EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000D0340

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2000 dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità, ta' l-Anness il-ġdid l-Anness V tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar fil-Grigal ta' l-Atlantiku rigward il-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ekosistemi u d-diversità bijoloġika taż-żona marittima u l-Appendiċi 3 korrispondenti.

OJ L 118, 19.5.2000, p. 44–47 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 11 Volume 033 P. 273 - 274
Special edition in Estonian: Chapter 11 Volume 033 P. 273 - 274
Special edition in Latvian: Chapter 11 Volume 033 P. 273 - 274
Special edition in Lithuanian: Chapter 11 Volume 033 P. 273 - 274
Special edition in Hungarian Chapter 11 Volume 033 P. 273 - 274
Special edition in Maltese: Chapter 11 Volume 033 P. 273 - 274
Special edition in Polish: Chapter 11 Volume 033 P. 273 - 274
Special edition in Slovak: Chapter 11 Volume 033 P. 273 - 274
Special edition in Slovene: Chapter 11 Volume 033 P. 273 - 274
Special edition in Bulgarian: Chapter 11 Volume 021 P. 3 - 4
Special edition in Romanian: Chapter 11 Volume 021 P. 3 - 4
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 122 P. 79 - 80

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2000/340/oj

Related international agreement

32000D0340



Official Journal L 118 , 08/05/2000 P. 0044 - 0047


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-8 ta' Mejju 2000

dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità, ta' l-Anness il-ġdid l-Anness V tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar fil-Grigal ta' l-Atlantiku rigward il-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ekosistemi u d-diversità bijoloġika taż-żona marittima u l-Appendiċi 3 korrispondenti.

(2000/340/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Il-Komunità hija Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar fil-Grigal ta' l-Atlantiku (Konvenzjoni OSPAR) skond id-Deċiżjoni Nru. 98/249/KE [3].

(2) L-għan tal-Konvenzjoni OSPAR huwa li jkun hawn prevenzjoni u eliminazzjoni tat-tniġġis u li tkun protetta ż-żona marittima mill-effetti perikolużi ta' l-attivitajiet tal-bniedem; hija daħlet fis-seħħ fil-25 ta' Marzu 1998.

(3) Il-korp eżekuttiv tal-Konvenzjoni OSPAR (Il-Kummissjoni OSPAR) jista' jadotta emendi għall-Konvenzjoni, inkluż l-Annessi u Appendiċi ġodda; huwa adotta l-Anness ġdid li huwa l-Anness V dwar il-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ekosistemi u d-diversità bijoloġika taż--żona marittima, l-Appendiċi Nru. 3 li joħroġ minnu, u Ftehim dwar it-tifsira ta' ċerti konċetti fl-Anness V.

(4) Il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib fil-kwalità ta' l-ambjent, inkluż il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-flora u fawna salvaġġa u l-protezzjoni tal-biodiversità huma għan essenzali ta' benefiċċju ġenerali li l-Komunità qegħda ssegwi skond kif previst fl-Artikolu Nru. 174 tat-Trattat; l-Anness il-ġdid tal-Konvenzjoni OSPAR jista' jgħin biex jintlaħaq dak il-għan.

(5) Il-Komunità adottat miżuri fil-qasam kopert mill-Anness V; għandha tidħol f'impenni internazzjonali f'dan il-qasam.

(6) L-għanijiet ta' l-Anness V jikkompletaw l-għanijiet tad-Direttiva tal-Kunsill Nru.79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar tal-kaċċa [4] u tad-Direttiva tal-Kunsill Nru. 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u flora salvaġġa [5]; dawk id-Direttivi diġa' jipprovdu qafas Komunitarju għall-protezzjoni tal-habitats u l-ispeċi fiż-żona ġeografika fejn japplikaw; l-adozzjoni ta' l-Anness V mill-Komunità ma tippreġudikax l-implimentazzjoni ta' dawk id-Direttivi.

(7) Il-Kummissjoni ħadet sehem biex ikun negozjat l-Anness V, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-direttivi għan-negozjati tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent tal-baħar fil-Grigal ta' l-Atlantiku.

(8) Il-Komunità għandha tapprova l-Anness V tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar fil-Grigal ta' l-Atlantiku (inkluż l-Appendiċi 3 korrispondenti),

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu Uniku

1. L-Anness V tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar fil-Grigal ta' l-Atlantiku (inkluż l-Appendiċi 3 korrispondenti) huwa hawnhekk approvat f'isem il-Komunità.

It-test ta' l-imsemmi l-Anness V huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

2. Il-Kummissjoni hija awtorizzata biex tavża lill-Kummissjoni OSPAR bl-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta' Mejju 2000.

F'isem il-Kunsill

Il-President

E. Ferro Rodrigues

[1] ĠU C 158, 04.06.99, p. 1.

[2] Opinjoni mogħtija fis-27 ta' Ottubru 1999 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 104, 03.04.98, p. 1.

[4] ĠU L 103, tal-25.4.1979, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva Nru. 97/49/KE (ĠU L 223, tat-13.8.1997, p. 9).

[5] ĠU L 206, tat-22.7.1992, pġ 7. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva Nru. 97/62/KE (ĠU L 305, tat-8.11.1997, p. 42).

--------------------------------------------------

Top