EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R0761

Ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u verifika (EMAS)

OJ L 114, 24.4.2001, p. 1–29 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 026 P. 270 - 298
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 026 P. 270 - 298
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 026 P. 270 - 298
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 026 P. 270 - 298
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 026 P. 270 - 298
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 026 P. 270 - 298
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 026 P. 270 - 298
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 026 P. 270 - 298
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 026 P. 270 - 298
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 031 P. 3 - 31
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 031 P. 3 - 31

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/01/2010; Imħassar b' 32009R1221

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/761/oj

32001R0761



Official Journal L 114 , 24/04/2001 P. 0001 - 0029


Ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad-19 ta' Marzu 2001

li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u verifika (EMAS)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tagħha,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni tal-20 ta' Diċembru 2000,

Billi:

(1) L-Artikolu 2 tat-Trattat jistabbilixxi illi l-Komunità jkollha fost ix-xogħol tagħha li tippromwovi fil-Komunità kollha t-tkabbir sostenut u r-Riżoluzzjoni ta' l-1 ta' Frar 1993 [4] tenfasizza l-importanza ta' dan it-tkabbir sostenut.

(2) Il-Programm "Lejn is-Sostenibbiltà", ippreżentat mill-Kummissjoni u approvat rigward l-approċċ ġeneriku tiegħu bir-Riżoluzzjoni ta' l-1 ta' Frar 1993, jenfasizza r-rwol u r-responsabbiltajiet ta' l-organizzazzjonijiet, kemm biex jirrinforzaw l-ekonomija u kemm biex jipproteġu l-ambjent fil-Komunità kollha.

(3) Il-Programm "Lejn is-Sostenibbiltà", jirrekjedi t-tkabbir tal-firxa ta' l-istrumenti fl-oqsma li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' l-ambjent u għall-użu tal-mekkaniżmi tas-suq sabiex iġiegħlu lill-organizzazzjonijiet jadottaw approċċ pro-attiv f'dawn l-oqsma lil hemm mill-konformità mal-ħtiġiet regolatorji kollha rilevanti rigward l-ambjent.

(4) Il-Kummissjoni għandha tippromwovi approċċ koerenti bejn l-istrumenti leġislattivi żviluppati fil-livell Komunitarju fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent.

(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1836/93 tad-29 ta' Ġunju 1993 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja minn kumpanniji fis-settur industrijali fi skema Komunitarja għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u verifika [5] wera l-effettività tagħha bil-promozzjoni tat-titjib fit-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-industriji.

(6) L-esperjenza miġbura mill-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1836/93 għandha tintuża sabiex ittejjeb l-abiltà ta' l-iskema Komunitarja għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u verifika (EMAS) sabiex iġġib titjib fit-twettiq ġenerali tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjonijiet.

(7) L-EMAS għandu jkun disponibbli għall-organizzazzjonijiet kollha li għandhom impatt ta' l-ambjent, billi jipprovdilhom mezzi sabiex jiġġestjonaw dawn l-impatti u biex itejbu t-twettiq tax-xogħol tagħhom ta' l-ambjent kollu.

(8) Skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità riferiti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, l-effettività ta' l-EMAS fil-kontribuzzjoni għal twettiq imtejjeb tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjonijiet Ewropej tista' tinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju. Dan ir-Regolament jillimita ruħu li jiżgura implimentazzjoni ugwali ta' l-EMAS fil-Komunità kollha billi jipprovdi regoli, proċeduri u ħtiġiet essenzjali komuni dwar l-EMAS filwaqt li l-miżuri li jistgħu jiġu mwettqa adegwatament fil-livell nazzjonali jibqgħu għall-Istati Membri.

(9) L-organizzazzjonijiet għandhom jiġu inkoraġġati li jipparteċipaw fl-EMAS fuq bażi volontarja u jistgħu jakkwistaw valur miżjud f'termini tal-kontroll regolatorju, tat-tfaddil fl-infiq u tad-dehra pubblika.

(10) Huwa importanti illi l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju jipparteċipaw fl-EMAS u l-parteċipazzjoni tagħhom għandha titmexxa ‘l quddiem billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-tagħrif, għall-fondi eżistenti ta' appoġġ u għall-istituzzjonijiet pubbliċi u billi jiġu stabbiliti u mmexxija ‘l quddiem miżuri ta' assistenża teknika.

(11) It-tagħrif ipprovvdut mill-Istati Membri għandu jiġi wżat mill-Kumissjoni sabiex jistma l-iżvilupp ta' miżuri speċifiċi mmirati sabiex l-orgnizzazzjonijiet, b'mod partikolari l-organizzazjonijiet iż-żgħar u ta' daqs medju, jipparteċipaw aktar fl-EMAS.

(12) It-trasparenza u l-kredibiltà ta' l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw sistemi għall-immaniġġjar ta' l-ambjent huma mogħnija meta s-sistema tagħhom għall-immaniġġjar, il-programm tal-verifika u l-prospett ta' l-ambjent jiġu eżaminati sabiex jivverifikaw illi jilħqu l-ħtiġiet rilevanti ta' dan ir-Regolament u meta l-prospett ta' l-ambjent u l-aġġornamenti sossegwenti tiegħu jiġu vvalidati minn verifikaturi ambjentali akkreditati.

(13) Huwa għalhekk meħtieġ illi tiġi żgurata u mtejba b'mod sod il-kompetenza tal-verifikaturi ambjentali billi tiġi pprovvduta sistema ta' akkredidazzjoni indipendenti u newtrali, ta' taħriġ mill-ġdid u tas-sorveljanza approprjata ta' l-attivitajiet tagħhom sabiex tiġi żgurata l-kredibbiltà ġenerali ta' l-EMAS. Għandha għalhekk tiġi stabbilita l-koperazzjoni mill-qrib bejn il-korpi nazzjonali ta' l-akkreditazzjoni.

(14) L-organizzazzjonijiet għandhom jiġu inkoraġġati li jipproduċu u jqiegħdu għad-disposizzjoni tal-pubbliku prospetti ta' l-ambjent perjodiċi li jipprovdu lill-pubbliku u lill-partijiet l-oħra interessati bit-tagħrif dwar it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent tagħhom.

(15) L-Istati Membri jistgħu joħolqu inċentivi sabiex jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet jipparteċipaw fl-EMAS.

(16) Il-Kumissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ tekniku lil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni sabiex jistabbilixxu l-istrutturi meħtieġa sabiex tiġi applikata l-EMAS.

(17) B'żieda mal-ħtiġiet ġenerali tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent l-EMAS jagħti sinifikat speċjali lill-elementi li ġejjin: il-konformità legali, it-titjib fit-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent kif ukoll fil-komunikazzjoni esterna u l-involviment ta' l-impjegati.

(18) Il-Kumissjoni għandha tadatta l-Annessi ma' dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta' l-Anness V, tirrikonoxxi l-istandards Ewropej u internazzjonali dwar il-kwistjonijiet ta' l-ambjent ta' rilevanza għal-EMAS u tistabbilixxi l-linji gwida bi sħab mal-partijiet interessati fl-EMAS bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-ħtiġiet tal-EMAS minn Stat Membru għall-ieħor. Meta tabbozza dawn il-linji gwida, il-Kumissjoni għandha tqis il-politika Komunitarja dwar l-ambjent u b'mod partikolari l-leġislazzjoni Komunitarja kif ukoll l-impenji internazzjonali meta jkunu rilevanti.

(19) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimentazzjoni kkonferit fuq il-Kummissjoni [6].

(20) Dan ir-Regolament għandu jiġi rrivedut, jekk approprjat, fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba wara ċertu perijodu taż-żmien tax-xogħol.

(21) L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jadottaw il-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(22) Dan ir-Regolament jirbaħ u jieħu l-post tar-Regolament (KEE) 1836/93 li għalhekk għandu jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-iskema ta' mmaniġġjar u verifikar ta' l-ambjent u l-għanijiet tagħha

1. Hija hawnhekk stabbilita skema Komunitarja għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u verifika li tippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta' l-organizzazzjonijiet, minn issa ‘l quddiem imsejha "EMAS", sabiex tivvaluta u ttejjeb it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjonijiet u l-provvediment tat-tagħrif rilevanti għall-pubbliku u l-partijiet l-oħra interessati.

2. Il-mira tal-EMAS għandha tkun li tippromwovi titjib kontinwu fit-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjonijiet billi:

(a) jiġu stabbiliti u implimentati skemi għall-immaniġġjar ta' l-ambjent minn organizzazzjonijiet kif deskritt fl-Anness I;

(b) il-valutazzjoni sistematika, oġġettiva u perjodika tat-twettiq tax-xogħol ta' dawn l-iskemi kif deskritt fl-Anness I;

(ċ) il-provvediment tat-tagħrif dwar it-twettiq tax-xogħol u d-djalogu miftuħ mal-pubbliku u mal-partijiet l-oħra interessati;

(d) l-involviment attiv ta' l-impjegati fl-organizzazzjoni u t-taħriġ inizjali u avvanzat approprjat li jagħmel possibbli l-parteċipazzjoni attiva fil-kompiti riferiti fil-(a). Meta hekk jitlob, kull rappresentant ta' l-impjegati għandu jkun involut ukoll.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "politika ta' l-ambjent" għandha tfisser l-għanjiet u l-prinċipji ta' azzjoni kollha ta' l-oganizzazzjonijiet b'rispett lejn l-ambjent inkluża l-konformità mal-ħtiġiet regolatorji ta' l-ambjent rilevanti kif ukoll impenn għal titjib kontinwu tat-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent; il-politika ta' l-ambjent tipprovdi qafas sabiex jiġu stabbiliti u rriveduti l-miri u l-finijiet ta' l-ambjent;

(b) "titjib kontinwu tat-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent" għandu jfisser il-proċess tat-titjib, sena b'sena, ir-riżultati li jistgħu jitkejlu tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent kif għandhom x'jaqsmu mal-immaniġġjar ta' organizzazzjoni dwar l-aspetti ta' l-ambjent sinjifikanti tagħha, imsejsa fuq il-politika, il-miri u l-finijiet ta' l-ambjent tagħha; it-titjib tar-riżultati ma għandux iseħħ simultanjament fl-isferi kollha;

(ċ) "twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent" għandu jfisser ir-riżultati għall-immaniġġjar ta' organizzazzoni rigward l-aspetti ta' l-ambjent tagħha;

(d) "prevenzjoni ta' tniġġiż" għandha tfisser l-użu tal-proċessi, tal-prattiċi, tal-materjali jew tal-prodotti li jevitaw, inaqqsu jew jikkontrollaw it-tniġġiż, li jistgħu jinkludu r-riċiklaġġ, it-trattament, il-bidliet tal-proċessi, il-mekkaniżmi tal-kontroll, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u s-sostituzzjoni tal-materjali;

(e) "reviżjoni ta' l-ambjent" għandha tfisser analiżi komprensiva iniżjali tal-kwistjonijiet, l-impatt u t-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent li jkollhom x'jaqsmu ma’ l-attivitajiet ta' organizzazzjoni, (l-Anness VII);

(f) "aspett ta' l-ambjent" għandu jfisser element fl-attivitajiet, fil-prodotti jew fis-servizzi ta' organizzazzjoni li jistgħu jinteraġixxu ma' l-ambjent, (l-Anness VI); aspett ta' l-ambjent sinjifikanti huwa aspett ta' l-ambjent li għandu jew li jista jkollu impatt ta' l-ambjent sinjifikanti;

(g) "impatt ta' l-ambjent" għandu jfisser kull bidla fl-ambjent, sewwa jekk ta' ħsara u sewwa jekk ta' ġid, li tirriżulta fl-intier tagħha jew f'parti minnha mill-attivitajiet, il-prodotti jew is-servizzi ta' organizzazzjoni;

(h) "programm ta' l-ambjent" għandu jfisser deskrizzjoni tal-miżuri (responsabbiltajiet u mezzi) meħuda jew preveduti sabiex jiksbu l-miri u l-finijiet ta' l-ambjent u t-temmiet taż-żmien sabiex jinkisbu l-miri u l-finijiet ta' l-ambjent;

(i) "mira ta' l-ambjent" għandha tfisser fini totali ta' l-ambjent, li joħroġ mill-politika ta' l-ambjent, illi organizzazzjoni tiffissa lilha nfisha li tikseb, u li tiġi kkwantifikata meta prattikabbli;

(j) "fini ta' l-ambjent" għandu jfisser ħtieġa ddettaljata tat-twettiq tax-xogħol, ikkwantifikata fejn prattikabbli, li tapplika għall-organizzazzjoni jew partijiet minnha, li toħroġ mill-miri ta' l-ambjent u li teħtieġ li tiġi ffissata u ssodisfatta sabiex jinkisbu dawn il-miri;

(k) "sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent" għandha tfisser il-parti mis-sistema totali għall-immaniġġjar li tinkludi l-istruttura organizzattiva, il-pjanifikazzjoni ta' l-attivitajiet, ir-responsabbiltajiet, il-prattiċi, il-proċeduri, il-proċessi u r-riżorsi sabiex tiġi żviluppata, implimentata, miksuba, eżaminata bħala reviżjoni u miżmuma fl-ordni l-politika ta' l-ambjent;

(l) "verifika ta' l-ambjent" għandha tfisser, l-għodda għall-immaniġġjar li tikkomprendi l-valutazzjoni sistematika, iddokumentata, perjodika u oġġettiva tat-twettiq tax-xogħol ta' l-organizzazzjoni, tas-sistema għall-immaniġġjar u l-proċessi ddisinjati sabiex jipproteġu l-ambjent bil-għan li:

(i) jiffaċilitaw il-kontroll għall-immaniġġjar fuq prattiċi li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent;

(ii) jistmaw il-konformità mal-politika ta' l-ambjent, inkluzi l-miri u l-finijiet ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni (Anness II);

(m) "iċ-ċiklu tal-verifika" għandu jfisser il-perjodu taż-żmien li fih jiġu vverifikati l-attivitajiet kollha ġewwa organizzazzjoni, (Anness II);

(n) "awditur" għandu jfisser individwu jew tim li jappartjienu mill-personal ta' l-organizzazzjoni jew minn barra l-organizzazzjoni, li jaġixxu għan-nom għall-immaniġġjar l-iktar għolja ta' l-organizazzjoni, li għandhom, individwalment jew kollettivament, il-kompetenzi msemmija fil-punt 2.4 ta' l-Anness II, u li huma indipendenti biżżejjed mill-attivitajiet li huma jivverifikaw sabiex jagħmlu ġudizzju oġġettiv;

(o) "prospett ta' l-ambjent" għandha tfisser it-tagħrif iddettaljat fil-punt 3.2 (a) sa (g) fl-Anness III;

(p) "parti interessata" għandha tfisser individwu jew grupp, inkluzi l-awtoritajiet, interessati fit-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' organizzazzjoni jew affettwati minnu;

(q) "verifikatur ta' l-ambjent" għandu jfisser kull persuna jew organizzazzjoni indipendenti ta' l-organizzazzjoni li tkun qiegħda tiġi vverifikata, li jkunu kisbu l-akkreditazzjoni, skond il-kondizzjonijiet u l-proċeduri riferiti fl-Artikolu 4;

(r) "sistema ta' akkreditazzjoni" għandha tfisser sistema għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tal-verifikaturi ambjentali mħaddma minn istituzzjoni jew organizzazzjoni imparzjali nnominati jew maħluqa mill-Istat Membru (il-korp ta' l-akkreditazzjoni), b'riżorsi u kompetenzi bizzejjed u li jkollhom il-proċeduri xierqa sabiex iwettqu l-funzjonijiet iddefiniti b'dan ir-Regolament għal din is-sistema;

(s) "organizzazzjoni" għandha tfisser kumpanija, korporazzjoni, ditta, intrapriża, awtorità jew istituzzjoni, jew parti minn dawn jew għaqda tagħhom, sewwa jekk ikunu nkorporati u sewwa jekk le, pubbliċi jew privati, li għandhom il-funzjonijiet u l-amministrazzjonijiet tagħhom infushom.

L-entità li għandha tiġi rreġistrata bħala organizzazzjoni skond l-EMAS għandha tiġi miftiehma mal-verifikatur u, fejn approprjat mal-korpi kompetenti, filwaqt li titqies il-gwida tal-Kummissjoni, stabbilità skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 14(2), iżda ma għandhiex taqbeż il-konfini ta' Stat Membru. L-izgħar entità li għandha tiġi kkunsidrata għandha tkun sit. F'każijiet eċċezzjonali identifikati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2), l-entità li għandha tiġi kkunsidrata għar-reġistrazzjoni fl-EMAS tista' tkun iżgħar minn sit, b'din is-subdiviżjoni bil-funzjonijiet proprji tagħha.

(t) "sit" għandu jfisser l-art kollha fl-lokalità ġeografika distinta taħt il-kontroll għall-immaniġġjar ta' organizzazzjoni li tkopri l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi. Din tinkludi l-infrastruttura, t-tagħmir u l-materjali kollha;

(u) "korpi kompetenti" għandhom jfissru l-korpi nnominati mill-Istati Membri, kemm jekk nazzjonali, reġjonali jew lokali, skond l-Artikolu 5, sabiex iwettqu l-kompiti speċifiċi f'dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Parteċipazzjoni fl-EMAS

1. L-EMAS għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' kull organizzazzjoni ddedikata sabiex ittejjeb it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ġenerali tagħha.

2. Sabiex organizzazzjoni tkun tista’ tiġi rreġistrata fl-EMAS għandha:

(a) Tagħmel reviżjoni ta' l-ambjent ta' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha skond l-Anness VII u tindirizza l-kwistjonijiet li jinsabu fl-Anness VI u, fid-dawl tar-riżultati ta' din ir-reviżjoni, timplementa sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent li tkopri l-ħtiġiet kollha riferiti fl-Anness I, b'mod partikolari l-konformità mal-leġislazzjoni ta' l-ambjent rilevanti.

Madankollu, l-organizzazzjonijiet li għandhom sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent ċċertifikata, irrikonoxxuta skond il-ħtiġiet ta' l-Artikolu 9, ma għandhomx għalfejn jagħmlu reviżjoni ta' l-ambjent formali meta jibdew jimplimentaw l-EMAS, jekk it-tagħrif meħtieġ għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta' l-aspetti ta' l-ambjent ddikjarati fl-Anness VI jiġi pprovvdut bis-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent ċċertifikata.

(b) twettaq, jew tieħu ħsieb li titwettaq, verifika ta' l-ambjent skond il-ħtiġiet iddikjarati fl-Anness II. Il-verifiki għandhom jiġu mfassla sabiex jistmaw it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni;

(ċ) tħejji, skond il-punt 3.2 ta' l-Anness III, prospett ta' l-ambjent. Il-prospett għandu jqis b'mod partikolari r-riżultati li tkun kisbet organizzazzjoni rigward l-finijiet ta' l-ambjent u l-miri tagħha u l-ħtiġiet sabiex tissokta ttejjeb it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent tagħha, u għandha tikkunsidra l-ħtiġiet tat-tagħrif tal-partijiet interessati rilevanti;

(d) ikollha r-reviżjoni ta' l-ambjent, jekk approprjat, is-sistema għall-immaniġġjar, il-proċedura tal-verifika u l-prospett ta' l-ambjent eżaminati sabiex jiġi vverifikat li jissodisfaw il-ħtiġiet rilevanti ta' dan ir-Regolament u jkollha l-prospett ta' l-ambjent vvalidat mill-verifikatur ta' l-ambjent sabiex jiġi żgurat li tissodisfa l-ħtiġiet ta' l-Anness III;

(e) tibgħat il-prospett ta' l-ambjent vvalidat lill-korp kompetenti ta' l-Istat Membru li fih hija lokata l-organizzazzjoni li tkun qiegħda tfittex li tiġi rreġistrata u, wara r-reġistrazzjoni, tagħmlu disponibbli għall-pubbliku.

3. Sabiex l-organizzazzjoni tissokta żżomm ir-reġistrazzjoni fl-EMAS:

(a) għandu jkollha s-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u l-programm tal-verifika vverifikati skond il-ħtiġiet tal-punt 5.6 ta' l-Anness V;

(b) għandha tibgħat l-aġġornamenti vvalidati meħtieġa ta' kull sena tal-prospett ta' l-ambjent tagħha lill-korp kompetenti u tqiegħdhom għad-disposizzjoni tal-pubbliku. Id-devjazzjonijiet mill-frekwenza li fihom għandhom jitwettqu l-aġġornamenti jistgħu jsiru skond iċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-gwida Komunitarja adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Arikolu 14(2), b'mod partikolari għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar u l-intrapriżi ż-żgħar skond ir-Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE [7] u meta ma jkun hemm l-ebda bidla operattiva fis-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent.

Artikolu 4

Sistema ta' l-akkreditazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi ambjentali indipendenti u għas-sorveljanza ta' l-attivitajiet tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jew jużaw l-istituzzjonijiet eżistenti ta' l-akkreditazzjoni jew il-korpi kompetenti riferiti fl-Artikolu 5 jew jinnominaw jew jistabbilixxu kull korp ieħor bl-istatus approprjat.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-komposizzjoni ta' dawn is-sistemi hija hekk illi tiggarantixxi l-indipendenza u n-newtralità tagħhom fit-twettiq ta' dmirijiethom.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn is-sistemi jkunu mħadda totalment fi zmien 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konsultazzjoni approprjata tal-partijiet involuti, meta jiġu stabbiliti u diretti s-sistemi ta' l-akkreditazzjoni.

4. L-akkreditazzjoni tal-verifikaturi ambjentali u s-sorveljanza ta' l-attivitajiet tagħhom għandhom ikunu skond il-ħtiġiet ta' l-Anness V.

5. Il-verifikaturi ambjentali akkreditati fi Stat Membru jistgħu jwettqu attivitajiet tal-verifika f'kull Stat Membru ieħor skond il-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness V. Il-bidu ta' l-attività tal-verifika għandha tiġi nnotifikata lill-Istat Membru li fih tkun qiegħda ssir u l-attività għandha tkun bla ħsara għas-sorveljanza tas-sistema ta' l-akkreditazzjoni ta' dan ta' l-aħħar.

6. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu u jikkomunikaw il-bidliet rilevanti fl-istruttura u l-proċeduri tas-sistemi ta' l-akkreditazzjoni.

7. Il-Kumissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2), tippromwovi l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex, b'mod partikolari, tiġi evitata l-inkonsistenza bejn l-Anness V u l-kriterji, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri li japplikaw il-korpi nazzjonali ta' l-akkreditazzjoni għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tal-verifikaturi ambjentali sabiex jiżguraw kwalità konsistenti fil-verifikaturi ambjentali.

8. Għandu jiġi stabbilit forum, kostitwit mill-korpi ta' l-akkreditazzjoni kollha, mill-korpi ta' l-akkreditazzjoni bil-għan li jipprovdi lill-Kummissjoni bl-elementi u l-mezzi sabiex twettaq l-obbligi tagħha skond il-paragrafu (7). Għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena fil-preżenza ta' rappreżentant tal-Kummissjoni.

Il-forum għandu, kif approprjat, jiżviluppa gwida dwar il-kwistjonijiet fil-qasam ta' l-akkreditazzjoni, tal-kompetenza u tas-sorveljanza tal-verifikaturi ambjentali. Id-dokumenti ta' gwida li jiġu prodotti għandhom jiġu ssottomessi lill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2).

Sabiex jiżgura żvilupp armonizzat fil-funzjonament tal-korpi ta' l-akkreditazzjoni u fil-proċess tal-verifika fl-Istati Membri kollha, il-forum għandu jiżviluppa l-proċeduri għall-proċess ta' reviżjoni bejn il-pari. L-għan tar-reviżjoni bejn il-pari għandu jkun li jiżgura illi s-sistemi ta' l-akkreditazzjoni ta' l-Istati Membri jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament. Rapport ta' l-attivitajiet tar-reviżjoni bejn il-pari għandu jiġi trasmess lill-Kummissjoni li għandha tgħaddih għall-informazzjoni tal-Kumitat riferit fl-Artikolu 14(1) u tagħmlu disponibbli pubblikament.

Artikolu 5

Korpi kompetenti

1. Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jagħżel il-korp kompetenti responsabbli sabiex iwettaq il-kompiti pprovvduti f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari fl-Artikoli 6 u 7 u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-komposizzjoni tal-korpi kompetenti tkun hekk illi tiggarantixxi l-indipendenza u n-newtralità tagħhom u li l-korpi kompetenti japplikaw id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament b'mod konsistenti.

3. L-Istati Membri għandu jkollhom linji gwida għas-sospensjoni u l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet, għall-użu tal-korpi kompetenti. Il-korpi kompetenti għandu jkollhom b'mod partikolari, il- proċeduri sabiex:

- jikkunsidraw l-osservazzjonijiet mill-partijiet interessati dwar l-organizzazzjonijet irreġistrati, u

- jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, jikkanċellaw jew jissospendu organizzazzjonijiet mir-reġistrazzjoni.

4. Il-korp kompetenti għandu jkun responsabbli għar-reġistrazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet fl-EMAS. Għandu għalhekk jikkontrolla d-dħul u l-manteniment ta' l-organizzazzjonijiet fir-reġistru.

5. Il-korpi kompetenti mill-Istati Membri kollha għandhom jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena fil-preżenza ta' rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-mira ta' dawn il-laqgħat hija li tiżgura l-konsistenza tal-proċeduri li għandhom x'jaqsmu mar-reġistrazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet fl-EMAS, inklużi s-sospensjoni u l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni. Għandu jitħaddem proċess ta' reviżjoni bejn il-pari mill-korpi kompetenti bil-għan li jiżviluppaw kif jifhmu b'mod komuni l-approċċ prattiku tagħhom rigward ir-reġistrazzjoni. Rapport ta' l-attivitajiet tar-reviżjoni bejn il-pari għandu jiġi mogħti lill-Kummissjoni li għandha tgħaddih għat-tagħrif tal-Kumitat riferit fl-Artikolu 14(1) u tagħmlu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 6

Reġistrazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet

Ir-reġistrazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet għandha tiġi ttrattata mill-korpi kompetenti fuq il-bażi tal-każijiet li ġejjin:

1. Jekk korp kompetenti

- ikun irċieva prospett ta' l-ambjent vvalidat u

- ikun irċieva formola mimlija, li tinkludi mill-inqas it-tagħrif minimu stabbilit fl-Anness VIII, mill-organizzazzjoni u

- ikun irċieva kull dritt tar-reġistrazzjoni li jista' jitħallas skond l-Artikolu 16 u

- ikun sodisfatt fuq il-bażi tax-xhieda li jkun irċieva, u b'mod partikolari mill-mistoqsijiet li jkunu saru lill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar dwar il-konformità ta' l-organizzazzjoni mal-leġislazzjoni ta' l-ambjent rilevanti, li l-organizzazzjoni tissodisfa l-ħtiġiet kollha ta' dan ir-Regolament,

għandu jirreġistra lill-organizzazzjoni applikanti u jagħtiha numru tar-reġistrazzjoni. Il-korp kompetenti għandu jgħarraf lit-tmexxija ta' l-organizzazzjoni li l-organizzazzjoni tidher fuq ir-reġistru.

2. Jekk korp kompetenti jirċievi rapport tas-sorveljanza minn korp ta' l-akkreditazzjoni li jagħti xiehda illi l-attivitajiet tal-verifikatur ta' l-ambjent ma jkunux imwettqa b'mod adegwat biżżejjed sabiex jiżguraw illi l-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament jiġu mħarsa mill-organizzazzjoni applikanti, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi rrifjutata jew sospiża kif approprjat sakemm jiġi żgurat illi tinkiseb il-konformità ta' l-organizzazzjoni fl-EMAS.

3. Jekk organizzazzjoni tonqos milli tibgħat lill-korp kompetenti, fi żmien tliet xhur minn meta tintalab tagħmel dan,

- l-aġġornamenti vvalidati ta' kull sena tal-prospett ta' l-ambjent, jew

- formola mimlija, li tinkludi mill-inqas it-tagħrif minimu ddikjarat fl-Anness VIII mill-organizzazzjoni, jew

- kull dritt tar-reġistrazzjoni rilevanti,

l-organizzazzjoni għandha tiġi sospiża jew imħassra mir-reġistru, kif approprjat, skond in-natura u l-iskop tan-nuqqas. Il-korp kompetenti għandu jgħarraf lit-tmexxija ta' l-organizzazzjoni bir-raġunijiet tal-miżuri meħuda.

4. Jekk, f'kull ħin, korp kompetenti jikkonkludi, fuq il-bażi tax-xhieda li jkun irċieva, illi l-organizzazzjoni ma għadhiex tħares waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-organizzazzjoni għandha tiġi sospiża jew imħassra mir-reġistru, kif approprjat, jiddependi min-natura u l-firxa tan-nuqqas.

Jekk korp kompetenti jiġi mgħarraf mill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar bi ksur mill-organizzazzjoni tal-ħtiġiet regolatorji rilevanti dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent, għandu jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' din l-organizzazzjoni jew jissospendiha mir-reġistru skond kif approprjat.

5. Ir-rifjut tar-reġistrazzjoni, is-sospensjoni jew it-tħassir ta' organizzazzjonijiet mir-reġistru għandhom jeħtieġu l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati approprjati, sabiex il-korp kompetenti jiġi pprovvdut bl-elementi meħtieġa tax-xiehda sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Il-korp kompetenti għandu jgħarraf lit-tmexxija ta' l-organizzazzjoni bir-raġunijiet għaliex ikunu ttieħdu l-miżuri u bil-proċess tad-diskussjoni ma' l-awtorità kompetenti ta' l-infurzar.

6. Ir-rifjut jew is-sospensjoni għandhom jiġu mneħħija jekk il-korp kompetenti jkun irċieva tagħrif sodisfaċenti illi l-organizzazzjoni qiegħda tħares il-ħtiġiet tal-EMAS jew jekk ikun irċieva tagħrif sodisfaċenti mill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar illi l-ksur ġie kkorreġut u li l-organizzazzjoni għamlet l-arranġamenti sodisfaċenti bil-għan li tiżgura li ma jerġax iseħħ.

Artikolu 7

Lista ta' l-organizzazzjonijiet irreġistrati u tal-verifikaturi ambjentali

1. Il-korp ta' l-akkreditazzjoni għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jaġġorna l-lista tal-verifikaturi ambjentali u l-iskop tagħhom ta' l-akkreditazzjoni fl-Istat Membru tagħhom u għandu jew direttament, jew permezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali kif deċiż mill-Istat Membru interessat, jikkomunika t-tibdil f'din il-lista lill-Kummissjoni u lill-korp kompetenti kull xahar.

2. Il-korpi kompetenti għandhom jistabbilixxu u jżommu fl-ordni lista ta' l-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-Istat Membru tagħhom u jaġġornaw din il-lista kull xahar. Il-korpi kompetenti għandhom jew direttament, jew permezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali kif deċiż mill-Istat Membru interessat, jikkomunikaw it-tibdil fil-lista lill-Kummissjoni ta' kull xahar u jistgħu jorganizzaw sistema ta' skambju tat-tagħrif mis-settur ekonomiku u ż-żona tal-kompetenza fin-network tal-korpi lokali iddelegati.

3. Ir-reġistru tal-verifikaturi ambjentali u ta' l-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS għandha tinżamm mill-Kummissjoni li għandha tqegħdha għad-disposizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 8

Logo

1. L-organizzazzjonijet li jipparteċipaw fl-EMAS jistgħu jużaw il-logo muri fl-Anness IV biss jekk ikollhom reġistrazzjoni korrenti fl-EMAS. Għandhom jiġu addottati speċifikazzjonijiet tekniċi dwar ir-riproduzzjoni tal-logo skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 14(2) u ppubblikata mill-Kummissjoni.

2. Il-logo tal-EMAS jista' tintuża minn organizzazzjonijiet fil-każi li ġejjin:

(a) fuq tagħrif ivvalidat kif deskritt fil-punt 3.5 ta' l-Anness III, skond iċ-ċirkostanzi ddefiniti fil-gwida tal-Kummissjoni adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2) li għandu jiżgura li ma jkunx hemm konfużjoni mat-tikketti tal-prodott ta' l-ambjent (f'dan il-każ, għandha tintuża l-verżjoni 2 tal-logo mogħti fl-Anness IV);

(b) fuq dikjarazzjonijiet ta' l-ambjent vvalidati (f'dan il-każ, għandha tintuża l-verżjoni 2 tal-logo mogħti fl-Anness IV);

(ċ) fuq il-letterheads ta' l-organizzazzjonijiet irreġistrati (f'dan il-każ, għandha tintuża l-verżjoni 1 tal-logo mogħti fl-Anness IV);

(d) fuq it-tagħrif li jirreklama l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjoni fl-EMAS (f'dan il-każ, għandha tintuża l-verżjoni 1 tal-logo mogħti fl-Anness IV);

(e) fuq jew fir-reklami għall-prodotti, l-attivitajiet u s-servizzi li jkunu biss fiċ-ċirkostanzi ddefiniti fil-gwida tal-Kummissjoni adottata skond l-Artikolu 14(2) li għandha tiżgura li ma jkun hemm l-ebda konfużjoni mat-tikketti tal-prodotti ta' l-ambjent.

3. Il-logo ma għandux jintuża fil-każi li ġejjin:

(a) fuq il-prodotti jew l-imballaġġ tagħhom,

(b) flimkien mal-pretensjonijiet komparattivi li jirrigwardaw prodotti, attivitajiet jew servizzi oħra.

Madankollu l-Kummissjoni għandha, bħala parti mill-valutazzjoni pprovvduta fl-Artikolu 15(3), tikkunsidra taħt liema ċirkostanzi eċċezzjonali jista' jintuża l-logo u, għal dawn il-każijiet, tadotta r-regoli skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2) li għandhom jiżguraw li ma teżisti l-ebda konfużjoni mat-tikketti tal-prodotti ta' l-ambjent.

Artikolu 9

Relazzjoni ma’ l-istandards Ewropej u internazzjonali

1. L-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-istandards Ewropej jew internazzjonali għal kwistjonijiet ta' l-ambjent rilevanti għal-EMAS u ċċertifikati, skond il-proċeduri approprjati taċ-ċertifikazzjoni, bħala li jikkonformaw ma' dawn l-istandards, għandhom jiġu kkunsidrati li jikkonformaw mal-ħtiġiet korrispondenti ta' dan ir-Regolament, sakemm:

(a) l-istandards ikunu rrikonoxxuti mill-Kummissjoni li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2).

(b) il-ħtiġiet ta' l-akkreditazzjoni għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkunu rrikonoxxuti mill-Kummissjoni li taġixxi skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 14(2).

Ir-referenzi ta' l-istandards irrikonoxxuti (inklużi l-artikoli rilevanti tal-EMAS li għalihom japplikaw) u l-ħtiġiet ta' l-akkreditazzjoni rrikonoxxuti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Sabiex l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jiġu megħjuna jiġu rreġistrati fl-EMAS, l-organizzazzjonijiet interessati għandhom juru lill-verifikatur ta' l-ambjent l-konformità mal-ħtiġiet mhux koperti bl-istandards irrikonoxxuti.

Artikolu 10

Relazzjoni mal-leġislazzjonijiet l-oħra ta' l-ambjent fil-Komunità

1. L-EMAS għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

(a) il-liġijiet Komunitarji, jew

(b) il-liġijiet nazzjonali jew l-istandards tekniċi li ma jaqgħux taħt il-liġijiet Komunitarji u

(ċ) id-dmirijiet ta' l-organizzazzjonijiet taħt dawn il-liġijiet u standards rigward il-kontrolli ta' l-ambjent.

2. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kif ir-reġistrazzjoni fl-EMAS skond dan ir-Regolament tista' tiġi kkunsidrata fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni ta' l-ambjent sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' l-isforz li ma tkunx meħtieġa kemm mill-organizzazzjonijiet u kemm mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ttieħdu f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti t-tagħrif li tirċievi mill-Istati Membri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malli jkun disponibbli u mill-inqas darba kull tliet snin.

Artikolu 11

Promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet, b'mod partikolari ta' l-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju

1. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet fl-EMAS u għandhom, b'mod partikolari, jikkunsidraw il-ħtieġa li jiżguraw il-parteċipazzjoni ta' l-impriżi ż- żgħar u ta' daqs medju (SMEs) billi

- jiffaċilitaw l-aċċess għat-tagħrif, il-fondi ta' l-assistenza, l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-kisba pubblika, mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji li jirregolaw il-kisba pubblika.

- jistabbilixxu jew jippromwovu miżuri ta' assistenza teknika, speċjalment flimkien ma’ l-inizjattivi mill-punti approprjati professjonali jew lokali tal-kuntatt (p.e. l-awtoritajiet lokali, il-kmamar tal-kummerċ, l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ jew tas-snajja’).

- jiżguraw illi jkun hemm drittijiet raġjonevoli tar-reġistrazzjoni li jinkoraġixxu parteċipazz-joni ogħla.

Sabiex jippromwovu l-parteċipazzjoni fl-SMEs, inklużi dawk li jinsabu f'żoni ġeografiċi ddefiniti tajjeb, l-awtoritajiet lokali, bil-parteċipazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet industrijali, il-kmamar tal-kummerċ u l-partijiet interessati, jistgħu jipprovdu assistenza fl-identifikazzjoni ta' l-impatti ta' l-ambjent sinjifikanti. L-SMEs jistgħu mbagħad jużaw dan sabiex jiddefinixxu l-programm ta' l-ambjent tagħhom u jfasslu l-miri tagħhom u l-finijiet tas-sistema tagħhom għall-immaniġġjar ta' l-EMAS. B'żieda ma’ dan, jistgħu jiġu żviluppati programmi ddisinjati sabiex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs, bħalma huwa approċċ pass b'pass li eventwalment iwassal għar-reġistrazzjoni fl-EMAS, fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Is-sistema għandha taħdem bil-mira li jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq il-parteċipanti, b'mod partikolari fuq l-organizzazzjonijiet iż-żgħar.

2. Sabiex jinkoraġixxu l-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet fl-EMAS il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra Komunitarji kif ukoll l-awtoritajiet l-oħra pubbliċi fil-livell nazzjonali għandhom jikkunsidraw mingħajr preġudizzju għall-liġijiet Komunitarji, kif ir-reġistrazzjoni fl-EMAS tista’ tiġi kkunsidrata meta jiġu mfassla l-kriterji għall-politika tagħhom dwar il-kisba.

3. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti t-tagħrif li tirċievi mill-Istati Membri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malli jkun disponibbli u mill-inqas darba kull tliet snin.

Artikolu 12

Tagħrif

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri approprjati sabiex jiżgura illi:

(a) l-organizzazzjonijiet jiġu mgħarrfa bil-kontenut ta' dan ir-Regolament;

(b) il-pubbliku jiġi mgħarraf bil-miri u bil-komponenti prinċipali ta' l-EMAS.

L-Istati Membri għandhom, meta approprjat, f'koperazzjoni ma’, fost l-oħrajn, l-assoċjazzjonijiet industrijali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet ta' l-ambjent, it-trejd-unjonijiet u l-istituzzjonijiet lokali, jużaw b'mod partikolari l-pubblikazzjonijiet professjonali, il-ġurnali lokali, kampanji ta' promozzjoni jew kull mezz ieħor funzjonali għall-promozzjoni ta' għarfien ġenerali dwar l-EMAS.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu.

3. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-promozzjoni ta' l-EMAS fil-livell Komunitarju. Għandha, b'mod partikoli, teżamina f'konsultazzjoni mal-membri l-oħra tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14(1) il-possibbiltà tat-tixrid ta' l-aħjar prattika bil-mezzi u l-metodi approprjati.

Artikolu 13

Kontravenzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri legali jew amministrattivi approprjati fil-każ tan-nuqqas tal-konformità mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jikkomunikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

Artikolu 14

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Meta issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KES għandu jiġi ffissat għal dak ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu tal-proċedura.

Artikolu 15

Reviżjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-EMAS fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba matul it-tħaddim tagħha u l-iżviluppi internazzjonali sa mhux aktar tard minn ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għandha, jekk ikun meħtieġ, tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-emendi approprjati.

2. L-Annessi kollha ma' dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta' l-Anness V, għandhom jiġu addattati mill-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2) fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba mit-tħaddim ta' l-EMAS u b'rispons għall-ħtiġiet identifikati għall-gwida rigward il-ħtiġiet tal-EMAS.

3. Il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari tivvaluta, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-użu, ir-rikonoxximent u l-interpretazzjoni, speċjalment mill-pubbliku u l-partijiet l-oħra interessati, tal-logo ta' l-EMAS u tivvaluta jekk hemmx bżonn ta' reviżjoni tal-logo u tal-ħtiġiet għall-użu tiegħu.

Artikolu 16

Spejjeż u miżati

1. Tista' tiġi stabbilità sistema ta' miżati skond l-arranġamenti stabbiliti mill-Istati Membri għall-ispejjeż amministrattivi magħmula rigward il-proċeduri tar-reġistrazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet u l-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tal-verifikaturi ambjentali u spejjeż oħra li jkollhom x'jaqsmu ma l-EMAS.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu.

Artikolu 17

Revoka tar-Regolament (KEE) Nru 1836/93

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 1836/93 għandu jiġi mħassar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu.

2. Is-sistemi nazzjonali ta' l-akkreditazzjoni u l-korpi kompetenti stabbiliti skond ir-Regolament (KEE) Nru 1836/93 għandhom jibqgħu fis-seħħ. L-Istati Membri għandhom jimmodifikaw il-proċeduri segwiti mis-sistemi ta' l-akkreditazzjoni u l-korpi kompetenti skond id-disposizzjonijiet korrispondenti ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn is-sistemi jiġu mħaddma fl-intier tagħhom fi zmien 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3. Il-verifikaturi ambjentali akkreditati skond ir-Regolament (KEE) Nru 1836/93 jistgħu jissoktaw iwettqu l-attivitajiet tagħhom skond il-ħtiġiet stabbiliti b'dan ir-Regolament.

4. Is-siti rreġistrati skond ir-Regolament (KEE) Nru 1836/93 għandhom jissoktaw fuq ir-reġistru tal-EMAS. Il-ħtiġiet il-ġodda ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu ċċekkjati fiż-żmien tal-verifika ta' sit li tkun tmiss. Jekk il-verifika li tmiss għandha titwettaq qabel 6 xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, id-data tal-verifika li tmiss tista' tiġi estiża b'6 xhur bi ftehim mal-verifikatur ta' l-ambjent u l-korpi kompetenti.

5. Il-paragrafi 3 u 4 għandhom japplikaw ukoll għall-verifikaturi ambjentali akkreditati u għas-siti rreġistrati skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1836/93, sakemm il-korpi ta' l-akkreditazzjoni responsabbli u l-korpi kompetenti ikunu ftiehmu illi l-verifikaturi ambjentali u s-siti rreġistrati jħarsu l-ħtiġiet kollha tar-Regolament (KEE) Nru 1836/93 u jikkomunikaw dan lill-Kummissjoni.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' Marzu 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Lindh

[1] ĠU C 400, tat-22.12.1998, p. 7 u ĠU C 212 E, tal-25.7.2000, p. 1.

[2] ĠU C 209, tat-22.7.1999, p. 43.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 1999 (ĠU C 219, tat-30.7.1999, p. 385), ikkonfermata fis-6 ta' Mejju 1999 (ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 253), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2000 (ĠU C 128, tat-8.5.2000, p. 1) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Frar 2001 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2001.

[4] Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, f'laqgħa ġewwa l-Kunsill ta' l-1 ta' Frar 1993 dwar programm Komunitarju tal-politika u l-azzjoni fejn għandhom x'jaqsmu l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 138, tas-17.5.1993, p. 1).

[5] ĠU L 168, tal-10.7.1993, p. 1.

[6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[7] ĠU L 107, tat-30.4.1996, p. 4.

--------------------------------------------------

ANNESS I

A. ĦTIĠIET TAS-SISTEMA GĦALL-IMMANIĠĠJAR TA' L-AMBJENT

Is-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent għandha tiġi implimentata skond il-ħtiġiet mogħtija hawn taħt (it-taqsima 4 ta' l-EN ISO 14001:1996) [1]:

I-A Il-Ħtiġiet tas-Sistema għall-immaniġġjar ta' l-Ambjent

I-A.1. Ħtiġiet ġenerali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, li l-ħtiġiet tagħha huma deskritti f'dan l-Anness.

I-A.2. Il-Politika ta' l-ambjent

Il-korp l-iktar għoli għall-immaniġġjar għandu jiddefinixxi l-politika ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni u jiżgura illi

(a) tkun approprjata għan-natura, l-iskala u l-impatti ta' l-ambjent ta' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha;

(b) tinkludi impenn għat-titjib kontinwu u għall-prevenzjoni tat-tniġġiż;

(ċ) tinkludi impenn sabiex tħares il-leġislazzjoni u r-regolamenti ta' l-ambjent rilevanti, u ħtiġiet oħra li għalihom tissottoskrivi l-organizzazzjoni;

(d) tipprovdi l-qafas sabiex jiġu stabbiliti u rivisti il-miri u l-finijiet ta' l-ambjent;

(e) tiġi ddokumentata, implimentata u miżmuma fl-ordni u kkomunikata lill-impjegati kollha;

(f) tkun disponibbli għall-pubbliku.

I-A.3. Pjanifikazzjoni

I-A.3.1. Aspetti ta' l-ambjent

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni (a) proċedura/i sabiex tidentifika l-aspetti ta' l-ambjent ta' l-attivitajiet, il-prodotti jew is-servizzi tagħha li tista’ tikkontrolla u li fuqhom tista’tiġi mistennija li jkollha influwenza, sabiex tistabbixxi dawk li għandhom jew jista’ jkollhom impatti sinjifikanti fuq l-ambjent. L-organizzazzjoni għandha tiżgura illi l-aspetti li għandhom x'jaqsmu ma’ dawn l-impatti sinjifikanti jiġu kkunsidrati meta jiġu stabbiliti l-miri ta' l-ambjent tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm dan it-tagħrif aġġornat.

I-A.3.2. Ħtiġiet legali u ħtiġiet oħra

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni proċedura sabiex tidentifika u jkollha aċċess għall-ħtiġiet legali u ħtiġiet oħra li għalihom tissottoskrivi l-organizzazzjoni, li jkunu jistgħu jiġu applikati fl-aspetti ta' l-ambjent ta' l-attivitajiet, il-prodotti jew is-servizzi tagħha.

I-A.3.3. Miri u l-finijiet

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm iddokumentati l-miri u l-finijiet ta' l-ambjent, f'kull funzjoni u livell rilevanti ġewwa l-organizzazzjoni.

Meta tkun qiegħda tistabbilixxi u tagħmel reviżjoni tal-miri tagħha, organizzazzjoni għandha tikkunsidra l-ħtiġiet legali u ħtiġiet oħra, l-aspetti ta' l-ambjent sinjifikanti tagħha, il-għażliet teknoloġiċi tagħha u l-ħtiġiet finanzjarji, operattivi u tan-negozju tagħha, kif ukoll l-opinjonijiet tal-partijiet interessati.

Il-miri u l-finijiet għandhom ikunu konsistenti mal-politika ta' l-ambjent, inkluż l-impenn sabiex jiġi pprevenut it-tniġġiż.

I-A.3.4. Programm/i għall-immaniġġjar ta' l-ambjent

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni programm/i biex tilħaq il-miri u l-finijiet tagħha. Għandha tinkludi

(a) it-titolu tar-responsabbiltà sabiex jintlaħqu l-miri u l-finijiet f'kull funzjoni u livell rilevanti ta' l-organizzazzjoni;

(b) il-mezzi u l-kwadru taż- żmien li fih iridu jintlaħqu.

Jekk proġett ikollu x'jaqsam ma’ żviluppi ġodda jew attivitajiet, prodotti jew servizzi ġodda jew immodifikati, il-programm/i għandu/hom jiġi/u emendat/i meta rilevanti sabiex jiġi żgurat illi l-immaniġġjar ta' l-ambjent tapplika għal dawn il-proġetti.

I-A.4. Implimentazzjoni u t-tħaddim

I-A.4.1. Struttura u responsabbiltà

Ir-rwoli, ir-responsabbiltà u l-awtoritajiet għandhom jiġu ddefiniti, iddokumentati u kkomunikati sabiex jiffaċilitaw l-immaniġġjar ta' l-ambjent effettiva.

L-immaniġġjar għandha tipprovdi r-riżorsi essenzjali sabiex tiġi implimentatata u kkontrollata s-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent. Ir-riżorsi jinkludu r-riżorsi umani u l-ħiliet speċjalizzati, it-teknoloġija u r-riżorsi finanzjarji.

Il-korp l-iktar għoli għall-immaniġġjar ta' l-organizzazzjoni għandu jaħtar rappreżentant/i speċifiku/ċi għall-immaniġġjar li, irrispettivament minn responsabbiltajiet oħra, għandu jkollu/hom rwoli, responsabbiltajiet u awtorità ddefiniti sabiex

(a) jiżgura/w illi l-ħtiġiet tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent jiġu stabbiliti, implimentati u miżmuma fl-ordni skond dan l-Istandard Internazzjonali;

(b) jirrapporta/w dwar it-twettiq tax-xogħol tas-sistema għall-immaniġġjar lill-korp l-iktar għoli għall-immaniġġjar għar-reviżjoni u bħala bażi għat-titjib tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent.

I-A.4.2. Taħriġ, il-konoxxenza u l-kompetenza

L-organizzazzjoni għandha tidentifika l-ħtiġiet tat-taħriġ. Għandha teħtieġ illi l-impjegati kollha li xogħolhom jista’ joħloq impatt sinjifikanti fuq l-ambjent ikunu rċevew it-taħriġ approprjat.

Għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni proċeduri sabiex tagħmel lill-impjegati jew lill-membri tagħha f'kull funzjoni u livell rilevanti konxji minn

(a) l-importanza tal-konformanza mal-politika u l-proċeduri ta' l-ambjent u mal-ħtiġiet tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent.

(b) l-impatti ta' l-ambjent sinjifikanti, attwali jew potenzjali, ta' l-attivitajiet tax-xogħol tagħhom u l-benefiċċji ta' l-ambjent tat-twettiq imtejjeb tax-xogħol personali;

(ċ) ir-rwoli u responsabbiltajiet tagħhom sabiex jiksbu l-konformanza mal-politika ta' l-ambjent u mal-proċeduri u mal-ħtiġiet tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, inklużi l-prontezza u l-ħtiġiet ta' rispons fil-każ ta' emerġenza;

(d) il-konsegwenzi potenzjali tat-tluq minn proċeduri speċifikati tat-tħaddim.

Il-personal li jwettaq il-kompiti li jistgħu jikkawżaw impatti ta' l-ambjent sinjifikanti għandu jkunu kompetenti fuq il-bażi ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ u/jew l-esperjenza approprjati.

I-A.4.3. Komunikazzjoni

Rigward l-aspetti ta' l-ambjent u s-sistema tagħha għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni proċeduri:

(a) għall-komunikazzjoni interna bejn il-livelli u funzjonijiet varji ta' l-organizzazzjoni;

(b) sabiex tirċievi, tiddokumenta u tirrispondi l-komunikazzjonijiet rilevanti minn partijiet esterni interessati.

L-organizzazzjoni għandha tikkunsidra proċessi għall-komunikazzjoni esterna dwar l-aspetti ta' l-ambjent sinjifikanti tagħha u tirreġistra d-deċiżjoni tagħha.

I-A.4.4. Dokumentazzjoni tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm tagħrif, fuq il-karta jew fil-għamla elettronika, sabiex

(a) tiddeskrivi l-elementi tal-qalba tas-sistema għall-immaniġġjar u l-interazzjoni tagħhom;

(b) tipprovdi direzzjoni għad-dokumentazzjoni li għandha x'taqsam magħhom.

I-A.4.5. Kontroll tad-dokumenti

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni proċeduri sabiex tikkontrolla d-dokumenti kollha meħtieġa minn dan l-Istandard Internazzjonali sabiex tiżgura illi

(a) dawn jistgħu jiġu lokati;

(b) jiġu rivisti perjodikament, riveduti kif meħtieġ u approvati mill-personal awtorizzat dwar kemm huma addattati;

(ċ) il-verżjonijiet korrenti tad-dokumenti rilevanti jkunu disponibbli fil-postijiet kollha fejn isiru x-xogħlijiet essenzjali għall-funzjonament effettiv tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent;

(d) id-dokumenti li jtemmu ħajjithom jitneħħew immedjatament mill-postijiet kollha tal-ħruġ u mill-postijiet ta' l-użu, jew żgurati xorta oħra kontra l-użu mhux intenzjonat;

(e) kull dokument li jtemm ħajtu li jkun inżamm għall-skopijiet legali u/jew tal-priservazzjoni tal-għerf jiġi identifikat b'mod xieraq.

Id-dokumentazzjoni għandha tkun tista’ tinqara, mogħtija data (bid-dati tar-reviżjoni) u tingħaraf faċilment, tinżamm fl-ordni u għal perjodu speċifiku taż-żmien. Għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma fl-ordni l-proċeduri u r-responsabbiltajiet li jirrigwardaw il-ħolqien u l-modifika tat-tipi varji tad-dokumenti.

I-A.4.6. Kontroll tat-tħaddim

L-organizzazzjoni għandha tidentifika dawk il-ħidmiet u attivitajiet li jkunu assoċjati ma’ aspetti ta' l-ambjent sinjifikanti f'linja li tikkonforma mal-politika, il-miri u l-finijiet tagħha. L-organizzazzjoni għandha tippjana dawn l-attivitajiet, inkluża ż-żamma fl-ordni, sabiex tiżgura li jitwettqu taħt kondizzjonijiet speċifiċi billi

(a) jiġu stabbiliti u jinżammu fl-ordni proċeduri ddokumentati sabiex ikopru s-sitwazzjonijiet fejn in-nuqqas tagħhom jista’ jwassal għal diverġenzi mill-politika, mill-miri u mill-finijiet;

(b) jiġu stabbiliti l-kriterji tat-tħaddim fil-proċeduri;

(ċ) jiġu stabbiliti u jinżammu fl-ordni l-proċeduri li jkollhom x'jaqsmu ma’ aspetti ta' l-ambjent sinjifikanti identifikabbli tal-prodotti u s-servizzi wżati mill-organizzazzjoni u li jikkomunikaw il-proċeduri u l-ħtiġiet rilevanti lill-fornituri u lill-kuntratturi.

I-A.4.7. Prontezza u rispons f'emerġenza

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni l-proċeduri li jidentifikaw il-potenzjal rigward l-inċidenti u s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza u r-rispons għalihom, u sabiex jipprevjienu u jnaqqsu l-impatti ta' l-ambjent li jistgħu jkunu assoċjati magħhom.

L-organizzazzjoni għandha tagħmel reviżjoni u tirrevedi, meta meħtieġ, il-proċeduri tagħha għall-prontezza u r-rispons fil-każ ta' emerġenza, b'mod partikolari, wara li jkunu seħħew inċidenti jew sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

L-organizzazzjoni għandha wkoll tittestja perjodikament dawn il-proċeduri meta jkun prattiku.

I-A.5. Kontrolli u azzjoni korrettiva

I-A.5.1. Monitoraġġ u kejl

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni proċeduri ddokumentati sabiex timmonitorja u tkejjel, fuq bażi regolari, il-karatteristiċi ewlenin tal-ħidmiet u ta' l-attivitajiet tagħha li jista’ jkollhom impatt sinjifikanti fuq l-ambjent. Dan għandu jinkludi r-reġistrazzjoni tat-tagħrif sabiex ikunu jistgħu jiġu ttraċċjati t-twettiq tax-xogħol, il-kontrolli tal-ħidmiet rilevanti u t-tħaris tal-miri u l-finijiet ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni.

L-apparat tal-monitoraġġ għandu jiġi kkalibrat u miżmum fl-ordni u għandhom jinżammu reġistristrazzjonijiet ta' dan il-proċess skond il-proċeduri ta' l-organizzazzjoni.

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni proċedura ddokumentata sabiex tivvaluta perjodikament il-konformità mal-leġislazzjoni u r-regolamenti ta' l-ambjent rilevanti.

I-A.5.2. Nuqqas ta konformità u azzjoni korrettiva u preventiva

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni proċeduri sabiex tiddefinixxi r-responsabbiltà u l-awtorità biex titratta u tinvestiga n-nuqqas ta' konformità, tieħu azzjoni sabiex ittaffi kull impatt ikkawżat u sabiex tibda’ u tikkompleta l-azzjoni korrettiva u ta' prevenzjoni..

Kull azzjoni korrettiva jew ta' prevenzjoni meħuda sabiex telimina l-kawżi tan-nuqqas attwali jew potenzjali tal-konformità għandha tkunu approprjata skond il-kobor tal-problemi u pproporzjonata skond l-impatt ta' l-ambjent li tiltaqa’ miegħu.

L-organizzazzjoni għandha timplimenta u tirreġistra kull bidla fil-proċeduri ddokumentati li jirriżultaw mill-azzjoni korrettiva u ta' prevenzjoni.

I-A.5.3. Reġistri

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni proċeduri għall-identifikazzjoni, il-manutenzjoni u d-disposizzjoni ta' reġistri ta' l-ambjent. Dawn ir-reġistri għandhom jinkludu r-reġistrazzjoni tat-taħriġ u r-riżultati tal-verifiki u tar-rivisti.

Ir-reġistri ta' l-ambjent għandhom ikunu jistgħu jinqraw, jingħarfu u jiġu ttraċċjati skond l-attività, il-prodott jew is-servizz involuti. Ir-reġistri ta' l-ambjent għandhom ikunu merfugħa u miżmuma hekk illi jkunu jistgħu jinstabu faċilment u protetti mill-ħsara, mid-deterjorazzjoni jew mit-telf. It-tul taż-żmien taż-żamma tagħhom għandu jiġi stabbilit u rreġistrat.

Ir-reġistri għandhom jinżammu fl-ordni, kif approprjat għas-sistema u għall-organizzazzjoni, sabiex juru konformanza mal-ħtiġiet ta' dan l-Istandard Internazzjonali.

I-A.5.4. Verifika tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fl-ordni programm/i u proċeduri sabiex jitwettqu l-verifiki tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, sabiex

(a) jistabbilixxu jekk is-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent

(1) tikkonformax ma’ l-arranġamenti ppjanati għall-immaniġġjar ta' l-ambjent inklużi l-ħtiġiet ta' l-Istandard Internazzjonali; u

(2) tkunx ġiet implimentata u miżmuma fl-ordni kif jixraq; u

(b) tipprovdix it-tagħrif dwar ir-riżultati tal-verifiki lit-tmexxija

Il-programm tal-verifika ta' l-organizzazzjoni, inkluża kull skeda, għandu jkun ibbażat fuq l-importanza ta' l-ambjent ta' l-attività interessata u fuq ir-riżultati tal-verifiki li jkunu saru qabel. Sabiex ikunu komprensivi, il-proċeduri tal-verifiki għandhom ikopru l-iskop, il-frekwenza u l-metodoloġiji tal-verifika, kif ukoll ir-responsabbiltajiet u l-ħtiġiet sabiex isiru l-verifiki u jiġu rrappurtati r-riżultati.

I-A.6. Reviżjoni għall-immaniġġjar

Il-korp l-iktar għoli għall-immaniġġjar għandu, f’intervalli taż-żmien li jistabbilixxi huwa stess, jagħmel reviżjoni tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, sabiex jiżgura li tibqa’ addattata, adegwata u effettiva. Il-proċess tar-reviżjoni tal-korp għall-immaniġġjar għandu jiżgura illi jinġabar it-tagħrif meħtieġ sabiex iħalli l-immaniġġjar twettaq din il-valutazzjoni. Din ir-reviżjoni għandha jiġi ddokumentata.

Ir-reviżjoni għall-immaniġġjar għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli għal bidliet fil-politika, il-miri u l-elementi l-oħra tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, fid-dawl tar-riżultati tal-verifika tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, taċ-ċirkostanzi li jinbidlu u ta' l-impenn għal titjib kontinwu.

Il-Lista tal-korpi nazzjonali ta' l-istandards

B: | IBNBIN ( Institut Belge de NormalisationBelgisch Instituut voor Normalisatie) |

DK: | DS (Dansk Standard) |

D: | DIN (Deutsches Institut für Normung e.V.) |

EL: | ELOT |

E: | AENOR (Asociacio  n Española de Normalización y Certificación) |

F: | AFNOR (Association Française de Normalisation) |

IRL: | NSAI (National Standards Authority of Ireland) |

I: | UNI (Ente Nazionale Italiano di Unificazione) |

L: | SEE (Service de l'Energie de l'Etat) |

NL: | NEN (Nederlands Normalisatie-Instituut) |

A: | ON (Österreichisches Normungsinstitut) |

P: | IPQ (Instituto Português da Qualidade) |

FIN: | SFS (Suomen Standardisoimisliitto r.y) |

S: | SIS (Standardiseringen i Sverige) |

UK: | BSI (British Standards Institution). |

B. KWISTJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU INDIRIZZATI MILL-ORGANIZZAZZJONIJIET LI JIMPLIMENTAW L-EMAS

1. Konformità legali

L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi juru illi huma:

(a) ikunu identifikaw, u jafu l-implikazzjonijiet għall-organizzazzjoni tal-leġislazzjoni ta' l-ambjent rilevanti kollha;

(b) jipprovdu għall-konformità legali b'leġislazzjoni dwar l-ambjent; u

(ċ) għandhom il-proċeduri f’posthom li jippermettu l-organizzazzjoni tikkonforma ma’ dawn il-ħtiġiet fuq bażi dejjem għaddej.

2. Prestazzjoni

L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi juru illi s-sistema għall-immaniġġjar u l-proċeduri tal-verifika jindirizzaw il-prestazzjoni ambjentali attwali ta' l-organizzazzjoni rigward l-aspetti identifikati mill-Anness VI. It-twettiq tax-xogħol ta' l-organizzazzjoni b’kuntrast mal-miri u l-finijiet tagħha għandhom jiġu vvalutati bħala parti mill-proċess tar-reviżjoni għall-immaniġġjar. L-organizzazzjoni għandha wkoll timpenja ruħha illi ttejjeb bla waqfien prestazzjoni ambjentali tagħha. Hija u tagħmel dan, l-organizzazzjoni tista’ ssejjes l-azzjoni tagħha fuq il-programmi lokali, reġjonali u nazzjonali tagħha.

Il-mezzi sabiex jinkisbu l-miri u l-finijiet ma jistgħux ikunu miri ta' l-ambjent. Jekk l-organizzazzjoni tikkonsisti f'sit jew aktar, kull wieħed mis-siti li għalih tapplika l-EMAS għandu jikkonforma mal-ħtiġiet kollha tal-EMAS inkluż it-titjib bla waqfien tat-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent kif iddefinit fl-Artikolu 2(b).

3. Komunikazzjoni u relazzjonijiet esterni

L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi juru djalogu miftuħ mal-pubbliku u ma’ partijiet oħra interessati inklużi l-komunitajiet u l-konsumaturi lokali rigward l-impatt ta' l-ambjent ta' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħhom sabiex jidentifikaw it-tħassib tal-pubbliku u tal-partijiet l-oħra interessati.

4. Involviment ta' l-impjegati

B'żieda mal-ħtiġiet ta' l-Anness I - Taqsima A l-impjegati għandhom ikunu involuti fil-proċess immirat sabiex itejjeb kontinwament it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni. Għandhom jintużaw il-formoli approprjati tal-parteċipazzjoni bħalma hi s-sistema tal-ktieb tas-suġġerimenti jew ix-xogħlijiet tal-grupp imsejsa fuq proġett jew il-kumitati ta' l-ambjent għal dan il-għan. L-organizzazzjonijiet għandhom jinnotaw il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattika f'dan il-qasam. Meta jitolbu dan, kull rappreżentant ta' l-impjegati għandu jkun involut ukoll.

[1] L-użu tat-test ta' l-istandard nazzjonali riprodott f'dan l-Anness huwa magħmul bil-permess tas-CEN. It-test kollu ta' l-istandard nazzjonali jista’ jinxtara minn għand il-korpi nazzjonali ta' l-istandards li l-lista tagħhom hija mogħtija f'dan l-Anness.

--------------------------------------------------

ANNESS II

ĦTIĠIET DWAR IL-VERIFIKA TA' L-AMBJENT INTERNA

2.1. Ħtiġiet ġenerali

Il-verifiki interni jiżguraw illi l-attivitajiet imwettqa minn organizzazzjoni jkunu qegħdin isiru skond il-proċeduri stabbiliti. Il-verifika tista’ tidentifika wkoll kull problema f'dawn il-proċeduri stabbiliti jew kull opportunità biex jiġu mtejba dawn il-proċeduri. L-iskop tal-verifiki mwettqa minn organizzazzjoni jista’ jvarja minn verifika ta' proċedura sempliċi sa verifika ta' attivitajiet kumplessi. Tul perjodu ta' żmien l-attivitajiet kollha f'organizzazzjoni partikolari għandhom ikunu bla ħsara għall-verifika. Il-perjodu taż-żmien meħud sabiex jitlestew il-verifiki ta' l-attivitajiet kollha huwa magħruf bħala ċ-ċiklu tal-verifika. Għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar li mhumiex komplessi, jista’ jkun possibbli li ssir il-verifika ta' l-attivitajiet kollha f'daqqa. Għal dawn l-organizzazzjonijiet iċ-ċiklu tal-verifika huwa l-intervall taż-żmien bejn dawn il-verifiki.

Il-verifiki interni għandhom jitwettqu minn persuni indipendenti biżżejjed mill-attività li tkun qiegħda tiġi vverifikata sabiex tiġi żgurata veduta imparzjali. Jistgħu jiġu mwettqa mill-impjegati ta' l-organizzazzjoni jew minn partijiet esterni (impjegati minn organizzazzjonijiet oħra, impjegati minn partijiet oħra ta' l-istess organizzazzjoni jew konsulenti).

2.2. Għanijiet

Il-programm tal-verifika ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni għandu jiddefinixxi bil-miktub il-miri ta' kull verifika jew ċiklu ta' verifiki inkluża l-frekwenza tal-verifika għal kull attività.

Il-miri għandhom jinkludu, b'mod partikolari, il-valutazzjoni tas-sistemi għall-immaniġġjar fil-post, u li tiġi stabbilita l-konformità mal-politika u mal-programm ta' l-organizzazzjoni, li għandhom jinkludu l-konformità mal-ħtiġiet regolatorji ta' l-ambjent rilevanti.

2.3. Qasam ta' applikazzjoni

Il-qasam ta' applikazzjoni ġenerali tal-verifiki individwali, jew ta' kull stadju ta' ċiklu tal-verifika meta approprjat, għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar u għandhom jispeċifikaw b'mod espliċitu:

1. iż-żoni tas-suġġetti koperti;

2. l-attivitajiet li għandhom jiġu vverifikati;

3. il-kriterji ta' l-ambjent li għandhom jiġu kkunsidrati;

4. il-perjodu taż-żmien kopert bil-verifika.

Il-verifika ta' l-ambjent tinkludi stima ta' l-informazzjoni fattwali meħtieġa sabiex jigi vvalutat it-twettiq tax-xogħol.

2.4. Organizzazzjoni u riżorsi

Il-verifiki ta' l-ambjent għandhom jitwettqu minn persuni jew gruppi ta' persuni bil-għarfien approprjat fis-setturi u l-oqsma vverifikati, inklużi l-għarfien u l-esperjenza dwar il-kwistjonijiet rilevanti ta' l-ambjent, għall-immaniġġjar, tekniċi u regolatorji, u taħriġ u profiċjenza biżżejjed fil-ħiliet tal-verifika sabiex jinkisbu l-miri ddikjarati. Ir-riżorsi u l-ħin allokati għall-verifika għandhom ikunu pproporzjonati ma’ l-iskop u l-miri tal-verifika.

Il-korp l-iktar għoli għall-immaniġġjar ta' l-organizzazzjoni għandu jappoġġja l-verifika.

L-awdituri għandhom ikunu indipendenti biżżejjed mill-attivitajiet li jivverifikaw sabiex jagħmlu ġudizzju oġġettiv u imparzjali.

2.5. Pjanifikazzjoni u tħejjija ta' verifika

Kull verifika għandha tiġi ppjanata u mħejjija skond il-miri, b'mod partikolari li:

- tiżgura li jiġu allokati r-riżorsi approprjati,

- tiżgura li kull individwu involut fil-proċess tal-verifika (inklużi l-awdituri, l-immaniġġjar u l-impjegati) jifhmu r-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom.

It-tħejjija għandha tinkludi l-familjarizzazzjoni ma’ l-attivitajiet ta' l-organizzazzjoni u mas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent stabbilita fiha u r-reviżjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-verifiki ta' qabel.

2.6. Attivitajiet tal-verifika

L-attivitajiet tal-verifika għandhom jinkludu d-diskussjonijiet ma’ l-impjegati, l-ispezzjon tal-kondizzjonijiet operattivi u tat-tagħmir u r-reviżjoni tar-reġistri, tal-proċeduri miktuba u tad-dokumentazzjoni l-oħra rilevanti, bil-mira li jiġi vvalutat it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-attività li tkun qiegħda tiġi vverifikata sabiex jiġi stabblit jekk tikkonformax ma’ l-istandards, ir-regolamenti jew il-miri u l-finijiet applikabbli u jekk is-sistema fil-post hix effettiva u approprjata sabiex tiġġestjona r-responsabbiltajiet ta' l-ambjent. Fost ħwejjeġ oħra, għandhom jintużaw metodi ta' kontrolli fuq il-post dwar il-konformità ma’ dawn il-kriterji sabiex jiġi stabbilit kemm hija effettiva s-sistema kollha għall-immaniġġjar.

Il-passi li ġejjin għandhom, b'mod partikolari, jiġu inklużi fil-proċess tal-verifika:

(a) il-fehim tas-sistemi għall-immaniġġjar;

(b) l-istima tal-punti qawwija u dawk debboli tas-sistemi għall-immaniġġjar;

(ċ) il-ġabra tax-xiehda rilevanti;

(d) il-valutazzjoni tas-sejbiet tal-verifika;

(e) it-tħejjija tal-konklużjonijiet tal-verifika;

(f) ir-rappurtaġġ tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-verifika.

2.7. Rappurtaġġ tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-verifika.

1. Għandu jiġi mħejji mill-awdituri rapport tal-verifika bil-miktub tal-għamla u l-kontenut approprjati sabiex jiżgura illi jkun hemm is-sottomissjoni kollha u formali tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-verifika, fit-tmiem ta' kull verifika u ta' kull ċiklu ta' verifiki.

Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-verifika għandhom jiġu kkomunikati formalment lill-korp l-iktar għoli għall-immaniġġjar ta' l-organizzazzjoni.

2. Il-miri fundamanentali ta' rapport bil-miktub tal-verifika huma:

(a) sabiex jiddokumentaw il-qasam ta' applikazzjoni tal-verifika;

(b) sabiex jipprovdu lit-tmexxija bit-tagħrif dwar l-istat tal-konformità mal-politika ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni u dwar il-progress ambjentali fl-organizzazzjoni;

(ċ) sabiex jipprovdu lit-tmexxija bit-tagħrif dwar l-effettività u l-fiduċja ta' l-arranġamenti tal-monitoraġġ ta' l-impatti fuq l-ambjent ta' l-organizzazzjoni;

(d) sabiex juru l-ħtieġa li tittieħed azzjoni korrettiva, meta approprjat.

2.8. Segwiment tal-verifika

Il-proċess tal-verifika għandu jilħaq il-quċċata tiegħu fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni korrettiva approprjat

Għandu jkun hemm fil-post u għandhom jaħdmu l-mekkaniżmi approprjati sabiex jiżguraw illi jiġu segwiti r-riżultati tal-verifika.

2.9. Frekwenza tal-verifiki

Il-verifika jew iċ-ċiklu tal-verifiki għandhom jitlestew, skond kif approprjat, f'intervalli taż-żmien li ma jkunux itwal minn 3 snin. Il-frekwenza li biha tiġi vverifikata kull attività għandha tvarja skond

(a) in-natura, l-iskala u l-komplessità ta' l-attivitajiet;

(b) is-sinjifikat ta' l-impatti ta' l-ambjent assoċjati magħhom;

(ċ) l-importanza u l-urġenza tal-problemi mikxufa mill-verifiki ta' qabel;

(d) l-istorja tal-problemi ta' l-ambjent,

attivitajiet aktar komplessi b'impatt ta' l-ambjent aktar sinjifikanti għandhom jiġu vverifikati aktar ta' sikwit.

Organizzazzjoni għandha tiddefinixxi l-programm tal-verifika u tal-frekwenza tal-verifiki tagħha stess filwaqt li tikkunsidra l-gwida tal-Kummissjoni adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2).

--------------------------------------------------

ANNESS III

PROSPETT AMBJENTALI

3.1. Daħla

L-għan tal-prospett ta' l-ambjent huwa li jipprovdi tagħrif ambjentali lill-pubbliku u lil partijiet oħra interessati dwar l-impatt u t-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent u t-titjib kontinwu tat-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni. Huwa ukoll mezz sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-partijiet interessati identifikati b'riżultat ta' l-Anness I - Taqsima B.3 u kkunsidrati bħala sinjifikanti mill-organizzazzjoni (il-punt 6.4 ta' l-Anness VI). It-tagħrif ta' l-ambjent għandu jiġi ppreżentat b'manjiera ċara u li tiftiehem fil-għamla stampata għal dawk li ma għandhom l-ebda mezz ieħor sabiex jiksbu dan it-tagħrif. Ma’ l-ewwel reġistrazzjoni u kull tliet snin wara, l-organizzazzjoni għandha tagħmel disponibbli t-tagħrif iddettaljat skond il-punt 3.2 f'verżjoni kkonsolidata stampata.

Il-Kummissjoni għandha tadotta gwida dwar il-prospett ta' l-ambjent skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2).

3.2. Prospett ta' l-ambjent

Ma’ l-ewwel reġistrazzjoni tagħha, organizzazzjoni għandha tipprovdi tagħrif ta' l-ambjent, filwaqt li tqis il-kriterji tal-punt 3.5 li għandu jiġi rriferit bħala l-prospett ta' l-ambjent, sabiex jiġi vvalidat mill-verifikatur ta' l-ambjent. Dan it-tagħrif għandu jiġi sottomess lill-korp kompetenti wara l-validazzjoni, imbagħad jitqiegħed għad-disposizzjoni tal-pubbliku. Il-prospett ta' l-ambjent huwa mezz ta' komunikazzjoni u ta' djalogu mal-pubbliku u mal-partijiet loħra interessati rigward it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent. L-organizzazzjoni għandha tikkunsidra l-ħtiġiet tat-tagħrif lill-pubbliku u lil partijiet oħra interessati meta tikteb u tiddisinja l-prospett ta' l-ambjent.

Il-ħtiġiet minimi għal dan it-tagħrif għandhom ikunu kif ġej:

(a) deskrizzjoni ċara u mhux ambigwa ta' l-organizzazzjoni li tirreġistra fl-EMAS u sommarju ta' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha u r-relazzjoni tagħha ma’ kull organizzazzjoni ġenitur kif approprjat.

(b) il-politika ta' l-ambjent u deskrizzjoni fil-qosor tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni;

(ċ) deskrizzjoni ta' l-aspetti kollha ta' l-ambjent diretti u indiretti li jirriżultaw f'impatti ta' l-ambjent sinjifikanti ta' l-organizzazzjoni u spjega tan-natura ta' l-impatti kif ikollhom x'jaqsmu ma' dawn l-aspetti (l-Anness VI);

(d) deskrizzjoni tal-miri u l-finijiet ta' l-ambjent fejn ikollhom x'jaqsmu ma’ l-aspetti u l-impatti sinjifikanti ta' l-ambjent;

(e) sommarju ta' l-informazzjoni disponibbli dwar it-twettiq tax-xogħol ta' l-organizzazzjoni f'kuntrast mal-miri u l-finijiet ta' l-ambjent tagħha rigward l-impatti ta' l-ambjent sinjifikanti. Is-sommarju jista’ jinkludi ċ-ċifri dwar l-emissjonijiet ta' l-elementi li jniġġżu, il-ġenerazzjoni ta' l-iskart, il-konsum tal-materja prima, ta' l-enerġija u ta' l-ilma, il-ħsejjes kif ukoll aspetti oħra indikati fl-Anness VI. L-informazzjoni għandha tippermetti illi jsir paragun sena b'sena sabiex jiġi stmat l-iżvilupp tat-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni;

(f) fatturi oħra li jirrigwardaw it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent inkluż it-twettiq tax-xogħol f'kuntrast mad-disposizzjonijiet legali rigward l-impatti ta' l-ambjent sinjifikanti tagħhom;

(g) l-isem u n-numru ta' l-akkreditazzjoni tal-verifikatur ta' l-ambjent u d-data tal-validazzjoni.

3.3. Kriterji dwar rappurtaġġ tat-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent

L-informazzjoni mhux maħduma ġġenerata minn sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent għandha tintużaw f'numru ta' modi differenti sabiex turi t-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni. Għal dan il-għan l-organizzazzjonijiet jistgħu jużaw l-indikaturi rilevanti eżistenti tat-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent, u jiżguraw illi l-indikaturi magħżula:

(a) jagħtu stima preċiża dwar it-twettiq tax-xogħol ta' l-organizzazzjoni;

(b) ikunu jistgħu jiġu mifhuma u mhux ambigwi;

(ċ) jippermettu li jsir paragun sena b'sena sabiex jiġi stmat l-iżvilupp tat-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni;

(d) jippermettu li jsir paragun mal-benchmarks tas-settur, nazzjonali jew reġjonali kif approprjat;

(e) jippermettu li jsir paragun mal-ħtiġiet regolatorji kif approprjat.

3.4. Żamma ta' tagħrif disponibbli għall-pubbliku

L-organizzazzjoni għandha taġġorna t-tagħrif imsemmi fil-punt 3.2 u għandu jkollha kull bidla vvalidata minn verifikatur ta' l-ambjent, fuq il-bażi ta' kull sena. Id-devjazzjonijiet mill-frekwenza li biha għandhom jitwettqu l-aġġornamenti, jistgħu isiru fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-gwida tal-Kummissjoni adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2). Il-bidliet rigward il-validazzjoni li jsiru wara għandhom jiġu wkoll issottomessi lill-korp kompetenti u jitqiegħdu għad-disposizzjoni tal-pubbliku.

3.5. Pubblikazzjoni tat-tagħrif

L-organizzazzjonijiet jistgħu jixtiequ li jindirizzaw udjenzi jew partijiet interessati differenti bit-tagħrif iġġenerat mis-sistema tagħhom għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u jużaw biss tagħrif magħżul mill-prospett ta' l-ambjent. Kull tagħrif ta' l-ambjent ppubblikat minn organizzazzjoni jista’ jġorr il-logo tal-EMAS sakemm dan ikun ġie vvalidat minn verifikatur ta' l-ambjent bħala li jkun:

(a) preċiż u ma jqarraqx,

(b) issostanzjat u jista’ jiġi vverifikat;

(ċ) rilevanti u użat fil-kuntest jew l-arranġament approprjati;

(d) rappreżentattiv tat-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ġenerali ta' l-organizzazzjoni;

(e) mhux probabbli li jirriżulta f'misinterpretazzjoni;

(f) sinjifikanti rigward l-impatt ta' l-ambjent ġenerali,

u jagħmel riferiment għall-aħħar prospett ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni li minnu jkun ittieħed.

3.6. Disponibbiltà għall-pubbliku

It-tagħrif iġġenerat fil-punt 3.2(a) sa (g) li jifforma l-prospett ta' l-ambjent għal organizzazzjoni u t-tagħrif aġġornat speċifikat fil-punt 3.4 għandhom ikunu għad-disposizzjoni tal-pubbliku u l-partijiet l-oħra interessati. Il-prospett ta' l-ambjent għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku. Għal dan il-għan, l-organizzazzjonijiet huma inkoraġġati li jużaw il-metodi kollha disponibbli (il-pubblikazzjoni elettronika, il-libreriji, eċċ.). L-organizzazzjoni għandha tkun kapaċi turi lill-verifikatur ta' l-ambjent illi kull min ikun interessat fit-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni jista’ faċilment u b'mod ħieles jingħata aċċess għat-tagħrif meħtieġ fil-punt 3.2(a) sa (g) u l-punt 3.4.

3.7. Kontabilità lokali,

L-organizzazzjonijiet li jirreġistraw fl-EMAS jistgħu jixtiequ jipproduċu prospett ta' l-ambjent wieħed li jkopri numru ta' lokazzjnijiet geografiċi. L-intenzjoni ta' l-EMAS hija li tiżgura l-kontabbiltà lokali u għalhekk l-organizzazzjonijiet għandhom jiżguraw illi n-numru ta' l-impatti ta' l-ambjent sinjifikanti ta' kull sit jiġi identifikat b'mod ċar u rrappurtat fil-prospett korporattiv.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

Logo

Il-Verżjoni 1 | Il-Verżjoni 2 |

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

| |

Il-logo jista' jintuża minn organizzazzjoni rreġistrata fl-EMAS f'kull wieħed mill-11-il lsien sakemm jintuża fil-mod tal-kliem li ġej:

| Verżjoni 1 | Verżjoni 2 |

L-Ilsien Daniż: | "verificeret miljùledelse" | "bekrñftede oplysninger" |

L-Ilsien Ġermaniż: | "geprűftes Umweltmanagement" | "geprűfte Information" |

L-Ilsien Grieg: | "επιθεωρημένη περιβαλλοντική διαχείριση" | "επικυρωμένες πληροφορίες" |

L-Ilsien Spanjol: | "Gestio medioambiental verificada" | "información validada" |

L-Ilsien Finlandiż: | "todennettu ympäristöasioiden hallinta" | "vahvistettua tietoa" |

L-Ilsien Franċiż: | "Management environnemental vérifié" | "information validée" |

L-Ilsien Taljan: | "Gestione ambientale verificata" | "informazione convalidata" |

L-Ilsien Olandiż: | "Geverifieerd milieuzorgsysteem" | "gevalideerde informatie" |

L-Ilsien Portugiż: | "Gestão ambiental verificada" | "informação validada" |

L-Ilsien Svediż: | "Kontrollerat miljöledningssystem" | "godkänd information" |

Iż-żewġ verżjonijiet tal-logo għandhom dejjem iġorru n-numru tar-reġistrazzjoni ta' l-organizzazzjoni.

Il-logo għandu jintuża jew

- fi tliet kuluri (il-Pantone Nru 355 Aħdar; il-Pantone Nru 109 Isfar; il-Pantone Nru 286 Blu)

- bl-iswed fuq l-abjad jew

- bl-abjad fuq l-iswed.

--------------------------------------------------

ANNESS V

L-AKKREDITAZZJONI, IS-SORVELJANZA U L-FUNZJONI TAL-VERIFIKATURI AMBJENTALI

5.1. Ġenerali

L-akkreditazzjoni tal-verifikaturi ambjentali għandha tkun imsejsa fuq il-prinċipji ġenerali tal-kompetenza ddikjarata f’dan l-Anness. Il-korpi ta' l-akkreditazzjoni jistgħu jagħżlu li jakkreditaw individwi, organizzazzjonijiet jew it-tnejn, bħala verifikaturi ambjentali. Il-ħtiġiet proċedurali u l-kriterji ddettaljati għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi ambjentali huma ddefiniti skond l-Artikolu 4 mis-sistemi nazzjonali ta' l-akkreditazzjoni skond dawn il-prinċipji. Għandha tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn il-prinċipji permezz tal-proċess tar-reviżjoni bejn il-pari stabbilita bl-Artikolu 4.

5.2. Il-Ħtiġiet għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi ambjentali

5.2.1. Il-kompetenza li ġejja tikkostitwixxi l-ħtiġiet minimi li magħhom verifikatur ta' l-ambjent, individwu jew organizzazzjoni, għandhom jikkonformaw:

(a) il-għarfien u l-fehim tar-Regolament, il-funzjonament ġenerali tas-sistemi għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, l-istandards rilevanti u l-gwida maħruġa mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 4 u 14(2) għall-użu ta' dan ir-Regolament;

(b) il-għarfien u l-fehma tal-ħtiġiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi rilevanti għall-attività bla ħsara għall-verifika;

(ċ) il-għarfien u l-fehma tal-kwistjonijiet ta' l-ambjent, inkluża d-dimensjoni ta' l-ambjent ta' l-iżvilupp sostenibbli;

(d) il-għarfien u l-fehma ta' l-aspetti tekniċi, rilevanti għall-kwistjonijiet ta' l-ambjent, ta' l-attività bla ħsara għall-verifika;

(e) il-għarfien tal-funzjonament ġenerali ta' l-attività bla ħsara għall-verifika sabiex tivvaluta kemm tkun approprjata s-sistema għall-immaniġġjar;

(f) il-għarfien u l-fehma tal-ħtiġiet tal-verifika u tal-metodoloġija ta' l-ambjent;

(g) il-għarfien tal-verifika tat-tagħrif (il-Prospett ta' l-ambjent).

Għandha tiġi pprovduta x-xhieda approprjata tal-għarfien mill-verifikatur u ta' l-esperjenza rilevanti tiegħu/tagħha u tal-kapaċitajiet tekniċi fl-oqsma msemmija hawn lill-korp ta' l-akkreditazzjoni li għandu l-verfikatur kandidat ikun applika għall-akkreditazzjoni

B'żieda ma’ dan, il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jkun indipendenti, b'mod partikolari mill-awditur jew il-konsulent ta' l-organizzazzjoni, imparzjali u oġġettiv waqt it-twettiq ta' l-attivitajiet tiegħu jew tagħha.

Il-verifikatur ta' l-ambjent individwali jew l-organizzazzjoni tal-verifika għandhom jiżguraw illi hu jew hi jew l-organizzazzjoni u l-personal tagħha jkunu ħielsa minn kull pressjoni kummerċjali, finanzjarja jew oħrajn li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew jipperikolaw il-fiduċja fl-indipendenza tal-ġudizzju u l-integrità rigward l-attivitajiet tagħhom, u li jikkonformaw mar-regoli kollha li japplikaw f'dan ir-rigward.

Il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jkollu metodoloġiji u proċeduri ddokumentati, inklużi l-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità u disposizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità, għall-ħtiġiet tal-verifika ta' dan ir-Regolament.

Fil-każ li l-verifikatur ta' l-ambjent ikun organizzazzjoni, il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jkollu u jforni meta jkun mitlub mappa-disinn ta' l-organizzazzjoni li turi l-istrutturi u r-responsabbiltajiet ġewwa l-organizzazzjoni u dikjarazzjoni rigwrd il-posizzjoni legali, il-pussess u s-sorsi tal-finanzjament.

5.2.2. Il-firxa ta' l-akkreditazzjoni

Il-firxa ta' l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi ambjentali għandha tiġi ddefinita skond il-klassifika ta' l-attivitajiet ekonomiċi (il-kodiċi tan-NACE) kif stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 3037/90 [1]. Il-firxa ta' l-akkreditazzjoni għandha tiġi limitata mill-kompetenza tal-verifikatur ta' l-ambjent. Il-firxa ta' l-akkreditazzjoni għandha tikkunsidra wkoll id-daqs u l-komplessità ta' l-attività, meta approprjat; dan għandu jiġi żgurat permezz tas-sorveljanza.

5.2.3. Ħtiġiet addizzjonali għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi ambjentali individwali li jwettqu verifiki għal rashom

Il-verifikaturi ambjentali individwali li jwettqu l-verifiki għal rashom, barra li għandhom jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' punti 5.2.1 u 5.2.2 għandu jkollhom:

- il-kompetenza kollha meħtieġa sabiex iwettqu l-verifiki, fl-oqsma akkreditati tagħhom,

- skop limitat ta' akkreditazzjoni li jiddependi fuq il-kompetenza personali tagħhom.

Il-konformità ma’ dawn il-ħtiġiet għandha tiġi żgurata permezz ta' l-istima li ssir qabel l-akkreditazzjoni u permezz tar-rwol tas-sorveljanza tal-korp ta' l-akkreditazzjoni.

5.3. Is-sorveljanza tal-verifikaturi ambjentali

5.3.1. Is-sorveljanza tal-verifikaturi ambjentali mwettqa mill-korp ta' l-akkreditazzjoni li jkun tahom l-akkreditazzjoni

Il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jgħarraf minnufih lill-korp ta' l-akkreditazzjoni bil-bidliet kollha li jaffettwaw l-akkreditazzjoni jew l-iskop taghħa.

Għandu jsir provvediment, f'intervalli regolari taż-żmien li ma jaqbżux il-24 xahar, sabiex jiġi żgurat illi l-verifikatur ta' l-ambjent jissokta jħares il-ħtiġiet ta' l-akkreditazzjoni u sabiex jimmonitorja l-kwalità tal-verifiki midħula għalihom. Is-sorveljanza tista’ tikkonsisti f'verifika mill-uffiċju, l-użu tax-xhieda fl-organizzazzjonijiet, il-kwestjonarji, r-rivisti tal-pospetti ta' l-ambjent vvalidati mill-verifikaturi ambjentali u r-rivisti tar-rapport tal-verifika. Għandha tkun ipproporzjonata għall-attività midħula għaliha mill-verifikatur ta' l-ambjent.

Kull deċiżjoni meħuda mill-korp ta' l-akkreditazzjoni sabiex ittemm jew tissospendi l-akkreditazzjoni jew tnaqqas l-iskop ta' l-akkreditazzjoni għandha tittieħed biss wara li l-verifikatur ta' l-ambjent jkollu l-opportunità li jiġi mismugħ.

5.3.2. Sorveljanza tal-verifikaturi ambjentali li jwettqu attivitajiet ta' verifika fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn tkun ingħatatilhom l-akkreditazzjoni

Qabel ma verifikatur ta' l-ambjent akkreditat fi Stat Membru jwettaq attivitajiet tal-verifika fi Stat Membru ieħor, għandu jipprovdi lill-korp ta' l-akkreditazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-aħħar, mill-inqas erba’ ġimgħat bil-quddiem, b'notifika dwar:

- id-dettalji ta' l-akkreditazzjoni tiegħu jew tagħha, il-kompetenzi u l-komposizzjoni tat-tim jekk appoprjat,

- meta u fejn għandha issir il-verifika: l-indirizz u d-dettalji tal-kuntatt ta' l-organizzazzjoni, il-miżuri meħuda sabiex jittrattaw il-għarfien legali u lingwistiku jekk meħtieġ.

Il-korp ta' l-akkreditazzjoni jista’ jitlob klassifika addizzjonali ta' l-għarfien legali u lingwistiku meħtieġ kif iddettaljat hawn fuq.

In-notifika għandha tiġi kkomunikata qabel kull verifika ġdida.

Il-korp ta' l-akkreditazzjoni ma għandux jeħtieġ kondizzjonijiet oħra li jkunu jistgħu jippreġudikaw id-dritt tal-verifikatur ta' l-ambjent milli jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor minn dak fejn ikun ingħata l-akkreditazzjoni. B'mod partikolari, ma għandhomx jiġu ċċarġjati drittijiet diskriminatorji għan-notifika. Il-korp ta' l-akkreditazzjoni ma għandux ukoll juża l-proċedura tan-notifika sabiex idewwem il-wasla tal-verifikatur ta' l-ambjent. Kull diffikultà sabiex jiġi ssorveljat il-verifikatur ta' l-ambjent fid-data kkomunikata għandha tiġi ġġustifikata b'mod adegwat. Jekk joħorġu spejjeż mis-sorveljanza, il-korp ta' l-akkreditazzjoni huwa permess jiċċarġja d-drittijiet approprjati.

Jekk il-korp ta' l-akkreditazzjoni li jkun qiegħedd jissorvelja ma jkunx sodisfatt bil-kwalità tax-xogħol magħmul mill-verifikatur ta' l-ambjent, ir-rapport tas-sorveljanza għandu jiġi trasmess lill-verifikatur ta' l-ambjent interessat, lill-korp ta' l-akkreditazzjoni li jkun ħareġ l-akkreditazzjoni, lill-korp kompetenti fejn tkun lokata l-organizzazzjoni li tkun qiegħda tiġi vverifikata u, fil-każ ta' aktar diżgwid, lill-forum tal-korp ta' l-akkreditazzjoni.

L-organizzazzjonijiet ma jistgħux jirrifjutaw id-dritt tal-korpi ta' l-akkreditazzjoni milli jissorveljaw lill-verifikatur ta' l-ambjent permezz ta' stimi bix-xhieda matul il-proċess tal-verifika.

5.4. Il-funzjoni tal-verifikaturi ambjentali

5.4.1. Il-funzjoni tal-verifiktur ta' l-ambjent hija li jiċċekkja, mingħajr preġudizzju għall-poteri ta' l-infurzar ta' l-Istati Membri rigward il-ħtiġiet regolatorji:

(a) il-konformità mal-ħtiġiet kollha ta' dan ir-Regolament: ir-reviżjoni ta' l-ambjent inizjali jekk approprjata, is-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, il-verifika ta' l-ambjent u r-riżultati tagħha u l-prospett ta' l-ambjent;

(b) l-affidabbiltà, il-kredibbilità u l-preċiżjoni ta' l-informazzjoni u t-tagħrif fi:

- il-prospett ta' l-ambjent (il-punt 3.2 u l-punt 3.3 ta' l-Anness III),

- it-tagħrif ta' l-ambjent li għandu jiġi vvalidat (l-punt 3.5 ta' l-Anness III).

Il-verifikatur ta' l-ambjent għandu, b'mod partikolari, jinvestiga b'mod professjonali sod, il-validità teknika tar-reviżjoni ta' l-ambjent inizjali, jekk approprjat, jew il-verifika jew il-proċeduri l-oħra mwettqa mill-organizzazzjoni, mingħajr ma jiddupplika bla ħtieġa dawn il-proċeduri. Fost ħwejjeġ oħra, il-verifikatur ta' l-ambjent għandu juża kontrolli fuq il-post sabiex jistabbilixxi jekk ir-riżultati tal-verifika interna jkunux ta' min joqgħod fuqhom.

5.4.2. Fil-ħin ta' l-ewwel verifika, il-verifikatur ta' l-ambjent għandu, b'mod partikolari, jiċċekkja illi jiġu sodisfatti l-ħtiġiet li ġejjin mill-organizzazzjoni:

(a) sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent li titħaddem bis-sħiħ skond l-Anness I;

(b) programm tal-verifika ppjanat fis-sħiħ, li jkun diġà nbeda skond l-Anness II hekk illi jkunu ġew koperti mill-inqas iż-żoni bl-impatt ta' l-ambjent l-iktar sinjifikanti;

(ċ) it-tlestija ta' reviżjoni waħda għall-immaniġġjar;

(d) it-tħejjija ta' prospett ta' l-ambjent skond il-punt 3.2 ta' l- l-Anness III.

5.4.3. Il-Konformità legali

Il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jiżgura illi organizzazzjoni jkollha l-proċeduri tagħha fil-post sabiex tikkontrolla dawk l-aspetti tal-ħidmiet tagħha bla ħsara għall-liġijiet Komunitarji jew nazzjonali rilevanti u li dawn il-proċeduri jkunu kapaċi li jdaħħlu l-konformità. Il-kontrolli tal-verifika, għandhom b'mod partikolari, jipprovdu xiehda dwar il-kapabbiltà tal-proċeduri fil-post li jagħtu l-konformità legali.

Il-verifikatur ta' l-ambjent ma għandux jivvalida l-prospett ta' l-ambjent, jekk matul il-proċess tal-verifika jinnota, per eżempju permezz tal-verifiki fuq il-post, illi l-organizzazzjoni ma tkunx f’ konformità legali.

5.4.4. Id-definizzjoni ta' l-organizzazzjoni

Meta jkun qiegħed jivverifika s-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u jivvalida l-prospett ta' l-ambjent, il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jiżgura illi l-komponenti ta' l-organizzazzjoni jiġu ddefiniti b'mod mhux ambigwu u li jikkorrispondu mat-taqsim tassew ta' l-attivitajiet. Il-kontenut tal-prospett għandu jindika b'mod ċar il-partijiet differenti ta' l-organizzazzjoni li għalihom tapplika l-EMAS.

5.5. Il-Kondizzjonijiet sabiex il-verifikatur ta' l-ambjent jwettaq l-attivitajiet tiegħu/tagħha.

5.5.1. Il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jopera ġewwa l-iskop ta' l-akkreditazzjoni tiegħu/tagħha, fuq il-bażi ta' ftehim bil-miktub ma’ l-organizzazzjoni li jiddefinixxi l-iskop tax-xogħol, jippermtti lill-verifikatur ta' l-ambjent jaħdem b'mod indipendenti u professjonali u jikkommetti lill-organizzazzjoni sabiex tipprovdi l-koperazzjoni meħtieġa.

5.5.2. Il-verfika għandha tinvolvi l-eżami tad-dokumentazzjoni, żjara lill-organizzazzjoni li tinkludi b'mod partikolari, intervisti mal-ħaddiema, it-tħejjija ta' rapport dwar l-immaniġġjar ta' l-organizzazzjoni u s-soluzzjoni ta' l-organizzazzjoni għall-kwistjonijiet imqajma mir-rapport.

5.5.3. Il-dokumentazzjoni li għandha tiġi eżaminata minn qabel ma’ ssir iż-żjara għandha tinkludi tagħrif bażiku dwar l-organizzazzjoni u l-attivitajiet tagħha, il-politika ta' l-ambjent u l-programm, id-deskrizzjoni tas-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent mħaddma mill-organizzazzjoni, id-dettalji tar-reviżjoni ta' l-ambjent jew tal-verifika li tkun twettqet, ir-rapport dwar dik ir-reviżjoni jew verifika u kull azzjoni korrettiva li tkun ittieħdet wara, u l-abbozz tal-prospett ta' l-ambjent.

5.5.4. Il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jħejji rapport għall-immaniġġjar ta' l-organizzazzjoni. Dan ir-rapport għandu jispeċifika:

(a) il-kwistjonijiet kollha rilevanti rigward ix-xogħol imwettaq mill-verifikatur ta' l-ambjent;

(b) il-punt tat-tluq ta' l-organizzazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent;

(ċ) b'mod ġenerali, il-każijiet ta' nuqqas tal-konformità mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari:

- id-difetti tekniċi fir-reviżjoni ta' l-ambjent, jew fil-metodu tal-verifika, jew fis-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent, jew f’ kull proċess ieħor rilevanti,

- il-punti ta' nuqqas ta' qbil ma’ l-abbozz tal-prospett ta' l-ambjent, flimkien mad-dettallji ta' l-emendi jew iż-żiediet li għandhom isiru lill-prospett ta' l-ambjent,

(d) il-paragun mal-prospetti ta' qabel u ma’ l-istima tat-twettiq tax-xogħol ta' l-organizzazzjoni.

5.6. Il-Frekwenza tal-verifiki

F'konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjoni, il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jfassal programm sabiex jiżgura li jiġu vverifikati l-elementi kollha meħtieġa għar-reġistrazzjoni fl-EMAS f'perjodu taż-żmien li ma jaqbiżx is-36 xahar. B'żieda ma’ dan, il-verifikatur ta' l-ambjent għandu jivvalida kull tagħrif aġġornat fil-prospett ta' l-ambjent f'intervalli taż-żmien li ma jaqbżux it-12-il xahar. Id-devjazzjonijiet mill-frekwenza li biha jiġu mwettqa l-aġġornamenti għandhom jittwettqu, jistgħu jsiru skond iċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-gwida tal-Kummissjoni adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2).

[1] ĠU L 293, ta' l-24.10.1990, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 761/93 (ĠU L 83, tat-3.4.1993, p. 1).

--------------------------------------------------

ANNESS VI

ASPETTI TA' L-AMBJENT

6.1. Ġenerali

Organizzazzjoni għandha tikkunsidra l-aspetti ta' l-ambjent kollha ta' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha u tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-kriterji li jqisu l-leġislazzjoni Komunitarja, liema mill-aspetti ta' l-ambjent tagħha għandhom impatt sinjifikanti, bħala bażi sabiex tiffissa l-miri u l-finijiet ta' l-ambjent tagħha. Dawn il-kriterji għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Organizzazzjoni għandha tikkunsidra kemm l-aspetti ambjentli diretti u kemm dawk indiretti ta' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha.

6.2. L-aspetti ta' l-ambjent diretti

Dawn ikopru l-attivitajiet ta' organizzazzjoni li fuqhom għandha l-kontroll għall-immaniġġjar u jistgħu jinkludu, iżda mhux limitati għal:

(a) l-emissjonijiet fl-arja;

(b) ir-rilaxx fl-ilma;

(ċ) il-prevenzjoni, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid, it-trasport u d-disponiment mill-iskart solidu u skart ieħor, b'mod partikolari l-iskart perikoluż;

(d) l-użu u t-tniġġiż ta' l-art;

(e) l-użu tar-riżorsi naturali u tal-materji prima (inkluża l-enerġija);

(f) kwistjonijiet lokali (il-ħsejjes, il-vibrazzjoni, l-irwejjaħ, it-trab, l-apparenza viżiva, eċċ.)

(g) kwistjonijiet tat-trasport (kemm għall-prodotti u s-servizzi u kemm għall-ħaddiema);

(h) ir-riskji ta' inċidenti ta' l-ambjent u l-impatti li joħorġu, jew li x'aktarx joħorġu minnhom, bħala konsegwenza ta' l-aċċidenti, l-inċidenti u s-sitwazzjonijiet potenzjali ta' emerġenza;

(i) l-effetti fuq il-biodiversità.

6.3. L-Aspetti ta' l-ambjent indiretti

B'riżultat ta' l-attivitajiet, tal-prodotti u tas-servizzi ta' organizzazzjoni jista’ jkun hemm aspetti ta' l-ambjent sinjifikanti li fuqhom jista’ ma jkollhiex kontroll sħiħ għall-immaniġġjar.

Dawn jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(a) il-kwistjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-prodotti (id-disinn, l-iżvilupp, l-imballaġġ, it-trasport, l-użu ta' l-iskart u l-irkupru tiegħu u/jew id-disponiment minnu);

(b) l-investimenti kapitali, li jikkonċedu s-self u s-servizzi ta' l-assigurazzjoni;

(ċ) swieq ġodda;

(d) il-għażla u l-komposizzjoni tas-servizzi (p.e. is-sengħa tat-trasport jew tal-bejgħ ta' l-ikel);

(e) deċiżjonijiet amministrattivi u dwar il-pjanifikazzjoni;

(f) il-komposizzjoni ta' firxiet ta' prodotti;

(g) it-twettiq tax-xogħol ta' l-ambjent u l-prattiċi tal-kuntratturi, tas-sub-kuntratturi u tal-fornituri.

L-organizzazzjonijiet iridu kunu kapaċi juru illi l-aspetti ta' l-ambjent sinjifikanti assoċjati mal-proċeduri tagħhom tal-kisba jkunu ġew identifikati u li l-impatti ta' l-ambjent sinjifikanti assoċjati ma’ dawn l-aspetti jiġu indirizzati ġewwa s-sistema għall-immaniġġjar. L-organizzazzjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura illi l-fornituri u dawk li jaġixxu f'isem l-organizzazzjoni jħarsu l-politika ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni fir-remitt ta' l-attivitajiet imwettqa għall-kuntratt.

Fil-każ ta' dawn l-aspetti ta' l-ambjent indiretti, organizzazzjoni għandha tikkunsidra kemm jista’ jkollha influwenza fuq dawn l-aspetti, u liema miżuri jistgħu jittieħdu sabiex inaqqsu l-impatt.

6.4. Is-Sinifikat

Hija r-responsabbiltà ta' l-organizzazzjoni li tiddefinixxi l-kriterji sabiex ssir stima tas-sinifikat ta' l-aspetti ta' l-ambjent ta' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha, sabiex tistabbilixxi liema jkollhom impatt ta' l-ambjent sinfikanti. Il-kriterji żviluppati minn organizzazzjoni għandhom ikunu komprensivi, kapaċi li jiġu ċċekkjati b'mod indipendenti, jistgħu jiġu riprodotti u magħmula disponibbli għall-pubbliku.

Il-konsiderazzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti l-kriterji sabiex issir stima tas-sinifikat ta' l-aspetti ta' l-ambjent ta' organizzazzjoni jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(a) it-tagħrif dwar il-kondizzjoni ta' l-ambjent sabiex jiġu identifikati l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi ta' l-organizzazzjoni li jista’ jkollhom impatt ta' l-ambjent;

(b) l-infornazzjoni eżistenti ta' l-organizzazzjoni dwar id-dħul tal-materjal u l-enerġija, l-iskarigi, l-iskart u l-emissjonijiet f'termini ta' riskju;

(ċ) il-veduti tal-partijiet interessati;

(d) l-attivitajiet ta' l-ambjent ta' l-organizzazzjoni li huma rregolati;

(e) l-attivitaljiet tal-kisba;

(f) id-disinn, l-iżvilupp, il-fabbrikazzjoni, id-distribuzzjoni, il-manutenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u d-disponiment mill-prodotti ta' l-organizzazzjoni;

(g) dawk l-attivitajiet ta' l-organizzazzjoni bl-ispejjeż ta' l-ambjent l-iktar sinjifikanti, u l-benefiċċji ta' l-ambjent.

Waqt li tagħmel stima tas-sinifikat ta' l-impatti ta' l-ambjent ta' l-attivitajiet ta' l-organizzazzjoni, l-organizzazzjoni għandha taħseb mhux biss dwar il-kondizzjonijiet normali tal-ħidma iżda ukoll dwar il-kondizzjonijiet tal-ftuħ tax-xogħol, l-għeluq għall-btajjel u l-kondizzjonijiet ta' emerġenza li jistgħu jitbassru b'mod raġjonevoli. Għandhom jiġu kkunsidrati l-attivitajiet tal-passat, tal-preżent u dawk ippjanati għall-futur.

--------------------------------------------------

ANNESS VII

REVIŻJONI AMBJENTJALI

7.1. Ġenerali

Organizzazzjoni li ma tkunx forniet it-tagħrif meħtieġ sabiex jiġu identifikati u ssir stima ta' l-aspetti ta' l-ambjent sinjifikanti skond l-Anness VI għandha tistabbilixxi l-posizzjoni korrenti tagħha rigward l-ambjent permezz ta' reviżjoni. L-għan għandu jkun li tikkunsidra l-aspetti ta' l-ambjent kollha ta' l-organizzazzjoni bħala bażi sabiex tiġi stabbilita s-sistema għall-immaniġġjar ta' l-ambjent.

7.2. Il-Ħtiġiet

Ir-reviżjoni għandha tkopri ħames żoni prinċipali:

(a) il-ħtiġiet leġislativi, regolatorji u ħtiġiet oħra li tħares l-organizzazzjoni;

(b) identifikazzjoni ta' l-aspetti ta' l-ambjent kollha b'impatt ta' l-ambjent sinjifikanti skond l-Anness VI, ikkwalifikati u kkwantitifikati kif approprjat, u l-kumpilazzjoni ta' reġistru ta' dawk identifikati bħala sinjifikanti.

(ċ) deskrizzjoni tal-kriterji sabiex issir stima tas-sinifikat ta' l-aspetti ta' l-ambjent skond il-punt 6.4 ta' l-Anness VI;

(d) eżami tal-prattiċi kollha eżistenti għall-immaniġġjar u l-proċeduri ta' l-ambjent;

(e) valutazzjoni tar-rispons mill-investigazzjoni ta' l-inċidenti ta' qabel.

--------------------------------------------------

ANNESS VIII

TAGĦRIF DWAR IR-REĠISTRAZZJONI

Il-Ħtiġiet Minimi

L-Isem ta' l-organizzazzjoni:

L-Indirizz ta' l-organizzazzjoni:

Il-Persuna tal-kuntatt:

Il-Kodiċi tan-NACE rigward l-attività:

In-Numru ta' impjegati:

L-Isem tal-verifikatur ta' l-ambjent:

In-Numru ta' l-akkreditazzjoni:

Il-Firxa ta' l-akkreditazzjoni:

Id-Data tal-prospett ta' l-ambjent li jmiss:

L-isem u ddettalji tal-kuntatt ta' l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar, għall-organizzazzjoni

Magħmul fi… fil-…/…/2000

Il-Firma tar-rappreżentant ta' l-organizzazzjoni

--------------------------------------------------

Top