EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003L0086

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja

OJ L 251, 3.10.2003, p. 12–18 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 19 Volume 006 P. 224 - 230
Special edition in Estonian: Chapter 19 Volume 006 P. 224 - 230
Special edition in Latvian: Chapter 19 Volume 006 P. 224 - 230
Special edition in Lithuanian: Chapter 19 Volume 006 P. 224 - 230
Special edition in Hungarian Chapter 19 Volume 006 P. 224 - 230
Special edition in Maltese: Chapter 19 Volume 006 P. 224 - 230
Special edition in Polish: Chapter 19 Volume 006 P. 224 - 230
Special edition in Slovak: Chapter 19 Volume 006 P. 224 - 230
Special edition in Slovene: Chapter 19 Volume 006 P. 224 - 230
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 006 P. 164 - 170
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 006 P. 164 - 170
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 008 P. 70 - 76

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/86/oj

32003L0086



Official Journal L 251 , 03/10/2003 P. 0012 - 0018


Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE

tat-22 ta' Settembru 2003

dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3)(a) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Billi:

(1) Bil-ħsieb għall-istabbiliment progressiv ta' żona ta' liberta, sigurta u ġustizzja, it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea jipprovdi kemm għall-adozzjoni ta' miżuri bil-għan li jiżguraw il-moviment liberu ta' persuni, flimkien ma' miżuri li jakkumpanjawhom konnessi ma' kontrolli tal-konfini esterni, ażil u immigrazzjoni, u għall-adozzjoni ta' miżuri konnessi ma' ażil, immigrazzjoni u salvagwardja tad-drittijiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

(2) Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b'konformità ma' l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f'ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b'mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(3) Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f'Tampere fl-15 u 16 ta' Ottubru 1999, irrikonoxxa l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni ta' leġislazzjoni nazzjonali dwar il-kondizzjonijiet għall-ammissjoni u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. F'dan il-kuntest, iddikjara b'mod partikolari li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura trattament ġust liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li legalment joqogħdu fit-territorju ta' l-Istati Membri u li politika ta' integrazzjoni iktar vigoruża għandu jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet u obbligi komparabbli ma' dawk taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew skond dan talab lill-Kunsill biex jadotta bil-ħeffa l-istrumenti legali ibbażati fuq il-proposti tal-Kummissjoni. Il-ħtieġa li jinkisbu l-għanijiet iddefinti f' Tampere ġew affermati mill-ġdid fil-Kunsill Ewropew ta' Laeken fl-14 u 15 ta' Diċembru 2001.

(4) Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

(5) Stati Membri għandhom jattwaw id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatterisitiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew opinjonijiet oħra, sħubija ta' minorità nazzjonali, ġid, twelid, diżabilitajiet, età jew orjentazzjoni sesswali.

(6) Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta' kriterji komuni.

(7) Stati Membri għandhom ikunu kapaċi japplikaw din id-Direttiva ukoll meta l-familja tidħol flimkien.

(8) Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta' refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.

(9) Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tapplika f'kull każ għall-membri tal-familja nukleari, jiġifieri l-konjugi u t-tfal minorenni.

(10) Huwa għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jixtiequx jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja għal qraba f'linja diretta axxendenti, tfal adulti mhux miżżewġa, partners (sieħba) mhux miżżewġa jew irreġistrati kif ukoll, fil-każ ta' żwieġ poligamu, tfal minorenni ta' konjugi ieħor/oħra u l-isponsor. Fejn Stat Membru jawtorizza riunifikazzjoni tal-familja għal dawn il-persuni, dan ikun mingħajr preġudizzju għal possibilità, għal Stati Membri li ma jirrokonoxxux l-eżistenza ta' rabtiet ta' familji fil-każijiet koperti minn din id-disposizzjoni, li ma jingħatax lill-persuni msemmija t-trattatament ta' membri tal-familja fir-rigward tad-dritt li joqogħdu fi Stat Membru ieħor, kif iddefinit bil-leġislazzjoni ta' l-UE relevanti.

(11) Id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja għandu jkun eżerċitat b'konformita xierqa mal-valuri u prinċipji rrikonoxxuti mill-Istat Membru, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u t-tfal; din il-konformità tiġġustifika l-possibbiltà ta' teħid ta' miżuri ristrettivi kontra applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja ta' djar poligami.

(12) Il-possibilità li jkun limitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja ta' tfal fuq l-età ta' 12-il sena, li r-residenza primarja tagħhom mhix mall-isponsor, hija intiża li tirrifletti l-kapaċità għal integrazzjoni tat-tfal meta jkun għandhom ta' età zgħira u għandha tiżgura li huma jiksbu l-edukazzjoni u l-kapaċitajiet fil-lingwi meħtieġa fl-iskola.

(13) Sett ta' regoli li jirregolaw il-proċedura għall-eżami ta' applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja u għal dħul u residenza ta' membri tal-famija għandhom ikunu stabbiliti. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u mmaneġġabbli, filwaqt li titqies il-qawwa normali tax-xogħol ta' l-amministrazzjonijiet ta' l-Istat Membru, kif ukoll trasparenti u ġusta, biex joffru ċertezza legali xierqa lil dawk ikkonċernati.

(14) Riunifikazzjoni tal-familja tista' tkun irrifjutata għal raġunijiet dovutement iġġustifikati. B'mod partikolari, il-persuna li tixtieq (trid) tingħata riunifikazzjoni tal-familja m'għandhiex tikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika jew sigurta pubblika. Il-kunċett ta' politika pubblika jista' jkopri kondanna għal min jikkommetti reat serju. F'dan il-kuntest għandu jkun innotat li l-kunċett ta' politika pubblika u sigurtà pubblika jkopri wkoll każijiet li fihom ċittadin ta' pajjiżi terzi jappartieni lil xi assoċjazzjoni li tappoġġa t-terroriżmu, jappoġġa assoċjazzjoni tali jew għandu aspirazzjonijiet estremisti.

(15) L-integrazzjoni ta' membri tal-familja għandha tkun promossa. Għal dak il-għan, huma għandhom jingħataw status indipendenti minn dak tal-isponsor, b'mod partikulari f'każijiet ta' tifrik ta' żwiġijiet u partnerships, u aċċess għal edukazzjoni, impjieg u formazzjoni professjonali fuq l-istess termini bħall-persuna li magħha jingħaqdu mill-ġdid, taħt il-kondizzjonijiet relevanti.

(16) Ladarba l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-istabbiliment tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja għal ċittadini ta' pajjiżi terzi biex ikun eżerċitat skond regoli komuni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-kobor u l-effetti ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar mill-Komunita, il-Komunita tista' taddota miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarità kif iddikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità kif idikjarat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(17) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi dawn l-Istati Membri mhumiex jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbutin bl-applikazzjoni tagħha jew suġġetti għaliha.

(18) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunita Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

Disposizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta' l-Istati Membri.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "ċittadin ta' pajjiż terz" tfisser kull persuna li mhux ċittadin ta' l-Unjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

(b) "refuġjat" tfisser kull ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna bla stat li jgawdi status ta' refuġjat fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Ginevra dwar l-istatus ta' refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta' Jannar 1967;

(ċ) "sponsor" tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

(d) "riunifikazzjoni tal-familja" tfisser id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta' ċittadin ta' pajjiż terz li joqogħdu legalment f'dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident;

(e) "permess ta' residenza" tfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru li tippermetti ċittadin ta' pajjiż terz joqgħod legalment fit-territorju, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għal permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi [5];

(f) "minorenni mhux akkompanjat" tfisser ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta' l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b'użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta' persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta' l-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Din id-Direttiva għandha tapplika fejn l-isponsor għandu permess ta' residenza maħruġ minn Stat Membru għal perjodu ta' validita ta' sena jew iktar li għandu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta' residenza permanenti, jekk il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha huma ċittadini ta' pajjiżi terzi ta' status ikun xi jkun.

2. Din id-Direttiva ma tapplikax fejn l-isponsor ikun:

(a) qiegħed japplika għal status ta' refuġjat li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha ma kkawżatx deċiżjoni finali;

(b) awtorizzat li joqgħod fi Stat Membru fuq il-bażi ta' protezzjoni temporanja jew qiegħed japplika għal awtorizzazzjoni biex joqgħod fuq dik il-bażi u qiegħed jistenna deċiżjoni dwar l-istatus tiegħu;

(ċ) awtorizzat li joqgħod fi Stat Membru fuq il-bażi ta' forma sussidjarja ta' protezzjoni skond obbligi internazzjonali, leġislazzjoni nazzjonali jew prattika ta' l-Istati Membri jew qiegħed japplika għal awtorizzazzjoni biex joqgħod fuq dik il-bażi u qiegħed jistenna deċiżjoni dwar l-istatus tiegħu.

3. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal membri tal-familja ta' ċittadin ta' l-Unjoni.

4. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet iktar favorevoli ta':

(a) ftehim bilaterali u multilaterali bejn il-Komunita jew il-Komunita u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-waħda, u pajjiżi terzi, fuq l-oħra;

(b) Il-Karta Soċjali Ewropea tat-18 ta' Ottubru 1961, il-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1987 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-istatus legali ta' ħaddiema immigranti ta' l-24 ta' Novembru 1977.

5. Din id-Direttiva m'għandiex taffettwa l-possibilità għall-Istati Membri li jadottaw jew iżommu disposizzjonijiet iktar favorevoli.

KAPITOLU II

Membri tal-familja

Artikolu 4

1. l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a) il-konjugi ta' l-isponsor;

(b) it-tfal minorenni ta' l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, inklużi tfal adottati skond deċiżjoni meħuda mill-awtorita kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat jew deċiżjoni li hija awtomatikament infurzabbli minħabba obbligi internazzjonali ta' dak l-Istat Membru jew għandha tkun irrikonoxxuta skond obbligi internazzjonali;

(ċ) it-tfal minorenni inklużu tfal adottati ta' l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta' tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-reponsabbilita ta' iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha;

(d) it-tfal minorenni inklużi tfal adottati tar-raġel/mara fejn il-konjugi għandu kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta' tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-responsabbilita ta'/f'idejn iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha.

It-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġoritarja stabbilita bil-liġi ta' l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin.

Permezz ta' deroga, fejn wild għandu età ta' iktar minn 12-il sena u jasal indipendentement mill-bqija tal-familja tiegħu/tagħha, l-Istat Membru jista', qabel ma jawtorizza dħul u residenza taħt din id-Direttiva, jivverifika jekk huwa/hija jissodisfax/tissodisfax kondizzjoni għal integrazzjoni li tipprovdi għaliha l-leġislazzjoni eżistenti tiegħu fid-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri jistgħu, b'liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul u residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a) qraba ta' l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti ta' l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma dipendenti fuqhom u ma jgawdux appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta' oriġini;

(b) it-tfal adulti mhux miżżewġa ta' l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma oġġettivament inkapaċi li jipprovdu għall-ħtiġiet tagħhom stess minħabba l-istat ta' saħħithom.

3. L-Istati Membri jistgħu, b'liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul jew residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformità mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, ta' partner mhux miżżewweġ, li jkun ċittadin ta' pajjiż terz, li miegħu l-isponsor huwa f'relazzjoni twila stabbli attestata kif xieraq, jew ta' ċittadin ta' pajjiż terz li huwa marbut ma' l-isponsor b'partnership irreġistrat skond l-Artikolu 5(2), u tat-tfal minorenni mhux miżżewġa, inklużi tfal adottati, kif ukoll it-tfal adulti mhux miżżewġa li huma oġġettivament inkapaċi li jippprovdu għall-ħtiġiet tagħhom stess minħabba l-istat ta' saħħithom, ta' persuni tali.

Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li partners irreġistrati għandhom ikunu ttrattati ugwalment bħal l-irġiel/in-nisa fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja.

4. Fil-każ ta' żwieġ poligamu, fejn l-isponsor diġà għandu jgħix miegħu/għandha tgħix magħha l-konjugi fit-territorju ta' Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat m'għandux jawtorizza r-riunifikazzjoni tal-familja ta' raġel/mara oħrajn.

Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1(ċ), Stati Membri jistgħu jillimitaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta' tfal minorenni ta' raġel/mara oħrajn u l-isponsor.

5. Biex tkun żgurata integrazzjoni aħjar u jkunu impeduti żwiġijiet furzati Stati Membri jistgħu jirrikjedu l-isponsor u l-mara tiegħu/r-raġel tagħha li jkunu ta' età minima, u għal massimu ta' 21 sena, qabel ma l-konjugi ikun jista' jingħaqad miegħu/magħha.

6. Permezz ta' deroga, Stati Membri jistgħu jitolbu li l-applikazzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ta' tfal minorenni għandhom ikunu sottomessi tabel l-età ta' 15, kif tipprovdi l-leġislazzjoni eżistenti tagħhom fid-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Jekk l-applikazzjoni tkun sottomessa wara l-età ta' 15, l-Istati Membri li jiddeċiedu japplikaw din id-deroga għandhom jawtorizzaw id-dħul u residenza ta' tfal tali fuq raġunijiet differenti minn dawk ta' riunifikazzjoni tal-familja.

KAPITOLU III

Sottomissjoni u eżami ta' l-applikazzjoni

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

2. L-applikazzjoni għandha tkun akkompanjata b'evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali u ta' konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 4 u 6 u, fejn applikabbli, l-Artikoli 7 u 8, kif ukoll kopji ċċertifikati tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar tal-membru(i) tal-familja.

Jekk xieraq, biex tinkiseb evidenza li teżisti relazzjoni familjali, Stati Membri jistgħu jeżegwixxu intervisti ma' l-isponsor u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha u jmexxu investigazzjonijiet oħra li instabu li jkunu meħtieġa.

Meta tkun eżaminata applikazzjoni dwar partner mhux miżżewweġ/miżżewġa ta' l-isponsor, Stati Membri għandhom jikkonsidraw, bħala xiehda tar-relazzjoni familjali, fatturi bħal wild komuni, koabitazzjoni preċedenti, reġistrazzjoni tal-partnership u kull mezz ieħor ta' prova ta' min joqgħod fuqu.

3. L-applikazzjoni għand tkun issottomessa u eżaminata meta l-membri tal-familja jkunu joqogħdu barra t-territorju ta' l-Istat Membru li fih l-isponsor joqgħod.

Permezz ta' deroga, Stat Membru jista', f'ċirkostanzi xierqa, jaċċetta applikazzjoni ssottomessa meta l-membri tal-familja jkunu diġa fit-territorju tiegħu.

4. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru għandhom jagħtu lill-persuna, li ssottomettiet l-applikazzjoni, notifika bil-miktub tad-deċiżjoni kemm jista' jkun malajr u f'kull każ mhux iktar tard minn disa' xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-komplessita ta' l-eżami ta' l-applikazzjoni, il-limitu ta' żmien li jirreferi għalih l-ewwel paragrafu jista' jkun estiż.

Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni. Kull konsegwenzi ta' deċiżjoni le li tittieħed sa tmiem il-perjodu li jipprovdi għalih l-ewwel paragrafu għandhom ikunu ddeterminati mil-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru relevanti.

5. Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta' tfal minorenni.

KAPITOLU IV

Il-Kapitolu IV Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja

Artikolu 6

1. l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal dħul u residenza ta' membri tal-familja għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurta pubblika u saħħa pubblika.

2. Stati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza ta' membru tal-familja għal raġunijiet ta' politika pubblika jew sigurta pubblika jew saħħa pubblika.

Meta tittieħed id-deċiżjoni relevanti, l-Istat Membru għandhu jqis, minbarra l-Artikolu 17, is-severita jew tip ta' offiża kontra l-politika pubblika jew sigurta pubblika magħmula mill-membru tal-familja, jew il-perikoli li huma kkawżati (imnisslin) minn persuna tali.

3. Tiġdid tal-permess ta' residenza jista' ma jinżammx u tkeċċija mit-territorju tista' ma tkunx ordnata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat għar-raġuni waħdanija ta' mard jew disabilità mġarrba wara l-ħruġ tal-permess ta' residenza.

Artikolu 7

1. Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista' jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

(a) akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli fl-istess reġjun u li tissodisfa l-istandards ġenerali ta' saħħa u sigurta fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat;

(b) assigurazzjoni kontra l-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-Istat Membru kkonċernat għalih innifsu/għaliha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha;

(ċ) riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta' għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b'referenza għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta' pagi minimi nazzjonali u penjonijiet kif ukoll in-numru ta' membri tal-familja.

2. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta' integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tar-refuġjati u/jew membri tal-familja ta' refuġjati li jirreferi għalihom l-Artikolu 12 il-miżuri ta' integrazzjoni li jirreferi għalihom l-ewwel subparagrafu jistgħu biss ikunu applikati meta l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja.

Artikolu 8

Stati Membri jistgħu jirrikjedu lill-isponsor li jkun qagħad legalment fit-territorju tagħhom għal perjodu li ma jeċċedix sentejn, qabel ma l-membri tal-familja tiegħu/tagħha jingħaqdu miegħu/magħha.

Permezz ta' deroga, fejn il-leġislazzjoni ta' Stat Membru fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva tqis il-kapaċita ta' akkoljenza tiegħu, l-Istat Membru jista' jipprovdi għal perjodu ta' stennija ta' mhux iktar minn tliet snin bejn is-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja u l-ħruġ tal-permess ta' residenza lill-membri tal-familja.

KAPITOLU V

Riunifikazzjoni tal-familja ta' refuġjati

Artikolu 9

1. Dan il-Kapitolu għandu japplika għar-riunifikazzjoni tal-familja ta' refuġjati rrikonoxxuti mill-Istati Membri.

2. Stati Membri jistgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu għal refuġjati li r-relazzjonijiet familjali tagħhom jkunu bdew qabel id-dħul tagħhom.

3. Dan il-Kapitolu huwa mingħajr preġudizzju għal kull regolamenti li jagħtu status ta' refuġjat lil membri tal-familja.

Artikolu 10

1. L-Artikolu 4 għandu japplika għad-definizzjoni ta' membri tal-familja ħlief li t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu ma'għandux japplika għat-tfal ta' refuġjati.

2. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja ta' membri oħra tal-familja li ma jirreferix għalihom l-Artikolu 4, jekk huma dipendenti fuq ir-refuġjat.

3. Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat, l-Istat Membru:

(a) għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta' l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a);

(b) jista' jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-kustodju legali tiegħu/tagħha jew kull membru ieħor tal-familja, fejn ir-refuġjat m'għandu ebda qraba fil-linja diretta axxendenti jew qraba bħal dawn (tali) ma jkunux jistgħu jinstabu.

Artikolu 11

1. L-Artikolu 5 għandu japplika għas-sottomissjoni u eżami ta' l-applikazzjoni, suġġett għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2. Fejn refuġjat ma jistax jipprovdi xiehda dokumentarja uffiċjali tar-relazzjoni familjali, l-Istati Membri għandhom iqisu xiehda oħra, li għandha tkun stmata skond il-liġi nazzjonali, ta' l-eżistenza ta' din ir-relazzjoni. Deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni tista' ma tkunx ibbażata biss fuq il-fatt li provi dokumentati jkunu nieqsa.

Artikolu 12

1. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 7, l-Istati Membri m'għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat u/jew il-membri tal-familja jipprovdu, fir-rigward ta' applikazzjonijiet dwar dawk il-membri tal-familja li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(1), ix-xiehda li r-refuġjat jissodisfa r-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 7.

Mingħajr preġudizzju għal obbligi internazzjonali, fejn riunifikazzjoni tal-familja hija possibbli f'pajjiż terz li miegħu l-isponsor u/jew il-membru tal-familja għandu rabtiet speċjali, Stati Membri jistgħu jirrikjedu provvvediment tax-xiehda li jirreferi għaliha l-ewwel subparagrafu.

Stati Membri jistgħu jirrikjedu li r-refuġjat jissodisfa l-kondizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tkunx issottomessa fi żmien perjodu ta' tliet xhur wara l-għoti ta' l-istatus ta' refuġjat.

2. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 8, l-Istati Membri m'għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat li kellu jkun joqgħod fit-territorju tagħhom għal ċertu perjodu ta' żmien, qabel ma l-membri tal-familja tiegħu/tagħha jingħaqdu miegħu/magħha.

KAPITOLU VI

Dħul u residenza ta' membri tal-familja

Artikolu 13

1. Hekk kif l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja kienet aċċettata, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jawtorizzaw id-dħul tal-membru jew membri tal-familja. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu lill-persuni tali kull faċilita biex jiksbu l-viżi rekwiżiti.

2. l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu lill-membri tal-familja l-ewwel permess ta' residenza għal tul ta' mill-inqas sena. Il-permess ta' residenza għandu jiġġedded.

3. It-tul tal-permess ta' residenza mogħti lill-membru(i) tal-familja m'għandux fi prinċipju jmur lilhinn mill-iskadenza tal-permess ta' residenza miżmum mill-isponsor.

Artikolu 14

1. Il-membri tal-familja ta' l-isponsor għandhom ikunu intitolati, bl-istess manjiera bħall-isponsor, għal:

(a) aċċess għal edukazzjoni;

(b) aċċess għal impjieg u attivita għal rashom;

(ċ) aċċess għal gwida professjonali, taħriġ inizjali u iktar fit-tul u taħriġ mill-ġdid.

2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu skond il-liġi nazzjonali l-kondizzjonijiet li taħthom il-membri tal-familja għandhom jeżerċitaw attivita bħala impjegati jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jistabbilixxu limitu ta' żmien li fl-ebda każ m'għandu jeċċedi 12-il xahar, li matulu Stati Membri jistgħu jeżaminaw is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhon qabel ma jawtorizzaw membri tal-familja biex jeżerċitaw attivita bħala impjegati jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom.

3. L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-aċċess għal attivita bħala impjegati jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom għall-qraba ta' l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti jew tfal adulti mhux miżżewġa li għalihom japplika l-Artikolu 4(2).

Artikolu 15

1. Mhux iktar tard minn wara ħames snin ta' residenza, u sakemm il-membru tal-familja ma ngħatax permess ta' residenza għal raġunijiet oħra barra dik ta' riunifikazzjoni tal-familja, il-konjugi jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta' residenza awtonomu, indipendenti minn dak ta' l-isponsor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għotja tal-permess ta' residenza li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu lir-raġel/lill-maa jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa f'każijiet ta' tifrik tar-relazzjoni familjali.

2. L-Istati Membri jistgħu joħorġu permess ta' residenza awtonomu lil tfal adulti u lil qraba fil-linja diretta axxendenti li għalihom japplika l-Artikolu 4(2).

3. Fil-każ ta' rmulija, divorzju, separazzjoni, jew mewt ta' qraba ta' l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti, permess ta' residenza awtonomu jista' jinħareġ, wara applikazzjoni, jekk rikjest, lil persuni li jkunu daħlu minħabba riunifikazzjoni tal-familja. Stati Membri għandhom jippreskrivu disposizzjonijiet li jiżguraw l-għoti ta' permess ta' residenza awtonomu fil-każ ta' ċirkustanzi partikolarment diffiċli.

4. Il-kondizzjonijiet konnessi ma' l-għoti u t-tul tal-permess ta' residenza awtonomu jkunu stabbiliti b'liġi nazzjonali.

KAPITOLU VII

Pieni u rimedju

Artikolu 16

1. L-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza ta' membru tal-familja, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) fejn il-kondizzjonijiet preskritti b'din id-Direttiva mhumiex jew m'għadhomx iktar osservati.

Meta jġedded il-permess ta' residenza, fejn l-isponsor m'għandux riżorsi suffiċjenti mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta' assistenza soċjali ta' l-Istat Membru, kif jirreferi l-Artikolu 7(1)(ċ), l-Istat Membru għandu jqis il-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-familja għall-introjtu tad-dar;

(b) fejn l-isponsor u l-membru(i) tal-familja tiegħu/tagħha ma jgħixux jew m'għadhomx jgħixu f'relazzjoni reali ta' żwieġ jew familja;

(ċ) fejn jinstab li l-isponsor jew il-partner mhux miżżewweġ/miżżewġa huwa miżżewweġ/hija miżżewġa jew qiegħed/qiegħda f'relazzjoni stabbli twila ma' persuna oħra.

2. Stati Membri jistgħu wkoll jiċħdu applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan ta' riunifikazzjoni tal-familja, jew jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta' residenza ta' membru tal-familja, fejn jintwera li:

(a) informazzjoni falza u qarrieqa (li tiżgwida), dokumenti falzi jew iffalsifikati kienu ntużaw, frodi kienet b'xi mod ieħor kommessa jew mezzi illegali oħra kienu ntużati;

(b) iż-żwieġ, partnership jew adozzjoni kien(et) ikkontrattat(a) biss għall-għan li jkun possibbli għall-persuna kkonċernata li tidħol jew toqgħod fi Stat Membru.

Meta ssir stima fir-rigward ta' dan il-punt, Stati Membri jistgħu jikkonsidraw b'mod partikulari l-fatt li ż-żwieġ, partnership jew adozzjoni kien(et) ikkontrattat(a) wara li l-isponsor kien inħariġlu (inħarġilha) l-permess ta' residenza.

3. L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta' residenza ta' membru tal-familja fejn ir-residenza ta' l-isponsor's tasal fi tmiemha u l-membru tal-familja għad ma jgawdix dritt ta' residenza awtonomu taħt l-Artikolu 15.

4. Stati Membri jistgħu jagħmlu kontrolli u spezzjonijiet speċifiċi fejn hemm raġuni li jkun issuspettat li hemm frodi jew żwieġ, partnership jew adozzjoni ta' konvenjenza kif iddefinit fil-paragrafu 2. Kontrolli speċifiċi jistgħu wkoll isiru fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-permess ta' residenza ta' membri tal-familja.

Artikolu 17

L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta' l-eżistenza ta' rbit familjali, kulturali u soċjali ma' pajjiżu/a ta' oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta' l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.

Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-isponsor u/jew il-membri tal-familja tiegħu/tagħha jkollhom id-dritt li jagħmlu rikuża fejn applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tinċaħad jew permess ta' residenza jew ma jiġġedditx jew ikun irtirat jew tkeċċija tkun ordnata.

Il-proċedura u l-kompetenza li skondhom id-dritt li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu ikun eżerċitat għandhom ikun stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati.

KAPITOLU VIII

Disposizzjonijiet finali

Artikolu 19

Perjodikament, u għall-ewwel darba mhux iktar tard mit-3 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u għandha tipproponi emendi tali kif jista' jidher meħtieġ. Il-proposti għal emendi għandhom isiru bi prijorità in konnessjoni ma' l-Artikoli 3, 4, 7, 8 u 13.

Artikolu 20

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mit-3 ta' Ottubru 2005. Huma għandhom minnufih jinformaw b'dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati b'tali referenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

Artikolu 21

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Settembru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Frattini

[1] ĠU C 116 E, tas-26.4.2000, p. 66, u ĠU C 62 E, tas-27.2.2001, p. 99.

[2] ĠU C 135, tas-7.5.2001, p. 174.

[3] ĠU C 204, tat-18.7.2000, p. 40.

[4] ĠU C 73, tas-26.3.2003, p. 16.

[5] ĠU L 157, tal-15.6.2002, p. 1.

--------------------------------------------------

Top