EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0016

Id-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea

OJ L 110, 20.4.2001, p. 1–27 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 026 P. 243 - 269
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 026 P. 243 - 269
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 026 P. 243 - 269
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 026 P. 243 - 269
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 026 P. 243 - 269
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 026 P. 243 - 269
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 026 P. 243 - 269
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 026 P. 243 - 269
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 026 P. 243 - 269
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 030 P. 239 - 265
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 030 P. 239 - 265

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/07/2010; Imħassar b' 32008L0057

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/16/oj

32001L0016



Official Journal L 110 , 20/04/2001 P. 0001 - 0027


Id-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad-19 ta' Marzu 2001

fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 156 tat-Trattat,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjon [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Biex jagħmluha possibbli biex ċittadini ta' l-Unjoni, operaturi ekonomiċi u awtoritajiet reġjonali u lokali jibbenefikaw il-massimu tal-vantaġġi li joħorġu mit-twaqqif ta' żona mingħajr fruntieri interni, huwa approprjat, b'mod partikolari, li jtejbu l-interkonnessjoni u l-interoperabilità tan-network ferrovjarju nazzjonali kif ukoll l-aċċess għalih, billi jiġu implimentati xi miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa fil-qasam ta' l-istandardizzazzjoni teknika, kif previst fl-Artikolu 155 tat-Trattat.

(2) Bl-iffirmar tal-Protokoll adottat fi Kyoto fit-12 ta' Diċembru 1997 l-Unjoni Ewropea obbligat ruħha li tnaqqas l-emissjonijet tal-gass. Dawn l-oġġettivi jeħtieġu aġġustament fil-bilanċ bejn id-diversi modi ta' trasport, u b'hekk żieda fil-kompetittività tat-trasport ferrovjarju.

(3) L-istrateġija tal-Kunsill għall-integrazzjoni ta' l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli fil-politika tat-trasport tal-Komunità tenfasizza l-bżonn ta' azzjoni biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport.

(4) It-tħaddim ferrovjarju kummerċjali matul in-network ferrovjarju trans-Ewropew jeħtieġ b'mod partikolari kompatibilità eċċellenti bejn il-karatteristiċi ta' l-infrastruttura u dawk tar-rolling stock, kif ukoll interkonnessjoni effiċjenti tas-sistemi ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni ta' l-amministraturi u l-operaturi tad-diversi infrastrutturi. Il-livelli ta' l-operat, tas-sigurtà, tal-kwalità tas-servizz u l-ispejjeż jiddependu fuq din il-kompatibilità u l-interkonnessjoni, kif tiddependi wkoll, b'mod partikolari, l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

(5) Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet għandha tittieħed miżura inizjali mill-Kunsill fit-23 ta' Lulju 1996 bl-adozzjoni tad-Direttiva 96/48/KE li tikkonċerna l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea b'veloċità għolja [5].

(6) Fil-White Paper intitolata "Strateġija għar-rivitalizzazzjoni tal-ferrovija Komunitarja" fl-1996, il-Kummissjoni ħabbret it-tieni miżura fis-settur ferrovjarju konvenzjonali u mbagħad ordnat studju fuq l-integrazzjoni tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali, li r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati f'Mejju 1998 bir-rakkomandazzjoni ta' l-adozzjoni tad-Direttiva bbażata fuq is-soluzzjoni adottata fis-settur tal-veloċità għolja. Dan l-istudju irrakkomanda wkoll li, iżjed milli wieħed jiffaċċja l-ostakoli għall-interoperabilità f'daqqa, il-problemi għandhom jiġu solvuti bil-mod b'ordni ta' prijorità bbażata fuq ir-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kull miżura proposta. F'dan l-istudju l-armonizzazzjoni tal-proċeduri u r-regoli użati u l-interkonnessjoni ta' l-informazzjoni u s-sistemi tal-komunikazzjoni dehru li kienu aktar effettivi mill-miżuri, per eżempju, rigward il-loading gauge infrastrutturali.

(7) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq "L-integrazzjoni tas-sistemi konvenzjonali ferrovjarji" tirrikkomanda l-adozzjoni ta' din id-Direttiva u tiġġustifika x-xebħ u d-differenzi prinċipali meta mqabbla mad-Direttiva 96/48/KE. Id-differenzi prinċipali jinsabu fl-adattament ta' l-ambitu ġeografiku, fl-estensjoni ta' l-ambitu tekniku biex jitqiesu r-riżultati ta' l-istudju fuq imsemmi u fl-adozzjoni ta' soluzzjoni gradwali biex jiġu eliminati l-ostakoli fl-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja, li tinkludi t-twaqqif ta' ordni ta' prijoritajiet u skeda ta' żmien għat-tfassil tagħhom.

(8) In vista' tas-soluzzjoni gradwali u tal-ħin konsegwentment meħtieġ għall-adozzjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità (TSIs), għandhom jittieħdu passi biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn Stati Membri jadottaw regoli nazzjonali ġodda jew jidħlu għal proġetti biex tiżdied l-eteroġeneità tas-sistema preżenti.

(9) L-adozzjoni tas-soluzzjoni gradwali tissodisfa l-ħtiġiet speċjali ta' l-oġġettiv ta' l-interoperabilità tas-sistema konvenzjonali ferrovjarja, li hi kkaratterizzata b'infrastruttura nazzjonali antika u stock li jeħtieġ investiment qawwi għall-adattament jew it-tiġdid, u għandha ssir kura partikolari biex il-ferroviji ma jiġux ippenalizzati ekonomikament meta mqabbla ma' modi oħra ta' trasport.

(10) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta' l-10 ta' Marzu 1999 fuq il-pakkett ferrovjarju l-Parlament talab li l-ftuħ progressiv tas-settur ferrovjarju għandu jimxi id f'id mal-miżuri ta' l-armonizzazzjoni teknika l-aktar mgħaġġlin u effettivi.

(11) Il-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta' Ottubru 1999 talab lill-Kummissjoni tipproponi stateġija dwar it-titjib ta' l-interoperabilità tat-trasport ferrovjarju u tnaqqas l-intoppi bil-għan li telimina l-ostakoli tekniċi, amministrattivi u ekonomiċi fl-interoperabilità tan-network mingħajr dewmien filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta' sigurtà kif ukoll taħriġ u kwalifiċi persunali.

(12) Skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 fuq l-iżvilupp ferrovjarju tal-Komunità [6], il-kumpaniji ferrovjarji għandhom ikunu żiedu l-aċċess għan-network ferrovjarju ta' l-Istati Membri, li mill-banda l-oħra jeħtieġ l-interoperabilità ta' l-infrastruttura, it-tagħmir, ir-rolling stock, u s-sistemi ta' l-amministrazzjoni u l-operat, li jinkludu dawk il-kwalifiċi tal-persunal u l-kondizzjonijiet tas-sigurtà fuq ix-xogħol meħtieġa fl-operat u l-manuntenzjoni tas-subsistemi in kwistjoni u għall-implimentazzjoni ta' kull TSI. Madanakollu, mhux l-għan ta' din id-Direttiva, direttamnet jew indirettament, li tarmonizza l-kondizzjonijiet tax-xogħol fis-settur ferrovjarju.

(13) L-Istati Membri huma responsabbli biex jassiguraw il-konformità mar-regoli tas-sigurtà, tas-saħħa u tal-protezzjoni tal-konsumatur li jgħoddu għan-network ferrovjarju in ġenerali waqt l-iddisinjar, il-kostruzzjoni, id-dħul fis-servizz u l-operazzjoni ta' dawk il-ferroviji.

(14) Hemm differenzi kbar fir-regolamenti nazzjonali u r-regoli interni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li l-ferroviji japplikaw, billi dawn jinkorporaw tekniċi li huma speċifiċi għall-industriji nazzjonali u jippeskrivu dimensjonijiet u apparati speċifiċi kif ukoll karatteristiċi speċjali. Din is-sitwazzjoni żżomm il-ferroviji milli jkunu kapaċi jimxu mingħajr xkiel minn naħa għal oħra matul in-network Komunitarju.

(15) Matul is-snin din is-sitwazzjoni ħolqot rabtiet mill-viċin bejn l-industriji ferrovjarji nazzjonali u l-ferroviji nazzjonali, għad-detriment tal-ftuh ġenwin tas-swieq. Biex tiżdied il-kompetittività tagħhom fuq livell globali, dawn l-industriji jeħtieġu suq Ewropew, miftuħ u kompetittiv.

(16) Hu għalhekk approprjat li wieħed jiddefinixxi l-ħtiġiet essenzjali bażiċi għall-Komunità kollha li għandhom jgħoddu għas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

(17) In vista' tal-kobor u l-komplessità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, ġie ppruvat li huwa meħtieġ, għal raġunijiet prattiċi, li din tinqasam f'subsistemi. Għal kull waħda minn dawn is-subsistemi, il-ħtiġiet essenzjali għandhom jiġu speċifikati u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiġu determinati għall-Komunità kollha, partikolarment fir-rigward tal-kostitwenti u l-konġunzjonijiet, biex dawn il-ħtiġiet essenzjali jintlaħqu.

(18) L-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet dwar l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea konvenzjonali m'għandhiex toħloq xkiel li mhux ġustifikat f'termini ta' spejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji għall-priservazzjoni tan-network ferrovjarju eżistenti ta' kull Stat Membru, għandhom jaraw li jżommu l-oġġetiv ta' l-interoperabilità.

(19) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoparabilità għandhom impatt ukoll fuq il-kondizzjonijiet għall-użu tat-trasport ferrovjarju mill-utenti, u huwa għalhekk meħtieġ li dawn l-utenti jiġu kkonsultati fuq aspetti li jikkonċernawhom.

(20) Kull Stat Membru kkonċernat għandu jitħalla ma japplikax ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità f'każijiet speċjali, dejjem jekk ikun hemm proċeduri biex jassiguraw li dawn id-derogi jkunu ġustifikati. L-Artikolu 155 tat-Trattat jeħtieġ li attivitajiet Komunitarji fil-qasam ta' l-interoperabilità jqisu l-vijabilità ekonomika potenzjali tal-proġetti.

(21) It-tfassil tat-TSIs u l-applikazzjoni tagħhom fis-sistema ferrovjarja konvenzjonali m'għandhomx jimpedixxu l-innovazzjoni teknoloġika, li għandha tkun immirata lejn titjib fil-mod ta' kif joperaw ekonomikament.

(22) Għandu jittieħed vantaġġ mill-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali, partikolarment fil-każ tal-merkanzija, biex iseħħu l-kondizzjonijiet għal interoperabilità akbar bejn il-modi tat-trasport.

(23) Biex jikkonformaw mad-disposizzjonijiet approprjati dwar il-proċeduri tax-xiri fis-settur ferrovjarju u b'mod partikolari d-Direttiva 93/38/KEE [7], il-partijiet kontraenti għandhom jinkludu tekniċi speċifiċi fid-dokumenti ġenerali jew fil-pattijiet u l-kondizzjonijiet għal kull kuntratt. Għal dan il-għan huwa meħtieġ li jinbena korp ta' speċifikazzjonijiet Ewropej biex iservu bħala referenzi għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(24) Sistema internazzjonali ta' standardizzazzjoni li tkun kapaċi tiġġenera standards li attwalment jintużaw minn dawk involuti fil-kummerċ internazzjonali u li jilħqu l-ħtiġiet tal-politika Komunitarja għandhom ikunu fl-interess tal-Komunità. Il-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni għandhom għalhekk jissoktaw il-kooperazzjoni tagħhom mal-korpi internazzjonali għall-istandardizazzjoni.

(25) Il-korpi kontraenti għandhom jiddefinixxu l-ħtiġiet ulterjuri meħtieġa biex ilestu l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej jew standards oħra. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jilħqu l-ħtiġiet essenzjali li ġew armonizzati fil-livell Komunitarju u li s-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea għandha tissodisfa.

(26) Il-proċeduri li jirregolaw l-istima tal-konformità jew dwar l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti għandhom jiġu bbażati fuq l-użu ta' moduli koperti mid-Deċiżjoni Nru 93/465/KEE [8]. Safejn ikun possibbli u biex jiġi promoss l-iżvilupp industrijali, huwa approprjat li jitfasslu l-proċeduri li jinvolvu sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità.

(27) Il-konformità tal-kostitwenti hi l-aktar marbuta mal-qasam ta' l-użu tagħhom biex tiġi ggarantita l-interoperabilità tas-sistema u mhux biss għall-moviment ħieles tagħhom fis-suq Komunitarju. L-idoneità għall-użu tal-kostitwenti l-iżjed kritiċi fir-rigward tas-sigurtà, id-disponibilità jew is-sistema ekonomika għandha tiġi stmata. Huwa għalhekk mhux meħtieġ li fabbrikant iwaħħal it-tikketta KE ma' kostitwenti li issa huma soġġetti għad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Fuq il-bażi ta' l-stima dwar il-konformità u/jew l-idoneità għall-użu, id-dikjarazzjoni tal-fabbrikant għandha tkun biżżejjed.

(28) Dik ma taffetwax l-obbligu fuq il-fabbrikanti li jwaħħlu t-tikketta KE fuq ċerti komponenti biex jiċċertifikaw il-konformità tagħhom ma' disposizzjonijiet oħra relatati magħhom.

(29) Is-subsistemi li jikkostitwixxu s-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta' verifika. Din il-verifika għandha tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet responsabbli għall-awtorizzazzjoni rigward id-dħul tagħhom fis-servizz biex dawn ikunu ċerti li, waqt l-istadji meta dawn jiġu ddisinjati, mibnija u mdaħħla fis-servizz, ir-riżultat ikun konformi mar-regolamenti u d-disposizzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jkunu fis-seħħ. Din għandha wkoll tagħmilha possibbli biex il-fabbrikanti jkunu jistgħu joqogħdu fuq l-ugwaljanza fit-trattament ikun xi jkun il-pajjiż. Huwa għalhekk meħtieġ jiġi stabbilit modulu li jiddefinixxi l-prinċipji u l-kondizzjonijiet li jgħoddu għall-verifika tas-subsistemi "KE".

(30) Il-proċedura tal-verifika "KE" għandha tkun ibbażata fuq it-TSIs. Dawn it-TSIs huma soġġetti għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 18 tad-Direttiva 93/38/KEE. Il-korpi notifikati responsabbli biex jeżaminaw il-proċeduri dwar il-konformità fl-istima u l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti, flimkien mal-proċedura għall-istima tas-subsistemi għandhom, b'mod partikolari fl-assenza ta' xi speċifikazzjoni Ewropea, jikkordinaw id-deċiżjonijiet tagħhom mill-qrib kemm jista' jkun.

(31) Dawn it-TSIs huma mfasslin skond l-ordni tal-Kummissjoni tal-korp konġunt li jirrappreżenta lill-amministraturi ta' l-infrastruttura, lill-kumpaniji ferrovjarji u lill-industrija. Ir-rappreżentanti ta' pajjiżi li ma jkunux membri, b'mod partikolari dawk tal-pajjiżi applikanti, jistgħu mill-bidunett jiġu awtorizzati biex jattendu laqgħat tal-korp konġunt rappreżentattiv bħala osservaturi.

(32) Id-Direttiva 91/440/KEE teħtieġ separazzjoni ta' l-attivitajiet, f'termini ta' kontijiet, bejn l-operat tas-servizz tat-trasport u l-amministrazzjoni ta' l-infrastruttura ferrovjarja. Minħabba f'dan il-fatt, is-servizzi speċjalizzati previsti mill-amministraturi ta' l-infrastruttura ferrovjarja nominati bħala korpi notifikati għandhom jiġu strutturati b'tali mod li jilħqu l-kriterji li għandhom jgħoddu għal dan it-tip ta' korp. Korpi speċjalizzati oħra jistgħu jiġu notifikati meta dawn jilħqu l-istess kriterji.

(33) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 99/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni [9].

(34) L-interoperabilità fis-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea testendi fil-kobor tagħha mal-Komunità kollha. Ebda Stat Membru individwali m'hu f'pożizzjoni li jieħu l-azzjoni li hemm bżonn biex jilħaq din l-interoperabilità. Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-objettivi ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk minħabba l-kobor jew l-effetti ta' l-azzjoni proposta jintlaħqu aħjar mill-Komunità,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Disposizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li għandhom jintlaħqu biex tinkiseb l-interoperabilità fit-territorju tal-Komunità fis-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, kif deskritta fl-Anness I. Dawn il-kondizzjonijiet jikkonċernaw id-disinn, il-kostruzzjoni, id-dħul fis-servizz, l-immodernizzar, it-tiġdid, it-tħaddim u l-manuntenzjoni ta' partijiet ta' din is-sistema li daħlet fis-servizz wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, kif ukoll il-kwalifiki professjonali u l-kondizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-persunal li jikkontribwixxi għall-operat tagħha.

2. Il-mixja lejn dan l-objettiv għandha twassal għad-definizzjoni tal-livell minimu ta' l-armonizzazzjoni teknika u tagħmilha possibbli biex:

(a) tiffaċilita, ittejjeb u tiżvuluppa servizzi internazzjonali ta' trasport bil-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u ma' pajjiżi terzi;

(b) tikkontribwixxi għall-ħolqien progressiv tas-suq intern fit-tagħmir u s-servizzi għall-kostruzzjoni, it-tiġdid, l-immodernizzar u l-operat tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea;

(ċ) tikkontribwixxi għall-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

"sistema ferrovjarja Ewropea konvenzjonali" tfisser l-istruttura, kif deskritta fl-Anness I, komposta minn linji u stallazzjonjiiet fissi, tan-network tat-trasport trans-Ewropew, mibni jew immodernizzat għat-trasport ferrovjarju konvenzjonali u t-trasport ferrovjarju kombinat, b'żieda tar-rolling stock iddisinjat biex jivvjaġġa fuq dik l-infrastruttura;

"interoperabilità" tfisser l-abilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea li tippermetti l-moviment bla periklu u interruzzjoni ta' treni li jilħqu l-livelli meħtieġa fl-operat ta' dawn il-linji. Din l-abbilità tiddependi mill-kondizzjonijet regolatorji, tekniċi operattivi kollha li għandhom jintlaħqu biex jiġu koperti l-ħtiġiet essenzjali;

"subsistemi" tfisser ir-riżultat tad-diviżjoni tas-sistema konvenzjonali trans-Ewropea, kif tidher fl-Anness II. Dawn is-subsistemi, li għalihom għandhom jiġu stabbiliti l-ħtiġiet essenzjali, huma strutturali u funzjonali;

"kostitwenti ta' l-interoperabilità" tfisser kwalunkwe komponent elementari, grupp ta' komponenti, binja parzjali jew binja sħiħa ta' tagħmir inkorporat jew intiż biex jiġi inkorporat fis-subsistema li fuqha l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjoanli trans-Ewropea tiddependi direttament jew indirettament. Il-konċett ta' "kostitwent" ikopri kemm oġġetti tanġibbli kif ukoll oġġetti intanġibbli bħal software;

"ħtiġiet essenzjali" tfisser il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Anness III li għandhom jintlaħqu mis-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, mis-subsistemi u mill-kostitwenti ta' l-interoperabilità inklużi l-konġunzjonijiet;

"Speċifikazzjoni Ewropea" tfisser speċifikazzjoni teknika komuni, approvazzjoni teknika Ewropea jew standard nazzjonali li jisposta standard Ewropew, kif definit fil-punti 8 sa 12 ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/38/KEE;

"Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità" , minn issa 'l quddiem imsejħa TSI's tfisser l-ispeċifikazzjonijiet li bihom subsistema jew parti minn subsisstema tkun koperta biex tilħaq il-ħtiġiet essenzjali u biex tassigura l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea;

"korp konġunt rappreżentattiv" (KKR) tfisser korp li jlaqqa' flimkien rappreżentanti ta' l-amministraturi ta' l-infrastruttura, il-kumpaniji ferrovjarji u l-industrija li tkun responsabbli għat-tfassil tat-TSIs. "Amministraturi ta' l-infrastruttura" tfisser dawk imsemmija fl-Artikolu 3 u 7 tad-Direttiva 91/440/KEE;

"korpi notifikati" tfisser il-korpi li jkunu responsabbli biex jagħmlu stima tal-konformità jew ta' l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti ta' l-interoperabilità jew biex jivvalutaw il-proċedura "KE" għall-verifika tas-subsistemi;

"parametri bażiċi" tfisser kwalunkwe kondizzjoni regolatorja, teknika jew operattiva li tkun essenzjali għall-interoperabilità u li tkun teħtieġ deċiżjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2) qabel kwalunkwe żvilupp ta' abozzi ta' TSIs mill-korp rappreżentattiv konġunt;

"każ speċifiku" tfisser kwalunkwe parti mis-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea li jkollha bżonn disposizzjonijiet speċjali fit-TSIs, jew temporanji inkella definittivi, minħabba l-limitazzjonijiet ġeografiċi, topografiċi jew ta' l-ambjent urban jew minħabba dawk li jeffettwaw il-kompatibilità mas-sistema eżistenti. Dawn jistgħu jinkludu b'mod partikolari linji ferrovjarji u networks isolati mill-bqija tal-Komunità, il-loading gauge, it-track gauge jew l-ispazju bejn il-linji u r-rolling stock strettament intiż għall-użu lokali, reġjonali jew storiku, kif ukoll ir-rolling stock li joriġina minn jew li jkun iddestinat għal pajjiżi terzi, sakemm dan l-istock ma jaqsamx il-fruntiera bejn żewġ Stati Membri;

"immodernizzar" ifisser kwalunkwe xogħol ta' modifika kbira fuq subsistema jew parti minn subsistema li teħtieġ awtorizzazzjoni ġdida għad-dħul fis-servizz fis-sens ta' l-Artikolu 14(1);

"tiġdid" ifisser kwalunkwe xogħol ta' sostituzzjoni prinċipali fuq subsistema jew parti minn subsistema li jeħtieġ awtorizzazzjoni ġdida għad-dħul fis-servizz fis-sens ta' l-Artikolu 14(1);

"sistema ferrovjarja eżistenti" tfisser kwalunkwe struttura magħmula minn linji jew stallazzjonijiet fissi ta' sistema ferrovjarja eżistenti flimkiem mar-rolling stock għall-kategoriji u l-oriġini kollha li jivvjaġġaw fuq dik l-infrastruttura.

Artikolu 3

1. Din id-Direttiva tgħodd għad-disposizzjonijiet li jikkonċernaw, għal kull subsistema, il-kostitwenti ta' l-interoperabilità, il-konġunzjonijiet u l-proċeduri kif ukoll il-kondizzjonijiet tal-kompatibilità globali tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea meħtieġa biex tinkiseb l-interoperabilità tagħha.

2. Id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jgħoddu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni Komunitarja rilevanti oħra. Madanakollu, fil-każ tal-kostitwenti ta' l-interoperabilità, inklużi l-konġunzjonijiet, il-konformità mal-ħtiġiet essenzjali ta' din id-Direttiva jistgħu jeħtieġu l-użu ta' speċifikazzjonijiet Ewropej individwali magħmula għal dak l-iskop.

Artikolu 4

1. Is-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, is-subsistemi u l-kostitwenti ta' l-interoperabilità inklużi l-konġunzjonijiet għandhom jilħqu l-ħtiġiet rilevanti essenzjali.

2. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ulterjuri msemmija fl-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 93/38/KEE li huma meħtieġa biex jikkompletaw l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej jew standards oħrajn li jintużaw fil-Komunità m'għandhomx ikunu konfliġġenti mal-ħtiġiet essenzjali.

KAPITOLU II

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità (TSIs)

Artikolu 5

1. Kull waħda mis-subsistemi għandha tkun koperta b'TSI. Meta meħtieġ, speċjalment meta jiġu ittrattati kategoriji ta' linji, hubs jew rolling stock separatament, jew biex jiġu solvuti ċerti problemi ta' interoperabilità bħala kwistjoni ta' prijorità, subsistema tista' tiġi koperta b'diversi TSIs. F'dan il-każ id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jgħoddu wkoll għall-parti tas-subsistema kkonċernata.

2. Is-subsistemi għandhom jikkonformaw mat-TSIs; din il-konformità għandha tinżamm permanentement sakemm kull subsistema tkun tintuża.

3. Sakemm ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1, kull TSI għandu:

(a) jindika l-iskop intiż (il-parti min-network jew mir-rolling stock imsemmija fl-Anness I: subsistema jew parti minn subsistema msemmija fl-Anness II);

(b) jistabbilixxi disposizzjonijiet essenzjali għal kull subsistema konċernata u l-konġunzjonijiet tagħha rigward is-subsistemi l-oħra;

(ċ) jistabbilixxi speċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi li għandhom jintlaħqu mis-subsistema u l-konġunzjonijiet tagħha fir-rigward tas-subsistemi l-oħra. Jekk ikun hemm il-bżonn, dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jvarjaw skond l-użu tas-subsistema, per eżempju skond il-kategoriji tal-linja, tal-hub u/jew tar-rolling stock kif previst fl-Anness I;

(d) jistabbilixxi l-kostitwenti ta' l-interoperabilità u l-konġunzjonijiet li għandhom jiġu koperti mill-ispeċifikazzjonijiet, inklużi l-istandards Ewropej, li huma meħtieġa biex jakkwistaw l-interoperabilità fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea;

(e) jgħid, f'kull każ li qed jiġi kkunsidrat, il-proċeduri għall-istima tal-konformità jew ta' l-idoneità għall-użu. Dan jinkludi b'mod partikolari l-moduli definiti fid-Deċiżjoni 93/465/KEE jew, fejn approprjat, il-proċeduri speċifiċi, li għandhom jintużaw biex issir stima kemm tal-konformità kif ukoll ta' l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti ta' l-interoperabilità u l-verifika dwar is-subsistemi għall-"KE"

(f) jindika l-istrateġija għall-implimentazzjoni tat-TSIs. B'mod partikolari, huwa meħtieġ li wieħed jispeċifika l-istadji li għandhom jitwettqu biex issir transizzjoni gradwali mis-sitwazzjoni eżistenti għas-sitwazzjoni finali li fiha l-konformità mat-TSIs għandha tkun in-norma;

(g) jindika, għall-persunal konċernati, il-kwalifiċi professjonali u l-kondizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol għall-operat u l-manutenzjoni tas-subsistema ta' hawn fuq, kif ukoll għall-implimentazzjoni tat-TSIs.

4. Kull TSI għandha ssir fuq il-bażi ta' eżami tas-subsistema eżistenti u tindika bħala mira subsistema li tista' tinkiseb gradwalment f'perjodu ta' żmien raġonevoli. B'daqshekk, l-adozzjoni gradwali tat-TSIs u l-konformità magħhom għandha tgħin gradwalment biex tinkiseb l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

5. It-TSIs għandhom iżommu, b'manjiera approprjata, il-kompatibilità tas-sistema ferrovjarja eżistenti ta' kull Stat Membru. B'dan il-għan, tista' ssir dispożizzjoni għal każijiet speċifiċi ta'kull sett ta' TSIs, fir-rigward kemm ta' l-infrastruttura kif ukoll tar-rolling stock; attenzjoni speċjali għandha tingħata lil kull loading gauge, lit-track gauge jew lill-ispazju ta' bejn il-binarji u l-vaguni li jkunu ġejjin minn jew sejrin lejn pajjiżi terzi. Għal kull każ speċifiku, it-TSIs jistipulaw regoli għall-implimentazzjoni ta' l-elementi tat-TSIs indikati fil-paragrafi 3(ċ) sa (g).

6. It-TSIs m'għandhomx ikunu ta' xkiel għad-deċiżjonijiet mill-Istati Membri rigward l-użu ta' l-infrastruttura għall-moviment tar-rolling stock mhux kopert mit-TSIs.

Artikolu 6

1. L-abbozzi tat-TSIs għandhom jitfasslu minn korp rappreżentattiv konġunt taħt mandat mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2). It-TSIs għandhom jiġu adottati u riveduti bl-istess proċedura. Huma għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Il-korp rappreżentattiv konġunt għandu jiġi nominat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2); din għandha tikkonforma mar-regoli stabbiliti fl-Anness VIII. Meta l-korp rappreżentattiv konġunt ma jikkonformax ma' dawn ir-regoli jew ma jkollux l-awtorità meħtieġa biex ifassal TSI partikolari, korp awtorizzat ieħor għandu jiġi nominat bl-istess proċedura. Fil-każ ta' l-aħħar, il-korp rappreżentattiv konġunt għandu jkun assoċjat max-xogħol tal-korp l-ieħor.

3. Il-korp rappreżentattiv konġunt jew, meta jkun approprjat, il-korp awtorizzat in kwistjoni għandu jkun responsabbli biex iħejji r-reviżjoni u l-aġġornament tat-TSIs u jagħmel ir-rakkomandazzjonijet approprjati lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 biex iqis l-iżviluppi fit-teknoloġija jew fil-ħtiġiet soċjali.

4. Kull abozz tat-TSI għandu jsir f'żewġ stadji.

L-ewwel nett, il-korp rappreżentattiv konġunt għandu jidentifika l-parametri bażiċi għal dan it-TSI kif ukoll il-konġunzjonijiet mas-subsistemi l-oħra u xi każijiet speċifiċi oħra li jistgħu jkunu meħtieġa. L-aktar soluzzjonijiet alternattivi vijabbli akkompanjati b'ġustifikazzjoni teknika u ekonomika għandhom jitressqu għal kull wieħed minn dawn il-parametri. Deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2); jekk meħtieġ, każijiet speċifiċi għandhom jiġu ċitati.

Il-korp konġunt rappreżentattiv għandu mbagħad ifassal abozz TSI fuq il-bażi ta' dawn iż-żewġ parametri. Meta jkun approprjat, il-korp rappreżentattiv konġunt għandu jqis il-progress tekniku, l-istandardizzazzjoni tax-xogħol diġà mwettaq, il-partijiet li jaħdmu diġà fil-post u x-xogħol tar-riċerka rikonoxxut. Stima globali ta' l-ispejjeż stmati u l-benefiċċji ta' l-implimentazzjoni tat-TSIs għandha tiġi mehmuża ma' l-abbozz tat-TSI; din l-istima għandha tindika l-impatt previst fuq l-operaturi kollha u l-aġenti ekonomiċi involuti.

5. L-abbozzar, l-adozzjoni u r-reviżjoni ta' kull TSI (inklużi l-parametri bażiċi) għandhom iqisu l-ispejjeż stmati u l-benefiċċji tas-soluzzjonijiet tekniċi kollha kkunsidrati flimkien mal-konġunzjonijiet bejniethom, sa biex jiġu stabbiliti u implimentati s-soluzzjonijiet l-aktar vijabbli. L-Istati Membri għandhom jipparteċipaw f'din l-istima billi jipprovdu d-data meħtieġa.

6. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 għandu jinżamm infurmat regolarment bix-xogħol preparatorju fuq it-TSIs. Matul dan ix-xogħol il-Kumitat jista' jifformola kwalunkwe termini ta' referenza u rakkomandazzjonijiet bżonnjużi li jikkonċernaw id-disinn tat-TSIs u l-analiżi ta' l-ispejjeż kif imqabbla mal-benefiċċji. Bmod partikolari l-Kumitat jista', fuq talba ta' Stat Membru, jeħtieġ li soluzzjonijet alternattivi jiġu eżaminati u li l-istima ta' l-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji ta' dawn is-soluzzjonijet alternattivi tkun stabbilita fir-rapport anness ma' l-abbozz TSI.

7. Malli ssir l-adozzjoni ta' kull TSI, id-data tad-dħul fis-seħħ tat-TSI għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 21(2). Meta subsistemi differenti jkollhom jiddaħħlu fis-servizz fl-istess ħin għal raġunijiet ta' kompatibilità teknika, id-dati għad-dħul fis-seħħ tat-TSIs korrispondenti għandhom ikunu l-istess.

8. L-abbozzar u r-reviżjoni tat-TSIs għandhom iqisu l-opinjonijiet ta' l-utenti, fir-rigward tal-karattersitiċi li għandhom impatt dirett fuq il-kondizzjonijet li fihom huma jużaw is-subsistemi.

Għal dak il-għan il-korp rappreżentattiv konġunt jew, meta approprjat, il-korp awtorizzat għandu jikkonsulta l-assoċjazzjonijiet u l-korpi li jirrappreżentaw l-utenti matul il-fażijiet ta' l-abbozzar u r-reviżjoni tat-TSIs.

Huma għandhom jinkludu ma' l-abbozz tat-TSI rapport tar-riżultati ta' din il-konsultazzjoni.

Il-lista ta' l-assoċjazzjonijiet u l-korpi li għandhom jiġu kkonsultati għandha tiġi ffinalizzata mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 qabel l-adozzjoni tal-mandat ta' l-ewwel TSI u tista' tiġi eżaminata mill-ġdid u aġġornata fuq talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni.

9. L-abbozzar u r-reviżjoni tat-TSIs għandu jqis l-opinjoni tas-sħab soċjali fir-rigward tal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3)(g).

Għal dan il-għan, l-isħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati qabel l-abbozz tat-TSI jitressaq, għall-adozzjoni jew għar-reviżjoni, lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21.

Is-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati fil-kuntest tal-Kumitat tad-Djalogu Settorali mwaqqaf skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE [10].

Is-sħab soċjali għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom fi żmien tliet xhur.

Artikolu 7

Stat Membru m'għandux għalfejn japplika TSI wieħed jew aktar, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu mar-rolling stock, fil-każijiet u ċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) għal-linja ġdida proposta, għall-immodernizzar ta' linja eżistenti, jew għal kwalunkwe element imsemmi fl-Artikolu 1(1) fi stadju avvanzat ta' żvilupp jew is-suġġett ta' kuntratt fil-fażi tat-twettiq meta dawn it-TSIs jiġu ppubblikati;

(b) għal kwalunkwe proġett li jikkonċerna t-tiġdid jew l-immodernizzar ta' linja eżistenti meta l-loading gauge, it-track gauge, l-ispazju bejn il-binarji, jew il-voltaġġ elettrifikat f'dawn it-TSIs ma jkunx kompatibbli ma' dawk tal-linja eżistenti;

(ċ) għal linja ġdida proposta jew għal tiġdid jew l-immodernizzar propost ta' linja eżistenti fit-territorju ta' Stat Membru meta n-network ferrovjarja tkun separata jew isolata bil-baħar min-network ferrovjarja tal-bqija tal-Komunità;

(d) għal kwalunkwe tiġdid, estensjoni jew immodernizzar ta' linja eżistenti, meta l-applikazzjoni ta' dawn it-TSIs tkun tikkomprometti l-vijabilità ekonomika tal-proġett u/jew il-kompatibilità tas-sistema ferrovjarja fl-Istat Membru;

(e) meta, wara inċident jew diżastru naturali, il-kondizzjonijiet tar-restawrazzjoni mgħaġġla tan-network ma tippermettix ekonomikament jew teknikament l-applikazzjoni parzjali jew totali tat-TSIs rilevanti;

(f) għal vaguni li jkunu ġejjin jew sejrin lejn pajjiżi terzi li t-track gauge tagħhom ikun differenti minn dik tan-network prinċipali tal-Komunità.

Fil-każijiet kollha l-Istat Membru konċernat għandu joħroġ avviż bil-quddiem dwar l-intenzjoni tiegħu għal deroga lill-Kummissjoni u għandu jibgħatha f'fajl li jispjega t-TSIs jew il-partijiet tat-TSIs li hu ma jkunx jixtieq li jiġu applikati kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti li hu ma jkunx jixtieq li jiġu applikati. Il-Kumitat previst fl-Artikolu 21 għandu janalizza l-miżuri maħsuba mill-Istat Membru. Fil-każijiet (b), (d) u (f), il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-proċedura fl-Artikolu 21(2). Meta meħtieġ, għandha ssir rakkomandazzjoni rigward l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu applikati. Madanakollu, fil-każ ta' (b) id-deċiżjoni tal-Kummissjoni m'għandhiex tkopri l-loading gauge u t-track gauge.

KAPITOLU III

Kostitwenti ta' l-interoperabilità

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jassiguraw dawk il-kostitwenti ta' l-interoperabilità:

(a) jiddaħħlu fis-suq biss jekk huma jagħmluha possibbli biex l-interoperabilità tintlaħaq fis-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea filwaqt li fl-istess ħin jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali;

(b) jintużaw fil-qasam ta' l-użu tagħhom kif maħsuba u jiġu stallati u ssirilhom manutenzjoni b'mod adattat.

Dawn id-disposizzjonijiet m'għandhomx ikunu ta' xkiel għat-tqegħid fis-suq ta' dawn il-kostitwenti għal applikazzjonijiet oħra.

Artikolu 9

L-Istati Membri ma jistgħux, fit-territorju tagħhom u għal raġunijiet li jikkonċernaw din id-Direttiva, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq tal-kostitwenti ta' l-interoperabilità għall-użu tas-sistema tan-network ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea meta dawn jikkonformaw ma' din id-Direttiva. B'mod partikolari, huma ma jistgħux jeħtieġu verifiki li jkunu diġà saru bħala parti mill-proċedura tad-dikjarazzjoni tal-"KE" dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu, li l-komponenti tagħhom huma spjegati fl-Anness IV.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jikkonsidraw bħala li jkunu konformi mal-ħtiġiet essenzjali ta' din id-Direttiva waqt li jgħoddu għalihom dawk il-kostitwenti ta' l-interoperabilità li jkollhom id-dikjarazzjoni "KE" dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu.

2. Il-konformità tal-kostitwent ta' l-interoperabilità mal-ħtiġiet rispettivi essenzjali u, meta approprjat, l-idoneità tagħhom għall-użu għandhom jiġu stabbiliti f'relazzjoni mal-kondizzjonijiet stabbiliti mit-TSI korrispondenti, inklużi xi speċifikazzjonijiet Ewropej rilevanti li jistgħu jeżistu.

3. Ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet Ewropej għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u msemmija fit-TSI rispettiv. Meta l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej rilevanti jiġu ppubblikati wara l-adozzjoni tat-TSI, huma għandhom jitqiesu malli t-TSIs jiġu riveduti.

4. L-Istati Membri għandhom jippublikaw ir-referenzi għall-istandards nazzjonali li jispostaw standards Ewropej.

5. Fir-rigward tal-perjodu ta' qabel il-pubblikazzjoni tat-TSI, fl-assenza ta' xi speċifikazzjonijiet Ewropej u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(5), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista ta' standards u speċifikazzjonijiet tekniċi li jintużaw biex dawn jimplimentaw il-ħtiġiet essenzjali. Din in-notifika m'għandhiex issir aktar tard mill-20 ta' Marzu 2002.

6. Meta speċifikazzjoni Ewropea tkun għadha m'hix disponibbli fiż-żmien ta' l-adozzjoni tat-TSI u l-konformità ma' din l-ispeċifikazzjoni tkun prekondizzjoni essenzjali biex tiggarantixxi l-interoperabilità, it-TSI tista' tirreferi għall-verżjoni disponibbli l-aktar avvanzata ta' l-abbozz ta' l-ispeċifikazzjoni Ewropea li għandha titħares jew li tkun tinkorpora dak l-abozz kollu jew parti minnu.

Artikolu 11

Meta Stat Membru jew il-Kummissjoni jkun jidhrilhom li l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej ma jkunux jilħqu il-ħtiġiet essenzjali, l-irtirar parzjali jew totali ta' dawn l-ispeċifikazzjonijiet mill-pubblikazzjonijiet li jinsabu fihom, jew l-emenda tagħhom, jista' jiġi deċiż b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2) wara konsultazzjoni, meta standards Ewropej jiġu involuti, tal-Kumitat imwaqqaf taħt id-Direttiva 98/34/KE [11].

Artikolu 12

1. Meta Stat Membru jsib li l-kostitwent ta' l-interoperabilità kopert bid-dikjarazzjoni "KE" dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu li jkun tpoġġa fis-suq ikun improbabbli, meta jintuża kif intiż, biex jilħaq il-ħtiġiet essenzjali, dan għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrestrinġi l-qasam ta' l-applikazzjoni tiegħu, jipprojbixxi l-użu tiegħu jew jirtirah mis-suq. L-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u jagħtu r-raġunijet għad-deċiżjoni tiegħu, waqt li jgħidu b'mod partikolari jekk in-nuqqas fil-konformità jkunx dovut għal:

(a) nuqqas li jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali;

(b) applikazzjoni skorretta ta' l-ispeċifikazjonijiet Ewropej fejn l-applikazzjoni ta' dawn l-ispeċifikazzjonijiet ikunu joqogħdu fuqha;

(ċ) inadegwatezza ta' l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet konċernati malajr kemm jista' jkun. Meta, wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-miżura tkun ġustifikata hija għandha mill-ewwel tinforma lill-Istat Membru li ħa l-inizjattiva kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra b'dan. Meta, wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-miżura ma tkunx ġustfikata din għandha tinforma mill-ewwel lill-Istat Membru li ħa l-inizjattiva u lill-fabbrikant jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità bihom. Meta deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun ġustifikata bl-eżistenza ta' lakuna fl-ispeċifikazzjonijiet Ewropej, il-proċedura definita fl-Artikolu 11 għandha tgħodd.

3. Meta kostitwent ta' l-interoperabilità li jkollu d-dikjarazzjoni "KE" tal-konformità jonqos milli jikkonforma, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-miżuri approprjati kontra min ikun fassal id-dikjarazzjoni u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jinżammu infurmati bl-andament u r-riżultati ta' dik il-proċedura.

Artikolu 13

1. Biex tiġi stabbilità d-dikjarazzjoni "KE" dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu tal-kostitwent ta' l-interoperabilità, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu japplika d-disposizzjonijet stabbiliti mit-TSIs rilevanti.

2. L-istima tal-konformità jew l-idoneità għall-użu ta' kostitwent ta' l-interoperabilità għandha ssir mill-korp innotifikat li għandu l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jkun ressaq l-applikazzjoni.

3. Meta l-kostitwenti ta' l-interoperabilità jkunu soġġetti għal direttivi oħra tal-Komunità li jkopru aspetti oħra, id-dikjarazzjoni "KE" tal-konformità jew l-idoneità għall-użu għandha, f'każijiet bħal dawn, tgħid li l-kostitwenti ta' l-interoperabilità jilħqu wkoll il-ħtiġiet ta' dawk id-direttivi l-oħra.

4. Meta la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant tiegħu stabbilit fil-Komunità ma jkun laħaq l-obbligazjonijiet li joħorġu mill-paragrafi 1, 2 u 3, dawk l-obbligazzjonijet għandhom jaqgħu fuq kwalunkwe persuna li jqiegħed fis-suq kostitwenti ta' l-interoperabilità. L-istess obbligazzjonijet għandhom jgħoddu għal kull min jimmonta kostitwenti ta' l-interoperabilità jew kostitwenti ta' partijiet ta' l-interoperabilità li jkollhom diversi oriġini jew li jiffabbrika kostitwenti ta' l-interoperabilità għall-użu tiegħu, għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

5. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 12:

(a) f'kull każ meta Stat Membru jsib li dikjarazzjoni "KE" tal-konformità ma tkunx ġiet mimlija tajjeb, il-fabbrikant jew ir-rappreżentat awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu jiġi mġiegħel jirritorna l-kostitwent ta' l-interoperabilità għal stat ta' konformità u li jtemm il-ksur taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru;

(b) meta nuqqas ta' konformità jippersisti, l-Istat Membru għandu jieħu l-passi approprjati biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi it-tqegħid fis-suq tal-kostitwent ta' l-interoperabilità in kwistjoni, jew jassigura li dan jiġi rtirat mis-suq skond il-proċeduri previsti fl-Artikolu 12.

KAPITOLU IV

Subsistemi

Artikolu 14

1. Kull Stat Membru għandu jawtorizza d-dħul fis-servizz ta' dawk is-subsistemi strutturali li jikkostitwixxu s-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea li jinsabu, jew li joperaw, fit-territorju tiegħu.

Għal dan il-għan, Stati Membri għandhom jieħdu l-passi approprjati biex jassiguraw li dawn is-subsistemi jkunu jistgħu jidħlu fis-servizz biss jekk jiġu ddisinjati, mibnija jew stallati b'tali mod li jilħqu l-ħtiġiet li jikkonċernawhom meta jiġu integrati fis-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea. B'mod partikolari, huma għandhom jiċċekkjaw il-kompatibilità ta' dawn is-subsistemi mas-sistema li fiha jkunu qed jiġu integrati.

2. Kull Stat Membru għandu jiċċekkja meta dawn jiddaħħlu fis-servizz u f'intervalli regolari wara dan, li dawk is-subsistemi jiġu operati u miżmuma skond il-ħtiġiet essenzjali li jkollhom.

3. Fil-każ ta' tiġdid jew immodernizzar, l-amministratur ta' l-infrastruttura ferrovjarja jew ta' l-intrapriża għandu jibgħat lill-Istat Membru kkonċernat fajl li jiddeskrivi l-proġett. L-Istat Membru għandu jeżamina dan il-fajl u, waqt li jqis l-istrateġija ta' l-implimentazzjoni indikata fit-TSI applikabbli, għandu jiddeċiedi jekk id-daqs tax-xogħol jindikax li awtorizzazzjoni ġdida għad-dħul fis-servizz fis-sens ta' din id-Direttiva jkunx hemm bżonnha. Din l-awtorizzazzjoni għad-dħul fis-servizz tkun meħtieġa kull darba li l-livell tas-sigurtà jista' jiġi effettwat bix-xogħlijiet maħsuba.

Artikolu 15

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 19, l-Istati Membri ma jistgħux, fit-territorju tagħhom u għal raġunijet li jirrigwardaw din id-Direttiva, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-kostruzzjoni, id-dħul fis-servizz u l-operat tas-subsistemi strutturali li jikkostitwixxu s-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea li tilħaq il-ħtiġiet essenzjali. B'mod partikolari, huma jistgħu ma jkunux jiħtieġu verifiki li jkunu diġà twettqu bħala parti mill-proċedura li twassal għad-dikjarazzjoni tal-verifika "KE", li l-komponenti tagħha jkunu stabbiliti fl-Anness V.

Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom iqisu bħala li jkunu interoperabbli u li jilħqu l-ħtiġiet essenzjali tagħhom, dawk is-subsistemi strutturali li jikkostitwixxu s-sistema ferrovjarja trans-Ewropea konvenzjonali li jkunu koperti bid-dikjarazzjoni tal-verifika "KE".

2. Il-verifika ta' l-interoperabilità, skond il-ħtiġiet essenzjali, ta' subsistema strutturali li tikkostitwixxi s-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea għandha tiġi stabbilita b'referenza għat-TSIs fejn dawn ikunu jeżistu.

3. Fir-rigward tal-perjodu tal-pubblikazzjoni tat-TSIs, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, għal kull subsistema, lista tar-regoli tekniċi li jintużaw għall-implimentazzjoni tal-ħtiġiet essenzjali. Din għandha tiġi notifikata mhux aktar tard mill-20 ta' Marzu 2002.

Artikolu 17

Meta jkun jidher li t-TSIs ma jilħqux għal kollox il-ħtiġiet essenzjali il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 jista' jiġi kkonsultat fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Artikolu 18

1. Biex tistabbilixxi d-dikjarazzjoni tal-verifika "KE", l-entità li tixtri jew ir-rappreżentant uffiċjali tagħha għandha tistieden lill-korp notifikat li hi tkun għażlet għal dak l-iskop biex japplika l-proċedura tal-verifika "KE" msemmija fl-Anness VI.

2. Ix-xogħol tal-korp notifikat responsabbli għall-verifika "KE" tas-subsistema għandu jibda fl-istadju tad-disinn u jkopri l-perjodu tal-fabbrikazzjoni kollu sa l-istadju ta' l-aċċetazzjoni qabel is-subsistema tiddaħħal fis-servizz. Dan għandu jkopri wkoll il-verifika tal-konġunzjonijiet tas-subsistema in kwistjoni mas-sistema li fiha tkun inkorporata, ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli fit-TSI rilevanti u fir-reġistri previsti fl-Artikolu 24.

3. Il-korp notifikat għandu jkun responsabbli għall-ġbir tal-fajl tekniku li għandu jmur mad-dikjarazzjoni tal-verifika "KE". Dan il-fajl tekniku għandu jkollu fih id-dokumenti kollha meħtieġa li għandhom x'jaqsmu mal-karatteristiċi tas-subsistema u, fejn ikun approprjat, id-dokumenti kollha li jiċċertifikaw il-konformità tal-kostitwenti ta' l-interoperabilità. Dan għandu jkollu fih ukoll l-elementi kollha li għandhom x'jaqsmu mal-kondizzjonijet u l-limiti ta' l-użu u ma' l-istruzzjonijiet rigward is-servizz, il-monitoraġġ kostanti jew ta' rutina, l-aġġustament u l-manutenzjoni.

Artikolu 19

1. Meta Stat Membru jsib li subsistema stutturali koperta b'dikjarazzjoni tal-verifika "KE" akkompanjata bil-fajl tekniku ma tkunx tikkonforma kompletament ma' din id-Direttiva u b'mod partikolari ma tilħaqx il-ħtiġiet essenzjali, dan jista' jitlob biex isiru verifiki addizzjonali.

2. L-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jinforma mill-ewwel lill-Kummissjoni bi kwalunkwe verifiki addizzjonali mitluba u jistabbilixxi r-raġunijiet biex jissostanzja il-għala. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 21(2).

KAPITOLU V

Korpi notifikati

Artikolu 20

1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-korpi responsabbli għat-twettiq tal-proċedura ta' stima tal-konformità jew l-idoneità għall-użu imsemmi fl-Artikolu 13 u l-proċedura tal-verifika msemmija fl-Artikolu 18, waqt li jindikaw il-qasam tar-responsabbiltà ta' kull korp responsabbli, u n-numri ta' l-identifikazzjoni miksuba bil-quddiem mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej il-lista tal-korpi, in-numri ta' l-identifikazzjoni u l-oqsma tar-responsabbiltà, u din għandha żżomm il-lista aġġornata.

2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji previsti fl-Anness VII għall-istima tal-korpi li għandhom jiġu notifikati. Il-korpi li jilħqu l-kriterji ta' l-istima prevista fl-istandards Ewropej rilevanti għandhom jitqiesu li jilħqu l-kriterji msemmija.

3. Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni minn korp li ma jkunx għadu jilħaq il-kriterji msemmija fl-Anness VII. Dan għandu minnufih jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

4. Jekk Stat Membru jew il-Kummissjoni jidhrilha li korp notifikat minn Stat Membru ieħor ma jkunx jilħaq il-kriterji rilevanti, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Kumitat previst fl-Artikolu 21, li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tliet xhur. Fid-dawl ta' l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru in kwistjoni bi kwalunkwe tibdil meħtieġ biex il-korp notifikat ikun jista' jżomm l-istatus mogħti lilu.

5. Meta jkun approprjat, il-koordinazzjoni tal-korpi notifikati għandha tiġi implimentata skond l-Artikoli 21 u 22.

KAPITOLU VI

Kumitat u l-programm ta' ħidma

Artikolu 21

1. Il-Kummisjsoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21 tad-Direttiva 96/48/KE (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu, waqt li jitqiesu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 22

La darba din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, il-Kumitat jista' jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni li għandha x'taqsam ma' l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-interoperabilità bejn is-sistema ferrovjarja trans-Ewropea u s-sistema ferrovjarja ta' pajjiżi terzi.

Artikolu 23

1. L-ordni tal-prijorità għall-adozzjoni tat-TSIs għandha tkun kif ġej, mingħajr preġudizzju għall-ordni ta' l-adozzjoni tal-mandati previsti fl-Artikolu 6(1):

(a) l-ewwel grupp ta' TSIs għandu jkopri l-kontroll/l-iggwidar u sinjaletika; l-applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-merkanzija; l-operat u l-immaniġġar tat-traffiku (inklużi l-kwalifiċi tal-persunal għas-servizzi trans-konfinanti li jirrispettaw il-kriterji definiti fl-Annessi II u III); il-vaguni tal-merkanzija; il-problemi tal-ħsejjes li jirriżultaw mir-rolling stock u l-infrastruttura.

Fir-rigward tar-rolling stock, dak maħsub għall-użu internazzjonali għandu jiġi żviluppat l-ewwel;

(b) l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu wkoll diskussi fid-dawl tar-riżorsi tal-Kummissjoni u l-korp rappreżentattiv konġunt: l-applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-passiġġieri, il-manutenzjoni, b'attenzjoni partikolari għas-sigurtà, il-vaguni tal-passiġġieri, l-inġenji tal-ġbid u l-lokomotivi, l-infrastruttura it-tniġġis ta' l-enerġija u ta' l-arja.

Fir-rigward tar-rolling stock, dak maħsub għall-użu internazzjonali għandu jiġi żviluppat l-ewwel;

(ċ) fuq talba tal-Kumissjoni, Stat Membru jew korp rappreżentattiv konġunt, il-Kumitat jista' jiddeċiedi, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2), biex ifassal it-TSI għal suġġett addizzjonali mingħajr ma jippreġudika l-ordni tal-prijoritajiet stabbilita hawn fuq safejn jikkonċerna s-subsistema msemmija fl-Anness II.

2. Il-Kumitat, wara l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2), għandu jfassal programm ta' ħidma waqt li josserva l-ordni tal-prijorità msemmija fil-paragrafu 1 u dik tax-xogħlijiet l-oħra afdati lilu b'din id-Direttiva.

It-TSIs imsemmija fl-ewwel programm ta' ħidma msemmi fil-paragrafu 1(a) għandu jitfassal mhux aktar tard mill-20 ta' April 2004.

3. Il-programm ta' ħidma għandu jkun jikkonsisti fl-istadji li ġejjin:

(a) il-ħatra tal-korp rappreżentattiv konġunt;

(b) l-iżvilupp fuq il-bażi ta' abozz stabbilit mill-korp rappreżentattiv konġunt ta' arkitettura rappreżentattiva fuq sistema ferrovjarja konvenzjonali, ibbażata fuq lista ta' subsistemi (l-Anness II), biex tiggarantixxi l-konsistenza bejn it-TSIs. Din l-arkitettura għandha tinkludi b'mod partikolari d-diversi kostitwenti ta' din is-sistema u l-konġunzjonijiet tagħhom u taġixxi bħala struttura ta' referenza għad-definizzjoni ta' l-oqsma ta' l-użu ta' kull TSI;

(ċ) l-adozzjoni ta' struttura mudell għall-iżvilupp tat-TSIs;

(d) l-adozzjoni tal-metodu ta' l-analiżi ta' l-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji tas-soluzzjonijiet stabbiliti fit-TSIs;

(e) l-adozzjoni tal-mandati meħtieġa għat-tfassil tat-TSIs;

(f) l-adozzjoni tal-parametri bażiċi għal kull TSI;

(g) l-approvazzjoni ta' l-abozz tal-programmi ta' l-istandardizzazzjoni;

(h) il-immaniġġar ta' perjodu transitorju bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva u l-pubblikazzjoni tat-TSIs, inkluża l-adozzjoni tas-sistema tar-referenza msemmija fl-Artikolu 25.

KAPITOLU VII

Reġistri ta' l-infrastruttura u r-rolling stock

Artikolu 24

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri ta' l-infrastruttura u r-rolling stock jiġu ppublikati u aġġornati ta' kull sena. Dawn ir-reġistri għandhom jindikaw il-fatturi prinċipali ta' kull subsistema jew kull subsistema parzjali involuta (e.g. il-parametri bażiċi) u l-korrelazzjoni tagħhom mal-fatturi stabbiliti mit-TSIs applikabbli. Għal dak il-għan, kull TSI għandha tindika b'mod preċiż li informazzjoni għandha tkun inkluża fir-reġistri ta' l-infrastuttura u r-rolling stock.

2. Kopja ta' dawk ir-reġistri għandha tintbagħat lill-Istati Membri konċernati u lill-korp rappreżentattiv konġunt u għandha ssir disponibbli għall-pubbliku.

KAPITOLU VIII

Disposizzjonijiet transitorji

Artikolu 25

1. Il-korp rappreżentattiv konġunt għandu jiżviluppa fuq il-bażi ta' l-informazzjoni notifikata mill-Istati Membri taħt l-Artikoli 10(5) u 16(3), dokumenti tekniċi mill-professjoni u testijiet rilevanti tal-ftehim internazzjonali, abozz ta' sistema ta' referenza ta' regoli tekniċi li jiżguraw il-grad preżenti ta' interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea. Il-kumitat għandu jeżamina dan l-abbozz u jiddeċiedi jekk dan jistax jikostitwixxi sistema ta' referenza sakemm jiġu adottati t-TSIs.

2. Wara l-adozzjoni tas-sistema ta' referenza hawn fuq msemmija, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kumitat bl-intenzjoni tagħhom biex jadottaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali jew dwar l-iżvilupp ta' kwalunkwe proġett fit-territorju tagħhom li jvarja mis-sistema tar-referenza.

KAPITOLU IX

Disposizzjonijiet finali

Artikolu 26

Kwalunkwe deċiżjoni meħuda skond din id-Direttiva rigward l-istima tal-konformità jew l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti ta' l-interoperabilità, il-verifika tas-subsistemi li jikkostitwixxu s-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea u kwalunkwe dispożizzjoni meħuda skond l-Artikoli 11, 12, 17 u 19 għandha tistabbilixxi fid-dettall ir-raġunijet li fuqhom tkun ibbażata. Din għandha tiġi notifikata malajr kemm ista' jkun lill-parti konċernata, flimkien ma' indikazzjoni tar-rimedji disponibbli taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat fil-limiti taż-żmien permess għall-eżerċizzju ta' dawn ir-rimedji.

Artikolu 27

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li hemm bżonn biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-20 ta' April 2003, bl-eċċezzjoni tad-disposizzjonijiet speċifiċi għal kull TSI li għandhom jiġu implimentati skond l-arranġamenti speċifiċi għal kull TSI. Dawn għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kumissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mil-Istati Membri

Artikolu 28

Kull sentejn, u għall-ewwel darba fl-20 ta' April 2005 il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar biex tinkiseb l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea ferrovjarja konvenzjonali. Dak ir-rapport għandu jinkludi analiżi tal-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 7.

Il-korp rappreżentattiv konġunt għandu jiżviluppa u regolarment jaġġorna għodda kapaċi li tipprovdi, fuq talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni, skeda tal-livell ta' l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea. Din l-għodda għandha tuża l-informazzjoni disponibbli fir-reġistri previsti fl-Artikolu 24.

Artikolu 29

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 30

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Marzu 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Lindh

[1] ĠU C 89 E, tat-28.3.2000, p. 1.

[2] ĠU C 204, tat-18.7.2000, p. 13.

[3] ĠU C 317, tas-6.11.2000, p. 22.

[4] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2000 (ĠU C 59, tat-23.2.2001, p. 106 Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta'l-10 ta' Novembru 2000 (ĠU C 23, ta' l-24.1.2001, p. 15) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2001.

[5] ĠU L 235, tas-17.9.1996, p. 6.

[6] ĠU L 237, ta' l-24.8.1991, p. 25.

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta'l-14 ta' Ġunju 1993li tikkoordina l-proċeduri tax-xiri tal-korpi li joperaw fis-setturi ta'l-ilma, l-eneġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, tad-9.8.1993, p. 84). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/4/KE (ĠU L 101, ta' l-1.4.1998, p. 1).

[8] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta'Lulju 1993 rigward il-moduli għad-diversi fażijiet tal-proċeduri ta'l-istima tal-konformità u r-regoli għat-twaħħil u l-użu tal-marki KE dwar il-konformità, li huma maħsuba biex jintużaw fid-direttivi ta'l-armonizzazzjoni teknika (ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 23).

[9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[10] Id-Deċiżjoni tal-Kummissoni 98/500/KE ta'l-20 ta' Mejju 1998 li tistabbilixxi Kumitati għad-Djalogu Settorjali li jippromovu Djalogu bejn is-sħab soċjali fil-livell Ewropew (ĠU L 255, tat-12.8.1998, p. 27).

[11] Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill tat-22 Ġunju 1998 li tistabbilixxi l-proċedura għal-provediment ta'l-informazzjoni fil-qasam ta'l-istandards tekniċi u ta' regolamenti u ta' regoli fuq is-servizzi tas-Soċjeta' ta'l-Informatika (ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 37). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, tal-5.8.1998, p. 18).

--------------------------------------------------

ANNESS I

SISTEMA FERROVJARJA KONVENZJONALI TRANS-EWROPEA

1. INFRASTRUTTURA

L-infrastruttura tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea għandha tkun dik fuq il-linji tan-network tat-trasport trans-Ewropew identifikata fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 fuq il-linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew [1] jew elenkata fi kwalunkwe aġġornament ta' l-istess Deċiżjoni bħala riżultat tan-reviżjoni prevista fl-Artikolu 21 ta' dik id-Deċiżjoni.

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, dan in-network jista' jiġi suddiviż fil-kategoriji li ġejjin:

- linji maħsuba għas-servizzi tal-passiġġieri;

- linji maħsuba għat-traffiku mħallat (passiġġieri u merkanzija);

- linji ddisinjati apposta jew immodernizzati għas-servizzi tal-merkanzija;

- hubs tal-passiġġieri;

- hubs tal-merkanzija, inklużi termini intermodali;

- linji li jikkonnettjaw il-komponenti fuq msemmija.

Din l-infrastruttura tinkludi wkoll l-immaniġġar tat-traffiku, l-ittrakkjar, u s-sistemi tan-navigazzjoni: l-istallazzjonijet tekniċi għall-iproċessar tad-data u telekomunikazzjoni intiżi għal servizzi tal-passiġġieri u servizzi tal-merkanzija għal distanzi twal fuq in-network biex jiggarantixxu s-sigurtà u l-operat armonjuż tan-network u l-immaniġġar effiċjenti tat-traffiku.

2. IR-ROLLING STOCK

Ir-rolling stock għandu jikkonsisti fl-istock kollu li x'aktarx jivvjaġġa fuq in-network tal-ferrovija konvenzjonali trans-Ewropea kollha jew fuq parti minnha, inklużi:

- il-ferroviji bi propulsjoni proprja termali jew elettrika;

- l-inġenji tal-ġbid termali jew elettriċi;

- il-vaguni tal-passiġġieri;

- il-vaguni tal-merkanzija, inklużi r-rolling stock iddisinjati biex iġorru t-trakkijiet.

Kull waħda mill-kategoriji ta' hawn għandhom jiġu suddiviżi fi:

- rolling stock għall-użu internazzjonali;

- rolling stock għall-użu nazzjonali;

waqt li jitqies kif xieraq l-użu ta' l-istock lokali, reġjonali jew dak għal distanzi twal.

3. KOMPATIBILITÀ TAS-SISTEMA FERROVJARJA KONVENZJONALI TRANS-EWROPEA

Il-kwalità tas-servizzi ferrovjarji fl-Ewropa tiddependi, inter alia, fuq il-kompatibilità eċċellenti bejn il-karatteristiċi ta' l-infrastruttura (fl-aktar sens wiesa', i.e. il-partijiet fissi tas-subsistemi kollha konċernati) u dawk tar-rolling stock (inklużi l-komponenti ta' abbord tas-subsistemi kollha konċernati). Il-livelli ta' l-operat, is-sigurtà, il-kwalità tas-servizz u l-ispiża li jiddependu fuq dik il-kompatibilità.

[1] ĠU L 228, tad-9.9.1996, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS II

SUBSISTEMI

1. LISTA TA' SUBSISTEMI

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, is-sistema li tikkostitwixxi s-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea tista’ tinqasam fiż-żewġ subsistemi li ġejjin, jew:

(a) iż-żoni strutturali:

- l-infrastruttura;

- l-enerġija;

- il-kontroll u l-iggwidar u sinjalazzjoni;

- l-operat u l-immaniġġar tat-traffiku;

- ir-rolling stocks; jew

(b) iż-żoni operattivi:

- il-manutenzjoni;

- l-applikazzjonijet telematiċi għas-servizzi tal-passiġġieri u l-merkanzija.

2. DESKRIZZJONI TAS-SUBSISTEMI

Għal kull subsistema jew parti minn subsistema, il-lista ta' kostitwenti u l-aspetti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interoperabilità tiġi proposta mill-korp rappreżentattiv konġunt meta jsir l-abbozz tat-TSI rilevanti.

Mingħajr ma tippreġudika l-għażla ta' l-aspetti u l-kostitwenti li għandhom x'jaqsmu ma’ l-interoperabilità jew l-ordni li biha huma jkunu sa jiġu soġġetti għat-TSIs, is-subsistemi inklużi, b'mod partikolari:

2.1. L-infrastruttura:

Il-binarji, il-punti, l-istrutturi ta' l-inġinerija (il-pontijiet, il-mini, eċċ) l-infrastruttura assoċjata ma’ l-istazzjon (il-pjattaformi, iż-żoni ta' l-aċċess, inlużi l-bżonnijet ta' persuni b'mobilità ridotta, eċċ), is-sigurtà u t-tagħmir protettiv.

2.2. L-enerġija:

Is-sistema ta' l-elettrifikazzjoni, il-linji fl-ajru u l-kolletturi tal-kurrenti.

2.3. Il-kontroll u l-iggwidar u sinjalazzjoni:

It-tagħmir kollu meħtieġ biex jassigura s-sigurtà u biex jikkmanda u l-movimenti ferrovjarji awtorizzati biex jivvjaġġaw fuq ir-network.

2.4. Tħaddim u mmaniġġjar tat-traffiku:

Il-proċeduri u t-tagħmir relatat li jgħin it-tħaddim koerenti tad-diversi strutturi tas-subsistemi, kemm matul it-tħaddim normali jew imnaqqas, inklużi b'mod partikolari is-sewqan tal-ferrovija, l-ippjanar u l-immaniġġjar tat-traffiku.

Il-kwalifiċi professjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex isiru servizzi transkonfinanti.

2.5. L-applikazzjonijiet telematiċi:

Skond l-Anness I, din is-subsistema tikkonsisti f'żewġ elementi:

(a) l-applikazzjonijiet tas-servizzi għall-passiġġieri, inklużi s-sistemi li jipprovdu l-informazzjoni lill-passiġġieri qabel u matul il-vjaġġ, is-sistemi tal-prenotazzjoni u l-ħlas, l-immaniġġar tal-bagalji u l-immaniġġar tal-konnessjonijiet bejn il-ferroviji u l-modi l-oħra tat-trasport;

(b) l-applikazzjonijiet għas-servizzi tal-merkanzija, inklużi s-sistemi ta' l-informazzjoni (monitoraġġ tal-merkanzija u l-ferroviji fil-ħin reali) is-sistemi tat-tlaqqigħ u l-allokazzjoni, il-prenotazzjoni, is-sistemi tal-ħlas u l-fatturi, l-immaniġġar tal-konnessjonijiet ma’ modi oħra ta' trasport u l-produzzjoni ta' dokumenti elettroniċi li jakkompanjaw il-merkanzija.

2.6. Ir-rolling stock:

Is-sistema ta' l-istruttura, l-iggwidar u l-kontroll għat-tagħmir ferrovjarju kollu, l-inġenji tal-ġbid u l-konverżjoni ta' l-enerġija, l-apparat ta' l-aġġanċjament u s-sewqan (il-bogies, il-fusien, eċċ) u s-suspension, il-bibien, il-man/machine interfaces (is-sewwieq, il-persunal t'abbord u l-passiġġieri, inklużi l-bżonnijiet ta' persuni b'mobilità mnaqqsa), l-apparati tas-sigurtà passivi jew attivi u l-ħtiġiet għas-saħħa tal-passiġġieri u tal-persunal t'abbord.,.

2.7. Il-manutenzjoni:

Il-proċeduri, it-tagħmir assoċjat, iċ-ċentri tal-loġistika għal xogħol ta' manutenzjoni u riservi li jippermettu l-manutenzjoni mandatorja kollettiva u preventiva biex tiġi assigurata l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja u tiġi garantita l-kwalità meħtieġa.

--------------------------------------------------

ANNESS III

ĦTIĠIJIET ESSENZJALI

1. ĦTIĠIJIET ĠENERALI

1.1. Sigurtà

1.1.1. Id-disinn, il-kostruzzjoni jew l-immuntar, il-manutenzjoni u l-monitoraġġ tal-komponenti ta' sigurtà kritika u, b'mod aktar partikolari, tal-komponenti involuti fil-movimenti ferrovjarji għandhom ikunu tali li jiggarantixxu s-sigurtà fil-livell li jikkorrispondi ma' l-għanijiet stabbiliti għan-network, inklużi dawk għal sitwazzjonijet speċifiċi degradati.

1.1.2. Il-parametri involuti fil-kuntatt rota/binarju għandhom jilħqu l-ħtiġiet dwar l-istabbiltà meħtieġa biex jiggarantixxu s-sigurtà taċ-ċaqlieq fil-veloċità massima awtorizzata.

1.1.3. Il-komponenti wżati għandhom ikunu jifilħu għal xi strapazzi normali jew eċċezzjonali li jkunu ġew speċifikati matul il-perjodu tagħhom fis-servizz. Ir-riperkussjonijiet tas-sigurtà ta' kwalunkwe mankanza aċċidentali għandhom jiġu limitati b'mezzi approprjati.

1.1.4. Id-disinn ta' stallazzjonijet u rolling stock fiss u l-għażla tal-materjal użat għandhom ikunu mmirati biex jillimitaw il-ġenerazzjoni, il-propagazzjoni u l-effetti tan-nar u tad-duħħan f'każ ta' ħruq.

1.1.5. Kwalunkwe apparat maħsub biex jiġi mħaddem mill-utenti għandu jiġi ddisinjat biex ma jfixkilx l-użu bla periklu ta' l-apparati jew is-saħħa u s-sigurtà ta' l-utenti jekk jintuża prevedibbilment f'manjiera skond l-istruzzjonijiet stabbiliti.

1.2 Affidabilità u disponibilità

Il-monitoraġġ u l-manutenzjoni tal-komponenti fissi jew mobbli li jkunu involuti fiċ-ċaqliq tal-ferroviji għandhom jiġu organizzati, magħmula u kwantifikati b'tali mod li jkomplu jaħdmu taħt il-kondizzjonijiet maħsuba.

1.3. Saħħa

1.3.1. Il-materjali li x'aktarx, minħabba l-mod ta' kif jintużaw, jikkostitwixxu perikolu għas-saħħa lil dawk li jkollhom aċċess għalihom m'għandhomx jintużaw fil-ferroviji u fl-infrastruttura ferrovjarja.

1.3.2. Dawn il-materjali għandhom jintgħażlu, jitqiegħdu u jintużaw b'tali mod biex li jrażżnu l-ħruġ ta' dħaħen jew ta' gassijiet li jagħmlu ħsara u perikolużi, partikolarment f'każ ta' ħruq.

1.4. Il-protezzjoni ta' l-ambjent

1.4.1. L-impatt ambjentali tat-twaqqif u t-tħaddim tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea għandu jiġi stmat u kkunsidrat fl-istadju ta' l-iddisinjar tas-sistema skond id-disposizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ.

1.4.2. Il-materjali li jintużaw fil-ferroviji u fl-infrastruttura għandhom jipprevjenu l-ħruġ ta' dħaħen jew gassijiet li jistgħu jkunu noċivi u perikolużi għall-ambjent, partikolarment f'każ ta' ħruq.

1.4.3. Ir-rolling stock u s-sistemi għall-provvista ta' l-enerġija għandhom ikunu ddisinjati u fabbrikati b'tali mod li jkunu elettromanjetikament kompatibbli ma' l-istallazzjonijiet, mat-tagħmir u man-network pubbliku jew privat li miegħu jistgħu jinterferixxu.

1.4.4. It-tħaddim tas-sistema ferrovjarja konvenzjoanli trans-Ewropea għandu jirrispetta r-regolamenti eżistenti fuq l-inkwinament bil-ħoss.

1.4.5. It-tħaddim tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea m'għandux iwassal għal livell inammissibbli ta' vibrazzjonijiet ta' l-art fl-attivitajiet u z-zoni viċin l-infrastruttura u fi stat normali ta' manutenzjoni.

1.5. Kompatibilità teknika

Il-karatteristiċi ta' l-infrastruttura u l-istallazzjonijiet fissi għandhom ikunu kompatibbli ma' xulxin u ma dawk tal-ferroviji li għandhom jintużaw fis-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

Jekk il-konformità ma' dawn il-karatteristiċi tkun diffiċli f'ċerti taqsimiet tan-network, soluzzjonijet temporanji, li jiżguraw kompatibilità fil-futur, għandhom jiġu implimentati.

2. ĦTIĠIET SPEĊIFIĊI GĦAL KULL SUBSISTEMA

2.1. Infrastruttura

2.1.1. Sigurtà

Passi approprjati li għandhom jittieħdu biex jipprevjenu l-aċċess jew id-dħul mhux mhux mixtieq fl-istallazzjonijiet.

Passi għandhom jittieħdu biex jiġi limitat il-perikolu li għalih il-persuni jiġu esposti, partikolarment meta l-ferroviji jgħaddu mill-istazzjonijet.

L-infrastruttura li għaliha l-pubbliku jkollu aċċess għandha tkun iddisinjata u magħmula b'tali mod li tillimita kwalunkwe perikolu għas-sigurtà umana (l-istabbiltà, il-ħruq, l-aċċess, l-evakwazzjoni, il-pjattaformi, eċċ.).

Disposizzjonijiet approprjati għandhom jiġu stabbiliti biex iqisu l-kondizzjonijiet partikolari tas-sigurtà fil-mini twal ħafna.

2.2. Enerġija

2.2.1. Sigurtà

It-tħaddim tas-sistemi li jfornu l-enerġija m'għandux jimpedixxi s-sigurtà kemm tal-ferroviji kif ukoll tal-persuni (l-utenti, il-persunal operattiv, ir-residenti ta' ħdejn il-binarji u l-partijiet terzi).

2.2.2. Protezzjoni ambjentali

Il-funzjonament tas-sistemi li jfornu l-enerġija elettrika jew termali m'għandhomx ibagħbsu fl-ambjent lilhinn mil-limiti speċifikati.

2.2.3. Kompatibilità teknika

Is-sistema tal-forniment ta' l-enerġija elettrika/termali wżata għandha:

- tagħmilha possibbli li l-ferroviji jilħqu l-livelli speċifikati dwar l-operat;

- fil-każ ta' sistemi għall-forniment ta' l-enerġija elettrika, dawn għandhom ikunu kompatibbli ma' l-apparati tal-kollezzjoni li jkunu mmuntati fuq il-ferroviji.

2.3. Il-kontroll u l-iggwidar u s-senjalazzjoni

2.3.1. Sigurtà

L-istallazzjonijet tal-kontroll u l-iggwidar tas-senjaletika u l-proċeduri wżati għandhom jagħmluha possibbli li l-ferroviji jivvjaġġaw b'livell ta' sigurtà li tikkorrispondi ma' l-oġġettivi stabbiliti għan-network. Is-sistemi tal-kontroll u l-iggwidar u s-senjalazzjoni għandhom ikomplu jipprovdu għal transitu bla periklu ta' ferroviji permessi biex jaħdmu taħt kondizzjonijet menomati.

2.3.2. Kompatibilità teknika

L-infrastruttura l-ġdida kollha u r-rolling stock ġdid fabbrikat jew żviluppat wara l-adozzjoni tas-sistemi kompatibbli tal-kontroll u l-iggwidar u s-s-senjaletika għandhom jiġu adattati apposta għall-użu f'dawk is-sistemi.

It-tagħmir tal-kontroll u l-iggwidar u s-senjaletika stallat fil-gabina tax-xufiera tal-ferroviji għandhom jippermettu operat normali, taħt kondizzjonijiet speċifiċi, matul is-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

2.4. Rolling stock

2.4.1. Sigurtà

L-istruttura tar-rolling stock u ta' l-agganċjamenti bejn il-vetturi għandha tkun iddisinjata b'tali mod li tipproteġi l-passiġġieri u l-kompartimenti tas-sewqan fil-każ ta' kolliżjoni jew dirottament.

It-tagħmir elettriku m'għandux idgħajjef is-sigurtà u l-funzjonament ta' l-istallazzjonijet tal-kontroll u l-iggwidar u s-sinjalazzjoni.

It-tekniċi tal-brejkijiet u l-istrapazzi eżerċitati għandhom ikunu kompatibbli mad-disinn tal-binarji, l-istrutturi ta' l-inġinerija u s-sistemi tas-senjaletika.

Passi għandhom jittieħdu biex jiġi evitat aċċess għal kostitwenti mnejn ikun għaddej il-kurrent elettriku biex ma tiġix ipperikolata s-sigurtà tal-persuni.

Fil-każ ta' perikolu, apparati għandhom jagħmluha possibbli li l-passiġġieri jinfurmaw lix-xufier u lil persunal li jkollu miegħu ħalli jikkuntattjawh.

Il-bibien ta' l-aċċess għandhom jinkorporaw sistema ta' ftuħ u għeluq li tiggarantixxi s-sigurtà tal-passiġġieri.

Il-ħruġ ta' emerġenza għandu jiġi pprovdut u indikat.

Disposizzjonijiet approprjati għandhom jiġu stabbiliti biex iqisu l-kondizzjonijet partikolari tas-sigurtà f'mini twal ħafna.

Sistema ta' dawl ta' emerġenza ta' intensità u durata suffiċjenti hija obbligatorja abbord il-ferroviji.

Il-ferroviji għandhom ikunu mgħammra b'sistema ta' komunikazzjoni pubblika li tipprovdi mezz ta' komunikazzjoni għan-nies mill-persunal t'abbord u mill-kontroll ta' l-art.

2.4.2. Affidabilità u disponibilità

Id-disinn tat-tagħmir vitali, tat-tagħmir tas-sewqan, tal-ġbid u ta' l-ibbrejkjar u tas-sistema tal-kontroll u l-iggwidar għandhom ikunu tali li jagħmluha possibbli li l-ferrovija tkompli miexja, f'sitwazzjoni menomata speċifika mingħajr konsegwenzi ħżiena fuq it-tagħmir li jkun baqa' jaħdem.

2.4.3. Kompatibilità teknika

It-tagħmir ta' l-elettriku għandu jkun kompatibbli ma' l-operat ta' l-istallazzjonijet tal-kontroll u l-iggwidar u tas-senjaletika.

Fil-każ ta' ġbid bl-elettriku, il-karatteristiċi ta' l-apparati li jiġbru l-kurrent għandhom ikunu tali li jagħmluha possibbli biex il-ferroviji jivvjaġġaw bis-sistemi tal-forniment ta' l-enerġija għas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

Il-karatteristiċi tar-rolling stock għandhom ikunu tali li jippermettulhom jivvjaġġaw fuq kwalunkwe linja li fuqha jkunu mistennija li joperaw.

2.5. Manutenzjoni

2.5.1. Saħħa u Sigurtà

L-istallazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri wżati fiċ-ċentri għandhom jassiguraw li s-sigurtà ta' l-operat tas-subsistema ma tkunx tikkostitwixxi perikolu għas-saħħa u għas-sigurtà.

2.5.2. Protezzjoni ambjentali

L-istallazzjonijet tekniċi u l-proċeduri wżati fiċ-ċentri tal-manutenzjoni m'għandhomx jeċċedu l-livelli permissibbli ta' inkonvenjent fir-rigward ta' l-ambjent tal-madwar.

2.5.3. Kompatibilità teknika

L-istallazzjonijet tal-manutenzjoni għar-rolling stock konvenzjonali għandhom ikunu tali li jagħmluha possibbli li jsiru operazzjonijet għas-sigurtà, għas-saħħa u għall-kumdità fuq l-istock kollu li għalih ikunu ġew iddisinjati.

2.6. Maniġġar u operat tat-traffiku

2.6.1. Sigurtà

L-allinjmanet tar-regoli tat-tħaddim tan-network u l-kwalifiċi tax-xufiera u tal-persunal t'abbord u tal-persunal fiċ-ċentri tal-kontroll għandu jkun tali li jassigura s-sigurtà ta' l-operat, waqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh id-diversi ħtiġiet tas-servizzi transkonfinanti u dawk domestiċi.

L-operazzjonijiet u l-intervalli tal-manutenzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiċi tal-persunal tal-manutenzjoni u taċ-ċentri tal-kontroll u s-sistema ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità stabbilita mill-operaturi konċernati fiċ-ċentri tal-manutenzjoni u l-kontroll għandhom ikunu tali li jassiguraw livell għoli ta' sigurtà.

2.6.2. Affidabilità u disponibilità

L-operazzjonijiet u l-perjodi tal-manutenzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiċi tal-persunal taċ-ċentri tal-manutenzjoni u tal-kontroll u s-sistema ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità stabbilita mill-operaturi konċernati fiċ-ċentri tal-manutenzjoni u tal-kontroll għandhom ikunu tali li jassiguraw livell għoli fl-affidabilità u d-disponibilità tas-sistema.

2.6.3. Kompatibilità teknika

L-allinjament tar-regoli tat-tħaddim tan-network u l-kwalifiċi tax-xufiera, tal-persunal t'abbord u tal-kontrolluri tat-traffiku għandu jkun tali li jassigura l-effiċjenza ta' l-operat tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, waqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh id-diversi ħtiġiet tas-servizzi transkonfinanti u domestiċi.

2.7. Applikazzjonijet telematiċi għall-merkanzija u l-passiġġieri

2.7.1. Kompatibilità teknika

Il-ħtiġiet essenzjali għall-applikazzjonijet telematiċi jiggarantixxu l-kwalità minima tas-servizz għall-passiġġieri u t-trasportaturi tal-merkanzija, partikolarment f'termini ta' kompatibilità teknika.

Passi għandhom jittieħdu biex jiżguraw:

- li d-databases, is-software u l-protokolli tal-komunikazzjoni tad-data jiġu żviluppati b'mod li jippermettu l-massimu ta' l-iskambji tad-data bejn id-diversi applikazzjonijet u operaturi, eskluża d-data kummerċjali konfidenzjali;

- aċċess faċli ta' l-informazzjoni għall-utenti.

2.7.2. Affidabilità u disponibilità

Il-metodi dwar kif jintużaw, jiġu maniġġati, aġġornati u miżmuma dawn id-databases, is-software u l-protokolli tal-komunikazzjoni tad-data għandhom jiggarantixxu l-effiċjenza ta' dawn is-subsistemi u l-kwalità tas-servizz.

2.7.3. Saħħa

Il-konġunzjonijiet bejn is-sistemi u l-utenti għandhom jikkonformaw mar-regoli minimi ta' l-ergonomija u l-protezzjoni tas-saħħa.

2.7.4. Sigurtà

Livelli approprjati ta' integrità u affidabilità għandhom jiġu provduti għall-ħażna jew it-transmissjoni ta' informazzjoni relatata mas-sigurtà.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

KONFORMITÀ U IDONEITÀ GĦALL-UŻU TAL-KOSTITWENTI TA' L-INTEROPERABILITÀ

1. KOSTITWENTI TA' L-INTEROPERABILITÀ

Id-dikjarazzjoni "KE" tgħodd għall-kostitwenti ta' l-interoperabilità involuti fl-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, kif imsemmija fl-Artikolu 3. Dawn il-kostitwenti ta' l-interoperabilità jistgħu jkunu:

1.1. Kostitwenti b'ħafna użi

Dawn huma kostitwenti mhux speċifiċi għas-sistema ferrovjarja u li jistgħu jintużaw bħala tali f'oqsma oħra.

1.2. Kostitwenti b'ħafna użi li jkollhom karatteristiċi speċifiċi

Dawn huma kostitwenti li m'humiex, bħala tali, speċifiċi għas-sistema ferrovjarja, imma għandhom juru livelli speċifiċi ta' funzjonjament meta jintużaw għal skopijiet ferrovjarji.

1.3. Kostitwenti speċifiċi

Dawn huma kostitwenti li huma speċifiċi għall-applikazzjonijiet ferrovjarji.

2. AMBITU

Id-dikjarazzjoni "KE" tkopri:

- jew l-istima minn korp jew korpi notifikati dwar il-konformità intrinsika ta' kostitwent ta' l-interoperabilità, ikkonsidrata weħidha, għall-ispeċifikazjonijiet tekniċi li għandhom jintlaħqu;

- inkella l-istima/il-ġudizzju minn korp jew korpi notifikati dwar l-idoneità għall-użu ta' kostitwent ta' l-interoperabilità, ikkonsidrat fl-ambjent ferrovjarju tiegħu u, f'każijiet partikolari fejn il-konġunzjonijiet involuti, f'relazzjoni ma' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, partikolarment dawk ta' natura funzjonali, li għandhom jiġu ċċekkjati.

Il-proċeduri ta' l-istima implimentati mill-korpi nnotifikati fl-istadju tad-disinn u l-produzzjoni għandhom jiddependu fuq il-moduli definiti fid-Deċiżjoni 93/465/KEE, skond il-kondizzjonijiet imsemmija fit-TSIs.

3. KONTENUT TAD-DIKJARAZZJONI "KE"

Id-dikjarazzjoni "KE" dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu u d-dokument li jmur magħha għandhom ikunu datati u ffirmati.

Id-dikjarazzjoni għandha tinkiteb bl-istess lingwa ta' l-istruzzjonijet u għandu jkun fiha dan li ġej:

- ir-referenzi tad-Direttivi;

- l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità (agħti l-isem tan-negozju u l-indirizz sħiħ, fil-każ ta' rappreżentant awtorizzat, agħti wkoll l-isem tan-negozju tal-fabbrikant jew tal-kostruttur);

- id-deskrizzjoni tal-kostitwent ta' l-interoperabilità (l-għamla, it-tip, eċċ.);

- id-deskrizzjoni tal-proċedura segwita biex ġiet iddikjarata l-konformità jew l-idoneità għall-użu (l-Artikolu 13);

- id-diskrizzjoniet rilevanti milħuqa mill-kostitwent ta' l-interoperabilità u, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet tiegħu għall-użu;

- l-isem u l-indirizz tal-korp jew il-korpi notifikati involuti fil-proċedura segwiti fir-rigward tal-konformità jew l-idoneità għall-użu u d-data taċ-ċertifikat ta' l-eżami flimkien ma', fejn ikun approprjat, id-durata u l-kondizzjoniet tal-validità taċ-ċertifikat;

- Fejn ikun approprjat, ir-referenza għall-ispeċifiċi Ewropej;

- l-identifikazzjoni tal-firmatarju li għandu s-setgħa biex jidħol f'obbligi f'isem il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-fabbrikant stabbilit fil-Komunità.

--------------------------------------------------

ANNESS V

DIKJARAZZJONI TAL-VERIFIKA TAS-SUBSISTEMI

Id-dikjarazzjoni tal-verifika "KE" u d-dokumenti li jmorru magħha għandhom ikunu datati u ffirmati.

Id-dikjarazzjoni għandha tinkiteb bl-istess lingwa tal-fajl tekniku u għandu jkollha fiha dan li ġej:

- ir-referenzi tad-Direttivi;

- l-isem u l-indirizz ta' l-entità kontraenti jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha stabbilit fil-Komunità (agħti l-isem tan-negozju u l-indirizz sħiħ; fil-każ ta' rappreżentant awtorizzat, agħti wkoll l-isem tan-negozju ta' l-entità kontraenti);

- deskrizzjoni qasira tas-subsistema;

- l-isem u l-indirizz tal-korp notifikat li jkun għamel il-verifika "KE" msemmija fl-Artikolu 18;

- ir-referenzi tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tekniku;

- id-disposizzjonijiet kollha rilevanti temporanji jew definittivi li għandhom jitħarsu mis-subsistemi u b'mod partikolari, fejn ikun approprjat, kwalunkwe restrizzjoni jew kondizzjoni fuq l-operat;

- jekk tkun temporanja: id-durata tal-validità tad-dikjarazzjoni "KE";

- l-identità tal-firmatarju.

--------------------------------------------------

ANNESS VI

IL-PROĊEDURA TAL-VERIFIKA GĦAS-SUBSISTEMI

1. INTRODUZZJONI

Il-verifika "KE" hija l-proċedura li biha korp notifikat jiċċekkja u jiċċertifika, fuq talba ta' entità kontraenti jew tar-rappreżentant awtorizzat tagħha stabbilit fil-Komunità, li subsistema:

- tkun tikkonforma mad-Direttiva;

- tkun tikkonforma mar-regolamenti l-oħra li joħorġu mit-Trattat, u li jistgħu jiġu mħaddma.

2. STADJI

Is-subsistema tiġi ċċekkjata f'kull wieħed mill-istadji li ġejjin:

- id-disinn globali;

- il-kostruzzjoni tas-subsistema, inklużi, b'mod partikolari, l-attivitajiet ta' inġinerija ċivili, l-immuntar tal-kostitwenti, l-aġġustament globali;

- l-ittestjar finali tas-subsistema.

3. ĊERTIFIKAT

Il-korp notifikat responsabbli għall-verifika "KE" jimla ċ-ċertifikat tal-konformità maħsub għall-entità kontraenti jew għar-rappreżentant awtorizzat tagħha stabbilit fil-Komunità, li min-naħa tiegħu jimla dikjarazzjoni tal-verifika "KE" maħsuba għall-awtorità ta' sorveljanza fl-Istat Membru li fih is-subsistema tkun tinsab u/jew tkun topera.

4. FAJL TEKNIKU

Il-fajl tekniku li jmur mad-dikjarazzjoni tal-verifika għandu jsir kif ġej:

- għall-infrastruttura: il-pjanti ta' l-inġinerija strutturali, ir-rekords ta' l-approvazzjoni għall-iskavi u r-rinforzi, ir-rapporti ta' l-ittestjar u l-ispezzjoni fuq il-konkrit;

- għas-subsistemi l-oħra: id-disinji ġenerali u dettaljati konformi ma' l-esekuzzjoni, dijagrammi elettriċi u idrawliċi, dijagrammi ta' ċirkuwiti kontrollati, deskrizzjoni ta' sistemi għall-ipproċessar ta' data u sistemi awtomatiċi, manwali dwar l-operat u l-manutenzjoni, eċċ.;

- lista ta' kostitwenti ta' l-interoperabilità, kif imsemmija fl-Artikolu 3, inkorporati fis-subsistema;

- kopji tad-dikjarazzjoni "KE" tal-konformità jew l-idoneità għall-użu li lill-kostitwenti msemmija hawn fuq għandhom jiġu mogħtija skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva akkompanjati, fejn ikun approprjat, b'noti tal-kalkolazzjoni li jikkorrispondu magħhom u kopja tar-rekords tat-testijiet u l-eżamijiet li jkunu saru mill-korpi notifikati fuq il-bażi ta' speċifikazzjonijiet tekniċi komuni;

- ċertifikat mill-korp notifikat responsabbli għall-verifika "KE", akkompanjat minn noti tal-kalkolazzjoni li jmorru miegħu u ffirmati minnu stess, li jiddikjara li l-proġett jikkonforma ma' din id-Direttiva u jsemmi kwalunkwe riserva rrekordjata waqt il-funzjonament ta' l-attivitajiet u li ma tkunx ġiet irtirata; iċ-ċertifikat għandu jkollu miegħu wkoll ir-rapporti ta' l-ispezzjoni u l-verifika magħmula mill-istess korp in konnessjoni mal-ħidma tiegħu, kif speċifikata fit-taqsimiet 5.3 u 5.4.

5. MONITORAĠĠ

5.1. L-għan tal-monitoraġġ "KE" huwa biex jassigura li l-obbligi li joħorġu mill-fajl tekniku nltaħqu matul il-produzzjoni tas-subsistema.

5.2. Il-korp notifikat responsabbli għall-iċċekjar tal-produzzjoni għandu jkollu aċċess permanenti għas-siti tal-bini, għall-ħwienet tal-produzzjoni, għaż-zoni tal-ħażna u, fejn ikun approprjat, għall-faċilitajiet tal-prefabbrikazzjoni u ta' l-ittestjar u, b'mod aktar ġenerali, għall-fondi li huwa jikkonsidra meħtieġa għall-ħidma tagħha. L-entità kontraenti jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha fil-Komunità għandu jibgħat jew għandhom jintbagħtu lilha d-dokumenti kollha li jkunu meħtieġa għal dak l-iskop u, b'mod partikolari, il-pjani għall-implimentazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika rigward is-subsistema.

5.3. Il-korp notifikat responsabbli għall-iċċekjar ta' l-implimentazzjoni għandu perjodikament jagħmel verifiki biex jikkonferma l-konformità mad-Direttiva. Dan għandu jipprovdi lil dawk responsabbli għall-implimentazzjoni rapport tal-verifika. Dan jista' jkun jeħtieġ li jkun preżenti f'ċerti stadji ta' l-operazzjonijiet tal-bini.

5.4. Barra minn hekk, il-korp notifikat jista' jżur għal għarrieda l-post tax-xogħol jew il-ħwienet tal-produzzjoni. Waqt dawn il-viżiti l-korp notifikat jista' jagħmel verifiki kompleti jew parzjali. Dan għandu jipprovdi lil dawk responsabbli għall-implimentazzjoni rapport ta' spezzjoni u, jekk ikun approprjat, rapport tal-verifika.

6. SOTTOMISSJONI

Il-fajl komplet imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jiġi depożitat għand l-entità kontraenti jew l-aġenti awtorizzati tagħha stabbiliti fil-Komunità b'appoġġ għaċ-ċertifikat tal-konformità maħruġ mill-korp notifikat responsabbli għall-verifika tas-subsistema funzjonabbli. Il-fajl għandu jiġi anness mad-dikjarazzjoni tal-verifika "KE" li l-l-entità kontraenti tibgħat lill-awtorità tal-monitoraġġ ta' l-Istat Membru konċernat.

Kopja tal-fajl għandha tinżamm mill-korp kontraenti matul iż-żmien ta' servizz tas-subsistema. Din għandha tintbagħat lill-Istati Membri li jitolbuha.

7. PUBBLIKAZZJONI

Kull korp notifikat għandu perjodikament jippublika l-informazzjoni rilevanti rigward:

- it-talbiet għall-verifika "KE" li jirċievi;

- iċ-ċertifikati tal-konformità maħruġa;

- iċ-ċertifikati ta' konformità miċħuda.

8. LINGWA

Il-fajls u l-korrispondenza li għandha x'taqsam mal-proċeduri tal-verifika "KE" għandhom jinkitbu bil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru li biha l-korp kontraenti jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fil-Komunità jkun stabbilit jew b'lingwa aċċettata mill-korp.

--------------------------------------------------

ANNESS VII

KRITERJI MINIMI LI GĦANDHOM JITQIESU MILL-ISTATI MEMBRI META JINNOTIFIKAW LILL-KORPI

1. Il-korp, id-direttur tiegħu u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-verifiki ma jistgħux jiġu involuti, jew direttament jew bħala rappreżentanti awtorizzati, fid-disinn, fil-fabbrikazzjoni, fil-kostruzzjoni, fil-marketing jew fil-manutenzjoni tal-kostitwenti jew tas-subsistemi ta' l-interoperabilità kif ukoll fl-użu tagħhom. Dan ma jeskludix il-possibiltà ta' skambju ta' informazzjoni bejn il-fabbrikant jew il-kostruttur u dak l-korp.

2. Il-korp jew il-persunal responsabbli għall-verifiki għandu jagħmel il-verifiki bl-akbar integrità persunali possibbli u bl-ikbar kompetenza teknika u għandu jkun ħieles minn xi pressjoni u inċentiva, b'mod partikolari ta' tip finanzjarju, li jistgħu jeffetwaw il-ġudizzju tiegħu jew ir-riżultati ta' l-ispezzjoni tagħhom, b'mod partikolari minn persuni jew gruppi effettwati mir-riżultati tal-verifiki.

3. Il-korp għandu jimpjega l-persunal u jkollu l-mezzi meħtieġa biex iwettaq b'mod adegwat il-ħidmiet tekniċi u amministrattivi marbuta mal-verifiki; dan għandu wkoll ikollu aċċess għat-tagħmir meħtieġ għal verifiki eċċezzjonali.

4. Il-persunal responsabbli għall-verifiki għandu jkollhom:

- taħriġ tekniku u professjonali adattat;

- għarfien sodisfaċenti tal-ħtiġiet relatati mal-verifiki li huma jwettqu u prattika suffiċjenti f'dawk il-verifiki;

- l-abbilità biex jagħmlu ċertifikati, rekords u rapporti li jikkostitwixxu r-rekord formali ta' l-ispezzjonijet li jkunu saru.

5. L-indipendenza tal-persunal responsabbli għall-verifiki għandha tkun garantita. Ebda uffiċjal m'għandu jkun remunerat fuq il-bażi tal-verifiki li jkunu saru jew tar-riżultati ta' dawk il-verifiki.

6. Il-korp għandu jieħu assigurazzjoni b'obbligazzjoni ċivili sakemm dik l-obbligazzjoni ma tkunx koperta mill-Istat taħt il-liġi nazzjonali jew sakemm il-verifiki jitwettqu direttament mill-Istat Membru.

7. Il-persunal tal-korp huma marbuta bis-sigriet professjonali fir-rigward ta' dak kollu li jsiru jafu waqt il-qadi ta' dmirijiethom (bl-eċċezzjoni ta' l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fl-Istat li fih huma jwettqu dawk l-attivitajiet) skond din id-direttiva jew kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva.

--------------------------------------------------

ANNESS VIII

REGOLI ĠENERALI LI GĦANDHOM JITĦARSU MILL-KORP RAPPREŻENTATTIV KONĠUNT (JRB)

1. B'konformità mal-proċeduri ta' l-istandardizzazzjoni ġenerali Komunitarja, il-JRB għandu jaħdem fil-miftuħ u b'mod trasparenti, ibbażat fuq il-konsensus u indipendentement minn kwalunkwe interess partikolari. Għal dan il-għan, il-membri kollha tat-tliet kategoriji rappreżentati fil-JRB - l-amministraturi ta' l-infrastruttura, il-kumpaniji u l-industrija ferrovjarja - għandu jkollhom l-opportunità - li jesprimu l-opinjoni tagħhom matul il-proċess ta' l-abbozzar tat-TSIs, skond ir-regoli tal-proċedura tal-JRB u qabel il-finalizzazzjoni ta' l-abbozz tat-TSIs mill-JRB.

2. Jekk il-JRB ma jkollhiex il-kapaċità meħtieġa biex tfassal TSI partikolari, din għandha tinforma lill-Kummissjoni mill-ewwel.

3. Il-JRB għandu jwaqqaf gruppi ta' ħidma meħtieġa għall-finijiet ta' l-abbozzar tat-TSIs; dawn il-gruppi ta' ħidma għandu jkollhom struttura flessibbli u effiċjenti,. Għal dan il-għan, l-għadd ta' esperti għandu jkun limitat. Rappreżentazzjoni bilanċjata għandha tiġi assigurata bejn l-amministraturi ta' l-infrastruttura u l-kumpaniji ferrovjarji fuq naħa waħda u l-industrija fuq in-naħa l-oħra; bilanċ approprjat għandu jintlaħaq bejn id-diversi nazzjonalitajiet. Esperti minn pajjiż li m'humiex fil-Komunità jistgħu jattendu fil-gruppi ta' ħidma bħala osservaturi.

4. Xi diffikultajiet li jirriżultw rigward din id-Direttiva u li ma jkunux jistgħu jiġu riżolti mill-gruppi ta' ħidma tal-JRB għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

5. Id-dokumenti meħtieġa biex jissorveljaw ix-xogħol tal-JRB għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21.

6. Il-JRB għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jissalvagwardja l-konfidenzjalità ta' kwalunkwe informazzjoni kritika li jsir jaf biha matul it-twettiq ta' l-attivitajiet tiegħu.

7. Il-JRB għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jinforma lill-membri kollha tiegħu u lill-esperti kollha li jipparteċipaw fil-gruppi ta' ħidma bir-riżultati tax-xogħol tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 u bir-rakkomandazzjonijet magħmula mill-Kumitat u mill-Kummissjoni.

--------------------------------------------------

Top