EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31977L0452

Id-Direttiva Tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 1977 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv u d-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

OJ L 176, 15.7.1977, p. 1–7 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)
Greek special edition: Chapter 06 Volume 001 P. 251 - 257
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 002 P. 3 - 8
Portuguese special edition: Chapter 06 Volume 002 P. 3 - 8
Special edition in Finnish: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 203
Special edition in Swedish: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 203
Special edition in Czech: Chapter 06 Volume 001 P. 54 - 60
Special edition in Estonian: Chapter 06 Volume 001 P. 54 - 60
Special edition in Latvian: Chapter 06 Volume 001 P. 54 - 60
Special edition in Lithuanian: Chapter 06 Volume 001 P. 54 - 60
Special edition in Hungarian Chapter 06 Volume 001 P. 54 - 60
Special edition in Maltese: Chapter 06 Volume 001 P. 54 - 60
Special edition in Polish: Chapter 06 Volume 001 P. 54 - 60
Special edition in Slovak: Chapter 06 Volume 001 P. 54 - 60
Special edition in Slovene: Chapter 06 Volume 001 P. 54 - 60
Special edition in Bulgarian: Chapter 06 Volume 001 P. 48 - 54
Special edition in Romanian: Chapter 06 Volume 001 P. 48 - 54

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/10/2007; Imħassar b' 32005L0036

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1977/452/oj

31977L0452



Official Journal L 176 , 15/07/1977 P. 0001 - 0007
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0198
Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0251
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0198
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0003
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 2 P. 0003


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tas-27 ta’ Ġunju 1977

dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv u d-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

(77/452/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57, 66 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi, skond it-Trattat, it-trattament diskriminatorju kollu bbażat fuq ċittadinanza fejn għandhom x’jaqsmu l-istabbiliment u l-provvediment ta’ servizzi hu pprojbit mill-aħħar tal-perijodu transitorju; billi l-prinċipju ta’ dan it-trattament ibbażat fuq iċ-ċittadinanza japplika b’mod partikolari għall-għoti ta’ kull awtorizzazzjoni meħtieġa għall-prattika bħala infirmiera responsabbli għall-kura ġenerali u wkoll għar-reġistrazzjoni ma’ jew sħubija ma’ organizzazzjonijiet jew korpi professjonali;

Billi madanakollu jidher mixtieq li ċerti dispożizzjonijiet jiġu introdotti biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għar-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ l-infirmiera responsabbli għall-kura ġenerali;

Bili, skond it-Trattat, l-Istati Membri huma meħtieġa ma jagħtu ebda forma ta’ għajnuna li x’aktarx tikkrea distorsjoni tal-kondizzjonijiet ta’ stabbiliment;

Billi l-Artikolu 57(1) tat-Trattat jipprovdi li jinħarġu Direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u prova oħra ta’ kwalifiki formali;

Billi jidher avviżabbli li, kontemporanjament mar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, għandha ssir dispożizzjoni għall-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet li jirregolaw it-taħriġ ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali; billi din il-koordinazzjoni hija s-suġġett tad-Direttiva 77/453/KEE [3];

Billi f’ħafna Stati Membri l-liġi tagħmel id-dritt li jinbdew u jitwettqu l-attivitajiet ta’ infirmiera responsabbli għall-kura ġenerali dipendenti fuq il-pussess ta’ diploma ta’ l-infermerija; billi f’ċerti Stati Membri oħrajn fejn din il-ħtieġa ma teżistix, id-dritt li jiġi użat it-titolu ta’ infirmiera responsabbli għall-kura ġenerali hu madanakollu regolat bil-liġi;

Billi, fir-rigward tal-pussess ta’ ċertifikat formali ta’ taħriġ, ladarba Direttiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi ma timplikax neċessarjament ekwivalenza fit-taħriġ kopert minn dawn id-diplomi; l-użu ta’ dawn il-kwalifiki għandu jiġi awtorizzat biss fil-lingwa ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani;

Billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu li, f’addizzjoni għaċ-ċertifikati formali tat-taħriġ, il-persuna li tissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ taħriġ meħtieġa minn din id-Direttiva għandha tipprovdi ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha jew tal-pajjiż li minnu tiiddikjara li dawn iċ-ċertifikati ta’ taħriġ huma dawk koperti mid-Direttiva;

Billi, fir-rigward tal-ħtiġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-karattru tajjeb u r-reputazzjoni tajba, għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-ħtiġiet li għandhom jiġu ssodisfati meta l-ewwel tinbeda l-professjoni u dawk li għandhom jiġu ssodisfati biex tiġi pprattikata;

Billi fil-każ tal-provvediment ta’ servizzi, il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni ma’ jew sħubija ma’ organizzazzjonijiet jew korpi professjonali, ladarba hi relatata man-natura fissa u permanenti ta’ l-attività mwettqa fil-pajjiż li jospita, kienet mingħajr dubju tikkostitwixxi ostakolu għall-persuna li tixtieq tipprovdi s-servizz, għar-raġuni tan-natura temporanja ta’ l-attività tagħha; billi din il-ħtieġa għandha għalhekk tiġi abolita; billi, madanakollu, f’dan il-każ, il-kontroll fuq id-dixxiplina professjonali, li hi r-responsabbiltà ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jew il-korpi professjonali, għandu jiġi garantit; billi, b’dan l-iskop, għandu jiġi pprovdut, soġġett għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 62 tat-Trattat, li l-persuna kkonċernata tista’ tkun meħtieġa tissottometti lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita dettalji li jirrigwardaw il-provvediment ta’ servizzi;

Billi, sa fejn huma kkonċernati l-attivitajiet ta’ infermiera impjegati responsabbli għall-kura ġenerali, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fil-Komunità [4] ma jistabbilixxi ebda dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-karattru tajjeb jew mar-reputazzjoni tajba, id-dixxiplina professjonali jew l-użu tat-titolu għall-professjonijiet koperti; billi li, jiddependi fuq l-Istat Membru individwali, dawn ir-regoli huma jew jistgħu ikunu applikabbli għal kemm persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom; billi l-attivitajiet ta’ infirmieraresponsabbli għall-kura ġenerali huma soġġetti f’ħafna Stati Membri għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifika formali fl-infermerija; billi dawn l-attivitajiet huma mwettqa minn kemm persuni impjegati u li jaħdmu għal rashom, jew mill-istess persuni fiż-żewġ kapaċitajiet matul il-karriera professjonali tagħhom; billi sabiex jiġi mħeġġeġ sa fejn hu possibbli l-moviment ħieles ta’ dawk il-persuni professjonali fil-Komunità, jidher għalhekk neċessarju li din id-Direttiva tiġi estiża għall-infermiera impjegati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet ta’ infermieraresponsabbli għall-kura ġenerali.

2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva "l-attivitajiet ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali" għandha tfisser asttivitajiet imwettqa minn persuni li jippossjedu t-titoli li ġejjin:

fil-Ġermanja:

"Krankenschwester", "Krankenpfleger";

fil-Belġju:

"hospitalier(ère)/verpleegassistent(e)", "infirmier(ère) hospitalier(ère)/ziekenhuisverpleger (-verpleegster)";

fid-Danimarka:

"sygeplejerske";

fi Franza:

"infirmier(ère)";

fl-Irlanda:

Registered General Nurse;

fl-Italja:

"infermiere professionale";

fil-Lussemburgu:

"infirmier";

fl-Olanda:

"verpleegkundige";

fir-Renju Unit:

l-Ingilterra, il-Galles u l-Irlanda ta’ Fuq:

"State Registered Nurse";

fl-Iskozja:

"Regsitered General Nurse".

IL-KAPITOLU II

ID-DIPLOMI, IĊ-ĊERTIFIKATI U PROVI OĦRAJN TA’ KWALIFIKI FORMALI TA’ INFERMIERA RESPONSABBLI GĦALL-KURA ĠENERALI

L-Artikolu 2

Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali mogħtija lil ċittadini ta’ l-Istati Membri minn Stati Membri oħrajn skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/453/KEE u li huma mniżżla fl-Artikolu 3, billi jagħti lil dawn il-kwalifiki, sa fejn hu kkonċernat id-dritt li jinbdew u jitwettqu l-attivitajiet ta’ infirmiera responsabbli għall-kura ġenerali f’kapaċità għal rasha, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal dawk li l-Istat Membru proprju jagħti.

L-Artikolu 3

Id-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 2 huma li ġejjin:

(a) fil-Ġermanja:

- iċ-ċertifikati mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti bħala riżultat tas-"staatliche Prüfung in der Krankenpflege" (l-eżami għall-infermiera ta’ l-Istat),

- iċ-ċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jiddikjaraw li d-diplomi mogħtija wara t-8 ta’ Mejju 1945 mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanija huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk elenkati fl-ewwel inċiż;

(b) fil-Belġju:

- iċ-ċertifikat ta’ l-"hospitalier(ère)/verpleegassistent(e)" mogħti mill-Istat jew minn skejjel stabbiliti jew rikonoxxuti mill-Istat,

- iċ-ċertifikat ta’ l-"infirmier(ère) hospitalier(ère)/ziekenhuisverpleger (-verpleegster)" mogħti mill-Istat jew minn skejjel stabbiliti jew rikonoxxuti mill-Istat,

- id-diploma ta’ "infirmier(ère) gradué(e) hospitalier(ère)/gegradueerd ziekenhuisverpleger (-verpleegster)" mogħtija mill-Istat jew minn kulleġġi paramediċi ogħla stabbiliti jew rikonoxxuti mill-Istat;

(ċ) fid-Danimarka:

- id-diploma ta’ "sygeplejerske" mogħtija minn skejjel ta’ l-infirmerija rikonoxxuti mis-"Sundhedsstyrelsen" (Il-Bord tas-Saħħa ta’ l-Istat);

(d) fi Franza:

- id-Diploma ta’ l-Istat ta’ "infirmier(ère)" mogħti mill-Ministru tas-Saħħa;

(e) fl-Irlanda:

- Iċ-ċertifikat ta’ "Registered General Nurse" mogħti minn "An Bord Altranais" (il-Bord ta’ l-Infirmerija);

(f) fl-Italja:

- id-"diploma di abilitazione professionale per infermiere professionale" mogħtija minn skejjel rikonoxxuti mill-Istat;

(g) fil-Lussemburgu:

- id-diploma ta’ l-Istat ta’ "infirmier"

- id-diploma ta’ l-Istat ta’ "infirmier hospitalier gradué"

mogħtija mill-Ministru tas-Saħħa Pubblika skond deċiżjoni tal-bord ta’ l-eżamiijiet;

(h) fl-Olanda:

- id-diplomi ta’ "verpleger A", "verpleegster A" jew "verpleegkundige A",

- id-diploma ta’ "verpleegkundigeMBOV (Middelbare Beroepsopleiding Verpleegkundige)" (taħriġ intermedju fl-infirmerija),

- id-diploma ta’ "verpleegkundigeHBOV (Hogere Beroepsopleiding Verpleegkundige)" (taħriġ ogħla fl-infirmerija),

mogħtija minn wieħed mill-bords ta’ l-eżamijiet maħtur mill-awtoritajiet pubbliċi;

(i) fir-Renju Unit:

- iċ-ċertifikat ta’ ammissjoni għall-parti ġenerali tar-Reġistru, mogħti fl-Ingilterra u l-Galles mill-Kunsill Ġenerali għall-Infirmerija għall-Ingilterra u l-Galles, fl-Iskozja mill-Kunsill Ġenerali għall-Infirmerija għall-Iskozja u fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Kunsill ta’ l-Irlanda ta’ Fuq għall-Infirmerija u l-Qwiebel.

IL-KAPITOLU III

ĊIRKOSTANZI EŻISTENTI

L-Artikolu 4

Fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li d-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali tagħhom ma jissodisfawx il-ħtiġiet minimi kollha ta’ taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/453/KEE, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi, bħala prova suffiċjenti, d-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiċi formali ta’ l-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali mogħtija minn dawk l-Istati Membri qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva 77/453/KEE, li magħhom ikun hemm ċertifikat li jiddikjara li dawk iċ-ċittadini kienu effettivament u legalment ingaġġatti fl-attivitajiet ta’ infirmiera responsabbli għall-kura ġenerali għal mill-inqas tliet snin matul il-ħames snin qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat.

Dawn l-attivitajiet kellhom jinkludu li tittieħed responsabbiltà kompleta għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u t-twettiq tal-kura tal-pazjent mill-infermiera.

IL-KAPITOLU IV

L-UŻU TAT-TITOLU AKKADEMIKU

L-Artikolu 5

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, l-Istati Membri li jospitaw għandhom jiżguraw li ċittadini ta’ l-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4 jkollhom id-dritt li jużaw it-titolu legali akkademiku, safejn mhuwiex identiku għat-titolu professjonali, jew, meta approprjat, l-abbrevjazzjoni tiegħu ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jew ta’ l-Istat Membru li minnu jiġu, fl-lingwa jew fil-lingwi ta’ dak l-Istat. L-Istati Membri li jospitaw jistgħu jeħtieġu li dan it-titolu jkollu warajh l-isem u l-post ta’ l-istabbiliment jew tal-bord ta’ l-eżami li tah.

2. Jekk it-titolu akkademiku użat fl-Istat Membru ta’ oriġini, jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċittadin barrani, jista’ jkun konfuż ma’ l-Istat Membru li jospita ma’ titolu li jeħtieġ, f’dak l-Istat, taħriġ addizzjonali li l-persuna kkonċernata ma tkunx ħadet, l-Istat Membru li jospita jista’ jeħtieġ li din il-persuna tuża t-titolu użat fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu tiġi, fi kliem addattat li għandu jiġi indikat mill-Istat Membru li jospita.

IL-KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET BIEX JIĠI FFAĊILITAT L-EŻERĊIZZJU EFFETTIV TAD-DRITT TA’ STABBILIMENT U L-LIBERTÀ LI JIĠU PPROVDUTI SERVIZZI FIR-RIGWARD TA’ L-ATTIVITAJIET TA’ INFERMIERA RESPONSABBLI GĦALL-KURA ĠENERALI

A. Dispożizzjonijiet li jirrelataw speċifikament għad-dritt ta’ stabbiliment

L-Artikolu 6

1. Stat Membru li jospita li jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu prova ta’ karattru tajjeb jew reputazzjoni tajba meta jibdew għall-ewwel darba xi attività msemmija fl-Artikolu 1 għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani li jattesta li l-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru dwar il-karattru tajjeb jew ir-reputazzjoni tajba biex tinbeda l-attività inkwistjoni kienu sodisfatti.

2. Meta l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ma jeħtieġx prova tal-karattru tajjeb jew tar-reputazzjoni tajba tal-persuni li jixtiequ jibdew l-attività inkwistjoni għall-ewwel darba, l-Istat Membru li jospita jista’ jeħtieġ miċ-ċittadin ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jew mill-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani estratt mir-"reġistru ġudizzjarju" jew, fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

3. Jekk l-Istat Membru li jospita għandu tagħrif dettaljat dwar kwistjoni serja li ġrat barra t-territorju tiegħu u li x’aktarx taffettwa l-bidu fit-territorju tiegħu ta’ l-attività kkonċernata, jista’ jinforma lill-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

L-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jivverifika l-eżattezza tal-fatti jekk x’aktarx jaffettwaw f’dak l-Istat Membru l-bidu ta’ l-attività inkwistjoni. L-awtoritajiet f’dak l-Istat għadhom jiddeċiedu dwar in-natura u sa fejn għandha ssir l-investigazzjoni u għandhom jinformaw lill-Istat Membru li jospita b’kull azzjoni ta’ konsegwenza li jieħdu fir-rigward taċ-ċertifikati jew id-dokumenti li jkunu ħarġu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konfidenzjalità ta’ l-informazzjoni li hi mgħoddija.

L-Artikolu 7

1. Meta, fi Stat Membru li jospita, dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament, jew b’azzjoni amministrattiva huma fis-seħħ u jistabilixxu ħtiġiet dwar il-karattru tajjeb jew ir-reputazzjoni tajba, inklużi dispożizzjonijiet għall-azzjoni dixxiplinarja fir-rigward ta’miskondotta serja professjonali jew kundanna għal offiżi kriminali u relatati mat-twettiq ta’ xi attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jgħaddi lill-Istat Membru li jospita l-informazzjoni kollha neċessarja li tirrigwarda miżuri jew azzjoni dixxiplinarja ta’ natura professjonali jew amministrativa meħuda fir-rigward tal-persuna kkonċernata, jew il-pieni kriminali imposti fuqha fit-twettiq tal-professjoni tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu ġiet.

2. Jekk l-Istat Membru li jospita jkollu tagħrif dettaljat dwar kwistjoni serja li ġrat barra t-territorju tiegħu u li x’aktarx taffettwa t-twettiq fit-territorju tiegħu ta’ l-attività kkonċernata, jista’ jinforma l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

L-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jivverifika l-eżattezza tal-fatti jekk x’aktarx jaffettwaw f’dak l-Istat Membru t-twettiq ta’ l-attività inkwistjoni. L-awtoritajiet f’dak l-Istat għandhom jiddeċiedu dwar in-natura u sa fejn għandha ssir l-investigazzjoni u għandhom jinformaw lill-Istat Membru li jospita b’kull azzjoni ta’ konsegwenza li jista’ jieħu fir-rigward ta’ l-informazzjoni li għaddew skond il-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konfidenzjalità ta’ l-informazzjoni li hi mgħoddija.

L-Artikolu 8

Meta Stat Membru li jospita jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu li jixiequ jibdew jew iwettqu xi attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ċertifikat ta’ saħħa fiżika jew mentali, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti tagħha l-preżentazzjoni tad-dokument meħtieġ fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

Meta l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ma jimponi ebda ħtiġiet ta’ din ix-xorta fuq dawk li jixtiequ jibdew jew iwettqu l-attività inkwistjoni, l-Istat Membru li jospita għandu jaċċetta minn dan iċ-ċittadin ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti f’dak l-Istat li jikkorrispondi maċ-ċeritifkati maħruġa fl-Istat Membru li jospita.

L-Artikolu 9

Dokumenti maħruġa skond l-Artikoli 6, 7 u 8 ma jistgħux jiġu ppreżentati iktar minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

L-Artikolu 10

1. Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-persuna kkonċernata biex tibda xi attività msemmija fl-Artikolu 1, skond l-Artikoli 6, 7 u 8, għadha tiġi kkompletata kemm jista’ jkun malajr u mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ din il-persuna, mingħajr preġudizzju għal dewmien li jirriżulta minn xi appell li jista’ jsir mat-terminu ta’ din il-proċedura.

2. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 6(3) u 7(2), talba għal ri-eżaminazzjoni għandha tissospendi l-perijodu stipulat fil-paragrafu 1.

L-Istat Membru kkonsultat għandu jagħti t-tweġiba tiegħu fi żmien tliet xhur.

Malli jirċievi t-tweġiba jew fl-aħħar tal-perijodu l-Istat Membru li jospita għandu jkompli bil-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.

B. Disposizzjonijiet speċjali li jirrelataw mal-provvediment ta’ servizzi

L-Artikolu 11

1. Meta Stat Membru jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ jibdew jew iwettqu xi attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 awtorizzazzjoni jew sħubija ma’ jew reġistrazzjoni ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, dak l-Istat Membru għandu fil-każ tal-provvediment ta’ servizzi jeżenta ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri minn dik il-ħtieġa.

Il-persuna kkonċernata għandha tipprovdi s-servizzi bl-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru li jospita; b’mod partikolari għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ kondotta ta’ natura professjonali jew amministrattiva li japplikaw f’dak l-Istat Membru.

Meta Stat Membru li jospita jadotta miżura skond it-tieni subparagrafu jew isir konxju tal-fatti li jseħħu kontra dawn id-dispożizzjonijiet, għandu minnufih jinforma l-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hi stabbilita.

2. L-Istat Membru li jospita jista’ jitlob lill-persuna kkonċernata li tagħmel dikjarazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti li tikkonċerna l-provvediment ta’ servizzi tagħha meta jinvolvu żmien temporanju fit-territorju tiegħu.

F’każijiet urġenti din id-dikjarazzjoni tista’ ssir kemm jista’ jkun malajr wara li s-sevizzi jkunu ġew ipprovduti.

3. Skond il-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru li jospita jista’ jitlob li l-persuna kkonċernata tforni dokument wieħed jew iktar li jikkontjenu d-dettalji li ġejjin:

- id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2,

- ċertifikat li jiddikjara li l-persuna kkonċernata qiegħda twettaq b’mod legali l-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru fejn hi stabbilita,

- ċertifikat li l-persuna kkonċernata tipposjedi jew wieħed jew aktar diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn ta’ kwalifika formali approprjata għall-provvediment tas-servizzi inkwistjoni u msemmija f’din id-Direttiva.

4. Id-dokument jew id-dokumenti speċifikati fil-paragrafu 3 ma jistgħux jiġu prodotti iktar minn 12-il xahar wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

5. Meta Stat Membru temporanjament jew b’mod permanenti iċaħħad, kompletament jew parzjalment, wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor stabbilit fit-territorju tiegħu mid-dritt li jwettqu xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, għandu, kif approprjat, jiżgura l-irtirar temporanju jew permanenti taċ-ċertifikat imsemmi fit-tieni inċiż tal-paragrafu 3.

L-Artikolu 12

Meta hi meħtieġa reġistrazzjoni ma’ korp pubbliku ta’ sigurtà soċjali fi Stat Membru li jospita għal stabbiliment ma’ korpijiet tal-kontijiet ta’ l-assigurazzjoni li jirrigwardaw servizzi mogħtija lil persuni assigurati taħt skemi ta’ sigurtà soċjali, dak l-Istat Membru għandu jeżenta ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri stabbiliti fi Stat Membru ieħor minn din il-ħtieġa f’każijiet ta’ provvediment ta’ servizzi li tinvolvi l-ivvjaġġar min-naħa tal-persuna kkonċernata.

Madanakollu, l-persuni kkonċernati għandhom ifornu l-informazzjoni li tikkonċerna s-servizzi pprovduti, lil dan il-korp, bil-quddiem jew, f’każijiet urġenti, sussegwentement.

Ċ. Dispożizzjonijiet konswetudinarji għad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

L-Artikolu 13

Meta fi Stat Membru li jospita l-użu tat-titolu professjonali relatat għal wieħed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 hu soġġett għal regoli, ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4 għandhom jużaw it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru li jospita li, f’dak l-Istat, jikkorrispondi għal dawk il-kondizzjonijiet ta’ kwalifika, u għandhom jużaw it-titolu abbrevjat.

L-Artikolu 14

Meta Stat Membru li jospita jeħtieġ li ċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ jibdew jew iwettqu wieħed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 jieħdu ġurament jew jagħmlu dikjarazzjoni solenni u meta l-forma ta’ dan il-ġurament jew dikjarazzjoni ma tistax tiġi użata minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li forma approprjata u ekwivalenti ta’ ġurament jew dikjarazzjoni hi offerta lill-persuna kkonċernata.

L-Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarja sabiex ikun possibbli għall-persuni konċernati li jakkwistaw informazzjoni dwar il-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà soċjali u, meta applikabbli, dwar l-etika professjonali ta’ l-Istat Membru li jospita.

Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jistabilixxu ċentri ta’ informazzjoni li minnhom dawn il-persuni jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni neċessarja. Fil-każ ta’ stabbiliment, l-Istati Membri li jospitaw jistgħu jeħtieġu lill-persuni kkonċernati jikkuntattjaw lil dawn iċ-ċentri.

2. L-Istati Membri jistgħu jistabilixxu ċ-ċentri msemmija fil-paragrafu 1 fi ħdan l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti li huma għandhom jinnominaw fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 19(1).

3. L-Istati Membri għandhom jaraw li, meta approprjat, il-persuni kkonċernati jakkwistaw, fl-interess tagħhom stess u dak tal-pazjenti tagħhom, it-tagħrif lingwistiku neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom fl-Istat Membru li jospita.

IL-KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 16

Fil-każ ta’ dubji ġġustifikati, l-Istat Membru li jospita jista’ jeħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor konferma ta’ l-awtentiċità tad-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali maħruġa f’dak l-Istat Membru l-ieħor u msemmija fil-Kapitoli II u III, u wkoll konferma tal-fatt li l-persuna kkonċernata ssodisfat il-ħtiġiet kollha ta’ taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 77/453/KEE.

L-Artikolu 17

Fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 19(1), l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti biex joħorġu jew jirċievu d-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali kif ukoll id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija f’din id-Direttiva, u għandhom minnufih jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 18

Din id-Direttiva għandha wkoll tapplika għal ċittadini ta’ Stati Membri li, skond ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68, qed iwettqu jew sejrin iwettqu bħala persuni impjegati waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1.

L-Artikolu 19

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri neċessarja biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 20

Meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet maġġuri f’ċerti oqsma fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina dawn id-diffikultajiet flimkien ma’ dak l-Istat u għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Uffiċjali Anzjani dwar is-Saħħa Ġenerali stabbilit taħt id-Deċiżjoni 75/365/KEE [5], kif emendat mid-Deċiżjoni 77/455/KEE [6].

Meta neċessarju, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti approprjati lill-Kunsill.

L-Artikolu 21

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Ġunju 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Silkin

[1] ĠU C 65, tal-5.6.1970, p. 12.

[2] ĠU C 108, tas-26.8.1970, p.23.

[3] Ara paġna 8 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[4] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

[5] ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 19.

[6] Ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

Top