EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31988L0407

Id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 1988 li tistabilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa ta’ l-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għal importazzjonijiet ta’ deep frozensemen ta’ annimali domestiċi ta’ l-ispeċi tal-bovini

OJ L 194, 22.7.1988, p. 10–23 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 03 Volume 027 P. 15 - 28
Special edition in Swedish: Chapter 03 Volume 027 P. 15 - 28
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 008 P. 106 - 119
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 008 P. 106 - 119
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 008 P. 106 - 119
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 008 P. 106 - 119
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 008 P. 106 - 119
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 008 P. 106 - 119
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 008 P. 106 - 119
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 008 P. 106 - 119
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 008 P. 106 - 119
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 006 P. 276 - 289
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 006 P. 276 - 289
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 013 P. 41 - 54

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Revokat u sostitwit bi 32016R0429

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1988/407/oj

31988L0407



Official Journal L 194 , 22/07/1988 P. 0010 - 0023
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 27 P. 0015
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 27 P. 0015


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta’ l-14 ta’ Ġunju 1988

li tistabilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa ta’ l-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għal importazzjonijiet ta’ deep frozensemen ta’ annimali domestiċi ta’ l-ispeċi tal-bovini

(88/407/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-dispożizzjonijiet relatati mal-problemi ta’ saħħa ta’ l-annimali fil-kummerċ intra-Komunitarju f’annimali ta’ l-ifrat u majjali jidhru fid-Direttiva 64/432/KEE [4], kif l-aħħar emendata b’Regolament (KEE) Nru 3768/85 [5]; billi b’żieda, id-Direttiva 72/462/KEE [6], kif l-aħħar emendata f’Regolament (KEE) Nru 3768/85 fiha dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-problemi ta’ spezzjoni veterinarja fuq l-importazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat u majjali minn pajjiżi terzi;

Billi d-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq kienu assiguraw, f’dak li jirrigwarda l-kummerċ intra-Komunitarju u importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali ta’ l-ifrat u majjali minn pajjiżi terzi, li l-pajjiż tal-provenjenza jiggarantixxi li l-kriterja tas-saħħa ta’ l-annimal tkun ġiet imwettqa sabiex ir-riskju ta’ tixrid ta’ mard ta’ l-annimali jkun ġie virtwalment eliminat; billi hemm b’dankollu ċertu riskju ta’ tixrid ta’ mard bħal dan fil-każ ta’ kummerċ tas-semen;

Billi fil-kuntest tal-politika tal-Komunità li tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa ta’ l-annimali, li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju f’annimali u prodotti ta’ l-annimali, issa huwa meħtieġ li tinħoloq sistema armoniżżata għal kummerċ intra-Komunitarju u importazzjoni fil-Komunità ta’ semen ta’ annimali ta’ l-ifrat;

Billi, fil-kuntest ta’ kummerċ intra-Komunitarju tas-semen, l-Istat Membru fejn ikun miġbur is-semen għandu jkollu l-obbligu li jassigura li dan is-semen ikun ġie miġbur u pproċessat f’ċentri ta’ ġbir tas-semen li jkunu approvati u taħt sorveljanza, jkun ġie akkwistat minn annimali li l-istat tas-saħħa tagħhom ikun tali li jassigura li r-riskju tat-tixrid ta’ mard ta’ l-annimali jkun eliminat, ikun inġabar, ġie pproċessat, maħżun u ttrasportat skond ir-regoli li jippreservaw l-istat tas-saħħa tiegħu u li jkun akkumpanjat matul it-trasport lejn il-pajjiż tad-destinazjoni b’ċertifikat ta’ saħħa ta’ l-annimal sabiex jiġi assigurat li dan l-obbligu jiġi sodisfatt;

Billi d-differenza fil-politiċi segwiti fil-Komunità f’dak li jirrigwarda l-vaċċinazjoni kontra ċerti mard tiġġustifika li jinżammu derogi, limitati fiż-żmien, li jawtorizzaw il-ħtieġa mill-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda ċerti mard, ta’ protezzjoni addizzjonali kontra dak il-mard;

Billi għall-importazzjoni tas-semen fil-Komunità minn pajjiżi terzi għandha tkun imħejjija lista ta’ pajjiżi terzi biex tieħu kont tal-kriterja ta’ saħħa ta’ l-annimali; billi mingħajr preġudizzju għal din il-lista, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ semen minn ċentri ta’ ġbir tas-semen biss li jkunu laħqu ċertu livell u li huma taħt sorveljanza uffiċjali; billi, b’żieda, fir-rigward ta’ pajjiżi f’ dik il-lista, kondizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa ta’ l-annimali għandhom ikunu stabbiliti skond iċ-ċirkostanzi; billi, sabiex tkun ivverifikata l-konformità ma dawn l-istandards, verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu;

Billi proċedura għandha tkun ipprovduta għall-iskop li jkunu solvuti xi kwistjonijiet li joriġinaw bejn l-Istati Membri dwar jekk l-approvazzjoni ta’ ċentru ta’ ġbir tkunx iġġustifikata;

Billi l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw kunsinna ta’ semen meta jkun ġie stabbilit li dan ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva; billi għandu jkun possibli li dan is-semen jintbagħat lura jekk dan ma jkunx kuntrarju għall-konsiderazzjonijiet ta’ saħħa ta’ l-annimali u jekk il-kunsinnatarju jew ir-rappreżentant tiegħu jitlob hekk; billi l-kunsinnatarju jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom ikunu infurmati bir-raġunijiet għall-projbizzjoni jew restrizzjoni u jakkwistaw l-opinjoni ta’ espert;

Billi sabiex jiġi pprevenut it-trasmissjoni ta’ ċertu mard li jittieħed, kontrolli ta’ importazzjoni għandhom jitwettqu meta kunsinna ta’ semen tasal fit-territorju tal-Komunità, ħlief fil-każ ta’ transitu estern;

Billi wara dan il-kontroll, fil-każ ta’ transitu intern, il-miżuri li jkunu ser jittieħdu mill-Istati Membri għandhom ikunu spjegati;

Billi Stat Membru għandu jkollu l-permess li jieħu miżuri ta’ emerġenza fil-każ li tfaqqa’ marda li tittieħed fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz; billi l-perikoli assoċjati ma dan il-mard u l-miżuri protettivi li huma jeħtieġu għandhom ikunu studjati bl-istess mod madwar il-Komunità kollha; billi għal dak l-iskop, proċedura ta’ emerġenza tal-Komunità li permezz tagħha l-miżuri meħtieġa għandhom jittieħdu, għandha tkun institwita fil-Kumitat Veterinarju Permanenti;

Billi l-Kummissjoni għandha tkun fdata bit-teħid ta’ ċerti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva; billi għal dan l-iskop, proċedura għandha tkun stabbilita għal kooperazjoni mill-qrib u effettiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti;

Billi din id-Direttiva m’għandhiex taffetwa l-kummerċ tas-semen magħmul qabel id-data li fiha l-Istati Membri għandhom ikunu konformi magħha.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet ta’ saħħa ta’ l-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju fil- u importazjoni minn pajjiżi terzi ta’ semen iffriżata ta’ annimali domestiċi ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 64/432/KEE u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 72/462/KEE għandhom japplikaw kif meħtieġ.

Aktar minn hekk:

(a) "semen" tfisser t-tnixxija mħejjija jew imħallta ta’ annimal domestiku ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat;

(b) "ċentru ta’ ġbir tas-semen" ifisser stabbiliment uffiċjalment approvat u taħt sorveljanza li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jew pajjiż terz, li fih isir is-semen għal użu f’inseminazzjoni artifiċjali;

(ċ) "veterinarju uffiċjali" tfisser veterinarju innominat mill-awtorità ċentrali kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz;

(d) "ċentru veterinarju" ifisser il-veterinarju responsabbli għall-konformità minn jum għal jum fiċ-ċentru mal-ħtiġiet stabbiliti f’din id-Direttiva;

(e) "kunsinna" tfisser kwantita ta’ semen koperta b’ċertifikat wieħed;

(f) "pajjiż ta’ ġbir" ifisser l-Istat Membru jew pajjiż terz li fih is-semen jinġabar u li minnu jkun intbagħat lejn Stat Membru;

(g) "laboratorju approvat" ifisser laboratorju li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru jew pajjiż terz innominat mill-awtorità veterinarja kompetenti biex iwettaq it-testijiet stabbiliti f’din id-Direttiva;

(h) "ġbir" ifisser kwantita ta’ semen meħudha minn donatur fi kwalunkwe żmien.

IL-KAPITOLU II

Il-Kummerċ Intra-Komunitarju

L-Artikolu 3

Kull Stat Membru għandu jassigura li semen li jilħaq il-kondizzjonijiet ġenerali li ġejjin jintbagħat mit-territorju tiegħu lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

(a) għandu jinġabar u jiġi pproċessat, għall-iskop ta’ inseminazzjoni artifiċjali, f’ċentru ta’ ġbir ta’ semen approvat għas-saħħa ta’ l-annimali għall-iskopijiet ta’ kummerċ intra-Komunitarju skond l-Artikolu 5(1);

(b) għandu jinġabar minn annimali domestiċi ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat li l-istat tas-saħħa tagħhom ikun konformi ma’ l-Anness B;

(ċ) għandu jinġabar, jiġi pproċessat, maħżun u ttrasportat skond l-Annessi A u Ċ;

(d) għandu jkun akkumpanjat, matul it-trasport lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni, b’ ċertifikat ta’ saħħa ta’ l-annimali li jkun konformi ma l-Artikolu 6(1).

L-Artikolu 4

1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta’ Diċembru 1992, jawtorizzaw id-dħul ta’ semen minn barrin li jagħtu reazjoni negattiva għat-test ta’ newtralizzazzjoni tas-serum jew it-test Elisa għall-infezzjonijiet ta’ l-ifrat rhinotracheitis/infectious pustular vulvo-vaginitis jew li juru riżultat pożittiv wara vaċċinazzjoni skond din id-Direttiva.

L-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 1992, jawtorizzaw id-dħul ta’ semen ta’ barrin li jagħti reazzjoni pożittiva għal serum ta’ test ta’ newtralizzazzjoni jew għat-test Elisa għal infezzjonijiet rhinotracheitis/infectious pustular vulvo-vaginitis u li ma jkunux ġew ivvaċċinati skond din id-Direttiva.

F’dak il-każ, kull kunsinna għandha tgħaddi minn eżami b’inokulazzjoni f’annimal ħaj u/jew test ta’ iżolazzjoni tal-virus.

Din il-ħtieġa m’għandhiex tapplika fir-rigward ta’ semen ta’ annimali li, qabel l-ewwel vaċċinazzjoni fiċ-ċentru ta’ inseminazzjoni, kellhom reazzjoni negattiva għat-testijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu.

Dawn l-eżamijiet jistgħu, bi ftehim bilaterali, jkunu mwettqa jew fil-pajjiż tal-ġbir jew fil-pajjiż tad-destinazzjoni.

Qabel l-1ta’ Jannar 1992, il-Kunsill għandu jirrevedi dan il-paragrafu fuq il-bażi ta’ rapport tal-Kummissjoni, akkumpanjat, jekk xieraq, bi proposti.

2. L-Istati Membri li fihom iċ-ċentri kollha jżommu biss annimali li jagħtu reazzjoni negattiva għat-test ta’ newtralizzazzjoni tas-serum jew it-test Elisa, jistgħu jirrifjutaw id-dħul tas-semen fit-territorju tagħhom minn ċentri li ma jkollhomx dak l-istatus.

Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19, jista’ jkun deċiż li d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq jiġu estiżi għal parti tat-territorju ta’ Stat Membru jekk iċ-ċentri kollha ta’ dik il-parti tat-territorju jkollhom biss annimali li jagħtu reazzjoni negattiva għat-test ta’ newtralizzazzjoni tas-serum jew għat-test Elisa.

3. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn, l-Istati Membri li ma jipprattikawx vaċċinazjoni kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer ma jistgħux jopponu d-dħul ta’ semen minn annimali vaċċinati skond din id-Direttiva.

F’dak il-każ, sa 10 % tas-semen miġbura intenzjonata għal kummerċ (b’minimu ta’ ħames tibniet) tista’ tkun suġġetta għal test ta’ iżolazzjoni tal-virus ta’ l-ilsien u d-dwiefer f’laboratorju fl-Istati Membri ta’ destinazzjoni jew f’laboratorju speċifikat minn dak l-Istat Membru. Jekk ir-riżultat ikun pożittiv, id-dħul tas-semen jista jkun miċħud.

L-Artikolu 5

1. L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ċ-ċentru ta’ ġbir ta’ semen jkun jinsab għandu jassigura li l-approvazzjoni prevista fl-Artikolu 3(a) tingħata biss meta d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness A jkunu osservati u meta ċ-ċentru ta’ ġbir tas-semen jkun jista’ jissodisfa d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

L-Istat Membru għandu jassigura wkoll li l-veterinarju uffiċjali jagħmel sorveljanza dwar l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u għandu jirtira l-approvazjoni meta xi waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet ma jkunux osservati aktar.

2. Iċ-ċentri kollha approvati għall-ġbir tas-semen għandhom ikunu rreġistrati, u kull ċentru jingħata numru ta’ reġistrazzjoni veterinarja. Kull Stat Membru għandu jibgħat lista ta’ ċentri ta’ ġbir tas-semen u n-numri tar-reġistrazzjoni veterinarja tagħhom lejn l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u għandu jinnotifikahom b’kull approvazzjoni li tkun irtirata.

Meta Stat Membru jikkonsidra li d-dispozzjonijiet li jirregolaw l-approvazzjoni ma jkunux, jew ma jkunux aktar, osservati fiċ-ċentri tal-ġbir tas-semen fi Stat Membru ieħor, dan għandu jinforma lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat. Dan ta’ l-aħħar għandu imbagħad jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u jinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor bid-deċiżjonijiet meħuda u r-raġunijiet għal dawn.

Jekk dak l-Istat Membru l-ieħor jibża’ li l-miżuri meħtieġa ma jittieħdux jew li huma inadekwati, għandu b’hekk jinforma lill-Kummissjoni, li għandha tfittex l-opinjoni ta’ wieħed jew aktar esperti veterinarji. Fid-dawl ta’ dik l-opinjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19, li temporanjament jipprojbixxu d-dħul ta’ semen li jkun ġej miċ-ċentru involut.

Din l-awtorizzazzjoni tista’ tkun irtirata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 fid-dawl ta’ opinjoni ġdida mogħtija minn wieħed jew aktar esperti veterenarji.

L-esperti veterinarji għandhom ikunu sudditi ta’ Stat Membru apparti minn dawk involuti fil-kwistjoni.

Ir-regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu addottati skond il-proċedura kif stabbilita fl-Artikolu 18.

L-Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu d-dħul tas-semen kondizzjonata fuq is-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ saħħa ta’ l-annimal imħejji minn veterinarju uffiċjali ta’ l-Istat Membru tal-ġbir skond l-Anness D.

Dan iċ-ċertifikat għandu:

(a) ikun imħejji f’mill-anqas waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ ġbir u waħda minn dawk ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni;

(b) jakkompanja l-kunsinna lejn id-destinazzjoni fl-għamla oriġinali tiegħu;

(ċ) ikun imħejji fuq karta waħda;

(d) ikun magħmul għal riċevitur wieħed.

2. (a) L-Istat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jipprojbixxi d-dħul ta’ kunsinni jekk verifika tad-dokumentazzjoni tiżvela li l-Artikolu 3 ma jkunx ġie osservat.

(b) L-Istat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluża l-ħażna fi kwarantina, sabiex jakkwista prova definittiva f’każi meta s-semen ikun issuspettat li jkun infettat jew ikkontaminat b’organiżmi patoġeniċi.

(ċ) Id-Deċiżjonijiet meħudha permezz ta’ (a) jew (b) għandhom, fuq talba tal-kunsinnatarju jew ir-rappreżentant tiegħu, jawtorizzaw ir-ritorn tas-semen, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għall-konsiderazzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimal.

3. Jekk id-dħul tas-semen ikun ġie pprojbit fuq kwalunkwe bażi kif stabbilita fil-paragrafu 2 (a) u (b) u l-iStat Membru tal-ġbir ma jkunx fi żmien 30 jum awtorizza r-ritorn tas-semen, l-awtorità veterinarja kompetenti ta’ l-iStat Membru tad-destinazzjoni tista’ tordna li din tkun meqruda.

4. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità veterinarja kompetenti permezz tal-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu kkomunikati lill-kunsinnatarju jew ir-rappreżentant tiegħu, flimkien mar-raġunijiet għal dan.

L-Artikolu 7

1. Il-mezzi ta’ appell li hemm previsti fil-leġislazzjoni kurrenti fl-Istati Membri kontra deċiżjonijiet meħuda bis-saħħa ta’ din id-Direttiva mill-awtorità kompetenti m’għandhomx ikunu affetwati b’din id-Direttiva.

Dawn id-deċiżjonijiet raġunati għandhom, fuq talba, jiġu kkomunikati lill-kunsinnatarju jew ir-rappreżentant tiegħu minnufih bil-kitba, b’indikazzjoni ta’ liema mezzi ta’ appell kontra tagħhom hemm previst fil-leġislazzjoni preżenti u ta’ l-għamla u l-limiti ta’ żmien li fihom dawn il-proċeduri għandhom jinbdew. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu kkomunikati ukoll lill-awtorità veterinarja kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ ġbir jew tal-provenjenza.

2. Kull Stat Membru għandu jagħti lill-kunsinnatarju fir-rigward tal-kunsinni tagħhom ta’ tas-semen dawk il-miżuri kif hemm previst fl-Artikolu 6(2) li jkunu ttieħdu, id-dritt li jakkwistaw, qabel ma’ jittieħdu miżuri oħra mill-awtorità kompetenti, l-opinjoni ta’ l-espert veterinarju biex jiddeterminaw jekk ikunx hemm konformità ma l-Artikolu 6(2).

L-espert veterinarju għandu jkun sudditu ta’ Stat Membru minbarra mill-Istat Membru ta’ ġbir jew ta’ destinazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha, fuq proposta mill-Istati Membri, tħejji lista ta’ esperti veterinarji li jistgħu jkunu mitluba li jifformulaw opinjonijiet bħal dawn. Ir-regoli ġenerali biex jiġi applikat dan l-Artikolu, u partikolarment il-proċedura li għandha tkun segwita fil-formulazzjoni ta’ dawn l-opinjonijiet, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18.

IL-KAPITOLU III

L-Importazjoni minn pajjiżi terzi

L-Artikolu 8

1. Stat Membru jista’ jawtorizza importazzjoni tas-semen minn dawk il-pajjiżi terzi biss li jidhru fuq il-lista mħejjija skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

Dik il-lista tista’ tkun issupplimentata jew emendata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18.

2. Fid-deċiżjoni jekk pajjiż terz ikunx jista’ jidher fuq il-lista msemmija fil-paragrafu 1, kont partikolari għandu jittieħed ta’:

(a) l-istat ta’ saħħa tal-bhejjem, annimali domestiċi oħra u annimali selvaġġi fil-pajjiż terz, b’referenza partikolari għall-mard eżotiku ta’ l-annimali, u s-sitwazzjoni fis-saħħa ambjentali f’dak il-pajjiż, li tista tipperikola s-saħħa ta’ l-annimali fl-Istati Membri;

(b) ir-regolarità u l-ħeffa ta’ l-informazzjoni ippreżentata mill-pajjiż terz li tikkonċerna l-eżistenza tal-mard li jittieħed ta’ l-annimali fit-territorju tiegħu, partikolarment dak il-mard imsemmi fil-lista A u B ta’ l-Uffiċju Internazzjonali ta’ Mard Epiżotiku;

(ċ) ir-regoli ta’ dak il-pajjiż dwar prevenzjoni u kontroll ta’ mard ta’ annimali;

(d) l-istruttura tas-servizzi veterinarji fil-pajjiż u l-poteri tagħhom;

(e) l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jipprevienu u jikkontrollaw mard ta’ l-annimali li jittieħed; u

(f) il-garanziji li l-pajjiż terz ikun jista’ jagħti fir-rigward tal-konformità ma din id-Direttiva.

3. Il-lista msemmija fil-paragrafu 1 u l-emendi kollha għaliha għandhom ikunu ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 9

1. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19, għandha tkun imħejjija lista taċ-ċentri ta’ ġbir tas-semen li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ semen li joriġina f’ pajjiżi terzi. Il-lista tista’ tkun emendata jew issupplimentata skond l-istess proċedura.

2. Fid-deċiżjoni dwar jekk iċ-ċentru ta’ ġbir tas-semen f’pajjiż terz ikunx jista’ jidher fil-lista msemmija fil-paragrafu 1, għandu jittieħed kont partikolari tas-sorveljanza veterinarja tas-sistema tal-produzzjoni ta’ semen fil-pajjiż terz, il-poteri tas-servizzi veterinarji u s-sorveljanza li għaliha ċ-ċentri ta’ ġbir tas-semen ikunu suġġetti.

3. Ċentru ta’ ġbir tas-semen jista’ jidher fil-lista prevista fil-paragrafu 1 biss jekk:

(a) ikun jinsab f’wieħed mill-pajjiżi fil-lista msemmija fl-Artikolu 8(1);

(b) jissodisfa il-ħtiġiet tal-Kapitoli I u II ta’ l-Anness A;

(ċ) ikun ġie uffiċjalment approvat għall-esportazzjoni lejn il-Komunità mis-servizzi veterenarji tal-pajjiż terz konċernat;

(d) ikun taħt is-sorveljanza ta’ ċentru veterinarju tal-pajjiż terz konċernat; u

(e) ikun suġġett għal spezzjoni regolari minn veterinarju uffiċjali tal-pajjiż terz konċernat mill-anqas darbtejn fis-sena.

L-Artikolu 10

1. Is-semen għandu jiġi minn annimali li, immedjatament qabel il-ġbir tas-semen tagħhom, ikunu nżammu mill-anqas għal sitt xhur fit-territorju tal-pajjiż terz fuq il-lista mħejjija skond l-Artikolu 8(1).

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1) u paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri m’għandhomx jawtorizzaw l-importazzjoni tas-semen minn pajjiż terz ta’ fuq il-lista sakemm is-semen ma jikkonformax mal-ħtiġiet ta’ saħħa adottati, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, għall-importazjoni tas-semen minn dak il-pajjiż.

Fl-adozzjoni tal-ħtiġiet imsemmija fis-subparagrafu preċedenti għandha tingħata konsiderazzjoni għal:

(a) is-sitwazzjoni tas-saħħa fiż-żona ta’ madwar iċ-ċentru ta’ ġbir tas-semen, b’referenza partikolari għall-mard li jidher fil-lista A ta’ l-Uffiċju Internazzjonali ta’ Mard Epiżootiku;

(b) l-istat ta’ saħħa tal-merħla fiċ-ċentru tal-ġbir tas-semen, inkluż il-ħtiġiet ta’ testijiet;

(ċ) l-istat ta’ saħħa ta’ l-annimal donatur u l-ħtiġiet ta’ testijiet;

(d) ħtiġiet ta’ testijiet f’dak li jirrigwarda s-semen.

3. Il-bażi ta’ referenza biex ikunu stabbiliti l-kondizzjonijiet ta’ saħħa ta’ l-annimal skond il-paragrafu 2 rigward tuberkolożi ta’ l-ifrat u l-bruċellosi għandhom ikunu standards stabbiliti fl-Anness A tad-Direttiva 64/432/KEE. Jista’ jiġi deċiż, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, fuq bażi ta’ każ b’każ, li jitwarrbu dawn il-kondizzjonijiet meta l-pajjiż terz konċernat jipprovdi garanziji simili dwar is-saħħa ta’ l-annimal; f’dak il-każ, il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimal li huma mill-anqas ekwivalenti għal dawk fl-Anness A ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu stabbiliti skond l-istess proċedura sabiex jippermettu d-dħul ta’ annimali bħal dawk fiċ-ċentri ta’ ġbir.

4. L-Artikoli 4 għandu japplika mutatis mutandis.

L-Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ semen fuq il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tas-saħħa ta’ l-annimal biss imħejji u iffirmat mill-veterinarju uffiċjali tal-pajjiż terz ta’ ġbir.

Dan iċ-ċertifikat għandu:

(a) ikun imħejji f’mill-anqas waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni u waħda minn dawk ta’ l-Istat Membru fejn il-kontroll ta’ l-importazzjoni li hemm previst fl-Artikolu 12 jkun imwettaq;

(b) jakkumpanja s-semen fl-oriġinal;

(ċ) ikun imħejji fuq karta waħda;

(d) ikun magħmul għal riċevitur wieħed.

2. Iċ-ċertifikat għandu jikkorrespondi mal-mudell muri skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

L-Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull kunsinna tas-semen li tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità tkun suġġetta għal kontroll qabel ma’ tkun rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera jew imqiegħda taħt proċedura doganali u għandhom jipprojbixxu l-introduzzjoni ta’ semen bħal din fil-Komunità jekk il-kontroll dwar l-importazjoni li jseħħ mal-wasla jiżvela li:

- s-semen ma jkunx ġej mit-territorju ta’ pajjiż terz mill-lista mħejjija skond l-Artikolu 8(1),

- is-semen ma jkunx ġej miċ-ċentru ta’ ġbir tas-semen fuq il-lista prevista fl-Artikolu 9(1),

- is-semen ikun ġej mit-territorju ta’ pajjiż terz li minnu l-importazzjoni hija pprojbita skond l-Artikolu 15(2),

- iċ-ċertifikat ta’ saħħa ta’ l-annimal li jakkumpanja s-semen ma jkunx f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 u stabbiliti permezz ta’ dan.

Dan il-paragrafu m’għandux japplika għal kunsinni tas-semen li jidħlu fit-territorju doganali tal-Komunità u li huma mqiegħda taħt proċedura transita doganali għal kunsinna lejn destinazzjoni li tinsab barra minn dak it-territorju.

Minkejja dan, għandu jkun applikabbli meta t-transitu doganali jkun tneħħa matul it-trasport mit-territorju tal-Komunità.

2. L-Istat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluża l-ħażna fi kwarantina, sabiex jakkwista prova definittiva f’każi meta s-semen ikun suspettat li jkun infettat jew ikkontaminat b’organiżmi patoġeniċi.

3. Jekk id-dħul tas-semen ikun ġie pprojbit fuq kwalunkwe bażi kif stabbilit fil-paragrafu 1 u 2 u l-pajjiż terz li jesporta ma jkunx fi żmien 30 jum awtorizza r-ritorn tas-semen, l-awtorità kompetenti veterinarja ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni tista’ tordna li din tkun meqruda.

L-Artikolu 13

Kull kunsinna ta’ semen awtorizzata sabiex tidħol fil-Komunità minn Stat Membru fuq il-bażi tal-kontroll imsemmi fl-Artikolu 12(1) għandha, meta tintbagħat lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tkun akkumpanjata biċ-ċertifikat oriġinali jew kopja awtorizzata tiegħu, iffirmata kif meħtieġ, fi kwalunkwe każ, mill-awtorità kompetenti li kienet responsabbli għall-eżami mwettaq skond l-Artikolu 12.

L-Artikolu 14

Jekk ikun deċiż li jittieħdu miżuri ta’ qerda permezz ta’ l-Artikolu 12(3), l-ispejjeż involuti għandhom ikunu għas-spejjeż tal-kunsinnatarju, dak li jirċievi jew l-aġent tagħhom, mingħajr kumpens mill-Istat.

IL-KAPITOLU IV

Miżuri ta’ salvagward u kontroll

L-Artikolu 15

1. Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li ġejjin jekk ikun hemm il-perikolu ta’ xi mard ta’ l-annimali li jinxtered bħala riżultat ta’ l-introduzzjoni tas-semen fit-territorju tiegħu minn Stat Membri ieħor:

(a) fil-każ li tfaqqa’ marda epiżootika fi Stat membru ieħor, dan jista temporanjament jipprojbixxi jew jirrestrinġi l-introduzzjoni tas-semen mi ż — żoni ta’ dak l-Istat Membru li fih tkun seħħet il-marda;

(b) jekk marda epizootika tiġi mxerrda, jew jekk tfaqqa’ marda li tittieħed ta’ natura serja, dan jista jipprojbixxi jew jirrestrinġi l-introduzzjoni tas-semen mit-territorju kollu ta’ dak l-Istat Membru.

Kull Stat Membru għandu immedjatament jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-marda li taqa’ taħt l-ewwel subparagrafu li tkun faqqgħet fit-territorju tiegħu u bil-miżuri li hu jkun ħa biex jikkontrolla dik il-marda. Għandu wkoll jinnotifikahom immedjatament meta l-marda tkun għebet.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8, 9 u 10, jekk f’pajjiż terz marda ta’ l-annimali li tittieħed li tista’ tinġarr bis-semen u li tista tipperikola s-saħħa ta’ merħliet ta’ annimali fi Stat Membru tfaqqa’ jew tinxtered jew jekk għal xi raġuni oħra konnessa mas-saħħa ta’ l-annimali hekk tiġġustifika, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni konċernat għandu jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ dak is-semen, sew jekk impurtat direttament jew indirettament permezz ta’ Stat Membru ieħor, jew mill-pajjiż terz kollu jew minn parti tat-territorju tiegħu.

3. Miżuri meħuda mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ paragrafi 1 u 2 u t-tħassir ta’ miżuri bħal dawk għandhom ikunu ikkomunikati immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni flimkien mar-raġunijiet għal miżuri bħal dawk.

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, jista’ jkun deċiż li dawk il-miżuri għandhom ikunu emendati, partikolarment sabiex dawn ikunu koordinati ma miżuri adottati minn Stati Membri oħra, jew li dawn għandhom ikunu mħassra.

4. Jekk is-sitwazzjoni kif stabbilita fil-paragrafi 1 u 2 tinħoloq u jekk ikun meħtieġ li xi Stat Membru ieħor japplika wkoll il-miżuri meħuda permezz ta’ dawk il-paragrafi, emendati fejn meħtieġ skond il-paragrafu 3, għandhom jittieħdu passi xierqa skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18.

5. Il-qbid mill-ġdid ta’ importazzjoni mill-pajjiż terz konċernat għandu jkun awtorizzat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18.

L-Artikolu 16

1. Esperti veterinarji mill-Kummissjoni jistgħu, b’kooperazjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, iwettqu verifiki fuq il-post sakemm dawn ikunu indispensabbli biex jassiguraw applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva.

Il-pajjiż ta’ ġbir li fit-terrirorju tiegħu il-verifika tkun imwettqa għandu jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lill-esperti biex dawn iwettqu d-doveri tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż ta’ ġbir konċernat bir-riżultati ta’ l-investigazzjoni.

Il-pajjiż ta’ ġbir konċernat għandu jieħu kull miżura li tista’ tkun meħtieġa biex jieħu kont tar-riżultati ta’ l-investigazzjoni. Jekk il-pajjiż ta’ ġbir ma jieħux dawk il-miżuri, il-Kummissjoni tista, wara li s-sitwazzjoni tkun ġiet eżaminata mill-Kumitat Veterinarju Permanenti, ikollu rikors għad-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(2) u 9(1).

2. Id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-frekwenza u l-metodu tat-twettieq tal-verifiki msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 1, għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

IL-KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 17

Emendi għall-Annessi ta’ din id-Direttiva, partikolarment biex ikunu adattati għall-avvanzi fit-teknoloġija, għandhom ikunu deċiżi mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 18

1. Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tkun segwita, materji għandhom mingħajr dewmien ikunu riferuti mill-President, jew bl-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, lejn il-Kumitat Veterinarju Permanenti (minn hawn il-quddiem imsejjaħ "il-kumitat") stabbilit b’Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968.

2. Fil-Kumitat il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu peżati skond m’hemm previst fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President m’għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-miżuri fi żmien jumejn. L-opinjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ 54 vot.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u timplimentahom immedjatament meta dawn ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat. Meta dawn ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew fin-nuqqas ta’ xi opinjoni, il-Kummissjoni għandha, bla ebda dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, ma’ l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-materja tkun ġiet mgħoddija, il-Kunsill ma jkunx adotta xi miżuri, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u tapplikahom immedjatament, ħlief meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri b’maġġoranza sempliċi.

L-Artikolu 19

1. Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu tkun sejra tintuża, il-materji għandhom bla dawmien ikunu mgħoddija lill-kumitat mill-president, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ Stat Membru.

2. Fil-Kumitat il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu peżati kif previst fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President m’għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom ikunu adottati. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fi żmien limitat li l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tkun mogħtija b’maġġoranza ta’ 54 vot.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u tapplikahom immedjatament meta dawn ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat. Meta dawn ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew fin-nuqqas ta’ xi opinjoni, il-Kummissjoni għandha, bla ebda dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, ma’ l-iskadenza ta’ 15-il jum mid-data li fiha l-materja tkun ġiet mgħoddija, il-Kunsill ma jkunx adotta xi miżuri, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u tapplikahom immedjatament, ħlief meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri b’maġġoranza sempliċi.

L-Artikolu 20

1. Din id-Direttiva m’għandiex tapplika għas-semen miġbur u pproċessat fi Stat Membru qabel l-1 ta’ Jannar 1990.

2. Sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-deciżjonijiet adottati skond l-Artikoli 8, 9 u 10, l-Istati Membri m’għandhomx japplikaw għall-importazzjoni tas-semen minn pajjiżi terzi kondizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Kapitolu II.

L-Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 1990, fl-aktar tard. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 22

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Ġunju 1988.

Għall-Kunsill.

Il-President.

I. Kiechle

[1] ĠU C 267, tas-6.10.1983, p. 5.

[2] ĠU C 342, tad-19.12.1983, p. 11.

[3] ĠU C 140, tat-28.5.1984, p. 6.

[4] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64.

[5] ĠU L 362, tal-31.12.1985, p. 8.

[6] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28.

--------------------------------------------------

L-ANNESS A

IL-KAPITOLU I

KONDIZZJONIJIET GĦALL-APPROVAZZJONI TA' ĊENTRI GĦALL-ĠBIR TAS-SEMEN

Iċ-ċentri tal-ġbir tas-semen għandhom:

(a) ikunu mqiegħda taħt sorveljanza permanenti ta' veterinarju taċ-ċentru;

(b) jkollhom mill-anqas

(i) abitazzjoni għall-annimali inkluż faċilitajiet ta' iżolament;

(ii) faċilitajiet għall-ġbir tas-semen inkluża kamra separata għat-tindif u diżinfettar jew sterilizzazzjoni ta' l-apparat;

(iii) kamra għall-ipproċessar tas-semen li mhux neċessarjament tkun fuq l-istess sit;

(iv) kamra għall-ħażna tas-semen li mhux neċessarjament tkun fuq l-istess sit;

(ċ) ikunu hekk mibnija jew iżolati li kuntatt ma' annimali barra ma jkunx jista' jseħħ;

(d) ikunu hekk mibnija li l-post fejn ikun hemm l-annimal u l-faċilitajiet tal-ġbir tas-semen, l-ipproċessar u l-ħażna jistgħu jkunu malajr imnaddfa u diżinfettati;

(e) ikollhom akkomodazzjoni ta' iżolament li ma jkollha l-ebda komunikazzjoni diretta ma' l-akkomodazzjoni normali ta' l-annimal;

(f) ikunu hekk iddisinjati li l-akkomodazjoni ta' l-annimal hija fiżikament separata mill-kamra ta' l-ipproċessar tas-semen u t-tnejn huma separati mil-kamra tal-ħażna tas-semen.

IL-KAPITOLU II

KUNDIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IS-SORVELJANZA TAĊ-ĊENTRI TA' ĠBIR TAS-SEMEN

Iċ-ċentri tal-ġbir għandhom:

(a) ikunu taħt sorveljanza sabiex jkun fihom biss annimali ta' l-ispeċi li s-semen tagħhom ikun sejjer jinġabar. Annimali domestiċi oħra li huma strettament meħtieġa għall-operazzjoni normali taċ-ċentru tal-ġbir jistgħu minbarra dan kollu jkunu wkoll ammessi, jekk dawn ma jippreżentaw l-ebda riskju ta' infezzjoni lejn dawk l-ispeċi li s-semen tagħhom ikun sejjer jinġabar u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-veterinarju taċ-ċentru;

(b) ikunu taħt sorveljanza sabiex jinżamm reġistru ta' l-annimali ta' l-ifrat kollha fiċ-ċentru, li jagħti dettalji tar-razza, data tat-twelid u identifikazzjoni ta' kull wieħed mill-annimali, u wkoll reġistru tal-verifiki kollha għall-mard u l-vaċċinazzjonijiet kollha mwettqa, jagħti wkoll informazzjoni dwar l-inkartament tal-mard/saħħa ta' kull annimal;

(ċ) ikunu spezzjonati regolarment minn veterinarju uffiċjali, mill-anqas darbtejn fis-sena, f'liema żmien verifiki normali dwar il-kondizzjonijiet ta' approvazzjoni u sorveljanza għandhom ikunu mwettqa;

(d) ikunu taħt sorveljanza sabiex id-dħul ta' persuni mhux awtorizzati ma jkunx jista jseħħ. Aktar minn hekk, viżitaturi uffiċjali għandhom ikunu meħtieġa li jkunu konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti mill-veterinarju taċ-ċentru;

(e) jimpjegaw nies li jkunu teknikament kompetenti u mħarrġa fil-proċeduri ta' diżinfettazzjoni u teknika ta' iġjene relevanti għall-kontroll tat-tixrid ta' mard;

(f) ikollhom sorveljanza tant li:

(i) s-semen miġbura f'ċentru approvat biss tkun ipproċessata u maħżuna f'ċentri approvati, mingħajr ma jiġi f'kuntatt ma xi kunsinna oħra tas-semen. Iżda s-semen mhux miġbura f'ċentru approvat jista' jiġi pproċessata f'ċentri ta' ġbir approvati sakemm:

- dan is-semen ikun prodotta minn annimali ta' l-ifrat li jissodisfaw l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu I. 1(d)(i), (ii), (iii) u (v) ta' l-Anness B,

- l-ipproċessar ikun imwettaq b'apparat separat jew f' ħin differenti minn dak ta' tas-semen intenzjonata għall-kummerċ intra-Komunitarju, l-apparat f'dan il-każ ta' l-aħħar ikun imnaddaf u sterilizzat wara l-użu,

- dan is-semen ma jkunx suġġett għall-kummerċ intra-Komunitarju u ma jista' fi kwalunkwe waqt jiġi fkuntatt ma' jew ikun maħżun ma' semen intenzjonat għall-kummerċ intra-Komunitarju,

- dan is-semen ikun identifikabbli b'marka differenti minn dawk li hemm previsti fil-punt (vii);

(ii) il-ġbir, l-ipproċessar u l-ħażna tas-semen iseħħ biss f'dak il-bini magħżul għal dan l-iskop u taħt il-kondizzjonijiet ta' l-iġjene l-aktar stretta;

(iii) l-għodda kollha li tiġi f' kuntatt mas-semen jew ma' l-annimal donatur matul il-ġbir u l-ipproċessar tkun diżinfettata sewwa jew sterilizzata qabel l-użu;

(iv) prodotti ta' l-oriġini ta' l-annimali użati fl-ipproċessar tas-semen — inklużi addittivi jew materjali biex tħoll — ikunu akkwistati minn sorsi li ma jippreżentaw l-ebda riskju għas-saħħa ta' l-annimal jew li huma hekk ittrattati qabel l-użu li riskju bħal dan ma jkunx jista jseħħ;

(v) vażetti tal-ħażna u vażetti tat-trasport ikunu diżinfettati u sterilizzati sewwa qabel il-bidu ta' kull operazzjoni ta' mili;

(vi) l-aġent ċiroġeniku użat ma jkunx ġie użat qabel għal xi prodotti oħra ta' oriġini minn annimali;

(viii) kull doża individwali tas-semen tkun immarkata ċara b'tali mod li d-data tal-ġbir tas-semen u r-razza u l-identifikazzjoni ta' l-annimal donatur, kif ukoll l-isem taċ-ċentru, possibiliment f'kodiċi, jistgħu jiġu stabbiliti mill-ewwel; il-karatteristiċi u l-għamla ta' dawn il-marki għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

--------------------------------------------------

L-ANNESS B

IL-KAPITOLU I

KONDIZZJOMNIJIET APPLIKABBLI GĦALL-MOVIMENT TA’ ANNIMALI ĠEWWA ĊENTRI APPROVATI TA’ ĠBIR TA’ SEMEN

1. L-annimali ta’ l-ifrat kollha mdaħħla fiċ-ċentru tal-ġbir tas-semen għandhom:

(a) ikunu ġew suġġetti għal perijodu ta’ iżolament ta’ mill-anqas 30 jum f’akkomodazjoni speċifikament approvata għall-iskop mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru, u fejn annimali oħra tad-difer maqsum biss li jkollhom mill-anqas l-istess status tas-saħħa jkunu preżenti;

(b) qabel ma’ jkunu nżammu fl-akkomodazjoni ta’ iżolament deskritta f’ (a) ikunu jappartienu għal merħliet:

(i) li huma uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolożi;

(ii) li huma uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi jew ħielsa mill-bruċellożi.

L-annimali ma jistgħux ikunu preċedentament miżmuma ma’ merħliet oħra ta’ status aktar baxx;

(ċ) ikunu ġejjin minn merħliet ħielsa mil-lewkożi enżotika ta’ l-ifrat jew li kienu imwielda minn baqra li tkun ġiet suġġetta għal test seroloġiku għal-lewkożi enżotika ta’ l-ifrat b’riżultat negattiv, mhux aktar minn 30 jum qabel ma l-annimal ikun daħal fiċ-ċentru.

Jekk din il-ħtieġa ma tistax tkun imwettqa, is-semen ma jistax ikun is-suġġett ta’ kummerċ sakemm id-donatur jilħaq l-età ta’ sentejn u jkun ġie ttestjat skond il-Kapitolu II.1(iii) b’riżultat negattiv;

(d) qabel il-perijodu ta’ iżolament speċifikat f’ (a), u matul it-30 jum preċedenti, jkunu ġew suġġetti għat-testijiet segwenti b’riżultati negattivi:

(i) test intradermali tat-tuberkulin imwettqa skond il-proċedura stabbilita fl-Anness B tad-Direttiva 64/432/KEE;

(ii) test ta’ agglutinizzazzjoni ta’ serum imwettaq skond il-proċedura stabbilita fl-Anness Ċ tad-Direttiva 64/432/KEE u li juri għadd ta’ bruċella aktar baxxa minn 30 IU ta’ agglutinazzjoni għal kull millilitru u fil-każ ta’ merħliet ħielsa mill-bruċellożi test komplimentari ta’ fissazzjoni li juri għadd ta’ bruċella aktar baxx minn 20 unitajiet KEE kull millilitru (20 unitajiet ICFT);

(iii) test seroloġiku għall-lewkożi enżotika ta’ l-ifrat imwettaq skond il-proċedura stabbilita fL-Anness G tad-Direttiva 64/432/KEE;

(iv) test ta’ newtralizzazzjoni ta’ serum jew test Elisa għal rhinotracheitis/infectious pustular vulvo-vaginitis;

(v) test ta’ iżolazzjoni ta’ virus (test ta’ florixxenża ta’ kontra il-ġisem jew test immunoperoxidase) għal dijarrea virali ta’ l-ifrat. F’każ ta’ annimal ta’ età anqas minn sitt xhur it-test għandu jkun diferit sakemm dik l-età tkun milħuqa.

L-awtorità kompetenti tista’ tagħti awtorizzazzjoni għat-testijiet imsemmija f’ (d) biex jitwettqu fl-akkomodazzjoni ta’ iżolament, kemm-il darba r-riżultati jkunu magħrufa qabel ma’ jibda l-perijodu ta’ 30 jum ta’ iżolament stabbilit f(e);

(e) matul il-perijodu ta’ iżolament ta’ mill-anqas 30 jum speċifikat f’ (a), ikunu ġew suġġetti għat-testijiet segwenti b’riżultati negattivi:

(i) test ta’ agglutinazzjoni ta’ serum imwettaq skond il-proċedura stabbilita fl-Anness Ċ tad-Direttiva 64/432/KEE u li juri għadd ta’ bruċella aktar baxxa minn 30 IU ta’ agglutiniazzjoni kull millilitru u test komplimentari ta’ fissazjoni li juru għadd ta’ bruċella aktar baxx minn 20 unitajiet KEE kull millilitru (20 unitajiet ICFT) fil-każ ta’ annimali ġejjin minn merħliet ħielsa mill-bruċellożi;

(ii) jew test ta’ immunoflorixxenti ta’ kontra il-ġisem jew test ta’ kultura għall-infezzjoni tal-fetucampylobacter fuq kampjun ta’ materjal prepuzjali jew ħasil artifiċjali tal-vaġina; fil-każ ta’ annimali femminili għandu jitwettaq test vaġinali ta’ agglutinizzazzjoni ta’ mukus;

(iii) eżaminazzjoni mikroskopiku u test ta’ kultura għall-fetu trichomonas fuq kampjun ta’ ħasil tal-vaġina jew ħasil prepuzjali; fil-każ ta’ annimali femminili għandu jitwettaq test vaġinali ta’ agglutinizzazzjoni ta’ mukus;

(iv) test ta’ newtralizzazzjoni ta’ serum jew test Elisa għal rhinotracheitis/infectious pustular vulvo-vaginitis;

jkollhom trattament kontra leptospirosis li jikkonsisti f’żewġ injezzjonijiet ta’ streptomycin f’intervall ta’ 14-il jum (25 mg kull kilogramma ta’ piż ta’ ġisem ħaj).

Jekk wieħed minn dawn it-testijiet ta’ hawn fuq jirriżulta pożittiv, l-annimal għandu jkun imneħħi minnufih mill-akkomodazjoni ta’ iżolament. Fil-każ ta’ iżolament ta’ grupp, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tistabbilixxi mill-ġdid l-eliġibilità tal-kumplament ta’ l-annimali għad-dħul fiċ-ċentru tal-ġbir skond dan l-Anness.

2. It-testijiet kollha għandhom jitwettqu f’laboratorju approvat mill-Istat Membru.

3. L-annimali jistgħu jidħlu biss fiċ-ċentri ta’ ġbir tas-semen bil-permess espress tal-veterinarju taċ-ċentru. Il-movimenti kollha, kemm 'il ġewwa u wkoll 'il barra, għandhom ikunu rreġistrati.

4. L-ebda annimal imdaħħal fiċ-ċentru ta’ ġbir tas-semen ma jista’ juri sinjali kliniċi ta’ mard fil-jum tad-dħul. L-annimali kollha għandhom, mingħajr preġudizzju għal paragrafu 5, ikunu ġejjin minn akkomodazzjoni ta’ iżolament bħal m’hemm imsemmi fil-paragrafu 1(a) li, fil-jum tal-kunsinna, iwettqu uffiċjalment dawn il-kondizzjonijiet segwenti:

(a) jkun jinstab fiċ-ċentru ta’ żona ta’ radjus ta’ 10 kilometri li fiha ma’ jkun hemm l-ebda każ tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer għal mill-anqas 30 jum;

(b) ikun mill-anqas għal tliet xhur ħieles mill-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer u l-bruċellożi;

(ċ) ikun mill-anqas għal 30 jum ħieles minn dak il-mard ta’ l-ifrat li huma notifikabbli b’obbligu skond l-Anness E tad-Direttiva 64/432/KEE.

5. Iżda l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 għandhom jiġu ssodisfati u t-testijiet ta’ rutina msemmija f’Kapitolu II jkunu ġew imwettqa matul it-12-il xahar preċedenti, annimali jistgħu jkunu trasferiti minn ċentru wieħed approvat ta’ ġbir tas-semen lejn ieħor ta’ status ta’ saħħa ugwali mingħajr iżolazzjoni jew testijiet jekk it-trasferiment ikun dirett. L-annimal ikkonċernat m’għandux jiġi f’kuntatt dirett jew indirett ma’ annimali ta’ difer maqsum ta’ status ta’ saħħa aktar baxxa u li l-mezzi tat-trasport użati għandhom ikunu ġew iddiżinfettati qabel l-użu. Jekk il-moviment minn ċentru wieħed ta’ ġbir tas-semen lejn ieħor iseħħ bejn l-Istati Membri, dan għandu jseħħ skond id-Direttiva 64/432/KEE.

IL-KAPITOLU II

TESTIJIET TA’ RUTINA U TRATTAMENT LI GĦANDHOM IKUNU APPLIKATI GĦALL-ANNIMALI TA’ L-IFRAT KOLLHA FIĊ-ĊENTRU APPROVAT TAL-ĠBIR TAS-SEMEN

1. L-annimali ta’ l-ifrat kollha miżmuma fiċ-ċentru tal-ġbir tas-semen għandhom ikunu suġġetti għat-testijiet u t-trattament segwenti għal mill-anqas darba fis-sena:

(i) test intradermali tat-tuberkulin għal tuberkulożi mwettaq skond il-proċedura stabbilita fl-Anness B tad-Direttiva 64/432/KEE, b’riżultat negattiv;

(ii) test ta’ agglutinazzjoni ta’ serum għal bruċellożi, imwettaq skond il-proċedura stabbilita fl-Anness Ċ tad-Direttiva 64/432/KEE, li jagħti għadd ta’ anqas minn 30 IU ta’ agglutinizzazzjoni kull millilitru;

(iii) test seroloġiku għall-lewkożi enżotika ta’ l-ifrat, imwettaq skond il-proċedura stabbilita fl-Anness G tad-Direttiva 64/432/KEE, b’riżultat negattiv;

(iv) test għal rhinotracheitis/infectious pustular vulvo-vaginitis, test ta’ newtralizzazzjoni ta’ serum jew test Elisa b’riżultat negattiv. Iżda, sal-31 ta’ Diċembru 1992, vaċċinazzjoni kontra dan il-mard tista’ tkun ipprattikata fuq barrin sero-negattivi, jew b’doża waħda ta’ vaċċina ħajja ta’ temperatura sensittiva amministrata intranażali jew żewġ dożi ta’ vaċċina inattivata separati b’intervall ta’ mhux anqas minn tliet ġimgħat u mhux aktar minn erba ġimgħat; il-vaċċinazzjoni għandha tkun ripetuta sussegwentament f’intervalli ta’ mhux aktar minn sitt xhur;

(v) jew test ta’ antibody immunoflorixxenti jew test ta’ kultura għal infezzjoni tal-fetu campylobacter fuq kampjun ta’ materjal prepuzjali jew ħasil artifiċjali tal-vaġina; fil-każ ta’ annimali femminili test vaġinali ta’ agglutinazzjoni ta’ mucus għandu jkun imwettaq.

2. It-testijiet kollha għandhom jiġu mwettqa f’laboratorju approvat mill-Istat Membru.

3. Jekk uħud mit-testijiet ta’ hawn fuq jirriżultaw pożittivi, l-annimal għandu jkun iżolat u s-semen miġbur minnu sa mill-aħħar test negattiv ma jistax ikun is-suġġett ta’ kummerċ intra-Komunitarju.

Is-semen miġbur mill-annimali l-oħra kollha fiċ-ċentru sa mid-data ta’ meta t-test pożittiv ikun twettaq għandhom jinżammu f’ ħażniet separati u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kummerċ intra-Komunitarju sakemm l-istatus tas-saħħa taċ-ċentru jkun ġie stabbilit mill-ġdid.

--------------------------------------------------

L-ANNESS Ċ

KONDIZZJONIJIET LI TAS-SEMEN MIĠBURA F'ĊENTRI APPROVATI GĦANDHOM JISSODISFAW GĦALL-ISKOPIJIET TA' KUMMERĊ INTRA-KOMUNITARJU

1. Is-semen għandu jkun akkwistata minn annimali li:

(a) ma juru l-ebda sinjali kliniċi ta' mard fil-jum li fih is-semen jittieħed;

(b) (i) ma jkunx ġie vvaċinat kontra l-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer; jew

(ii) ikun ġej minn ċentru fejn l-annimali kollha jkunu ġew protetti bis-sħiħ kontra tipi A, O u Ċ;

- u huma b'hekk jew annimali li, qabel jiddaħħlu fiċ-ċentru, ma kienux preċedentament ivvaċċinati kontra l-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer u għandhom, għalhekk, ikunu rċevew żewġ dożi ta' vaċċina ta' virus inattiv approvat u kkontrollat mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jesporta f'intervall ta' mhux anqas minn sitt ġimgħat u ta' mhux aktar minn tmien xhur,

- jew annimali li, qabel ma jiddaħħlu fiċ-ċentru, kienu vvaċċinati f'mill-anqas tliet okkażżjonijiet f'intervalli ta' mhux aktar minn sena waħda.

Meta l-vaċċinazzjoni tkun ipprattikata, l-annimali kollha għandhom jirċievu repetizzjonijiet ta' vaċċinazjoni f'intervalli ta' mhux aktar minn 12-il xahar;

(ċ) ma jkunux ġew ivvaċċinati kontra l-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer fi żmien 30 jum immedjatament qabel il-ġbir;

(d) ikunu nżammu f'ċentru approvat ta' ġbir ta' semen għal perijodu kontinwu ta' mill-anqas 30 jum immedjatament qabel il-ġbir tas-semen;

(e) ma jkunux imħollija li jinqdew naturalment;

(f) ikunu miżmuma f'ċentri ta' ġbir tas-semen li jkunu ħielsa mill-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer għal mill-anqas tliet xhur qabel il-ġbir tas-semen u 30 jum wara l-ġbir, u jkunu jinstabu fiċ-ċentru ta' żona ta' raġġ ta' 10 kilometri li fiha għal mill-anqas 30 jum ma kienx hemm l-ebda każ tal-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer;

(g) ikunu nżammu fiċ-ċentri ta' ġbir tas-semen li, matul il-perijodu li jibda 30 jum qabel il-ġbir u jispiċċa 30 jum wara l-ġbir tas-semen, ikunu ħielsa minn dawk il-mard ta' l-ifrat li huma notifikabbli b'obbligu skond l-Anness E tad-Direttiva 64/432/KEE.

2. Antibijotiċi kif imniżżla hawn taħt għandhom ikunu miżjuda biex jipproduċu dawn il-konċentrati fit-taħlita finali tas-semen:

mhux anqas minn: | 500 IU kull ml streptomycin, |

500 IU kull ml penicillin, |

150 μg kull ml lincomycin, |

300 μg kull ml spectinomycin. |

Taħlita alternattiva ta' antibijotiċi b' effett ekwivalenti kontra campylobacters, leptospires u mycoplasmas tista tkun użata.

Immedjatament wara ż-żieda tagħhom, is-semen imħallat għandu jinżamm f'temperatura ta' mill-anqas 5 °C għal perijodu ta' mhux anqas minn 45 minuta.

3. Is-semen għal kummerċ intra-Komunitarju għandu:

(i) jinħażen f'kondizzjonijiet approvati għal perijodu minimu ta' 30 jum qabel ma jintbagħat;

(ii) jiġi ttrasportat lejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni f'vażetti li jkunu ġew imnaddfa u diżinfettati jew sterilizzati qabel l-użu u li kienu ġew issiġillati qabel il-kunsinna mill-faċilitajiet approvati tal-ħażna.

--------------------------------------------------

L-ANNESS D

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top