EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R1326

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1326/2001 tad-29 ta’ Ġunju 2001 li jippreskrivi miżuri transitorji li jippermettu l-bidla għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u l-qerda ta' xi enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli, u li jemendaw l-Annessi VII u XI ta’ dak ir-Regolament

OJ L 177, 30.6.2001, p. 60–67 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 033 P. 9 - 16
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 033 P. 9 - 16
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 033 P. 9 - 16
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 033 P. 9 - 16
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 033 P. 9 - 16
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 033 P. 9 - 16
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 033 P. 9 - 16
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 033 P. 9 - 16
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 033 P. 9 - 16
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 038 P. 109 - 117
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 038 P. 109 - 117
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 032 P. 99 - 106

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1326/oj

32001R1326



Official Journal L 177 , 30/06/2001 P. 0060 - 0067


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1326/2001

tad-29 ta’ Ġunju 2001

li jippreskrivi miżuri transitorji li jippermettu l-bidla għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u l-qerda ta' xi enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli, u li jemendaw l-Annessi VII u XI ta’ dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u l-qerda ta’ xi enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1248/2001 [2], u partikolarment l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikoli 7, 9 u 15 sa 18 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabbilixxu regoli dwar l-għalf ta’ l-annimali, u jimponu aktar restrizzjonijiet fuq prodotti li joriġinaw minn annimali li jixtarru u tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali. Ir-rekwiżiti tagħhom ivarjaw skond il-klassifika ta’ l-istatus tal-BSE ta’ l-Istati Membri jew pajjiżi terzi kkonċernati. Il-klassifika għad-determinazzjoni ta’ l-istatus tal-BSE għandha tiġi deċiża skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. Sa llum l-ebda deċiżjonijiet ma ttieħdu biex xi Stat Membru jew pajjiż terz jitpoġġew f'kategorija bbażata fuq id-disposizzjonijiet ġodda taħt l-Artikolu 5. Id-disposizzjonijiet tar-Regolament jieħdu effett fl-intier tagħhom mill-1 ta’ Lulju 2001, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri transitorji a bażi ta’ l-Artikolu 23. F'nuqqas ta' deċiżjonijiet dwar klassifika, l-Artikoli 7, 9 u 15 sa 18 ma jistgħux jiġu applikati: miżuri transitorji huma għalhekk neċessarji.

(2) Miżuri transitorji għal xi regoli bbażati fuq klassifika, jiġifieri dawk li jikkonċernaw materjal riskjuż speċifikat, huma diġà previsti bl-Artikolu 22, li jiddisponi li dawn għandhom japplikaw għall-inqas sa l-1 ta’ Jannar 2002 u jieqfu japplikaw immedjatament wara d-data li tiġi adottata ta' deċiżjoni dwar klassifika skond l-Artikolu 5, f'liema data l-Artikolu 8, li jikkonċerna materjal riskjuż speċifikat, għandu japplika. Fl-interess tal-kjarezza l-istess regoli għall-bidla mir-regoli transitorji għar-regoli tar-Regolament għandhom japplikaw għall-artikoli l-oħrajn ibbażati fuq klassifika.

(3) Ir-regoli Komunitarji li jirrigwardaw l-enċefalopatija sponġiformi trasmissibbli dwar projbizzjonijiet li jikkonċernaw l-għalf ta’ annimali, fis-seħħ immedjatament qabel l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE [3], dwar xi miżuri ta’ ħarsien kontra l-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli u l-għalf ta’ proteini ta’ l-annimali u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/9/KE [4], kif emendata bid-Deċiżjoni 2001/165/KE [5], dwar miżuri ta’ kontroll meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/766/KE. Id-Deċiżjoni 2000/766/KE, tissospendi l-għalf, bi ftit eċċezzjonijiet, ta’ proteini ta’ annimali pproċessati lill-annimali kollha ta' l-irziezet sat-30 ta’ Ġunju 2001. Il-Kunsill ikkonkluda fl-24 ta' April 2001 li l-perjodu ta' l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni għandu jiġi estiż. Din l-aħħar Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi emendata skond dan bħala miżura transizzjonali. Emendi oħra għandhom jiddependu fuq deċiżjoni dwar il-klassifika ta’ Stati Membri kif ukoll l-effikaċja ta’ miżuri ta’ kontroll imposti fl-Istati Membri individwali.

(4) Ir-regoli Komunitarji dwar l-enċefalopatija sponġiformi trasmissibbli dwar it-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta' annimali bovini ħajjin u ta' xi prodotti li joriġinaw minn annimali bovini, fis-seħħ immedjatament qabel l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, huma stabbiliti fi, jew ġew adottati skond, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/290/KEE ta’ l-14 ta’ Mejju 1992 dwar xi miżuri ta' ħarsien ta' embriji bovini dwar l-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) fir-Renju Unit [6], id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE tas-16 ta’ Marzu 1998 dwar xi miżuri ta’ emerġenza ta’ ħarsien kontra l-enċefalopatija sponġiformi bovina, li temenda d-Deċiżjoni 94/474/KE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/239/KE [7], id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/351/KE tad-29 ta’ Mejju 1998 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ mill-Irlanda ta’ Fuq ta’ prodotti bovini taħt l-Iskema ta’ Mrieħel Iċċertifikati għall-Esportazzjoni tista’ tibda skond l-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE [8], id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/514/KE tat-23 ta’ Lulju 1999 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ mir-Renju Unit ta’ prodotti bovini taħt l-iskema ta’ esportazzjoni ibbażata fuq dati tista’ tibda skond l-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE [9], id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/345/KE tat-22 ta’ Mejju 2000 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ mill-Portugall għall-Ġermanja ta’ xi prodotti għall-iskop ta' inċinerazzjoni tista’ tibda skond l-Artikolu 3(6) tad-Deċiżjoni 98/653/KE [10], id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/371/KE tas-6 ta’ Ġunju 2000 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ ta’ barrin tal-ġlied mill-Portugall għal Franza tista’ tibda skond l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 98/653/KE [11], id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/372/KE tas-6 ta' Ġunju 2000 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ ta’ barrin tal-ġlied mill-Portugall għal Spanja tista’ tibda skond l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 98/653/KE [12] u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 200/376/KE tat-18 ta’ April 2001 dwar miżuri li saru neċessarji minħabba l-okkorrenza ta’ enċefalopatija sponġiformi bovina fil-Portugall u li timplimenta skema ta’ esportazzjoni ibbażata fuq dati [13]. Għalhekk dawn id-Deċiżjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ fil-perjodu transizzjonali.

(5) Ir-regoli Komunitarji li jirrigwardaw l-enċefalopatija sponġiformi trasmissibbli dwar materjal riskjuż speċifikat, fis-seħħ immedjatament qabel l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, huma stabbiliti fi, jew ġew adottati skond, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/418/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li tirregola l-użu ta’ materjal li jippreżenta riskji rigward l-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli u li jemenda d-Deċiżjoni 94/474/KE [14], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 2001/384/KE [15]. Din id-Deċiżjoni ġiet emendata rigward il-kolonna vertebrali bovina, il-laħam irrikoverat b'mod mekkaniku u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, wara li l-Kunsill adotta, fit-12 ta’ Frar 2001, il-Pożizzjoni Komuni tiegħu (KE) Nru 8/2001 bl-għan li jiġi adottat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u l-qerda ta' xi enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli [16]. L-Anness XI ta’ dak ir-Regolament jippreskrivi r-regoli dwar materjal riskjuż speċifikat li japplikaw waqt il-perjodu transizzjonali. Is-Sezzjoni A ta’ dak l-Anness għandha għalhekk tiġi aġġornata biex tinkludi d-disposizzjonijiet dwar il-materjal riskjuż speċifikat adottat mill-adozzjoni tal-Kunsill tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu.

(6) Sakemm jittieħdu deċiżjonijiet dwar klassifiċi għal pajjiżi terzi, u bħala prekawzjoni, huwa xieraq li jiġi pprovdut biex il-miżuri minimi ta’ ħarsien previsti mir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha li ma jitqisux ħielsa mill-BSE għandhom japplikaw għall-importazzjonijiet kollha ta’ annimali, embriji u ova bovini. Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ materjal riskjuż speċifikat minn prodotti ddestinati għall-ikel u l-għalf hija l-aktar miżura waħdanija importanti ta’ ħarsien ta’ sanità pubblika. Huwa għalhekk xieraq li tiġi estiża, bħala miżura transizzjonali, il-lista ta’ prodotti koperti b'restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni skond id-Deċiżjoni 2000/418/KE, biex tinkludi l-prodotti kollha li jkun fihom materjal bovin, ovin jew kaprin koperti b'ċertifikati sanitarji Komunitarji. Madankollu, dawk il-pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn deroga għad-Deċiżjoni 2000/418/KE għandhom ukoll jibbenefikaw minn deroga minn din il-miżura transizzjonali. Sabiex jitħarsu l-obbligi internazzjonali skond il-Ftehim ta’ l-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, partikolarment il-proċeduri ta’ notifika, id-disposizzjonijiet dwar l-importazzjoni m’għandhomx japplikaw sa l-1 ta’ Ottubru 2001.

(7) L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jippreskrivi r-regoli dettaljati għall-miżuri li għandhom jiġu implimentati wara l-konferma tal-preżenza ta’ TSE. Dawn ir-regoli għandhom jiġu aġġornati sabiex jirriflettu d-disposizzjonijiet tekniċi dettaljati ta' qerda applikati mill-Istati Membri, b’kunsiderazzjoni għall-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Xjentifiku (KTX) dwar l-għażla ta' l-ifrat għall-qatla relatata mal-BSE tal-15 ta’ Settembru 2000. Il-KTX ikkonkluda f’din l-opinjoni li "digà l-għażla ta' merħla (sħiħa) għall-qatla qed ikollha xi effett kemm f’termini li jiġu eliminati każijiet li mhumiex identifikati mod ieħor u kemm f'termini li fil-futur irażżnu każijiet oħra milli jitfaċċaw. Madankollu, (…) fil-biċċa l-kbira l-istess effett jista’ jintlaħaq bl-għażla għall-qatla ta’ l-annimali kollha mwielda u/jew imrobbija fl-istess merħliet bħal fil-każ ikkonfermat fi żmien bejn wieħed u ieħor12-il xahar qabel u wara d-data tat-twelid tal-każ ta' indiċi (għażla għall-qatla fuq twelid flimkien)." Il-KTX irrakkomanda l-għażla għall-qatla ta’ għall-inqas wild flimkien kull meta jidher każ domestiku ta’ BSE, irrispettivament mis-sitwazzjoni epidemjoloġika prevalenti. Huwa għalhekk xieraq li jiġu emendati d-disposizzjonijiet dettaljati dwar il-qerda skond dan billi ssir mhux obbligatorja l-għażla għall-qatla tal-merħla sħiħa skond is-sitwazzjoni lokali prevalenti.

(8) Fl-interess taċ-ċarezza, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/474/KE tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar xi miżuri ta' ħarsien dwar l-enċefalopatija sponġiformi bovina u li tħassar id-Deċiżjonijiet 89/469/KEE u 90/200/KEE [17], id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/381/KE tas-27 ta’ Ġunju 1994 dwar xi miżuri ta' ħarsien dwar l-enċefalopatija sponġiformi bovina u l-għalf ta’ proteini dderivati minn mammiferi [18], u d-Deċiżjoni 2000/418/KE li tirregola l-użu ta’ materjal li fih riskji dwar l-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli u li temenda d-Deċiżjoni 94/474/KE, għandhom jiġu mħassra.

(9) Il-Kumitat Veterinarju Permanenti ma tax opinjoni; il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet dawn il-miżuri lill-Kunsill fil-15 ta’ Ġunju 2001 skond l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, waqt li l-Kunsill huwa dovut li jaġixxi fi żmien tliet xhur.

(10) Madankollu, l-Kunsill la adotta l-miżuri, u lanqas ma oppona l-proposta, u kkonkluda fid-19 ta’ Ġunju 2001 li ma kienx ser ibiddel il-pożizzjoni tiegħu f'dak il-perjodu.

(11) Taħt dawn iċ-ċirkostanzi li għandhom jieħdu kont ta’ l-urġenza biex dawn il-miżuri jiġu implimentati, il-Parlament Ewropew infurmat skond id-disposizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE [19], u bla ħsara għall-Artikolu 8 ta’ dik id-Deċiżjoni, dawn il-miżuri għandhom għalhekk ikunu adottati mill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Bħala miżura transitorjali tidderoga mir-Regolament (KE) Nru 999/2001:

1. id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx japplikaw għal Stat Membru jew pajjiż terz sad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni li tiddetermina l-istat ta’l-istatus ta' BSE ta’ dak l-Istat Membru jew pajjiż terz, adottat skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. L-Anness XI, Sezzjoni D, għandha tapplika għall-Istat Membru jew pajjiż terz ikkonċernat sa dik id-data. L-ebda deċiżjoni bħal din ma’ għandha tidħol fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2002;

2. L-Artikolu 7(2), (3) u (4) m’għandux japplika għal Stat Membru sad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni li tiddetermina l-istatus ta’ l-BSE ta' dak l-Istat Membru, u sakemm id-disposizzjonijiet Komunitarji dwar l-għalf lill-annimali rilevanti għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli jiġu effettivament inforzati fih. L-Anness XI, sezzjoni Ċ, għandha tapplika għal dak l-Istat Membru sakemm l-Artikolu 7(2), (3) u (4) isir applikabbli hemmhekk.

Artikolu 2

1. Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2000/766/KE, it-tieni u t-tielet paragrafi huma b’dan imħassra.

2. Id-Deċiżjonijiet Nru 94/381/KE, 94/474/KE u 2000/418/KE huma mħassra.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat kif ġej:

1. It-test fl-Anness VII huwa ssostitwit bit-test fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

2. It-test fl-Anness XI, sezzjoni A, huwa ssostitwit bit-test fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

3. It-test fl-Anness XI huwa kkompletat bit-test fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2001.

Madankollu, id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness XI, taqsima A, punt 5, ir-raba’ sas-sebgħa, u d-disgħa u l-għaxar inċiżi, u s-sezzjoni D, punt 2 u 3, tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament preżenti, għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ottubru 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 29 ta’ Ġunju 2001.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 147, tal-31.5.01, p. 1.

[2] ĠU L 173, tas-27.6.01, p. 12.

[3] ĠU L 306, tas-7.12.00, p. 32.

[4] ĠU L 2, tal-5.1.2001, p. 32.

[5] ĠU L 58, tat-28.2001, p. 43.

[6] ĠU L 152, ta’ l-4.6.1992, p. 37.

[7] ĠU L 113, tal-15.4.1998, p. 32.

[8] ĠU L 157, tat-30.5.1998, p. 110.

[9] ĠU L 195, tat-28.7.1999, p. 42.

[10] ĠU L 121, tat-23.5.2000, p. 9.

[11] ĠU L 134, tas-7.6.2000, p. 34.

[12] ĠU L 134, tas-7.62000, p. 35.

[13] ĠU L 132, tal-15.5.2001, p. 17.

[14] ĠU L 158, tat-30.6.2000, p. 76.

[15] ĠU L 137, tad-19.5.2001, p. 29.

[16] ĠU C 88, tad-19.3.2001, p. 1.

[17] ĠU L 194, tad-29.7.1994, p. 96.

[18] ĠU L 172, tas-7.7.1994, p. 23.

[19] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS I

- L-Artikolu 9 dwar xi prodotti li joriġinaw minn annimali li jixtarru,

- L-Artikolu 15(1) dwar it-tqegħid fis-suq ta’ annimali ħajjin, is-semen, l-embriji u l-ova tagħhom,

- L-Artikolu 16(2), (3), (4) u (6) dwar tqegħid fis-suq ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali,

- L-Artikolu 17 dwar iċ-ċertifikati sanitarji jew dokumenti kummerċjali li għandhom x'jaqsmu man-negozju,

- L-Artikolu 18 dwar iċ-ċertifikati sanitarji li għandhom x'jaqsmu ma' l-importazzjonijiet,

- L-Anness VIII, Kapitolu A(II), dwar it-tqegħid fis-suq ta' annimali bovini ħajjin fil-Komunitajiet,

- L-Anness VIII, Kapitolu Ċ, dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali bovini fil-Komunitajiet,

- L-Anness IX, Kapitoli A, B, Ċ, D, F u G, dwar l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ annimali bovini ħajjin, prodotti li joriġinaw mill-annimali bovini, embriji u ova bovini, u prodotti oħra li joriġinaw minn annimali li jixtarru.

--------------------------------------------------

ANNESS II

"

“ANNESS VII

QERDA TA’ L-ENĊEFALOPATIJA SPONĠIFORMI TRASMISSIBBLI

1. L-inkjesta msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) għandha tidentifika:

(a) fil-każ ta’ annimali bovini:

- l-annimali oħra kollha li jixtarru fuq l-azjenda ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda,

- fejn il-marda ġiet ikkonfermata f'annimal femminili, l-embriji, l-ova u l-wild tagħha miġbura jew imwielda sa sentejn qabel, jew wara, li feġġet klinikament il-marda,

- l-annimali kollha ta' l-istess boton ta' l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda,

- l-oriġini possibbli tal-marda,

- annimali, embriji jew ova oħra, fuq l-azjenda ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda jew fuq azjendi oħra, li setgħu ġew infettati bl-aġent TSE jew li ġew esposti għall-istess ikel jew font ta’ kontaminazzjoni,

- il-moviment ta’ għalf potenzjalment ikkontaminat, jew ta' materjal ieħor jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ trasmissjoni, li setgħu ittrasmettew l-aġent TSE lil jew mill-azjenda in kwistjoni;

(b) fil-każ ta’ annimali ovini u kaprini:

- l-annimali kollha li jixtarru minbarra annimali ovini u kaprini fl-azjenda ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda,

- sa fejn huma identifikabbli, il-ġenituri, l-embriji u l-ova kollha u l-aħħar wild ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda,

- l-annimali kollha tal-boton, li għandhom jiġu definiti skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 24(2), ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda,

- l-annimali oħrajn kollha ovini u kaprini fuq l-azjenda ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda minbarra dawk imsemmija fit-tieni u t-tielet inċiżi,

- l-oriġini possibbli tal-marda u l-identifikazzjoni ta’ ażjendi oħra li fihom hemm annimali, embriji jew ova li setgħu ġew infettati mill-aġent TSE jew ġew esposti għall-istess ikel jew font ta' kontaminazzjoni,

- il-moviment ta' għalf potenzjalment ikkontaminat, jew materjal ieħor jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ trasmissjoni, li seta' ittrasmetta l-aġent BSE lil jew mill-azjenda in kwistjoni;

2. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(ċ) għandhom jikkonsistu għall-inqas:

(a) fil-każ ta’ konferma ta’ l-BSE f'annimal bovin, il-qtil u qerda kompleta ta’ annimali bovini u l-qerda ta’ embriji u ova identifikati mill-inkjesta msemmija fil-punt 1(a), l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiż. L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma joqtolx u jeqred l-annimali bovini kollha fl-azjenda ta' l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda kif imsemmi fl-ewwel inċiż tal-punt 1(a), skond is-sitwazzjoni epidemjoloġika u t-traċċabbilta’ ta’ l-annimali ta’ dik l-azjenda;

(b) fil-każ ta’ konferma ta’ l-BSE f'annimal ovin jew kaprin, il-qtil u qerda kompleta ta’ l-annimali kollha, ta’ embriji u ova identifikati mill-inkjesta imsemmija fil-punt 1(b), it-tieni sas-sitt inċiżi.”

"

--------------------------------------------------

ANNESS III

"

“ANNESS XI

A. Dwar it-tneħħija ta’ materjal riskjuż speċifikat

1. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-materjal riskjuż speċifikat indikat hawn taħt għandu jitneħħa jew jinqered skond il-punti 7 sa 11.

(a) It-tessuti li ġejjin huma indikati bħala materjal riskjuż speċifikat:

(i) il-kranju inkluż il-moħħ u l-għajnejn, it-tonsilli, il-kolonna vertebrali esklużi l-vertebra tad-denb u l-proċessi trasversi tal-vertebra lombari, iżda inklużi gangliji ta' l-għerq tad-dahar u n-nerv li jgħaddi minn ġos-sinsla ta’ annimali bovini ta’ età aktar minn 12-il xahar, u l-intestini mid-duodenum sar-rectum ta’ annimali bovini ta’ kull età;

(ii) il-kranju inkluż il-moħħ u l-għajnejn, it-tonsilli u n-nerv li jgħaddi minn ġos-sinsla ta' annimali ovini u kaprini ta' età aktar minn 12-il xahar jew li għandhom sinna inċiżiva li ħarġet mill-ħanek, u l-milsa ta’ annimali ovini u kaprini ta’ kull età.

Deċiżjoni tista’ tittieħed skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) partikolarment bi skop li tiġi aġġustata l-età għat-tneħħija tal-kolonna vertebrali bovina, fid-dawl tal-probabbiltà statistika ta’ l-okkorrenza ta’ l-BSE fil-gruppi ta’ l-età rilevanti tal-popolazzjoni bovina tal-Komunità, ibbażata fuq ir-riżultati ta' monitoraġġ ta’ l-BSE, b’riferenza partikolari għal testjar ta’ annimali bovini, kif stabbilit fl-Anness III.

(b) Minbarra l-materjal riskjuż speċifikat elenkat f'(a), it-tessuti li ġejjin għandhom jiġu indikati bħala materjal riskjuż speċifikat fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fil-Portugall, bl-eċċezzjoni tar-Reġjun Awtonomu ta’ l-Azores:

- ir-ras kollha minbarra l-ilsien, inklużi l-moħħ, l-għajnejn, it-trigeminal ganglia u t-tonsilli; it-timu, il-milsa u n-nerv li jgħaddi mill-ispina ta’ annimali bovini ta’ età akbar minn sitt xhur.

2. Materjal riskjuż speċifikat jew materjal ipproċessat idderivat minnu jista’ jintbagħat biss bi skop għal inċinerazzjoni sussegwenti, skond il-punt 11 jew, fejn approprjat, il-punt 7(b).

3. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li għadam ta’ annimali bovini, ovini u kaprini ma jintużawx għall-produzzjoni ta’ laħam rikoverat b'mod mekkaniku.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tiċrit wara l-isturdament ta' tessuti nervużi ċentrali permezz ta’ strument twil forma ta’ virga mdaħħla fil-kavità kranjali ma jkunx effettwat fit-territorju tagħhom fir-rigward ta' annimali bovini, ovini jew kaprini li l-laħam tagħhom huwa maħsub għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali.

5. Il-materjal riskjuż speċifikat imsemmi fil-punt 1(a) m’għandux jiġi importat fil-Komunità wara l-31 ta’ Marzu 2001.

Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali elenkati hawn taħt għandhom ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet ma' l-importazzjoni fil-Komunità:

- laħam frisk il-laħam definit bid-Direttiva 64/433/KEE,

- laħam ikkapuljat u preparamenti tal-laħam: il-laħam ikkapuljat u l-preparamenti tal-laħam definiti bid-Direttiva 94/65/KE [1];

- prodotti tal-laħam il-prodotti tal-laħam definiti bid-Direttiva 77/99/KEE [2],

- prodotti oħra li joriġinaw mill-annimali: prodotti oħra li joriġinaw mill-annimali kif definiti bid-Direttiva 77/99/KEE,

- xaħmijiet magħquda kif imsemmijin fid-Direttiva 92/118/KEE,

- ġelatina kif imsemmija fid-Direttiva 92/118/KEE,

- ikel ta’ annimali domestiċi kif imsemmi fid-Direttiva 92/118/KEE,

- il-proteina pproċessata ta’ l-annimali msemmija fid-Direttiva 92/118/KEE,

- għadam u prodotti ta’ l-għadam kif imsemmija fid-Direttiva 92/118/KEE,

- materjal mhux maħdum għall-manifattura ta' għalf ta’ l-annimali kif imsemmi fid-Direttiva 92/118/KEE,

- imsaren bovini kif imsemmija fl-Artikolu 2(b)(v) tad-Direttiva 77/99/KEE.

(a) Meta l-prodotti msemmija hawn fuq li joriġinaw mill-annimali, li fihom materjal minn annimali bovini, ovini jew kaprini jiġu importati fil-Komunità minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom, iċ-ċertifikati tas-saħħa għandhom jiġu akkumpanjati b'dikjarazzjoni ffirmata mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-produzzjoni, miktuba kif ġej:

"Il-prodott li joriġina mill-annimal ma fihx, u mhuwiex idderivat minn materjal riskjuż speċifikat kif definit fl-Anness XI, sezzjoni A, tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jippreskrivi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u l-qerda ta' xi enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli, maħdum wara l-31 ta’ Marzu 2001, jew laħam irrikoverat b'mod mekkaniku mill-għadam ta’ annimali bovini, ovini jew kaprini, maħdum wara l-31 ta’ Marzu 2001. Wara l-31 ta’ Marzu 2001 l-annimali ma nqatlux wara li ġew storduti permezz ta’ gass injettat fil-kavità kranjali jew inqatlu bl-istess metodu jew b’ tiċrit wara l-isturdament tat-tessuti nervużi ċentrali permezz ta’ strument twil forma ta' virga mdaħħal fil-kavità kranjali.

Karkassi, nofs karkassi u kwarti ta’ karkassi jista’ jkun fihom kolonna vertebrali meta jkunu importati."

(b) Kull riferenza għal prodotti li joriġinaw mill-annimali tindika prodotti li joriġinaw mill-annimali elenkati f'dan il-punt u ma tikkonċernax prodotti oħra li joriġinaw mill-annimali li fihom jew huma dderivati minn dawk il-prodotti li joriġinaw mill-annimali.

6. Il-punt 5 ma japplikax għal importazzjonijiet minn:

L-Awtstralja

L-Arġentina:

Botswana

Brażil

Iċ-Ċile:

Costa Rica

Namibia

Żelandja l-Ġdida

Nikaragwa

Paragwaj

Urugwaj

Singapor

Sważilandja.

7. L-Istati Membri għandhom jagħmlu spezzjonijiet uffiċjali ta' spiss biex jivverifikaw l-applikazzjoni korretta ta’ din is-Sezzjoni u għandhom jaċċertaw li jittieħdu miżuri biex tiġi evitata xi kontaminazzjoni, partikolarment f'biċċeriji, impjanti tal-qtugħ, impjanti li jipproċessaw l-iskart ta’ l-annimali, impjanti li jipproċessaw ta' riskju għoli jew postijiet approvati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/667/KEE, posti tal-bejgħ lill-konsumatur, siti ta’ radam u faċilitajiet oħra għall-ħażna jew inċinerazzjoni. L-Istati Membri għandhom partikolarment jistabbilixxu sistema biex jaċċertaw u jivverifikaw li:

(a) materjal riskjuż speċifikat użat fil-produzzjoni ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) jintuża biss għal skopijiet awtorizzati;

(b) materjal riskjuż speċifikat, speċjalment fejn it-tneħħija ssir fi stabbilimenti jew postijiet għajr biċċeriji, huwa kompletament isseparat minn skart ieħor mhux maħsub għall-inċinerazzjoni, jinġabar separatament u jintrema skond il-punt 1 u l-punti 8 sa 11. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu d-dispaċċ ta’ rjus jew karkassi li jkun fihom materjal riskjuż speċifikat lejn Stat Membru ieħor wara li dak l-Istat Membru jkun qabel li jirċievi l-materjal u approva l-kondizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal dak it-trasport.

Madankollu, karkassi, nofs karkassi u kwarti ta' karkassi li ma fihom ebda materjal riskjuż speċifikat minbarra l-kolonna vertebrali, inklużi gangliji ta’ l-għerq tad-dahar, jistgħu jiġu importati fi Stat Membru, jew jintbagħtu lil Stat Membru ieħor mingħajr dan ma' jkun qabel mill-ewwel.

8. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi l-materjal riskjuż speċifikat jitneħħa f’:

(a) biċċeriji;

(b) impjanti ta' qtugħ, impjanti li jipproċessaw ta' riskju għoli, jew postijiet oħra msemmija fl-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 90/667/KEE, taħt is-sorveljanza ta’ aġent indikat maħtur mill-awtorità kompetenti. Dawk l-istabbilimenti għandhom jiġu approvati għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu biex il-kolonna vertebrali titneħħa fil-postijiet tal-bejgħ lill-konsumatur.

Fejn materjal riskjuż speċifikat ma jitneħħiex minn annimali mejta li ma nqatlux għall-konsum uman, il-partijiet tal-ġisem li fihom il-materjal riskjuż speċifikat jew il-ġisem sħiħ għandhom jiġu ttrattati bħala materjal riskjuż speċifikat.

9. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi l-materjal riskjuż speċifikat kollu huwa mtebba’ b’żebgħa u, kif xieraq, immarkat minnufih mat-tneħħija, u meqrud kompletament:

(a) b’inċinerazzjoni mingħajr ipproċessar minn qabel; jew,

(b) bil-kondizzjoni li ż-żebgħa jew il-marka tibqa’ tidher, wara l-ipproċessar minn qabel:

(i) skond is-sistemi deskritti fil-Kapitoli I sa IV, VI u VII ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 92/562/KEE:

- b’inċinerazzjoni,

- b’ko-inċinerazzjoni,

(ii) skond għall-inqas il-livelli stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni 1999/534/KE, bi dfin f’sit approvat ta’ radam.

10. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-disposizzjonijiet tal-punti 8 u 9 biex jippermettu l-inċinerazzjoni jew dfin ta’ materjal riskjuż speċifikat jew iġsma sħaħ, mingħajr ma jittebbgħu minn qabel, jew, kif xieraq, mingħajr tneħħija tal-materjal riskjuż speċifikat, fiċ-ċirkostanzi preskritti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 90/667/KEE u b’metodu li jipprekludi kull riskju ta’ trasmissjoni ta’ TSE u li huwa approvat u vverifikat mill-awtorità kompetenti, partikolarment fejn annimali mietu jew inqatlu fil-kuntest ta’ miżuri ta’ kontroll tal-mard.

11. L-Istati Membri jistgħu jibagħtu materjal riskjuż speċifikat jew il-materjal ipproċessat minnu lil Stati Membri oħra għal inċinerazzjoni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/735/KE, fejn applikabbli.

Dan il-punt jista’ jiġi emendat fuq talba ta’ Stat Membru biex jiġi permess id-dispaċċ ta’ materjal riskjuż speċifikat jew il-materjal ipproċessat minnu lil pajjiżi terzi għal inċinerazzjoni, jekk ikunu ġew adottati l-kondizzjonijiet li jirregolaw dik l-esportazzjoni.

12. B’deroga mill-punt 1(a)(i), tista' tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) li tippermetti l-użu tal-kolonna vertebrali u l-gangliji ta' l-għerq tad-dahar minn annimali bovini:

(a) li twieldu, trabbew kontinwament u nqatlu fl-Istati Membri li għalihom stima xjentifika tkun stabbiliet illi l-okkorrenza ta’ l-BSE f'annimali bovini indiġeni x’aktarx ma kienx hemm, jew x’aktarx ma kienx hemm imma mhix eskluża; jew

(b) imwielda wara d-data ta’ infurzar effettiv tal-projbizzjoni ta' l-għalf ta’ proteini ta' mammiferi lill-annimali li jixtarru fl-Istati Membri b'każi rrapportati ta' BSE f'annimali indiġeni jew li għalihom stima xjentifika tkun stabbiliet illi l-okkorrenza tal-BSE f'annimali bovini nazzjonali x'aktarx teżisti.

Ir-Renju Unit, il-Portugall, il-Finlandja, l-Isvezja u l-Awstrija jistgħu jibbenefikaw minn din id-deroga fuq bażi ta’ evidenza li tkun ġiet sottomessa u vvalutata qabel. Stati Membri oħra jistgħu japplikaw għal din id-deroga billi jissottomettu evidenza sostnuta konklużiva lill-Kummissjoni dwar il-punt (a) jew (b), kif approprjat.

Stati Membri li jibbenefikaw minn din id-deroga għandhom, minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III, Kapitolu A, sezzjoni I, jaċċertaw li wieħed mit-testijiet mgħaġġla approvati elenkati fl-Anness X, Kapitolu Ċ, punt 4, jiġi applikat lill-annimali bovini kollha ta' aktar minn 30 xahar età li:

(a) ikunu mietu fuq ir-razzett jew fit-trasport, iżda li ma nqatlux għall-konsum mill-bniedem, minbarra dawk l-annimali mejtin f'żoni mbiegħda b’densità baxxa ta’ annimali li jinsabu fi Stati Membri fejn x’aktarx ma jkunx hemm okkorrenza ta’ BSE;

(b) ġew soġġettati għal qatla normali għall-konsum mill-bniedem.

Din id-deroga m’għandhiex tingħata biex tippermetti l-użu tal-kolonna vertebrali u l-gangliji ta' l-għerq tad-dahar minn annimali bovini ta’ età akbar minn 30 xahar mir-Renju Unit jew mill-Portugall bl-eċċezzjoni tar-Reġjun Awtonomu ta' l-Azores.

Esperti mill-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fil-post biex jivverifikaw aktar l-evidenza mogħtija skond l-Artikolu 21.”

"

[1] Direttiva tal-Kunsill 94/65/KE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1994 li jippreskrivi r-rekwiżiti għall-produzzjoni u tqegħid fis-suq ta’ laħam ikkapuljat u preparamenti tal-laħam (ĠU L 368, tal-31.12.1994, p. 10).

[2] Direttiva tal-Kunsill 77/99/KEE tal-21 ta’ Dicembru 1976 dwar problemi ta' saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-prodotti tal-laham (ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 85). Direttiva kif l-ahhar emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/76/KE (ĠU L 10, tas-16.1.1998, p. 25).

--------------------------------------------------

ANNESS IV

"Ċ. Rigward projbizzjonijiet dwar għalf lill-annimali

Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE dwar xi miżuri ta' ħarsien rigward l-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli u l-għalf ta' proteina ta' l-annimali, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/9/KE dwar miżuri ta' kontroll meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE, jibqgħu fis-seħħ.

Tista' tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) biex tiġi addattata d-Deċiżjoni 2000/766/KE għas-sitwazzjoni ta’ kull Stat Membru fid-dawl tar-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni u l-inċidenza tal-BSE, ibbażata fuq ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-BSE, b’riferenza partikolari għat-testjar ta’ annimali bovini, kif stabbilit bl-Anness III.

D. Dwar it-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni

1. Id-disposizzjonijiet li ġejjin jibqgħu fis-seħħ bħala miżuri transizzjonali:

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/290/KEE tal-14 ta' Mejju 1992 dwar xi miżuri ta' ħarsien fir-rigward ta' embriji bovini dwar l-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) fir-Renju Unit.

Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE tas-16 ta' Marzu 1998 dwar xi miżuri ta' emerġenza li jħarsu kontra l-enċefalopatija sponġiformi trasmissibbli, li temenda d-Deċiżjoni 94/474/KE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/239/KE.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/351/KE tad-29 ta' Mejju 1998 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ mill-Irlanda ta' Fuq ta' prodotti bovini taħt l-Iskema ta' Mrieħel Iċċertifikati għall-Esportazzjoni tista' tibda skond l-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/514/KE tat-23 ta' Lulju 1999 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ mir-Renju Unit ta' prodotti bovini skond l-iskema ta' esportazzjoni bbażata fuq dati tista' tibda skond l-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/345/KE tat-22 ta' Mejju 2000 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ mill-Portugall għall-Ġermanja ta' xi prodotti għall-inċinerazzjoni tista' tibda skond l-Artikolu 3(6) tad-Deċiżjoni 98/653/KE.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/371/KE tas-6 ta' Ġunju 2000 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ ta' barrin tal-ġlied mill-Portugall għal Franza tista' tibda skond l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 98/653/KE.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/372/KE tas-6 ta' Ġunju 2000 li tistabbilixxi d-data li fiha d-dispaċċ ta' barrin tal-ġlied mill-Portugall għal Spanja tista' tibda skond l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 98/653/KE.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 200/376/KE tat-18 ta' April 2001 dwar miżuri li saru neċessarji minħabba l-okkorrenza ta' l-enċefalopatija sponġiformi bovina fil-Portugall u li timplementa skema ta' esportazzjoni bbażata fuq dati.

2. Importazzjonijiet ta’ annimali bovini għandhom ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat internazzjonali tas-saħħa ta’ l-annimal illi jafferma li:

(a) l-għalf lill-annimali li jixtarru ta' proteini dderivati minn mammiferi ġie pprojbit u l-projbizzjoni ġiet effettivament infurzata;

(b) l-annimali bovini maħsuba għall-esportazzjoni lejn il-Komunità huma identifikati b’sistema ta’ identifikazzjoni permanenti li tippermetti li jiġu ttraċċati lura għad-dama u l-merħla ta’ l-oriġini u mhumiex il-wild ta’ femminili suspettati bil-BSE.

3. Importazzjonijiet ta’ embriji u ova bovini huma soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat internazzjonali tas-saħħa ta’ l-annimal li jafferma li l-għalf lill-annimali li jixtarru bil-proteini dderivati mill-mammiferi ġie pprojbit u l-projbizzjoni ġiet effettivament infurzata;

4. Il-punti 2 u 3 ma' għandhomx japplikaw għal importazzjonijiet minn:

L-Awtstralja

L-Arġentina:

Botswana

Brażil

Iċ-Ċile:

Costa Rica

Namibia

Żelandja l-Ġdida

Nikaragwa

Paragwaj

Urugwaj

Singapor

Sważilandja."

--------------------------------------------------

Top