli" fejn għandu x'jaqsam ma' miżuri maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri għall-applikazzjoni u l-ħruġ ta' viżas lill-familja Olimpika li ħa tieħu sehem fil-Logħob Olimpiku jew Paralimpiku tal-2004, tfisser l-organizzazzjonijiet uffiċjali, skond il-Karta Olimpika, li jistgħu jissottomettu listi ta' membri tal-familja Olimpika lill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku ta' l-2004 bil-għan li tinħarġilhom karta ta' akkreditazzjoni għal-Logħob.

2. "Membru tal-Familja Olimpika" tfisser kull persuna li hija membru tal-Kumitat Internazzjonali Olimpiku, il-Kumitat Internazzjonali Paralimpiku, Federazzjonijiet Internazzjonali, il-Kumitati Olimpiċi u Paralimpiċi Nazzjonali, il-Kumitati Organizzattivi tal-Logħob Olimpiku u l-assoċċjazzjonijiet nazzjonali, bħal per eżempju, atleti, aġġudikanti/referì, kowċijiet u tekniċi sportivi oħra, esperti mediċi impjegati ma' timijiet jew atleti individwali u ġurnalisti akkreditati, uffiċjali eżekuttivi anzjani, donaturi, benefatturi jew persuni oħra invitati uffiċjalment, li jaċċettaw li jimxu mal-Karta Olimpika, li jaġixxu taħt il-kontroll u l-awtorità suprema tal-Kumitat Internazzjonali Olimpiku, huma inklużi fil-listi ta' l- organizzazzjonijiet responsabbli u huma akkreditati mill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku ta' l-2004 bħala parteċipanti fil-Logħob Olimpiku jew Paralimpiku ta' l-2004.

3. "Karti ta' akkreditatzzjoni Olimpiċi", maħruġa mill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku ta' l-2004, skond l-Artikolu 16 tal-liġi Griega 3103/2003, tfisser waħda minn żewġ dokumenti mħarsa tajjeb, waħda għal-Logħob Olimpiku u l-oħra għal-Logħob Paralimpiku, li għandha ritratt tal-persuna lil min kienet maħruġa, li tistabbilixxi l-identità tal-membru tal-familja Olimpika u li tawtorizza l-aċċess għall-faċilitajiet fejn isiru l-kompetizzjonijiet u għal attivitajiet oħra ippjanati matul il-Logħob.

4. "It-tul tal-Logħob Olimpiku u l-Logħob Paralimpiku" tfisser il-perjodu bejn it-13 ta' Lulju 2004 u d-29 ta' Settembru 2004 għal-Logħob Olimpiku tas-Sajf ta' l-2004 u l-perjodu bejn it-18 ta' Awissu 2004 u d-29 ta' Ottubru 2004 għal-Logħob Paralimpiku tal-Ħarifa.

5. "Il-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku ta' l-2004" tfisser il-Kumitat, imwaqqaf taħt l-Artikolu 2 tal-Liġi Griega 2598/1998 sabiex jorganizza l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku ta' l-2004 f'Ateni, li jiddeċiedi dwar l-akkreditazzjoni ta' membri tal-familja Olimpika li ħa jieħdu sehem f'dawk il-Logħob.

6. "Is-servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżas" tfisser is-servizzi nominati fil-Greċja sabiex jeżaminaw l-applikazzjonijiet u joħorġu viżas lill-membri tal-familja Olimpika.

KAPITOLU II

ĦRUĠ TA' VIŻAS

Artikolu 3

Kondizzjonijiet

Viża tista' tinħareġ skond dan ir-Regolament biss meta l-persuna konċernata:

(a) kienet nominata minn waħda mill-organizzazzjonijiet responsabbli u akkreditata mill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku ta' l-2004 bħala persuna li ħa tipparteċipa fil-Logħob Olimpiku jew Paralimpiku ta' l-2004;

(b) għandha dokument ta' l-ivvjaġġar validu li jawtorizza l-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmija fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985, iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju (hawnhekk iżjed "il quddiem imsejħa l-Konvenzjoni ta' Schengen");

(ċ) ma hix persuna li dwarha inħarġet twissija bl-iskop li tiġi mċaħħda mid-dħul;

(d) ma hix meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurta nazzjonali jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta' xi Stati Membri.

Artikolu 4

Kif issir l-applikazzjoni

1. Meta organizzazzjoni responsabbli tipprepara lista tal-persuni magħżula sabiex jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku jew Paralimpiku ta' l-2004, hija tista', flimkien ma' l-applikazzjoni għall-karta ta' akkreditazzjoni Olimpika għall-persuni magħżula, tagħmel applikazzjoni kollettiva għall-viżas għall-persuni magħżula u li għandhom bżonn viża skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001.

2. Applikazzjonijiet kollettivi għall-viżas għall-persuni konċernati għandhom jintbagħtu flimkien ma' l-applikazzjonijiet għall-ħruġ tal-karta ta' akkreditazzjoni Olimpika lill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku ta' l-2004, skond il-proċeduri stabbiliti minn dan il-Kumitat.

3. Għandha ssir biss applikazzjoni waħda għall-viża għal kull persuna li ħa tieħu sehem fil-Logħob Olimpiku jew Paralimpiku ta' l-2004.

4. Il-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku ta' l-2004 għandu jibgħat lis-servizzi responsabbli mill-ħruġ tal-viżas, l-applikazzjonijiet kollettivi għall-viżas kemm jista' jkun malajr, flimkien ma' kopji ta' l-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' karta ta' akkreditazzjoni għall-persuni konċernati. Dawn l-applikazzjonijiet għandu jkollhom l-isem sħiħ ta' dawn il-persuni, in-nazzjonalità tagħhom, is-sess tagħhom, id-data u l-post tat-twelid tagħhom, in-numru tal-passaport tagħhom, it-tip ta' passaport u d-data sa meta huwa validu.

Artikolu 5

Eżaminazzjoni ta' l-applikazzjoni kollettiva għall-viżas u t-tip ta' viża maħruġa

1. Il-viża għandha tinħareġ mis-servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżas wara li ssir eżaminazzjoni bil-ħsieb li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ikunu rispettati.

2. Il-viża maħruġa għandha tkun viża uniformi għal żjarat qosra u għal aktar minn dħul wieħed, li tawtorizza żjara ta' mhux aktar minn disgħin (90) jum għat-tul tal-Logħob Olimpiku u l-Logħob Paralimpiku.

3. Meta l-membru tal-familja Olimpika konċernat ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(c) u (d), is-servizzi responsabbli mill-ħruġ tal-viżas jistgħu joħorġu viża b'validità territorjali limitata skond l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta' Schengen.

Artikolu 6

Forma tal-viża

1. Il-viża għandha tkun fil-forma ta' żewġ numri inseriti fuq il-karta ta' akkreditazzjoni Olimpika. L-ewwel numru għandu jkun in-numru tal-viża. Fil-każ ta' viża uniformi, dan in-numru għandu jkun magħmul minn seba' (7) karattri li jinkludu sitt (6) numri bl-ittra "C" fuq quddiem. Fil-każ ta' viża b'validità territorjali limitata, dan in-numru għandu jkun magħmul minn tminn (8) karattri li jinkludu sitt (6) numri bl-ittri "GR" fuq quddiem. It-tieni numru għandu jkun in-numru tal-passaport tal-persuna konċernata.

2. Is-servizzi responsabbli mill-ħruġ tal-viżas għandhom jibagħtu n-numri tal-viża lill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku ta' l-2004 bl-iskop li jinħarġu l-karti ta' akkreditazzjoni.

Artikolu 7

Rinunzja ta' miżati

L-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-viża u l-ħruġ tal-viżas ma għandhomx ikunu suġġetti għal miżati mis-servizzi responsabbli mill-ħruġ tal-viżas.

KAPITOLU III

ASPETTI OĦRA

Artikolu 8

Tħassir ta' viża

Meta l-lista tal-persuni msemmija bħala parteċipanti fil-Logħob Olimpiku jew Paralimpiku ta' l-2004 tiġi emendata qabel ma jibdew il-logħob, l-organizzazzjonijiet responsabbli għandhom, bla dewmien, jinfurmaw b'dan lill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku ta' l-2004 sabiex il-karti ta' akkreditazzjoni tal-persuni maqtugħin mil-lista jkunu mħassra. Il-Kumitat Organizzattiv għandu jinforma b'dan lis-servizzi responsabbli mill-ħruġ tal-viżas u għandu jgħaddilhom in-numru tal-viżas in kwestjoni.

Is-servizzi responsabbli mill-ħruġ tal-viżas għandhom jikkanċellaw il-viżas tal-persuni konċernati. Huma għandhom, immedjatament, jinfurmaw b'dan lill-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll fuq il-fruntiera. Dawn l-awtoritajiet għandhom, bla dewmien, jgħaddu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 9

Kontroll fuq il-fruntieri esterni

1. Il-kontrolli mad-dħul li jsiru fuq membri tal-familja Olimpika li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni bejn Stati Membri u li għandhom viża skond dan ir-Regolament, għandhom ikunu limitati għal verifikazzjoni ta' jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 humiex sodisfatti.

2. Matul it-tul tal-Logħob Olimpiku u l-Logħob Paralimpiku:

(a) timbri ta' dħul u ta' ħruġ għandhom isiru fuq l-ewwel paġna vojta tal-passaport ta' dawn il-membri tal-familja Olimpika li fil-każ tagħhom ikun hemm bżonn ta' dawn it-timbri. Fil-każ ta' l-ewwel dħul, in-numru tal-viża għandu jkun indikat fuq l-istess paġna;

(b) il-kondizzjonijiet għad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(c) tal-Konvenzjoni ta' Schengen għandhom ikunu meqjusa bħala sodisfatti jekk il-membru tal-familja Olimpika kien akkreditat.

3. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw għall-membri tal-familja Olimpika li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi, sew jekk huma u sew jekk mhumiex suġġett għall-ħtieġa ta' viża skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Artikolu 10

Informazzjoni għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Mhux aktar tard minn erba' xhur mill-egħluq tal-Logħob Paralimpiku, il-Greċja għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport dwar l-aspetti varji ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

A bażi ta' dan ir-rapport u xi informazzjoni oħra mogħtija mill-Istati Membri l-oħra fl-istess perjodu, il-Kummissjoni għandha tipprepara stima tal-funzjonament tad-deroga dwar il-ħruġ ta' viżas lill-membri tal-familja Olimpika, kif stabbilita b'dan ir-Regolament, u għandha tinforma b'din l-istima lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprepara dan ir-rapport ta' valutazzjoni kmieni biżżejjed sabiex l-esperjenza miksuba matul il-Logħob Olimpiku u Paralimpiku f'Ateni tkun użata mill-awtoritajiet Taljani għall-organizzazzjoni tal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa li ħa jsiru f'Turin fl-2006.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin (20) jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' Lulju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Tremonti

[1] proposta tat-8 ta' april 2003 (ghadha mhix pubblikata fil-ġurnal ufficjali).

[2] opinjoni tad-19 ta' ġunju 2003 (ghadha mhix pubblikata fil-ġurnal ufficjali).

[3] ĠU L 81, tal-21.3.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 453/2003 (ĠU L 69, tat-13.3.2003, p. 10).

[4] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

[5] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

[6] ĠU L 131, ta' l-1.6.2000, p. 43.

[7] ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 20.

--------------------------------------------------

Top