EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003L0041

Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali

OJ L 235, 23.9.2003, p. 10–21 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 05 Volume 004 P. 350 - 361
Special edition in Estonian: Chapter 05 Volume 004 P. 350 - 361
Special edition in Latvian: Chapter 05 Volume 004 P. 350 - 361
Special edition in Lithuanian: Chapter 05 Volume 004 P. 350 - 361
Special edition in Hungarian Chapter 05 Volume 004 P. 350 - 361
Special edition in Maltese: Chapter 05 Volume 004 P. 350 - 361
Special edition in Polish: Chapter 05 Volume 004 P. 350 - 361
Special edition in Slovak: Chapter 05 Volume 004 P. 350 - 361
Special edition in Slovene: Chapter 05 Volume 004 P. 350 - 361
Special edition in Bulgarian: Chapter 05 Volume 006 P. 219 - 230
Special edition in Romanian: Chapter 05 Volume 006 P. 219 - 230
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 008 P. 92 - 103

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/01/2019; Imħassar b' 32016L2341

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/41/oj

32003L0041



Official Journal L 235 , 23/09/2003 P. 0010 - 0021


Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-3 ta’ Ġunju 2003

dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 47(2), l-Artikolu 55 u l-Artikolu 95(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Suq intern ġenwin għal servizzi finanzjarji huwa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ l-impjiegi fil-Komunità.

(2) Diġà saru kisbiet kbar fl-istabbiliment ta’ dan is-suq intern, li jippermettu li istituzzjonijiet finanzjarji joperaw fi Stati Membri oħra u li jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji..

(3) Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Implimentazzjoni tal-qafas għal swieq finanzjarji: pjan ta’ azzjoni" identifika serje ta’ azzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jitlesta s-suq intern għas-servizzi finanzjarji, u l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu f’Lisbona tat-23 u 24 ta’ Marza 2000, talab għall-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni sa l-2005.

(4) Il-pjan ta’ azzjoni għas-servizzi finanzjarji jenfasizza bħala prijorità urġenti l-ħtieġa li titħejja direttiva dwar is-superviżjoni bi prudenza ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali, billi dawn l-istituzzjonijiet huma istituzzjonijiet finanzjarji prinċipali li għandhom irwol prinċipali x’jieħdu biex jassiguraw l-integrazzjoni, l-effiċjenza u l-likwidità tas-swieq finanzjarji, iżda m’humiex suġġetti għal qafas leġislattiv koerenti tal-Komunità li jippermettilhom li jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġji tas-suq intern.

(5) Peress li s-sistemi tas-siġurtà soċjali qed jiġu taħt pressjoni dejjem tiżdied, pensjonijiet għall-irtirar okkupazzjonali għandu jkun hemm aktar dipendenza fuqhom bħala kumpliment fil-futur. Pensjonijiet għall-irtirar okkupazzjonali għandhom għalhekk ikunu żviluppati, mingħajr, iżda, ma jintefa’ xi dubju fuq l-importanza tas-sistemi ta’ pensjonijiet tas-siġurtà soċjali f’termini ta’ protezzjoni soċjali sigura, dewwiema u effettiva, li għandhom jiggarantixxu livell deċenti ta’ għejxien fix-xjuħija u għandhom għalhekk ikunu fiċ-ċentru ta’ l-objettiv tat-tisħiħ tal-mudell soċjali Ewropew.

(6) Din id-Direttiva għalhekk tirrappreżenta l-ewwel pass għat-triq lejn suq intern għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali organizzata fuq skala Ewropea. Billi tiġi ffissata r-regola tal-"persuna prudenti" bħala l-prinċipju bażi għall-investiment kapitali u tagħmilha possibbli għal istituzzjonijiet li joperaw bejn il-fruntieri, id-direzzjoni mill-ġdid tat-tifdil fis-settur ta’ provvista ta’ rtirar okkupazzjonali hija inkoraġġita, b’hekk tikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u soċjali.

(7) Ir-regoli ta’ prudenza preskritti f’din ir-Direttiva huma maħsuba kemm bħala garanzija għal grad għoli ta’ sigurtà għall-pensjonanti futuri permezz ta’ l-impożizzjoni ta’ standardssuperviżorji strinġenti u biex titwitta t-triq għall-immaniġġjar effiċjenti ta’ skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali.

(8) Istituzzjonijiet li huma kompletament separati minn xi impriża li tisponsorja u li topera fuq bażi ffinanzjat għall-iskop uniku li tipprovdi benefiċċji għall-irtirar għandu jkollhom il-libertà li jipprovdu servizzi u libertà ta’ investiment, bla ħsara biss għall-ħtiġiet koordinati ta’ prudenza, irrispettivament jekk dawn l-istituzzjonijiet humiex ikkunsidrati bħala entitajiet legali.

(9) Skond il-prinċipju ts-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom tal-pensjoni kif ukoll għad-deċiżjonijiet dwar ir-rwol li kull waħda minn dawn it-tlett "kolonni" tas-sistema ta’ irtirar fi Stati Membri individwali. Fil-kuntest ta-tieni kolonna, għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-irwol u l-funzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet varji li jipprovdu benefiċċji għal irtirar okkupazzjonali, bħal fondi ta’ pensjonijiet ma’ firxa wiesgħa ta’ l-industrija, fondi ta’ pensjonijiet ta’ kumpaniji u kumpaniji ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. Din id-Direttiva mhix intiża sabiex titfa’ xi dubji fuq din il-prerogattiva.

(10) Ir-regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom f’istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali jvarjaw. F’xi Stati Membri, istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali jistgħu joperaw fuq il-bażi ta’ patti ta’ ftehim ma’ negozju jew gruppi ta’ negozju li l-membri tagħhom jaġixxu f’kapaċità li jaħdmu għal rashom jew direttament ma’ persuni li jaħdmu għal rashom jew impjegati.. F’xi Stati Membri persuna li taħdem għal rasha tista’ wkoll issir membru ta’ istituzzjoni fejn il-persuna li taħdem għal rasha taġixxi bħala persuna li tħaddem jew tipprovdi is-servizzi professjonali tagħha lil impriża. F’xi Stati Membri persuni li jaħdmu għal rashom ma jistgħu jingħaqdu f’istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali sakemm ċerti ħtiġiet, inklużi dawk imposti bil-liġi soċjali u dik tax-xogħol, ma jkunux imħarsa.

(11) Istituzzjonijiet li jimmaniġġjaw skemi tas-sigirtà soċjali, li huma diġà koordinati f’livell tal-Komunità, għandhom ikunu esklużi mil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Kont għandu madanakollu jingħata għall-ispeċifiċità ta’ istituzzjonijiet li, fi Stat Membru wieħed, jimmaniġġjaw kemm skemi tas-sigurtà soċjali u skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali.

(12) Istituzzjonijiet finanzjarji li diġà jibbenefikaw minn qafas leġislattiv tal-Komunità għandhom b’mod ġenerali jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Iżda, billi dawn l-istituzzjonijiet jistgħu wkoll f’xi każi, joffru servizzi ta’ pensjoni okkupazzjonali, huwa importanti li jiġi assigurat li din id-Direttiva ma twassalx għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni. Dak it-tgħawwiġ jista’ jiġi evitat bl-applikazzjoni tal-ħtiġiet ta’ prudenza ta’ din id-Direttiva għan-negozju tal-pensjonijiet okkupazzjonali ta’ kumpaniji ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. Il-Kummissjoni għandha wkoll tissorvelja sew is-sitwazzjoni fis-suq tal-pensjonijiet okkupazzjonali u tistma l-possibbiltà li testendi l-applikazzjoni mhux obbligatorja ta’ din id-Direttiva għal istituzzjonijiet regolati finanzjarji oħra.

(13) Meta jiġi mmirat li s-sigurtà finanzjarja fl-irtirar tiġi assigurata, il-benefiċċji mħallsa minn istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali għandhom ġeneralment jipprovdu għall-ħlas ta’ pensjoni għal matul il-ħajja kollha. Ħlasijiet għal perjodu temporanju jew somma f’daqqa għandhom ukoll ikunu possibbli.

(14) Huwa importanti li jiġi assigurat li persuni aktar anzjani u b’diżabilità ma jiġux suġġetti għar-riskju tal-faqar u li jkunu jistgħu jgawdu livell deċenti ta’ għejxien. Kopertura addattata għal riskji bijometriċi f’arranġamenti ta’ pensjoni okkupazzjonali hija aspett importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-insigurtà fost persuni anzjani. Meta jistabbilixxu skema ta’ pensjoni, dawk li jħaddmu u l-impjegati, jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom, għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà ta’ skema ta’ pensjoni li tkun tinkludi dispożizzjonijiet għall-kopertura għar-riskju ta’ għomor twil u riskji ta’ diżabilità okkupazzjonali ki ukoll provvista għad-dipendenti superstiti.

(15) L-għoti lill-Istati Membri tal-possibbiltà li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni istituzzjonijiet li jimmaniġġjaw skemi li flimkien ikollhom anqas minn total ta’ 100 membru jista’ jiffaċilita s-sorveljanza f’xi Stati Membri, mingħajr ma jiddgħajjef l-iffunzjonar xieraq tas-suq intern f’dan il-qasam. Iżda, dan m’għandux idgħajjef id-dritt ta’ istituzzjonijiet bħal dawk li jaħtru għall-immaniġġjar tal-portafoll ta’ l-investimenti tagħhom u għall-kustodja tal-maniġers tagħhom ta’ l-attiv ta’ investiment u kustodji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u debitament awtorizzati.

(16) Istituzzjonijiet bħal "Unterstützungskassen" fil-Ġermanja, fejn il-membri m’għandhomx id-drittijiet legali għall-benefiċċji ta’ ċertu ammont u fejn l-interessi tagħhom huma protetti b’assigurazzjoni obbligatorja statutorja ta’ insolvenza, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(17) Sabiex jiġu protetti l-membri u l-benefiċjarji, l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali għandhom jirtiraw l-attivitajiet tagħhom għall-attivitajiet, u dawk li joħorġu minnhom, imsemmija f’din id-Direttiva.

(18) Fil-każ ta’ falliment ta’ l-impriża li tisponsorja, membru jiffaċċa r-riskju li jitlef kemm l-impjieg tiegħu/tagħha u d-drittijiet akkwistati tal-pensjoni tiegħu/tagħha. Dan jagħmel meħtieġ li jiġi assigurat li jkun hemm separazzjoni ċara bejn l-impriża u l-istituzzjoni u li standardsminimi ta’ prudenza jiġu preskritti biex jipproteġu l-membri.

(19) L-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali joperaw u huma sorveljati b’differenzi sinifikanti fl-Istati Membri. F’xi Stati Membri, is-superviżjoni tista’ tiġi eżerċitata mhux biss fuq l-istituzzjoni nnifisha iżda wkoll fuq l-entitajiet jew kumpaniji li huma awtorizzati li jimmaniġġjaw dawn l-istituzzjonijiet. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu kont ta’ dik l-ispeċifiċità sakemm il-ħtiġiet kollha preskritti f’din id-Direttiva jkunu effettivament imħarsa. L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jippermettu lill-entitajiet ta’ assigurazzjoni u entitajiet oħra finanzjarji li jimmaniġġjaw l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali.

(20) L-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali huma provdituri ta’ servizz finanzjarju li jġorr responsabbiltà kbira għall-provvista ta’ benefiċċji ta’ irtirar ta’ okkupazzjoni u għalhekk għandhom jikkonformaw ma’ ċerti standardsminimi ta’ prudenza fir-rigward ta’ l-attivitajiet tagħhom u l-kondizzjonijiet ta’ operazzjoni.

(21) In-numru kbir ta’ istituzzjonijiet f’ċerti Stati Membri jfisser li soluzzjoni prammatika hija meħtieġa fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-istituzzjonijiet. Iżda, jekk istituzzjoni tixtieq li timmaniġġja skema fi Stat Membru ieħor, awtorizzazzjoni minn qabel għandha tingħata mill-awtorità kompetenti ta’ l-ewwel Stat Membru għandha tkun meħtieġa.

(22) Kull Stat Membru għandu jeħtieġ li kull istituzzjoni li tinsab fit-territorju tiegħu tħejji kontijiet annwali u rapporti annwali waqt li tagħti kont ta’ kull skema ta’ pensjoni operata mill-istituzzjoni u, fejn japplika, kontijiet annwali u rapporti annwali għal kull skema ta’ pensjoni. Il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali, li jirriflettu l-pożizzjoni reali u ġusta ta’ l-attiv ta’ l-istituzzjoni, l-obbligi u l-pożizzjoni finanzjarja, għandhom jagħtu kont ta’ kull skema ta’ pensjoni operata minn istituzzjoni, u debitament approvata minn persuna awtorizzata, huma sors essenzjali ta’ informazzjoni u l-benefiċjarji ta’ skema u l-awtoritajiet kompetenti. B’mod partikolari, jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jimmonitorjaw is-sodezza finanzjarja ta’ istituzzjoni u biex jiġi stmat jekk l-istituzzjoni hiex kapaċi li tħares l-obbligazzjonijiet kontrattwali kollha tagħha.

(23) Informazzjoni kif imiss għall-membri u benefiċjarji ta’ skema ta’ pensjoni hija kruċjali. Dan huwa ta’ relevanza partikolari għal talbiet ta’ informazzjoni li tikkonċerna s-sodezza finanzjarja ta’ l-istituzzjoni, ir-regoli kuntrattwali, il-benefiċċi u l-iffinanzjar attwali ta’ drittijiet imġemma’ għall-pensjoni, il-politika ta’ investiment u l-immaniġġjar ta’ riskji u spejjeż.

(24) Il-politika ta’ investiment ta’ istituzzjoni hija fattur deċiżiv kemm għas-siġurtà u l-mezzi għall-pensjonijiet okkupazzjonali. L-istituzzjonijiet għandhom għalhekk iħejju u, ta’ l-anqas kull tliet snin, jirrevedu d-dikjarazzjoni tal-prinċipji ta’ investiment. Għandha tintgħamel disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti u fuq talba wkoll lill-membru u ill-benefiċjarji ta’ kull skema ta’ pensjoni.

(25) Biex iħarsu l-funzjoni statutorja tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu pprovduti bi drittijiet adegwati ta’ informazzjoni u setgħat ta’ intervent, fir-rigward ta’ l-istituzzjonijiet u l-persuni li effettivament imexxuhom. Fejn istituzzjoni għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali tkun ittrasferiet funzjonijiet ta’ importanza materjali bħal immaniġġjar ta’ investiment, teknoloġija ta’ informatika jew kontijiet lill-kumpaniji oħrajn (biex jagħmlulhom ix-xogħol), għandu jkun possibbli li d-drittijiet ta’ informazzjoni u setgħat ta’ intervent jitkabbru sabiex ikopri dwan il-funzjonijiet mogħtija lill-oħrajn sabiex jiġi vverifikat jekk dawk l-attivitajiet ikunux imwettqa skond ir-regoli ta’ superviżjoni.

(26) Kalkolazzjoni prudenti tal-provvisti tekniċi hija kondizzjoni essenzjali biex jiġi assigurat li l-obbligazzjonijiet għall-ħlas ta’ benefiċċji ta’ irtirar ikunux jistgħu jitħarsu. Il-provvisti tekniċi għandhom ikunu kkalkolati fuq il-bażi ta’ metodi attwarji rrikonoxxuti u ċertifikati minn persuni kwalifikati. Ir-rati massimi ta’ mgħax għandhom jintgħażlu b’mod prudenti skond kull regola relevanti nazzjonali. L-ammont minimu għall-provvisti tekniċi għandu jkun kemm suffiċjenti għall-benefiċċji li jkunu diġà qed jitħallsu li jkomplu jitħallsu u jirrifletti r-responsabbiltajiet li joħorġu mid-drittijiet imġemma’ tal-pensjonijiet tal-membri.

(27) Ir-riskji koperti mil-sitituzzjonijiet ivarjaw sinjifikament minn Stat Membru għall-ieħor. L-Istati Membri ta’ reġistrazzjoni għandu għalhekk ikollhom il-possibbiltà li jagħmlu l-kalkolazzjoni tal-provvisti tekniċi suġġetta għal regoli addizzjonali u aktar dettaljati minn dawk preskritti f’din id-Direttiva.

(28) Attiv suffiċjenti u adatt li jkopri l-provvisti tekniċi jipproteġi l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji ta’ skema ta’ pensjoni jekk l-impriża li tisponsorja tfalli. B’mod partikolari, f’każi ta’ attività bejn il-fruntieri, l-għarfien komuni ta’ prinċipji superviżorji applikati fl-Istati Membri jeħtieġu li l-provvisti tekniċi jkunu ffinanzjati kollha kemm huma l-ħin kollu.

(29) Jekk istituzzjoni ma taħdimx fuq bażi ta’ bejn il-fruntieri, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jippermettu sotto-finanzjar sakemm ikun stabbilit pjan xieraq li l-iffinanzjar sħiħ jiġi restitwit u mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mal-protezzjoni ta’ impjegati fil-każ ta’ falliment tal-persuna li tħaddimhom [4].

(30) F’ħafna każi, tista’ tkun li l-impriża li tisponsorja u mhux l-istituzzjoni nnifisha li jew tkopri xi riskju bijometriku jew tiggarantixxi ċerti benefiċċji jew twettieq ta’ investiment. Iżda, f’xi każi, hija l-istituzzjoni nnifisha li tipprovdi dik il-kopertura jew tiggarantixxi u l-obbligazzjonijiet ta’ dak li jisponsorja huma ġeneralment mitmuma bil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet meħtieġa. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-prodotti offruti huma simili għal dawk ta’ kumpaniji ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom iżommu ta’ l-anqas l-istess fondi proprji addizzjonali bħall-kumpaniji ta’ assigurazzjoni.

(31) L-istituzzjonijiet huma investituri f’terminu ta’ żmien twil ħafna. Il-fidwa tal-attiv miżmum minn dawn l-istituzzjonijiet ma tistax, b’mod ġenerali, issir għal xi għan ieħor ħlief biex tipprovdi benefiċċji għall-irtirar. B’żieda, sabiex jiġu protetti b’mod adegwat id-drittijiet tal-membru u l-benefiċjarji, l-istituzzjonijiet għandhom ikunu kapaċi li jagħżlu allokazzjoni ta’ l-attiv li tkun taqbel man-natura preċiża u t-tul ta’ żmien ta’ l-obbligi tagħhom. Dawn l-aspetti jitolbu għal superviżjoni effiċjenti u għal attitudni lejn regoli ta’ investiment li jippermettu lill-istituzzjonijiet flessibilità suffiċjenti li jiddeċiedu dwar il-politika l-aktar siġura u effiċjenti ta’ investiment u li tobbligahom li jaġixxu b’mod prudenti. Il-konformità mar-regola tal-"persuna prudenti" għalhekk teħtieġ politika ta’ investiment abbinata ma’ l-sitruttura ta’ sħubija ta’ l-istituzzjoni individwali għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali.

(32) Il-metodi ta’ superviżjoni u prattiċi jvarjaw bejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jingħataw ftit diskrezzjoni dwar ir-regoli preċiżi ta’ investiment li jixtiequ jimponu fuq l-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom. Iżda, dawn ir-regoli m’għandhomx jirrestrinġu ċ-ċaqlieq liberu ta’ kapital, sakemm mhux iġġustifikat fuq bażi ta’ prudenza.

(33) Bħala investituri f’terminu ta’ żmien twil ħafna b’riskji baxxi ta’ likwidità, l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali huma f’pożizzjoni li jinvestu f’attiv mhux likwidu bħal ishma kif ukoll fi swieq ta’ riskju kapitali f’limiti prudenti. Jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ diversifikazzjoni internazzjonali. Investimenti f’ishma, swieq ta’ riskju kapitali u muniti oħrajn barra minn dawk tal-passiv m’għandhomx għalhekk ikunu ristretti ħlief fuq bażi ta’ prudenza.

(34) Iżda, jekk l-istituzzjoni taħdem fuq bażi bejn il-fruntieri, tista’ tintalab mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita li tapplika limiti għal investiment f’ishma u attiv simili mhux ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, f’ishma u strumenti oħra maħruġa mill-istess impriża jew f’attiv denominat f’muniti li ma jaqblux ma’ xulxin sakemm dawk ir-regoli jkunu japplikaw ukoll għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Istat Membru li jospita.

(35) Restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-għażla libera minn istituzzjonijiet ta’ maniġers ta’ attiv approvat u kustodja jillimitaw il-kompetizzjoni fis-suq intern u għandhom għalhekk jiġu eliminati.

(36) Mingħajr preġudizzju għall-leġislazzjoni nazzjonali soċjali u tax-xogħol dwar l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ pensjoni, inkluża sħubija obbligatorja u r-riżultati ta’ patti ta’ ftehim ta’ ikkurdar kollettiv, l-istituzzjonijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra. Għandhom ikunu jistgħu jaċċettaw sponsorships minn impriżi li jinsabu fi Stati Membri oħra u li joperaw skemi ta’ pensjoni ma’ membri f’aktar minn Stat Membri wieħed. Dan għandu potenzjalment iwassal għal ekonomiji ta’ skala sinifikanti għal dawn l-istituzzjonijiet, itejjeb il-kompetittività ta’ l-industrija tal-Komunità u jiffaċilità l-mobilità tax-xogħol. Dan jeħtieġ għarfien komuni ta’ l-istandardsta’ prudenza. Infurzar kif imiss ta’ dawn l-istandardsta’ prudenza għandu jkun issorveljat kif imiss mill-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(37) L-eżerċizzju tad-dritt ta’ istituzzjoni fi Stat Membru wieħed li timmaniġġja skema ta’ pensjoni okkupazzjonali kkuntrattata fi Stat Membru ieħor għandha tirrispetta għal kollox id-dispożizzjonijiet tal-liġi soċjali u tax-xogħol ta’ l-Istat Membru li jospita sal-limitu li huwa relevanti għal pensjonijiet okkupazzjonali, per eżempju d-definizzjoni u l-ħlas ta’ benefiċċji ta’ l-irtirar u l-kondizzjonijiet għat-trasferibilità tad-drittijiet tal-pensjoni.

(38) Meta skema hija ring-fenced (separata), id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw individwalment għal dik l-iskema.

(39) Huwa importanti li ssir dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għal għanijiet superviżorji u bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni għal għanijiet oħra. Għall-għanijiet tat-twettieq tad-dmirijiet tagħhom u għall-kontribuzzjoni ta’ konsistenza u implimentazzjoni fil-ħin ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa biex japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Il-Kommissjoni ndikat l-intenzjoni tagħha li twaqqaf kumitat ta’ sovrastanti sabiex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni, l-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ idejat bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u biex tippromwovi l-implimentazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva.

(40) Minħabba li l-objettiv ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri li jinħoloq qafas legali tal-Komunità li jkopri istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali, ma jistgħax suffiċjentement jinkiseb mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, jinkiseb aħjar mill-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-propozjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġa sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW ID-DIRETTIVA LI ĠEJJA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli għall-bidu u t-tkomplija ta’ attivitajiet imwettqa minn istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istituzzjonijiet li jipprovdu irtirar okkupazzjonali. Fejn, skond il-liġi nazzjonali, istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali ma jkollhomx personalità ġuridika, l-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva jew għal dawk l-istituzzjonijiet jew, bla ħsara għall-paragrafu 2, għal dawk l-entitajiet awtorizzati responsabbli biex jimmaniġġjawhom u li jaġixxu għan-nom tagħhom.

2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

(a) istituzzjonijiet li jimmaniġġjaw skemi ta’ sigurtà soċjali li huma koperti bir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 [5] u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 [6];

(b) istituzzjonijiet li huma koperti bid-Direttiva 73/239/KEE [7], id-Direttiva 85/611/KEE [8], id-Direttiva 93/22/KEE [9], id-Direttiva 2000/12/KE [10] u d-Direttiva 2002/83/KE [11];

(ċ) istituzzjonijiet li joperaw fuq il-bażi ta’ pay-as-you-go;

(d) istituzzjonijiet fejn impjegati ta’ l-impriżi li jisponsorjaw ma jkollhom ebda drittijiet legali għall-benefiċċji u fejn l-impriża li tisponsorja tista’ tifdi l-attiv f’kull żmien u mhux neċessarjament tħares l-obbligi tagħha għall-ħlas ta’ benefiċċji ta’ l-irtirar;

(e) kumpaniji li jużaw skemi ta’ riżerva tal-kotba bil-ħsieb li jħallsu benefiċċji lill-impjegati tagħhom.

Artikolu 3

Applikjazzjoni għal istituzzjonijiet li joperaw skemi ta’ sigurtà soċjali

Istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali li joperaw ukoll skemi ta’ pensjoni obbligatorji relatati ma’ l-impjieg li huma kkunsidrati li huma skemi tas-sigurtà soċjali koperti bir-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 għandhom ikunu koperti b’din id-Direttiva fir-rigward tan-negozju tagħhom ta’ provvista ta’ irtirar okkupazzjonali mhux obbigatorju. F’dak il-każ, il-passiv u l-attiv korrispondenti għandhom ikunu ring-fenced u m’għandux ikun possibbli li jiġu trasferiti għal skemi obbligatorji ta’ pensjoni li huma kkunsidrati bħala skemi tas-sigurtà soċjali jew bil-maqlub.

Artikolu 4

Applikazzjoni mhux obbligatorja għal istituzzjonijiet koperti bid-Direttiva 2002/83/KE

L-Istati Membri ta’ reġistrazzjoni jistgħu jagħżlu li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9 sa 16 u l-Artikoli 18 sa 20 ta’ din id-Direttiva għal negozju li jipprovdi provvista ta’ irtirar okkupazzjonali ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni li huma koperti bid-Direttiva 2002/83/KE. F’dak il-każ, l-attiv kollu u l-passiv korrispondenti ma’ l-imsemmija negozju għandhom ikunu ring-fenced, immaniġġjati u organizzati separatament mill-attivitajiet l-oħra ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni, mingħajr xi possibbiltà ta’ trasferiment.

F’dawk il-każi, u biss sal-limitu li n-negozju ta’ provvista ta’ irtirar okkupazzjonali huwa kkonċernat, impriżi ta’ assigurazzjoni m’għandhomx ikunu suġġetti għall-Artikoli 20 sa 26, 31 u 36 tad-Direttiva 2002/83/KE.

L-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandu jassigura li jew l-awtoritajiet kompetenti jew l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni koperti bid-Direttiva 2002/83/EC, bħala parti mix-xogħol tagħhom ta’ superviżjoni, jivverifikaw is-separazzjoni stretta tan-negozju relevanti ta’ provvista ta’ irtirar okkupazzjonali.

Artikolu 5

Istituzzjonijiet ta’ pensjoni żgħira u skemi statutorji

Bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 19, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx din id-Direttiva, kollha kemm hi jew parti minnha, għal xi istituzzjoni li tinsab fit-territorju tagħhom li topera skemi ta’ pensjoni li flimkien għandhom total ta’ anqas minn 100 membru. Bla ħsara għall-Artikolu 2(2), dawk l-istituzzjonijiet għandhom madanakollu jingħataw id-dritt li japplikaw din id-Direttiva fuq bażi volontarja. L-Artikolu 20 jista’ jiġi applikat biss jekk id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva japplikaw.

L-Istati membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx l-Artikoli 9 sa 17 għal istituzzjonijiet fejn il-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali ssir taħt statut, bis-saħħa ta’ leġislazzjoni, u hija ggarantita minn awtorità pubblika. L-Artikolu 20 jista’ jiġi applikat biss jekk id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva japplikaw.

Artikolu 6

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "istituzzjoni għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali", jew "istituzzjoni", tfisser istituzzjoni, irrispettivament mill-forma legali tagħha, li topera fuq bażi ffinanzjat, stabbilita separatament minn kull impriża li tisponsorja jew negozju bil-għan li tipprovdi benefiċċji ta’ l-irtirar fil-kuntest ta’ attività okkupazzjonali fuq il-bażi ta’ ftehim jew kuntratt miftiehem:

- individwalment jew kollettivament bejn min iħaddem u l-impjegat/i jew ir-rappreżentanti rispetti tagħhom, jew

- ma’ persuni li jaħdmu għal rashom, b’konformità mal-leġislazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż li jospita,

u li twettaq attivitajiet li joħorġu direttament minnhom;

(b) "skema ta’ pensjoni" tfisser kuntratt, ftehim, kuntratt ta’ fiduċja jew regoli li jistipulaw liema benefiċċi ta’ l-irtirar jingħataw u taħt liema kondizzjonijiet;

(ċ) "impriża li tisponsorja" tfisser kull impriża jew korp ieħor, irrispettivament ta’ jekk jinkludix jew jikkonsistix minn persuna waħda jew aktar naturali jew ġuridika, li taġixxi bħala persuna li tħaddem jew f’kapaċità li taħdem għal rasha jew kombinazzjoni ta’ dawn u li tħallas kontribuzzjonijiet lill-istituzzjoni għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali;

(d) "benefiċċji għall-irtirar" tfisser benefiċċji mħallsa b’referenza ma’ l-ilħuq, jew l-istennija li jintlaħaq, l-irtirar jew, fejn huma supplimentari għal dawk il-benefiċċji u pprovduti fuq bażi anċillari, fil-forma ta’ ħlasijiet mal-mewt, diżabilità, jew waqfien mill-impjieg jew fil-forma ta’ pagamenti għall-manteniment jew servizzi fil-każ ta’ mard, indiġenza jew mewt. Sabiex tiġi ffaċilitata is-siġurtà finanzjarja fl-irtirar, dawk il-benefiċċi normalment jieħdu l-forma ta’ ħlasijiet għal matul il-ħajja. Huma jistgħu, iżda, jkunu wkoll ħlasijiet magħmula għal perjodu temporanju jew bħala somma f’daqqa.

(e) "membru" tfisser persuna li l-attivitajiet okkupazzjonali tagħha jintitolawha għall-benefiċċji ta’ l-irtirar skond il-provvista ta’ skema ta’ pensjoni;

(f) "benefiċjarju" tfisser persuna li tirċievi benefiċċji ta’ l-irtirar;

(g) "awtoritajiet kompetenti" tfisser l-awtoritajiet nazzjonali maħtura biex iwettqu d-dmirijiet hekk kif hemm ipprovdut f’din id-Direttiva;

(h) "riskji bijometriċi" tfisser riskji marbuta mal-mewt, diżabilita jew għomor ta’ ħajja;

(i) "Stat Membru ta’ oriġini" tfisser l-Istat Membru li fih l-istituzzjoni jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha u l-amministrazzjoni prinċipali tagħha jew, jekk ma jkollhiex uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni prinċipali tagħha;

(j) "Stat Membru li jospita" tfisser l-Istat Membru li l-liġi tiegħu soċjali jew tax-xogħol relevanti għall-qasam ta’ skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali hija applikabbli għar-relazzjoni bejn impriża li tisponsorja u l-membri.

Artikolu 7

Attivitajiet ta’ istituzzjoni

Kull Stat Membru għandu jeħtieġ lill-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu li jillimita l-attivitajiet ta’ operazzjonijiet rrelatati ma’ benefiċċju ta’ l-irtirar u attivitajiet li joħorġu minnu.

Fejn, skond l-Artikolu 4, impriża ta’ assigurazzjoni timmaniġġja n-negozju tagħha ta’ provvista ta’ irtirar okkupazzjonali permezz tar-ring-fencing tal-attiv u l-passiv tagħha, l-attiv u l-passiv ring-fenced għandhom jiġu ristretti għal operazzjonijiet rrelatati ma’ benefiċċji ta’ l-irtirar u attivitajiet li joħorġu direttament minnhom.

Artikolu 8

Separazzjoni legali bejn impriżi li jisponsorjaw u istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali

Kull Stat Membru għandu jassigura li jkun hemm separazzjoni legali bejn impriża li tisponsorja u istituzzjoni għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali sabiex l-attiv ta’ l-istituzzjoni jiġu salvagwardati fl-interessi tal-membri u l-benefiċjarji fil-każ ta’ falliment ta’ l-impriża li tisponsorja.

Artikolu 9

Kondizzjonijiet ta’ operazzjoni

1. Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta’ kull istituzzjoni li tinsab fit-territorju tiegħu, jassigura li:

(a) l-istituzzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali mill-awtorità kompetenti superviżorja jew awtorizzata; fil-każ ta’ l-attivitajiet bejn il-fruntieri msemmija fl-Artikolu 20, ir-reġistru għandu jindika wkoll l-Istati Membri li fih l-istituzzjoni tkun topera;

(b) l-istituzzjoni tkun effettivament immexxija minn nies ta’ reputazzjoni tajba li huma stess għandu jkollhom il-kwalifiki professjonali adattati u esperjenza jew jimpjegaw konsulenti bil-kwalifiki professjonali addattati u esperjenza;

(ċ) regoli kkostitwiti kif imiss fir-rigward ta’ l-iffunzjonar ta’ xi skema ta’ pensjoni operata mill-istituzzjoni jkunu ġew implimentati u l-membri jkunu ġew adegwatament infurmati b’dawn ir-regoli;

(d) il-provvisti tekniċi kollha jkunu kkomputati u ċċertifikati minn attwarju jew, jekk mhux minn attwarju, minn speċjalista ieħor f’dan il-qasam, inkluż awditur, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, fuq il-bażi ta’ metodu attwarju rrikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini;

(e) fejn l-impriża li tisponsorja tiggarantixxi l-ħlas tal-benefiċċji ta’ l-irtirar, hija kommessa għall-iffinanzjar regolari;

(f) il-membru jkunu suffiċjentement infurmati bil-kondizzjonijiet ta’ l-iskema tal-pensjoni, b’mod partikolari dwar:

(i) id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet involuti fl-iskema tal-pensjoni;

(ii) ir-riskji finanzjarji, tekniċi u oħrajn assoċjati ma’ l-iskema tal-pensjoni;

(iii) in-natura u d-distribuzzjoni ta’ dawk ir-riskji.

2. Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà u waqt li jingħata kont debitu ta’ l-iskala tal-benefiċċji tal-pensjoni offruti mir-reġimi tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-għażla dwar l-għomor ta’ ħajja fit-tul u d-diżabilità jkopru, provvista għad-dipendenti superstiti u garanzija ta’ ħlas lura ta’ kontribuzzjonijiet bħala benefiċċji addizzjonali jiġu offruti lill-membri jekk min iħaddem u l-impjegati, jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom hekk jiftiehmu.

3. Stat Membru jista’ jagħmel il-kondizzjonijiet għall-operazzjoni ta’ istituzzjoni li tinsab fit-territorju tiegħu suġġetta għal ħtiġiet oħra, bil-ħsieb li jiġi assigurat li l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji jiġu adegwatament protetti.

4. Stat Membri jista’ jippermetti jew jeħtieġ istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu li jafdaw l-immaniġġar ta’ dawn l-istituzzjonijiet, kollha kemm huma jew parti minnhom, lill-entitajiet oħra li joperaw għan-nom ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

5. Fil-każ ta’ attività bejn il-fruntieri kif imsemmija fl-Artikolu 20, il-kondizzjonijiet ta’ operazzjoni ta’ l-istituzzjoni għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membru ta’ oriġini.

Artikolu 10

Kontijiet annwali u rapporti annwali

Kull Stat Membru għandu jeħtieġ li kull istituzzjoni li tinsab fit-territorju tiegħu tħejji kontijiet annwali u rapporti annwali li jagħtu kont ta’ kull skema ta’ pensjoni operata mill-istituzzjoni u, fejn japplika, kontijiet annwali u rapporti annwali għal kull skema ta’ pensjoni. Il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali għandhom jagħtu stampa reali u ġusta ta’ l-attiv ta’ l-istituzzjoni, passiv u pożizzjoni finanzjarja. Il-kontijiet annwali u l-informazzjoni fir-rapporti għandhom ikunu konsistenti, komprensivi, ippreżentati b’mod ġust u debitament approvati minn persuni awtorizzati, skond il-liġi nazzjonali.

Artikolu 11

Informazzjoni li għandha tingħata lill-membri u lill-benefiċjarji

1. Skond in-natura ta’ l-iskema tal-pensjoni stabbilita, kull Stat membru għandu jassigura li kull istituzzjoni li tinsab fit-territorju tiegħu tipprovdi ta’ l-anqas l-informazzjoni preskritta f’dan l-Artikolu.

2. Il-membri u l-benefiċjarji u/jew, fejn japplika, ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jirċievu:

(a) fuq talba, il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 10, u, fejn istituzzjoni hija responsabbli għal aktar minn skema waħda, dawk li jirrelataw ma’ l-iskema partikolari tagħhom ta’ pensjoni;

(b) fi żmien raġonevoli, kull informazzjoni relevanti fir-rigward ta’ bidliet għar-regoli ta’ l-iskema ta’ pensjoni.

3. Id-dikjarazzjoni tal-prinċipji tal-politika ta’ l-investiment, imsemmija fl-Artikolu 12 għandhom jintgħamlu disponibbli għall-membri u l-benefiċjarji u/jew, fejn japplika, lir-rappreżentanti tagħhom fuq talba.

4. Kull membru għandu wkoll jirċievi, fuq talba, informazzjoni dettaljata u sostanzjali dwar:

(a) il-livell tal-mira tal-benefiċċji ta’ l-irtirar, fejn japplika;

(b) il-livell ta’ benefiċċi fil-każ ta’ waqfien mill-impjieg;

(ċ) fejn il-membru jġorr ir-riskju ta’ l-investiment, il-firxa ta’ għażliet ta’ investiment, fejn japplika, u l-portafoll attwali ta’ l-investiment kif ukoll informazzjoni dwar esponiment għar-riskju u spejjeż rrelatati ma’ l-investimenti;

(d) l-arranġamenti li jirrelataw mat-trasferiment ta’ drittijiet ta’ pensjoni lill-istituzzjoni oħra għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali fil-każ tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ l-impieg.

L-Istati Membri għandhom jirċievu kull sena partikolaritajiet fil-qosor tas-sitwazzjoni ta’ l-istituzzjoni kif ukoll il-livell kurrebnti ta’ l-iffinanzjar tad-drittijiet tagħhom individwali mġemma.

5. Kull benefiċjarju għandu jirċievi, malli jirtira, jew meta benefiċċji oħra jsiru dovuti l-informazzjoni xierqa dwar il-benefiċċji li huma dovuti u l-għażliet għall-ħlasijiet li jikkorrispondu.

Artikolu 12

Dikjarazzjoni ta’ prinċipji ta’ politika ta’ investiment

Kull Stat Membru għandu jassigura li kull istituzzjoni li tinsab fit-territorju tiegħu tipprepara u, ta’ l-anqas darba kull tliet snin, tirrevedi dikjarazzjoni bil-miktub tal-prinċipji tal-politka ta’ l-investiment. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun riveduta mingħajr dewmien wara kull bidla sinifikanti fil-politika ta’ investiment. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li din id-dikjarazzjoni jkun fiha, ta’ l-anqas, dwar il-kwistjonijiet bħal metodi tal-kejl tar-riskju ta’ investiment, il-proċessi implimentati ta’ l-immaniġġjar tar-riskju u l-allokazzjoni strateġika ta’ l-attivfir-rigward tan-natura u t-tul ta’ żmien tal-passiv tal-pensjoni.

Artikolu 13

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti

Kull Stat Membru għandu jassigura li l-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward ta’ xi istituzzjoni li tinsab fit-territorju tagħhom, ikollhom is-setgħat meħtieġa u l-mezzi:

(a) li jeħtieġu lill-istituzzjoni, lill-membri tal-bord tad-diretturi tagħha u maniġers oħra jew diretturi jew persuni li jikkontrollaw l-istituzzjoni li jipprovdu informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha tan-negozju jew jibagħtu d-dokumenti kollha tan-negozju;

(b) li jissorvelja r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjoni u kumpanniji oħra jew bejn istituzzjonijiet, fejn istituzzjonijiet jittrasferixxu l-funzjonijiet lil dawk il-kumpaniji oħra jew istituzzjonijiet (biex jagħmlulhom ix-xogħol), li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-istituzzjoni jew li jkunu b’xi mod materjali relevanti għas-superviżjoni effettiva;

(ċ) li jikseb regolarment id-dikjarazzjoni tal-prinċipji tal-politika ta’ investiment, il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali, u d-dokuemnti kollha meħtieġa għall-għanijiet tas-superviżjoni. Dawn jistgħu jinkludu dokumenti bħal:

(i) rapporti interni interim;

(ii) valutazzjonijiet attwarju u assunzjonijiet dettaljati;

(iii) studji ta’ l-attiv u l-passiv;

(iv) evidenza ta’ konsistenza mal-prinċipji tal-politika ta’ investiment;

(v) evidenza li l-kontribuzzjonijiet ikunu ġew imħallsa kif ippjanat;

(vi) rapporti mill-persuni responsabbli għall-verifika tal-kontijiet annwali msemmija fl-Artikolu 10;

(d) li jwettaq spezzjonijiet fuq il-post tal-fond ta’ l-istituzzjoni u, fejn xieraq, fuq funzjonijiet ta’ xogħol mgħoddi lill-oħrajn biex jivverifika jekk l-attivitajiet humiex jitwettqu skond ir-regoli ta’ superviżjoni.

Artikolu 14

Setgħat ta’ intervent u dmirijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti

1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeħtieġu lil kull istituzzjoni li tinsab fit-territorji tagħhom li jkollha proċeduri sodi amministrattivi u ta’ konteġġi u mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll intern.

2. L-awtoritajiet kompetenti għanu jkollhom is-setgħa li jieħdu kull miżura nkluż, fejn xieraq, dawk ta’ natura amministrattiva jew finanzjarja, jew fir-rigward ta’ xi istituzzjoni li tinsab fit-territorji tagħhom jew kontra l-persuni li jmexxu l-istituzzjoni, li huma addattati u meħtieġa biex jipprevjienu jew jirrimedjaw kull irregolarità ta’ preġudizzju għall-interessi tal-membri u l-benefiċjarji.

Jistgħu wkoll jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-disponiment bla ħlas ta’ l-attivta’ l-istituzzjoni fejn, b’mod partikolari:

(a) l-istituzzjoni tkun naqset li tistabbilixxi provvisti tekniċi suffiċjenti fir-rigward tan-negozju kollu kemm hu jew ma jkollhiex attivbiżżejjed biex tkopri l-provvisti tekniċi;

(b) l-istituzzjoni tkun naqset li żżomm il-fondi proprji regolatorji.

3. Sabiex jiġu salvagwardati l-interessi tal-membru u l-benefiċjarji, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jittrasferixxu s-setgħat lill-persuni li jmexxu l-istituzzjoni li tinsab fit-territorji tagħhom li għandhom skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini kollha kemm huma jew parti minnhom lil rappreżentanti speċjali li jkunu kapaċi jeżerċitaw dawk is-setgħat.

4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-attivitajiet ta’ istituzzjoni li tinsab fit-territorji tagħhom b’mod partikolari jekk:

(a) l-istituzzjoni tonqos li tipproteġi b’mod adegwat l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji;

(b) l-istituzzjoni ma tħarisx aktar il-kondizzjonijiet ta’ operazzjoni;

(ċ) l-istituzzjoni tonqos serjament fl-obbligi tagħha taħt ir-regoli li għalihom tkun suġġetta;

(d) fil-każ ta’ attività bejn il-fruntieri, l-istituzzjoni ma tirrispettax il-ħtiġiet tal-liġi soċjali u tax-xogħol ta’ l-Istat Membru li jospita, relevanti fil-qasam tal-pensjonijiet okkupazzjonali.

Kull deċiżjoni li tipprojbixxi l-attivitajiet ta’ istituzzjoni għandha tiġi ssostnuna b’raġunijiet preċiżi u nnotifikata lill-istituzzjoni in kwistjoni.

5. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ istituzzjoni taħt liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skond din id-Direttiva jkunu suġġetti għall-applikazzjoni quddiem il-qrati.

Artikolu 15

Provvisti tekniċi

1. L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jassigura li istituzzjonijiet li joperaw skemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali jistabbilixxu f’kull żmien fir-rigward tal-firxa totali ta’ l-iskemi tagħhom ta’ pensjoni ammont adegwat ta’ passiv li jikkorrispondi mar-rabtiet finanzjarji li joħorġu mill-portafoll tagħhom ta’ kuntratti eżistenti ta’ pensjoni.

2. L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jassigura li istituzzjonijiet li joperaw skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali, fejn jipprovdu kopertura kontra riskji bijometriċi u/jew jiggarantixxu jew twettieq ta’ investiment jew livell partikolari ta’ benefiċċji, jistabbilixxu provvista teknika suffiċjenti fir-rigward tal-firxa totali ta’ dawn l-iskemi.

3. Il-kalkolazzjoni tal-provvisti tekniċi għandha sseħħ kull sena. Iżda, l-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jippermetti kalkolazzjoni darba kull tliet snin jekk l-istituzzjoni tipprovdi lill-membri u/jew lill-awtoritajiet kompetenti b’ċertifikazzjoni jew rapport ta’ aġġustamenti għas-snin in kwistjoni. Iċ-ċertifikazzjoni jew ir-rapport għandhu jirrifletti l-iżvilupp aġġustat tal-provvisti tekniċi u l-bidliet fir-riskji koperti.

4. Il-kalkolazzjoni tal-provvisti tekniċi għandha tiġi esegwita u ċċertifikata minn attwarju jew, jekk mhux min attwarju, minn speċjalista ieħor f’dan il-qasam, inkluż awditur, skond il-liġi nazzjonali, fuq il-bażi ta’ metodi attwarji rrikonoxxuti użati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, skond il-prinċipji li ġejjin:

(a) l-ammont minimu ta’ provvisti tekniċi għandu jkun ikkalkolat permezz ta’ valutazzjoni attwarja suffiċjentement prudenti, li tagħti kont tar-rabtiet kollha għall-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet skond l-arranġamenti ta’ pensjoni ta’ l-istituzzjoni. Għandu jkun suffiċjenti kemm għall-pensjonijiet u l-benefiċċji li diġà jkunu qed jitħallsu lill-benefiċjarji li jkomplu jitħallsu, u li jirrifletti r-rabtiet li joħorġu mid-drittijiet ta’ pensjoni mġemma’ tal-membri. L-assunzjonijiet ekonomiċi u attwarji magħżula għall-valutazzjoni tal-passiv għandhom ukoll ikunu magħżula b’mod prudenti waqt li jagħtu kont, fejn japplika, ta’ marġini addattati ta’ devjazzjoni kuntrarja;

(b) ir-rati massimi ta’ imgħax użati għandhom ikunu magħżula b’mod prudenti u stabbiliti skond kull regola relevanti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini. Dawn ir-rati prudenti ta’ imgħax għandhom ikunu stabbiliti billi jingħata kont ta’:

- id-dħul mill-attivli jikkorrispondu miżmuma mill-istituzzjoni u d-dħul minn investimenti futuri u/jew

- id-dħul mis-suq ta’ bonds ta’ kwalità għolja jew tal-gvern;

(ċ) it-tabelli bijometriċi użati għall-kalkolazzjoni tal-provvisti tekniċi għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji prudenti, wara li jingħata kont tal-karatteristiċi prinċipali tal-grupp tal-membri ta’ l-iskemi ta’ pensjoni, b’mod partikolari l-bidliet mistennija fir-riskji relevanti;

(d) il-metodu l-bażi tal-kalkolazzjoni ta’ provvisti tekniċi għandu b’mod ġenerali jibqa’ kostanti minn sena finanzjarja għall-oħra. Iżda, diskontinwitajiet jistgħu jkunu ġġustifikati permezz ta’ bidla ta’ ċirkostanzi legali, demografiċi jew ekonomiċi li jsostnu dawk l-assunzjonijiet.

5. L-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jagħmel il-kalkolazzjoni ta’ provvisti tekniċi suġġetta għal ħtiġiet addizzjonali u aktar dettaljati, bil-ħsieb li jiġi assigurat li l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji jkunu adegwatament protetti.

6. Bil-ħsieb ta’ aktar armonizzazzjoni tar-regoli li jirrigwardaw il-kalkolazzjoni ta’ provvisti tekniċi li jistgħu jkunu ġġustifikati — b’mod partikolari r-rata ta’ imgħax u assunzjonijiet oħra li jinfluwenzaw il-livell ta’ provvisti tekniċi — il-Kummissjoni għandha, kull sentejn jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, toħroġ rapport dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-iżvilupp ta’ attivitajiet bejn il-fruntieri.

Il-Kuommissjoni għandha tipproponi kull miżura meħtieġa għall-prevenzjoni ta’ tgħawwiġ possibbli kkawżat minn livelli differenti ta’ rati ta’ imgħax u biex jiġu protetti l-interessi tal-benefiċjari u l-membri ta’ xi skema.

Artikolu 16

Finanzjar ta’ provvisti tekniċi

1. L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jeħtieġ li kull istituzzjoni jkollha f’kull żmien attivsuffiċjenti u addattati li jkopru l-provvisti tekniċi fir-rigward tal-firxa totali ta’ skemi ta’ pensjoni operati.

2. L-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jippermetti li istituzzjoni, għal perjodu limitat ta’ żmien, li jkollha attivli jkunu insuffiċjenti li jkopru l-provvisti tekniċi. F’dan il-każ l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeħtieġu l-istituzzjoni li tadotta pjan ta’ rkupru konkret u ta’ min jorbot fuqu sabiex jiġi assigurat li l-ħtiġiet tal-paragrafu 1 jerġgħu jitħarsu. Il-pjan għandu jkun suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-istituzzjoni għandha tistabbilixxi pjan konkret u li jista’ jiġi attwat biex tistabbilixxi mill-ġdid l-ammont meħtieġ ta’ attivbiex ikopri bis-sħiħ il-provvisti tekniċi fi żmien debitu. Il-pjan għandu jintgħamel disponibbli lill-membri jew, fejn japplika, lir-rappreżentanti tagħhom u/jew għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini;

(b) fit-tħejjija ta’ dan il-pjan, kont għandu jingħata tas-sitwazzjoni speċifika ta’ l-istituzzjoni, b’mod partikolari l-istruttura ta’ l-assi/passiv, il-profil tar-riskju, il-pjan ta’ likwidità, il-profil ta’ l-età tal-membri intitolati li jirċievu benefiċċji ta’ l-irtirar, skemi tal-bidu u skemi li jibdlu minn mhux iffinanzjati jew iffinanzjati parzjalment għal iffinanzjar sħiħ;

(ċ) fil-każ tat-terminazzjoni ta’ skema ta’ pensjoni matul il-perjodu msemmi hawn fuq f’dan il-paragrafu, l-istituzzjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membru ta’ oriġini. L-istituzzjoni għandha tistabbilixxi proċedura sabiex tittrasferixxi l-attivu l-passiv li jikkorrispondu lil istituzzjoni finanzjarja oħra jew korp simili. Din il-proċedura għandha tkun iddikjarata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u abbozz ġenerali tal-proċedura għandu jintgħamel disponibbli lill-membri jew, fejn japplika, lir-rappreżentanti tagħhom skond il-prinċipju tal-kunfidenzjalità.

3. Fil-każ ta’ attivitajiet bejn il-fruntieri kif imsemmija fl-Artikolu 20, il-provvisti tekniċi għandhom f’kull żmien ikunu ffinanzjati kollha kemm huma fir-rigward tal-firxa sħiħa ta’ l-iskemi tal-pensjoni operati. Jekk dawn il-kondizzjonijiet ma jkunux imħarsa, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jintervjenu skond l-Artikolu 14. Biex titħares din il-ħtieġa, l-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jeħtieġ ring-fencing ta’ l-attivu l-passiv.

Artikolu 17

Fondi proprji regolatorji

1. L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jassigura li l-istituzzjonijiet li joperaw skemi ta’ pensjoni, fejn l-istituzzjoni nnifisha, u mhux l-impriża li tisponsorja, tissottoskrivi għal-passiv biex tkopri kontra riskju bijometriku, jew tiggarantixxi t-twettieq ta’ investiment partikolari jew livell partikolari ta’ benefiċċji, iżżomm fuq bażi permanenti attivaddizzjonali l-fuq mill-provvisti tekniċi biex iservu fil-każ ta’ ħtieġa. L-ammont ta’ dan għandu jirrifletti t-tip ta’ riskju u l-bażi ta’ l-attivfir-rigward tal-firxa totali ta’ l-iskemi operati. Dawn l-attiv għandhom ikunu ħielsa minn kull passiv prevedibbli u jservu bħala kapital ta’ sigurtà biex jassorbu d-diskrepanzi bejn l-ispejjeż antiċipati u attwali u l-profitti.

2. Għall-għanijiet tal-kalkolazzjoni ta’ l-ammont minimu ta’ l-attiv addizzjonali, ir-regoli preskritti fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2002/83/EC għandhom japplikaw.

3. Il-paragrafu 1, m’għandux iżda, jipprevjieni lill-Istati Membri milli jeħtieġu lill-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom li jżommu fondi proprji regolatorji jew milli jippreskrivu regoli aktar dettaljati sakemm ikunu prudentement iġġustifikati.

Artikolu 18

Regoli ta’ investiment

1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorji tagħhom li jinvestu skond ir-regola tal-"persuna prudenti" u b’mod partikolari skond ir-regoli li ġejjin:

(a) l-attivkollha għandhom ikunu investiti fl-aħjar interessi tal-membri u tal-benefiċjarji. Fil-każ ta’ konflitt ta’ interessi potenzjali, l-istituzzjoni, jew l-entità li timmaniġġa l-portafoll tagħha, għandha tassigura li l-investiment isir fl-interess uniku tal-membri u l-benefiċjarji;

(b) l-attiv għandu jkun investit b’mod li tiġi assigurata is-sigurtà, il-kwalità, il-likwidità u l-profittabilità tal-portafoll kollu kemm hu.

L-attiv miżmum biex ikopru provvisti tekniċi, għandhom ukoll ikunu investiti b’mod addattat għan-natura u t-tul ta’ żmien tal-benefiċċji ta’ irtirar mistennija fil-futur;

(ċ) l-attiv għandu predominantement ikunu investiti fi swieq irregolati. Investiment f’attiv li m’humiex ammessi għan-negozju f’suq finanzjarju rregolat għandu f’kull każ jinżamm f’livelli prudenti;

(d) investiment fi strumenti derivattivi għandu jkun possibbli sal-limitu li dan jikkontribwixxi għal tnaqqis ta’ riskji ta’ investiment jew jiffaċilita l-immaniġġjar effiċjenti tal-portafoll. Għandhom ikunu valutati fuq bażi prudenti, waqt li jagħtu kont ta’ attiv prinċipali, u inklużi fil-valutazzjoni ta’ l-attiv ta’ l-istituzzjoni. L-istituzzjoni għandha wkoll tevita esponiment eċċessiv għar-riskju lil kontro-parti waħda u lill-operazzjonijiet oħra derivattivi;

(e) l-attiv għandhom ikunu ddiversifikati kif imiss b’dak il-mod li tiġi evitata dipendenza eċċessiva fuq xi attiv partikolari, dak li joħroġ jew grupp ta’ impriżi u akkumulazzjonijiet ta’ riskju fil-portafolli kollha kemm huma.

Investimenti f’attiv maħruġ mill-istess persuna jew minn persuni li jagħmlu parti mill-istess grupp m’għandhomx jesponu lill-istituzzjoni għal konċentrazzjoni eċċessiva ta’ riskju;

(f) l-investiment fl-impriża li tisponsorja m’għandux ikun aktar minn 5 % tal-portafoll kollu kemm hu u, fejn l-impriża li tisponsorja tagħmel parti minn grupp, investiment f’impriżi li jagħmlu parti mill-istess grupp bħal dak ta’ l-impriża li tisponsorja m’għandux ikun aktar minnb 10 % tal-portafoll.

Fejn l-istituzzjoni tkun sponsorjata minn numru ta’ impriżi, l-investiment f’dawn l-impriżi li jisponsorjaw għandu jsir bi prudenza, waqt li jagħti kont tal-ħtieġa għal diversifikazzjoni kif imiss.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-ħtiġiet imsemmija fil-punti (e) u (f) għall-investiment f’bonds tal-gvern.

2. L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jipprojbixxi lill-istituzzjoni milli tissellef jew li taġixxi bħala garanti għan-nom ta’ partijiet terzi. Iżda l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet li jwettqu xi self biss għal raġunjiet ta’ likwidità u fuq bażi temporanju.

3. L-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom li jinvestu f’kategoriji partikolari ta’ attiv.

4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment ta’ istituzzjoni li tinsab fit-territorju tagħhom jew il-maniġer tagħha ta’ investiment għal xi xorta ta’ approvazzjoni minn qabel jew ħtiġiet sistematiċi ta’ notifikazzjoni.

5. Skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4, l-Istati Membri jistgħu, għal istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorji tagħhom, jippreskrivu regoli aktar dettaljati, inklużi regoli kwantitattivi, sakemm dawn ikunu prudentement iġġustifikati, biex jirriflettu l-firxa totali ta’ skemi ta’ pensjoni operati minn dawn l-istituzzjonijiet.

B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet ta’ investiment simili għal dawk tad-Direttiva 2002/83/KE.

Iżda. l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjienu istituzzjonijiet milli:

(a) jinvestu s-70 % ta’ l-attiv li jkopri l-provvisti tekniċi jew tal-portafoll sħiħ għal skemi li fihom il-membri jġorru r-riskji ta’ investiment f’ishma, sigurtajiet negozjabbli ittrattati bħala ishma u bonds korporati ammessi għan-negozju fuq swieq itregolati u jiddeċiedu dwar il-piż relattiv ta’ dawn is-sigurtajiet fil-portafoll tagħhom ta’ investiment. Sakemm ikunu prudentement iġġustifikati, l-Istati Membri jistgħu, iżda, japplikaw limitu aktar baxx għall-istituzzjonijiet li jipprovdu prodotti ta’ l-irtirar b’garanzija ta’ rata ta’ mgħax fuq perjodu twil ta’ żmien, iġorru r-riskju ta’ l-investiment u huma stess jipprovdu għall-garanzija;

(b) jinvestu sa 30 % ta’ l-attiv li jkopri provvisti tekniċi f’attiv denominati f’muniti barra minn dawk li fihom il-passiv huma espressi;

(ċ) jinvestu fi swieq b’riskju ta’ kapital.

6. Il-paragrafu 5 m’għandux jipprekludi d-dritt li l-Istati Membri jeħtieġu l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom ta’ regoli aktar stretti ta’ investiment ukoll fuq bażi individwali sakemm ikunu prudentement iġġustifikati, b’mod partikolari fid-dawl tar-responsabilitajiet li tidħol fihom l-istituzzjoni.

7. Fil-każ ta’ attivitajiet bejn il-fruntieri kif imsemmija fl-Artikolu 20, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru li jospita jistgħu jeħtieġu li r-regoli preskritti fit-tieni subparagrafu japplikaw għall-istituzzjoni fl-Istat membru ta’ l-oriġini. F’dawk il-każi, dawn ir-regoli għandhom japplikaw biss għall-parti ta’ l-attiv ta’ l-istituzzjoni li tkun tikkorrispondi ma’ l-attivitajiet imwettqa fl-Istat Membru partikolari li jospita. B’żieda, għandhom jiġu applikati biss jekk l-istess regoli jew regoli aktar stretti japplikaw għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Istat Membru li jospita.

Ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu huma kif ġej:

(a) l-istituzzjoni m’għandhiex tinvesti aktar minn 30 % ta’ dawn l-attiv f’ishma, sigurtajiet oħra ttrattati bħala ishma u sigurtajiet tal-passiv li m’humiex ammessi għan-negozju f’suq irregolat, jew l-istituzzjoni għandha tinvesti għall-anqas 70 % ta’ dawn l-assi, f’ishma, sigurtajiet oħra ttrattati bħala ishma u sigurtajiet ta’ passiv li huma ammessi għan-negozju f’suq irregolat;

(b) l-istituzzjoni għandha tinvesti mhux aktar minn 5 % ta’ dawn l-attiv f’ishma u sigurtajiet oħra trattati bħala ishma, bonds, sigurtajiet ta’ passiv u flus oħra u strumenti oħra ta’ suq kapitali maħruġa mill-istess impriża u mhux aktar minn 10 % ta’ dawn l-attiv f’ishma u sigurtajiet oħra ttrattati bħala ishma, bonds, sigurtajiet ta’ passiv u flus oħra u strumenti ta’ suq kapitali maħruġa minn impriżi li jagħmlu parti minn grupp wieħed;

(ċ) l-istituzzjoni m’għandhiex tinvesti aktar minn 30 % ta’ dan l-attiv f’attiv denominat f’munita barra minn dawk li fiha huwa espress il-passiv.

Biex jikkonforma ma’ dawn il-ħtiġiet, l-Istat Membru ta’ oriġni jista’ jeħtieġ ir-ring fencing ta’ l-assi.

Artikolu 19

Immaniġġjar u kustodja

1. L-Istati Membri m’għandhomx jirrestrinġu lill-sitituzzjonijiet milli jaħtru, għall-immaniġġjar tal-portafoll ta’ l-investiment, maniġers ta’ investiment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u debitament awtorizzati għal din l-attività, skond id-Direttiva 85/611/KEE, 93/22/KEE, 2000/12/KE u 2002/83/KE, kif ukoll dawk riferiti fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri m’għandhomx jirrestrinġu istituzzjonijiet milli jaħtru, għall-kustodja ta’ l-attiv tagħhom, kustodji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u debitament awtorizzati skond id-Direttiva 93/22/KEE jew id-Direttiva 2000/12/KE, jew aċċettat bħala depożitarju għall-għanijiet tad-Direttiva 85/611/KEE.

Id-dispożizzjoni msemmija f’dan il-paragrafu m’għandhiex tipprevjieni lill-Istat Membru li jospita milli jagħmel obbligatorja l-ħatra ta’ depożitarju jew kustodju.

3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex ikun jista’ skond il-liġi nazzjonali tiegħu li jipprojbixxi, skond l-Artikolu 14, id-disponiment bla ħlas miżmuma minn depożitarju jew kustodju li jinsab fit-territorju tiegħu fuq it-talba ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini.

Artikolu 20

Attivitajiet bejn il-fruntieri

1. Mingħajr preġudizzju għall-leġislazzjoni soċjali u tax-xogħol dwar l-organizzazzjoni ta’ skemi ta’ pensjoni, inkluża sħubija obbligatorja u r-riżultati ta’ patti ta’ ftehim ta’ negozjar kollettiv, l-Istati Membri għandhom jippermettu impriżi li jinsabu ġewwa t-territorji tagħhom li jisponsorjaw istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali awtorizzati fi Stati Membri oħra. Għandhom ukoll jippermettu istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali awtorizzati fit-territorji tagħhom li jaċċettaw li jkunu sponsorjati minn impriżi ġewwa t-territorji ta’ Stati Membri oħra.

2. Istituzzjoni li tixtieq li taċċetta sponsorship minn impriża li tisponsorja li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 9(5). Għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha li taċċetta sponsorship minn impriża li tisponsorja li tinsab ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru ieħor lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini fejn tkun awtorizzata.

3. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu istituzzjonijiet li jinsabu ġewwa t-territorji tagħhom u li jipproponu li jkunu sponsorjati minn impriża li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li tipprovdi l-informazzjoni li ġejja meta teffettwa notifikazzjoni taħt il-paragrafu 2:

(a) l-Istat/i Membru/i li jospita/w;

(b) l-isem ta’ l-impriża li tisponsorja;

(ċ) il-karatteristiċi prinċipali ta’ l-iskema ta’ pensjoni li għandha tiġi operata għall-impriża li tisponsorja.

4. Fejn awtoritàkompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita tiġi nnotifikata taħt il-paragrafu 2, u sakemm ma jkollhiex raġuni li tiddubita li l-istruttura amministrativa jew is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-sitituzzjoni jew ir-reputazzjoni tajba jew il-kwalifiki professjonali jew esperjenza tal-persuni li jmexxu l-istituzzjoni huma kompatibbli ma’ l-operazzjonijiet proposti fl-Istat Membru li jospita, għandha fi żmien tliet xhur milli tirċievi l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3 tikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita u lill-istituzzjoni.

5. Qabel ma’ l-istituzzjoni tibda topera skema ta’ pensjoni għal impriża li tisponsorja fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jopsita għandhom, fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, fejn xieraq, bil-ħtieġa tal-liġi soċjali u dik tax-xogħol relevanti għall-qasam ta’ pensjonijiet okkupazzjonali li taħtu l-iskema ta’ pensjoni sponsorjata mill-impriża fl-Istat Membru li jospita għandha tkun operata u kull regoli li għandhom ikunu applikati skond l-Artikolu 18(7) u l-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-istituzzjoni.

6. Malli tirċievi l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, jew jekk ma tiġi riċevuta ebda komunikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini malli jiskadi l-perjodu hekk kif ipprovdut fil-paragrafu 5, l-istituzzjoni tista’ tibda topera l-iskema ta’ pensjoni sponsorjata minn impriża fl-Istat Membru li jospita skond il-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru li jospita tal-liġi soċjali u dik tax-xogħol relevanti għall-qasam ta’ pensjonijiet okkupazzjonali, u kull regoli li għandhom jiġu applikati skond l-Artikolu 18(7) u l-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

7. B’mod partikolari, istituzzjoni sponsorjata minn impriża li tinsab fi Stat Membru ieħor għandha wkoll tkun suġġetta, fir-rigward tal-membri li jikkorrispondu, għal kull ħtiġiet ta’ informazzjoni imposti mill-awtortajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita fuq istituzzjonijiet li jinsabu f’dak l-Istat Membru, skond l-Artikolu 11.

8. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospitaw għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ orġini b’kull bidla sinifikanti fil-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru li jospita dwar il-liġi soċjali u dik tax-xogħol fil-qasam ta’ l-iskemi ta’ pensjoni okkupazzjonali li tista’ teffettwa l-karatteristiċi ta’ l-iskema tal-pensjoni sal-limitu li tikkonċerna l-operazzjoni ta’ l-iskema tal-pensjoni sponsorjata minn impriża fl-Istat Membru li jospita u dwar kull regoli li għandhom ikunu applikati skond l-Artikolu 18(7) u l-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

9. L-istituzzjoni għandha tkun suġġetta għal superviżjoni dejjem għaddejja mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita fir-rigward tal-konformità ta’ l-attivitajiet tagħha mal-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru li jospita tal-liġi tax-xogħol u dik soċjali relevanti għall-qasam ta’ skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali msemmija fil-paragrafu 5 u bil-ħtiġiet ta’ informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 7. Jekk din is-superviżjoni tikxef xi irregolaritajiet, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini minnufih. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom, b’koordinazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-istituzzjoni twaqqaf il-ksur mikxuf tal-liġi soċjali u tax-xogħol.

10. Jekk, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, jew minħabba li miżuri xierqa huma nieqsa fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-istituzzjoni tippersisti fil-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru li jospita dwar liġi soċjali u tax-xogħol relevanti għall-qasam ta’ skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita jistgħu, wara li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, jieħdu miżuri addattati biex jipprevjienu jew jippenalizzaw aktar irregolaritajiet, inkluż, sal-limitu li huwa strettament meħtieġ, jipprevjienu lill-istituzzjoni milli topera fl-Istat Membru li jospita għall-impriża li tisponsorja.

Artikolu 21

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, b’mod xieraq, l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva permezz ta’ skambji regolari ta’ informazzjoni u esperjenza bil-ħsieb li jiżviluppaw l-aħjar prattiċi f’din l-isfera u kooperazzjoni eqreb, u permezz ta’ hekk, jipprevjienu tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u joħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għal sħubija mingħajr problemi bejn il-fruntieri.

2. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw fil-qrib bil-ħsieb li jiffaċilitaw is-superviżjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali.

3. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b’xi diffikultajiet kbar li tista’ toħloq l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati għandhom jeżaminaw dawk id-diffikultajiet kemm jista’ jkun malajr sabiex tinstab soluzzjoni addattata.

4. Erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha toħroġ rapport li jirrevedi:

(a) l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18 u l-progress miksub fl-addattazzjoni tas-sistemi superviżorji nazzjonali, u

(b) l-applikazzjoni tat-tieni subpargrafu ta’ l-Artikolu 19(2), b’mod partikolari s-sitwazzjoni prevalenti fl-Istati Membri fir-rigward ta’ l-użu ta’ depożitarji u l-irwol li huma jieħdu fejn xieraq.

5. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita jista’ jitlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini biex jiddeċiedi dwar ir-ring fencing ta’ l-attiv u l-passiv ta’ l-istituzzjoni, hekk kif ipprovdut fl-Artikolu 16(3) u l-Artikolu 18(7).

Artikolu 22

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-23 ta’ Settembru 2005. Għandhom minnufih javżaw b’dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom ikunu preskritti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri jistgħu jipposponu sat-23 ta’ Settembru 2010 l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 17(1) u (2) għal istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom li fid-data speċifikata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jkollhomx il-livell minimu ta’ fondi regolatorji proprji meħtieġa skond l-Artikolu 17(1) u (2). Iżda, istituzzjonijiet li jixtiequ joperaw skemi ta’ pensjoni fuq bażi bejn il-fruntieri, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 20, ma jistgħux jagħmlu dan sakemm ma jikkonformawx mar-regoli ta’ din id-Direttiva.

4. L-Istati Membri jistgħu jipposponu sat-23 ta’ Settembru 2010 l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18(1)(f) għal istituzzjonijiet li jinsabu fit-teritorju tagħhom. Iżda, istituzzjonijiet li jixtiequ joperaw skemi ta’ pensjoni fuq bażi bejn il-fruntieri, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 20, ma jistgħux jagħmlu dan sakemm ma jikkonformawx mar-regoli ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 24

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Ġunju 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

N. Christodoulakis

[1] ĠU C 96 E, tas-27.3.2001, p. 136.

[2] ĠU C 155, tad-29.5.2001, p. 26.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-4 ta’ Lulju 2001 (ĠU C 65 E, ta’ l-14.3.2002, p. 135), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2003 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2003.

[4] ĠU L 283, tat-28.10.1980, p. 23. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 270, tat-8.10.2002, p. 10).

[5] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni mpjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2). Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 187, ta’ l-10.7.2001, p. 1).

[6] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jiffissa l-proċedura għar-Regolament ta’ implimentazzjoni (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali, għal persuni Impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 74, tas-27.3.1972, p. 1). Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kommissjoni (KE) Nru 410/2002 (ĠU L 62, tal-5.3.2002, p. 17).

[7] L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amminsitrattivi li jirrelataw mal-bidu u l-insegwiment ta’ negozju ta’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 77, ta’ l-20.3.2002, p. 17).

[8] Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’sigurtajiet trasferibbli (UCITS) (ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 41, tat-13.2.2002, p. 35).

[9] Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE ta’ l-10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi t’ investiment fil-qasam tas-sigurtajiet (ĠU L 141, tal-11.6.1993, p. 27). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tas-17.11.2000, p. 27).

[10] Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 li tirrelata mal-bidu u l-insegwiment ta’ negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 126, tas-26.5.2000, p. 1). Direttiva kid emendata bid-Direttiva 2000/28/KE (ĠU L 275, tas-27.10.2000, p. 37).

[11] Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, tad-19.12.2002, p. 1).

--------------------------------------------------

Top