EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001D0792

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju li jiffaċilita l-koperazzjoni msaħħa fl-interventi ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili

OJ L 297, 15.11.2001, p. 7–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 15 Volume 006 P. 289 - 293
Special edition in Estonian: Chapter 15 Volume 006 P. 289 - 293
Special edition in Latvian: Chapter 15 Volume 006 P. 289 - 293
Special edition in Lithuanian: Chapter 15 Volume 006 P. 289 - 293
Special edition in Hungarian Chapter 15 Volume 006 P. 289 - 293
Special edition in Maltese: Chapter 15 Volume 006 P. 289 - 293
Special edition in Polish: Chapter 15 Volume 006 P. 289 - 293
Special edition in Slovak: Chapter 15 Volume 006 P. 289 - 293
Special edition in Slovene: Chapter 15 Volume 006 P. 289 - 293
Special edition in Bulgarian: Chapter 15 Volume 007 P. 200 - 204
Special edition in Romanian: Chapter 15 Volume 007 P. 200 - 204

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/11/2007; Imħassar b' 32007D0779(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/792/oj

32001D0792



Official Journal L 297 , 15/11/2001 P. 0007 - 0011


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-23 ta' Ottubru 2001

li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju li jiffaċilita l-koperazzjoni msaħħa fl-interventi ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili

(2001/792/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Billi:

(1) Filwaqt li l-azzjoni Komunitarja sabiex timplimenta r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, fit-8 ta' Lulju 1991 dwar it-titjib tal-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali jew teknoloġiku [5] tgħin sabiex tipproteġi n-nies, l-ambjent u l-proprjetà, issa teżisti l-ħtieġa li tkun żgurata protezzjoni aħjar fil-każ ta' emerġenzi naturali, teknoloġiċi, radjoloġiċi u ambjentali, inkluż it-tniġġiż aċċidentali tal-baħar, li jseħħu kemm ġewwa u kemm barra l-Unjoni Ewropea, u sabiex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni.

(2) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa (UN/ECE) dwar l-Effetti Trans-Fruntieri ta' l-Inċidenti Industrijali, li fiha disposizzjonijiet dwar materji bħalma huma l-prevenzjoni, l-istat ta' preparazzjoni għall-emerġenzi, it-tagħrif u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, is-sistemi li jinnotifikaw l-inċidenti industrijali, ir-rispons u l-assistenza reċiproka, daħlet fis-seħħ fid-19 ta' April 2000. Il-Konvenzjoni kienet approvata mill-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/685/KE [6].

(3) Mekkaniżmu li jiffaċilita l-koperazzjoni msaħħa fl-interventi ta' assistenza tal-protezzjoni ċivili jista' jissupplimenta l-programm Komunitarju kurrenti ta' azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili [7] billi jagħmel disponibbli l-appoġġ fil-każ ta' emerġenzi maġġuri li jistgħu jeħtieġu azzjoni urġenti ta' rispons. Dan jista' jiffaċilita l-organizzazzjoni u l-ġbir ta' timijiet ta' l-intervent, esperti u riżorsi oħra, kif meħtieġa, permezz ta' struttura rrinfurzata Komunitarja għall-protezzjoni ċivili li tikkonsisti f'ċentru tal-monitoraġġ u t-tagħrif u f'sistema komuni ta' komunikazzjoni u tagħrif f'emerġenza. Dan jista' jipprovdi wkoll opportunità sabiex jinġabar tagħrif validu dwar l-emerġenzi, sabiex ixerred it-tagħrif lill-Istati Membri u sabiex ikun hemm tqassim bejniethom tat-tagħlimiet meħuda mill-interventi.

(4) Dan il-mekkaniżmu jrid jikkunsidra kif mistħoqq il-leġislazzjonijiet u l-obbligi internazzjonali rilevanti Komunitarji. Għalhekk, din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi ta' l-Istati Membri fit-trattati bilaterali jew multilaterali, li jirreferu għall-materji koperti b'din id-Deċiżjoni.

(5) Il-prevenzjoni hi ta' importanza sinifikanti għall-protezzjoni kontra d-diżastri naturali, teknoloġiċi u ambjentali u tkun teħtieġ li tiġi kkunsidrata iktar azzjoni.

(6) Fl-eventwalità ta' emerġenza maġġuri ġewwa l-Komunità, jew ta' periklu imminenti għal dan, li jikkawżaw, jew ikun kapaċi li jikkawżaw, effetti li jaqsmu l-fruntieri li jistgħu jirriżultaw f'sejħa għall-assistenza minn Stat Membru jew aktar, ikun hemm il-ħtieġa għal notifika rilevanti li trid issir kif xieraq permezz ta' sistema stabbilita affidabbli ta' komunikazzjoni u ta' tagħrif dwar l-emerġenzi.

(7) Jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta' tħejjija fil-livell ta' l-Istat Membru u tal-Komunità li jippermettu li jiġu organizzati u miġbura timijiet ta' l-intervent għall-assistenza fl-emerġenzi bil-ħeffa u kkordinati bil-flessibbiltà meħtieġa u li tiġi żgurata, permezz ta' programm ta' taħriġ, il-kapaċità għal rispons effettiv u l-kumplimentarjetà tat-timijiet ta' l-istima u/jew il-kordinament, it-timijiet ta' l-intervent u riżorsi oħra, kif xieraq. Miżuri oħra ta' tħejjija jistgħu jinkludu l-ġbir u t-tqegħid flimkien tat-tagħrif li jkollu x'jaqsam mar-riżorsi mediċi meħtieġa u l-istimulu ta' l-użu ta' teknoloġiji ġodda.

(8) Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, mekkaniżmu Komunitarju jista' jipprovdi valur miżjud li jappoġġja u jissuplimenta l-politiki nazzjonali fil-qasam ta' l-assistenza reċiproka dwar il-protezzjoni ċivili. Jekk l-istat tal-preparazzjoni ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba ma jkunx biżżejjed għal rispons adegwat għal emerġenza maġġura skond ir-riżorsi disponibbli, dan l-Istat irid jkun kapaċi li jissupplimenta l-istat tal-preparazzjoni tiegħu billi jagħmel appell għal dan il-mekkaniżmu Komunitarju.

(9) Mekkaniżmu għandu jagħmilha possibbli illi jiġi organizzat u miġbur, u ffaċilitat il-kordinament ta' l-interventi ta' l-assistenza sabiex tkun żgurata protezzjoni aħjar primarjament tan-nies iżda wkoll ta' l-ambjent u tal-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, biex b'hekk jitnaqqsu t-telf tal-ħajja umana, il-korrimenti, il-ħsarat materjali, ekonomiċi u ambjentali, u jagħmel iktar tanġibbli l-kisba tal-miri tal-koeżjoni soċjali u tas-solidarjetà.

(10) Ir-reġjuni iżolati u dawk l-iktar imbiegħda u wħud miż-żoni l-oħra Komunitarju ħafna drabi jkollhom karatteristiċi u ħtiġiet speċjali minħabba l-ġeografija, l-art u ċ-ċirkustanzi soċjali u ekonomiċi tagħhom. Dawn ikollhom effett negattiv, ifixklu l-iskjerament ta' l-assistenza u tar-r-riżorsi ta' l-intervant hekk li jagħmluha diffiċli li titwassal l-għajnuna u l-mezzi ta' l-assistenza, u joħolqu ħtiġiet partikolari għall-assistenza fl-eventwalità ta' perkilu serju ta' emerġenza maġġuri. Dan il-mekkaniżmu Komunitarju jippermetti wkoll li jsir rispons aħjar f'dawn is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġiet.

(11) Rigward l-intervent ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili, jista' jintuża mekkaniżmu bħala għodda li tiffaċilita u tappoġġja l-azzjonijiet meħuda, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, mill-Komunità u l-Istati Membri.

(12) Dan il-mekkaniżmu Komunitarju jista', taħt kundizzjonijiet li jridu jiġu stabbiliti, ikun ukoll għodda sabiex jiffaċilita u appoġġja l-ġestjoni ta' kriżi kif riferit fit-Titolu V tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea.

(13) L-interventi ta' assistenza jistgħu jsiru jew b'mod awtonomu jew bħala kontribut għal ħidma mmexxija minn organizzazzjoni internazzjonali, li fil-każ ta' dan il-Komunità għandha tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-livell globali jew reġjonali rilevanti.

(14) Il-parteċipazzjoni f'dan il-mekkaniżmu jkun miftuħ għall-pajjiżi kandidati.

(15) Teżisti ħtieġa li tittejjeb it-trasparenza u li jkunu konsolidati u msaħħa l-azzjonijiet diversi eżistenti fil-protezzjoni ċivili fit-twettiq kontinwu tal-miri tat-Trattat.

(16) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mgħoddija lill-Kummissjoni [8].

(17) L-użu ta' l-istess Kumitat għall-mekkaniżmu preżenti bħalma hu għall-programm Komunitarju ta' azzjoni eżistenti fil-qasam tal-protezzjoni ċivili jiżgura l-konsistenza u kumplimentarjetà għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu.

(18) It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika ma jagħtux poteri għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għajr dawk ta' l-Artikoli 308 u 203, rispettivament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Huwa hawnhekk stabbilit mekkaniżmu Komunitarju, (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-mekkaniżmu"), sabiex jiffaċilita l-koperazzjoni rinfurzata bejn il-Komunità u l-Istati Membri rigward l-intervent ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili fil-każ ta' emerġenzi maġġuri, jew it-theddida imminenti tagħhom, li jistgħu jeħtieġu rispons urġenti.

2. Il-mekkaniżmu huwa maħsub sabiex jgħin li tiġi żgurata protezzjoni aħjar, primarjament tan-nies iżda wkoll ta' l-ambjent u tal-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, fil-każ ta' emerġenzi maġġuri, jiġifieri, aċċidenti naturali, teknoloġiċi, radjoloġiċi jew ambjentali li jseħħu ġewwa jew barra l-Komunità, inkluż it-tniġġiż marittimu aċċidentali, kif ipprovvdut fid-Deċiżjoni Nru 2850/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2000 li tistabilixxi qafas Komunitarju għall-koperazzjoni fil-qasam tat-tniġġiż tal-baħar b'mod aċċidentiali jew maħsub [9].

Il-mekkaniżmu ma jaffettwax l-obbligi taħt il-leġislazzjonijiet rilevanti eżistenti tal-Komunità Ewropea jew il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika jew il-ftehim internazzjonali eżistenti.

Il-għan ġenerali tal-mekkaniżmu huwa li jipprovdi, fuq talba, l-appoġġ fl-eventwalità ta' dawn l-emerġenzi u biex jiffaċilita l-kordinament imtejjeb ta' l-intervent ta' assistenza pprovvdut mill-Istati Membri u l-Komunità, billi jitqiesu l-ħtiġiet speċjali tar-reġjuni u l-gżejjer iżolati, l-iktar imbiegħda u reġjuni u gżejjer oħra fil-Komunità.

3. Il-mekkaniżmu jikkonsisti f'serje ta' elementi u azzjonijiet inklużi:

- l-identifikazzjoni ta' timijiet ta' l-intervent u appoġġi oħra ta' intervent disponibbli fl-Istati Membri għall-intervent ta' assistenza fl-eventwalità ta' emerġenzi,

- it-tnehdija u l-implimentazzjoni ta' programm ta' taħriġ għat-timijiet ta' l-intervent u appoġġi oħra ta' intervent, u għal esperti ta' l-istima u/jew it-timijiet tal-kordinament,

- workshops, seminars u proġetti pilota dwar aspetti maġġuri ta' l-interventi,

- li jiġu stabbiliti u, kif meħtieġ, imqassma t-timijiet ta' stima u/jew kordinament,

- li jiġi stabbilit u mħaddem ċentru ta' monitoraġġ u tagħrif,

- li tiġi stabbilita u mħaddma sistema komuni ta' komunikazzjoni u tagħrif dwar l-emerġenzi,

- azzjonijiet oħra ta' appoġġ, bħalma huma miżuri sabiex jiffaċilitaw it-trasport tar-riżorsi għall-intervent ta' assistenza.

Artikolu 2

1. Fl-eventwalità ta' emerġenza maġġuri ġewwa l-Komunità, jew periklu imminenti tagħha, li tikkawża jew tkun kapaċi tikkawża effetti li jaqsmu l-fruntieri li jistgħu jirriżultaw f'sejħa għall-assistenza minn Stat Membru jew aktar, l-Istat Membru li fih tkun ġrat l-emerġenza għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika:

(a) lil dawk l-Istati Membri li jistgħu jkunu affettwati bl-emerġenza, għajr jekk dan l-obbligu tan-notifika ma jkunx ġie diġà indirizzat permezz tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità Ewropea jew il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika jew bi ftehim internazzjonali eżistenti, u

(b) il-Kummissjoni, meta tista' tiġi antiċipata talba possibbli għall-assistenza permezz taċ-ċentru tal-monitoraġġ u tagħrif, sabiex il-Kummissjoni tkun tista', kif xieraq, tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u tħaddem is-servizzi kompetenti tagħha.

2. Din in-notifika għandha, kif xieraq, issir permezz tas-sistema tal-komunikazzjoni u t-tagħrif.

Artikolu 3

Sabiex tiġi żgurata l-kapaċità ta' rispons effettiv ta' intervent fl-eventwalità ta' emerġenza maġġuri, l-Istati Membri għandhom:

(a) fis-servizzi kompetenti tagħhom u, b'mod partikolari, is-servizzi tal-protezzjoni ċivili tagħhom jew is-servizzi l-oħra ta' emerġenza, jidentifikaw bil-quddiem timijiet ta' l-intervent li jistgħu jkunu disponibbli għal dan l-intervent jew li jistgħu jkunu stabbiliti sabiex jintervjienu f'qasir żmien, sabiex jintbgħatu, ġeneralment fi żmien 12-il siegħa wara t-talba għall-assistenza, filwaqt li jitqies illi l-kompożizzjoni tat-tim tiddependi fuq it-tip ta' l-emerġenza maġġuri u fuq il-ħtiġiet partikolari ta' din l-emerġenza;

(b) jagħżlu l-esperti li jistgħu jiġu msejħa sabiex iservu fuq il-post ta' l-emerġenza bħala tim ta' stima u/jew kordinament;

(ċ) jipprovdu t-tagħrif ġenerali rilevanti dwar dawn it-timijiet u esperti kif ukoll dwar ir-riżorsi mediċi kif stabbiliti fl-Artikolu 4(e) fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u minnufih jaġġornaw dan it-tagħrif meta meħtieġ;

(d) jikkunsidraw il-possibbiltà li jipprovdu wkoll, kif meħtieġ, appoġġi oħra ta' intervent li jistgħu jkunu disponibbli mis-servizzi kompetenti, bħalma huma l-persunal u t-tagħmir speċjalizzati sabiex jittrattaw emerġenza partikolari, u li jsejħu r-riżorsi li jistgħu jingħataw minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u entitajiet oħra rilevanti;

(e) għall-finijiet li tiġi applikata din id-Deċiżjoni, jaħtru l-awtoritajiet kompetenti, jagħżlu u jsemmu l-punti tal-kuntatt u jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan kollu.

Artikolu 4

Bil-ħsieb li tikseb dawn il-miri u li tiplimenta l-azzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha:

(a) tistabbilixxi u tmexxi ċentru tal-monitoraġġ u t-tagħrif li jkun aċċessibbli u kapaċi li jirreaġixxi minnufih fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum u li jservi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-mekkaniżmu;

(b) tistabbilixxi u tmexxi sistema affidabbli komuni ta' komunikazzjoni u ta' tagħrif li tippermetti l-komunikazzjoni u t-tqassim tat-tagħrif bejn iċ-ċentru tal-monitoraġġ u t-tagħrif u l-punti tal-kuntatt magħżula għal dan il-għan mill-Istati Membri;

(ċ) tistabbilixxi l-kapabbiltà li torganizza u tiġbor u tibgħat kemm jista' jkun malajr possibbli, timijiet żgħar ta' esperti li jkunu responsabbli:

- mill-istima tas-sitwazzjoni għall-benefiċċju ta' l-Istati Membri, iċ-ċentru tal-monitoraġġ u t-tagħrif u l-Istat li jitlob l-assistenza,

- li jiffaċilitaw, meta jkun meħtieġ, il-kordinament tal-ħidmiet ta' assistenza fuq il-post u jikkordinaw, meta jkun meħtieġ u xieraq, ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat li jitlob l-assistenza;

(d) li jistabilixxu programm ta' taħriġ, bil-għan li jitjieb il-kordinament ta' l-assistenza permezz ta' intervent fil-protezzjoni ċivili billi jiġu żgurati l-kompatibbiltà u l-kumplimentarjetà bejn it-timijiet ta' l-intervent kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) jew, kif xieraq, appoġġi oħra ta' intervent kif stabbilit fl-Artikolu 3(b), u billi jtejbu l-kompetenza ta' l-esperti li jagħmlu l-istima. Il-programm għandu jinkludi korsijiet u eżerċizzi konġunti u sistema ta' skambju li biha individwi jistgħu jiġu ssekondati mat-timijiet fi Stati Membri oħra;

(e) li jiġbru flimkien it-tagħrif dwar il-kapaċitajiet ta' l-Istati Membri li jissoktaw il-produzzjoni tas-sera u tat-tilqim jew ta' riżorsi oħra mediċi meħtieġa u jżommu ħażniet li jistgħu isiru disponibbli għall-intervent fl-eventwalità ta' emerġenza maġġuri u li jibnu dan it-tagħrif fis-sistema tat-tagħrif;

(f) jistabilixxu programm ta' tagħlimiet meħuda mill-interventi li jkunu saru fil-qafas tal-mekkaniżmu u jxerrdu dawn it-tagħlimiet permezz tas-sistema tat-tagħrif;

(g) jistimulaw u jinkoraġġixxu l-introduzzjoni u l-użu għall-fini tal-mekkaniżmu ta' teknoloġiji ġodda, inklużi s-sistemi għan-notifika u l-allarm, l-iskambju tat-tagħrif, l-użu tat-teknoloġija bis-satellita u assistenza għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ġestjoni ta' l-emerġenzi;

(h) jieħdu l-miżuri sabiex jiffaċilitaw it-trasport tar-riżorsi għall-intervent permezz ta' assistenza u azzjonijiet oħra ta' appoġġ.

Artikolu 5

1. Meta tinqala' emerġenza ġewwa l-Komunità, l-Istat Membru jista' jitlob l-assistenza, li t-talba għaliha għandha tkun speċifika kemm jista' jkun:

(a) mill-Istati Membri l-oħra permezz taċ-ċentru tal-monitoraġġ u t-tagħrif, fil-każ li fih, meta tiġi rċevuta din it-talba l-Kummissjoni għandha, kif xieraq u mingħajr dewmien:

- tibgħat it-talba lill-punti tal-kuntatt ta' l-Istati Membri l-oħra,

- tiffaċilita l-organizzazzjoni u l-ġbir tat-timijiet, ta' l-esperti u ta' l-appoġġi l-oħra għall-intervent,

- tiġbor it-tagħrif ivvalidat dwar l-emerġenza u xxerrdu ma' l-Istati Membri, jew

(b) direttament mill-Istati Membri l-oħra.

2. Kull Stat Membru li lilu tkun indirizzata talba għall-assistenza għandu minnufih jistabbilixxi jekk ikunx f'pożizzjoni li jagħti l-assistenza mitluba, u jgħarraf lill-Istat Membru li jkun qiegħed jitlobha b'dan, jew permezz taċ-ċentru tal-monitoraġġ u tagħrif jew direttament, u wara dan, jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi, ukoll liċ-ċentru, fejn jindika l-iskop u l-kondizzjonijiet dwar kull assistenza li jkun jista' jagħti.

3. L-Istat Membru li jkun qiegħed jagħmel it-talba għandu jkun responsabbli li jidderieġi l-interventi ta' assistenza. L-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba għandhom jistabbilixxu linji gwida u, jekk meħtieġ, jiddefinixxu l-limiti tal-kompiti fdati f'idejn it-timijiet ta' l-intervent, mingħajr ma jagħtu d-dettalji tat-twettiq, li jridu jitħallew għall-persuna inkarigata maħtura mill-Istat Membru li jkun qiegħed jagħti l-assistenza.

4. L-Istat Membru li jagħmel it-talba jista' jitlob lit-timijiet sabiex jidderieġu l-intervent f'ismu li, f'dan il-każ, it-timijiet ipprovvduti mill-Istati Membri u mill-Komunità għandhom jagħmlu ħilthom sabiex jikkordinaw l-interventi tagħhom.

5. It-tim ta' l-istima u/jew il-kordinament għandu jiffaċilita l-kordinament bejn it-timijiet ta' l-intervent u, kif meħtieġ u xieraq, jikkoordina ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba.

Artikolu 6

Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 jistgħu ukoll, fuq talba, jiġu implimentati rigward l-interventi barra mill-Komunità. Dawn l-interventi jistgħu jew jiġu kondotti bħala intervent awtonomu ta' assistenza jew bħala kontribut għall-intervent immexxi minn organizzazzjoni internazzjonali.

Il-kordinament ta' l-interventi ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili magħmula fil-qafas ta' dan il-mekkaniżmu barra l-Komunità jiġi żgurat mill-Istat Membru li jkun responsabbli mill-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu għandha tkun miftuħa għal:

- pajjiżi kandidati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim Ewropej, fil-protokolli addizzjonali ta' magħhom, u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni rispettivi,

- Ċipru, Malta u t-Turkija fuq il-bażi tal-ftehim bilaterali konklużi ma' dawn il-pajjiżi.

Artikolu 8

1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-azzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-mekkaniżmu skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 9(2).

2. Il-Kummissjoni għandha wkoll skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tistabbilixxi regoli komuni b'mod partikolari rigward il-materji li ġejjin:

(a) ir-riżorsi disponibbli għall-intervent ta' assistenza, kif stabbilit fl-Artikolu 3;

(b) iċ-ċentru tal-monitoraġġ u t-tagħrif, kif stabbilit fl-Artikolu 4(a);

(ċ) is-sistema komuni ta' komunikazzjoni u tagħrif għall-emerġenzi, kif stabbilita fl-Artikolu 4(b);

(d) it-timijiet ta' l-istima u/jew il-kordinament, kif stabbiliti fl-Artikolu 4(ċ), inklużi l-kriterji għall-għażla ta' l-esperti;

(e) il-programm tat-taħriġ, kif stabbilit fl-Artikolu 4(d);

(f) it-tagħrif dwar ir-riżorsi mediċi, kif stabbilit fl-Artikolu 4(e);

(g) l-interventi ġewwa l-Komunità, fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni tat-8 ta' Lulju 1991, kif ukoll l-interventi barra mill-Komunità kif stabbiliti fl-Artikolu 6.

Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 1999/847/KE.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

4. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni kull tliet snin mid-data li tkun daħlet fis-seħħ u tibgħat il-konklużjonijiet ta' din il-valutazzjoni flimkien ma' kwalunkwe proposta għal emendi għad-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2002.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-23 ta' Ottubru 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Neyts-Uyttebroeck

[1] ĠU C 29 E, tat-30.1.2001, p. 287.

[2] Opinjoni mogħtija fl-14 ta' Ġunju 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 139, tal-11.5.2001, p. 27.

[4] ĠU C 253, tat-12.9.2001, p. 17.

[5] ĠU C 198, tas-27.7.1991, p. 1.

[6] ĠU L 326, tat-3.12.1998, p. 1.

[7] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/847/KE ddatata d-9 ta' Diċembru 1999 li tistabbilixxi programm Komunitarju ta' azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili (ĠU L 327, tal-21.12.1999, p. 53).

[8] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[9] ĠU L 332, tat-28.12.2000, p. 1.

--------------------------------------------------

Top