EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02010R0072-20160421

Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 tas- 26 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/72/2016-04-21

2010R0072 — MT — 21.04.2016 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 72/2010

tas-26 ta’ Jannar 2010

li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 023 27.1.2010, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/472 tal-31 ta' Marzu 2016

  L 85

28

1.4.2016




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 72/2010

tas-26 ta’ Jannar 2010

li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 ( 1 ), u partikolarment l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tkun issorveljata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet. L-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa sabiex tkun ivverifikata l-effikaċja tal-programmi nazzjonali għall-kontroll tal-kwalità.

(2)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien matul it-tħejjija u t-twettiq tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni.

(3)

Il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibbiltà li tinkludi fit-tims tagħha tal-ispezzjoni awdituri nazzjonali kkwalifikati li jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri.

(4)

L-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni u r-rappurtar tagħhom għandhom jitwettqu skont proċedura stabbilita, li tinkludi metodoloġija standard.

(5)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-nuqqasijiet identifikati waqt l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni jitranġaw fil-pront.

(6)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ twettaq spezzjonijiet ta’ segwitu sabiex tivverifika r-rettifika tan-nuqqasijiet.

(7)

Għandu jkun hemm proċess biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet meqjusa tant serji li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

SUĠĠETT U TIFSIRIET

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri għat-twettiq ta’ spezzjonijiet mill-Kummissjoni biex tkun issorveljata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 mill-Istati Membri. L-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom ikopru lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri u l-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet magħżulin li japplikaw l-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni. L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu b’mod trasparenti, effikaċi, armonizzat u konsistenti.

Artikolu 2

It-tifsiriet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

1. “awtorità xierqa” tfisser l-awtorità nazzjonali maħtura minn Stat Membru skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008;

2. “spezzjoni mill-Kummissjoni” tfisser eżaminazzjoni, mill-ispetturi tal-Kummissjoni, tal-kontrolli eżistenti tal-kwalità u tal-miżuri, tal-proċeduri u tal-istrutturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili eżistenti sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-konformità mar-Regolament (KE) Nru 300/2008;

▼M1

3. “spettur tal-Kummissjoni” tfisser persuna magħżula mill-Kummissjoni biex tieħu sehem fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, li tkun ċittadin tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) u li tkun impjegata minn xi waħda minn dawn li ġejjin:

 il-Kummissjoni;

 Stat Membru tal-Unjoni, bħala awditur nazzjonali;

 Stat Membru tal-EFTA, bħala persuna inkarigata mit-twettiq ta' attivitajiet ta' sorveljanza tal-konformità fuq livell nazzjonali f'isem dak l-Istat Membru;

 l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA,

 is-Segretarjat tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili;

▼B

4. “Kumitat” tfisser il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008;

5. “nuqqas” tfisser nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 300/2008;

6. “awditur nazzjonali” tfisser persuna impjegata mill-Istat Membru biex twettaq attivitajiet ta’ sorveljanza tal-konformità fuq livell nazzjonali f’isem l-awtorità xierqa;

7. “test” tfisser prova tal-miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni, fejn tigi ssimulata l-intenzjoni li titwettaq azzjoni ta’ interferenza kontra l-liġi bil-għan li tiġi eżaminata l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-miżuri eżistenti tas-sigurtà;

8. “miżura ta’ kumpens” tfisser miżura temporanja jew firxa ta’ miżuri bil-għan li jillimitaw sal-massimu possibbli l-impatt ta’ nuqqas identifikat waqt it-twettiq ta’ spezzjoni qabel ma tkun tista’ ssir il-korrezzjoni sħiħa.



KAPITOLU II

REKWIŻITI ĠENERALI

Artikolu 3

Il-kooperazzjoni tal-Istati Membri

1.  Mingħajr ħsara għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha ta’ spezzjoni. Għandu jkun hemm din il-kooperazzjoni matul il-fażijiet ta’ tħejjija, ta’ sorveljanza u ta’ rrappurtar.

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiżguraw li n-notifika tal-ispezzjoni tinżamm kunfidenzjali sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-ispezzjoni ma jkunx kompromess.

Artikolu 4

L-eżerċizzju tal-poteri tal-Kummissjoni

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw l-awtorità tagħhom li jispezzjonaw l-attivitajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tal-awtorità xierqa skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 u ta’ kwalunkwe ajruport, operatur u entità soġġetti għal dak ir-Regolament.

2.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li, fuq talba, l-ispetturi tal-Kummissjoni jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti meħtieġa biex tiġi vvalutata l-konformità mal-istandards komuni.

3.  Kull fejn l-ispetturi tal-Kummissjoni jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-eżekuzzjoni ta’ dmirijiethom, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jużaw kwalunkwe mezz fil-limiti tas-setgħat ġuridiċi tagħhom biex jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompitu kollu tagħha.

Artikolu 5

Il-kriterji għall-kwalifika tal-ispetturi tal-Kummissjoni

Sabiex jikkwalifikaw għall-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom ikollhom l-esperjenza teoretika u prattika rilevanti u għandhom ikunu lestew b’suċċess it-taħriġ.

Dan it-taħriġ għandu:

(a) ikun mogħti mis-servizzi tal-Kummissjoni;

(b) ikun inizjali u rikorrenti;

(c) jiżgura standard ta’ prestazzjoni xierqa għall-għanijiet li jiġi stabbilit jekk il-miżuri tas-sigurtà humiex implimentati skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 jew le.

It-taħriġ inizjali għandu jinkludi eżami.

Artikolu 6

Il-parteċipazzjoni tal-awdituri nazzjonali fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni

1.  L-Istati Membri għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni awdituri nazzjonali li kapaċi jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni kif ukoll fil-fażijiet relatati tat-tħejjija u tar-rappurtar.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-dettalji ta’ mill-anqas awditur nazzjonali wieħed, iżda ta’ mhux aktar minn ħamsa, li jistgħu jissejħu biex jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni.

3.  Lista bl-awdituri nazzjonali kollha nnominati mill-Istati Membri u li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 għandha tiġi kkomunikata ta’ kull sena lill-Kumitat.

4.  Awditur nazzjonali m’għandux jipparteċipa fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni fl-Istat Membru fejn hu impjegat.

5.  It-talbiet biex l-awdituri nazzjonali jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità xierqa kmieni biżżejjed, normalment mill-anqas xahrejn qabel ma tkun se titwettaq l-ispezzjoni.

6.  L-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tal-awdituri nazzjonali fl-ispezzjoni mill-Kummissjoni għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni, skont ir-regoli tal-Komunità.



KAPITOLU III

PROĊEDURI GĦAT-TWETTIQ TAL-ISPEZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

Artikolu 7

In-notifika tal-ispezzjonijiet

1.  Il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtorità xierqa dwar spezzjoni li tkun ser titwettaq fit-territorju tagħha tal-anqas xahrejn qabel.

2.  Kwestjonarju ta’ qabel l-ispezzjoni li għandu jimtela mill-awtorità xierqa għandu, fejn xieraq, jiġi kkomunikat fl-istess waqt man-notifika tal-ispezzjoni, flimkien ma’ talba għal kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti. Il-kwestjonarju mimli u kwalunkwe dokumentazzjoni mitluba għandhom jingħataw lill-Kummissjoni tal-anqas ġimagħtejn qabel ma tkun skedata li tibda l-ispezzjoni.

3.  F’każ fejn il-Kummissjoni jkollha tagħrif li jissuġġerixxi l-eżistenza, f’ajruport, ta’ nuqqasijiet li jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità, l-awtorità xierqa tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi kkonsultata u l-perjodu ta’ notifika bil-quddiem ta’ spezzjoni jista’ jitqassar għal ġimagħtejn. F’dan il-każ, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw.

Artikolu 8

It-tħejjija tal-ispezzjonijiet

1.  L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu attivitajiet ta’ tħejjija sabiex jiżguraw l-effiċjenza, l-eżattezza u l-konsistenza fl-ispezzjonijiet.

2.  L-awtorità xierqa għandha tiġi pprovduta bl-ismijiet tal-ispetturi tal-Kummisjoni li għandhom il-mandat iwettqu spezzjoni, flimkien ma’ dettalji oħra kif xieraq.

3.  Għal kull spezzjoni l-awtorità xierqa għandha taħtar koordinatur li għandu jagħmel l-arranġamenti prattiċi assoċjati mal-attività tal-ispezzjoni li tkun ser titwettaq. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-koordinatur lill-Kummissjoni fi żmien tliet ġimgħat minn meta jirċievu n-notifika tal-ispezzjoni.

Artikolu 9

It-twettiq tal-ispezzjonijet

1.  L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu l-ispezzjonijiet b’mod effiċjenti u effikaċi, b’rispett sħiħ għas-sigurtà u s-sikurezza tagħhom stess u ta’ ħaddieħor. L-ispetturi tal-Kummissjoni li l-imġiba tagħhom matul spezzjoni ma tilħaqx dawn l-istandards jistgħu jiġu esklużi minn spezzjonijiet oħra mill-Kummissjoni.

2.  Għandha tintuża metodoloġija standard sabiex tkun issorveljata l-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 300/2008.

It-twettiq tal-ispezzjonijiet għandu jissejjes fuq ġbir sistematiku tat-tagħrif bl-użu ta’ teknika minn dawn li ġejjin jew ta’ aktar minn waħda minnhom:

(a) osservazzjonijiet

(b) verifiki

(c) intervisti

(d) eżaminazzjoni tad-dokumenti u

(e) testijiet.

3.  L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn rappreżentant tal-awtorità xierqa meta jwettqu l-attivitajiet tal-ispezzjoni. L-imġiba tal-akkumpanjatur ma għandhiex tippreġudika l-effiċjenza jew l-effikaċja tal-attivitajiet tal-ispezzjoni.

4.  L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iġorru karta tal-identità li tawtorizza l-ispezzjonijiet f’isem il-Kummissjoni u karta tal-identifikazzjoni tal-ajruport li tippermetti aċċess għaż-żoni kollha meħtieġa għall-ispezzjoni. Il-format tal-karta tal-identifikazzjoni tal-ajruport ma għandhiex tippreġudika l-effiċjenza jew l-effikaċja tal-attivitajiet tal-ispezzjoni.

5.  It-testijiet għandhom jitwettqu biss wara notifika bil-quddiem u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtorità xierqa.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu awtorizzati jġorru oġġetti li jintużaw għall-għanijiet tat-testijiet, fosthom dawk li huma, jew li jidhru qishom oġġetti pprojbiti, f’kull żona li għaliha huwa meħtieġ l-aċċess waqt spezzjoni u matul it-tranżitu minn u għal spezzjoni, skont kwalunkwe protokoll miftiehem.

7.  L-awtorità xierqa għandha tiġi mgħarrfa mill-aktar fis prattikabbli dwar kwalunkwe nuqqas serju identifikat waqt spezzjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 10, fi tmiem l-ispezzjoni l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom, kull fejn ikun prattikabbli, jagħtu taqsira informali orali tas-sejbiet tagħhom fuq il-post.

Artikolu 10

Ir-rapport tal-ispezzjoni

1.  Fi żmien sitt ġimgħat minn meta titlesta spezzjoni, għandu jiġi kkomunikat rapport ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni lill-awtorità xierqa.

L-awtorità xierqa għandha twassal minnufih is-sejbiet rilevanti lill-ajruport, l-operaturi jew l-entitajiet li tkun saritilhom l-ispezzjoni.

2.  Ir-rapport għandu jagħti s-sejbiet tal-ispetturi, fosthom kwalunkwe nuqqas identifikat. Ir-rapport jista’ jkun fih rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta’ rimedju.

3.  Meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, għandhom japplikaw il-klassifikazzjonijiet li ġejjin:

(a) konformi bis-sħiħ

(b) konformi, iżda hu mixtieq xi titjib

(c) mhux konformi

(d) mhux konformi, b’nuqqasijiet serji

(e) ma japplikax

(f) mhux ikkonfermat.

Artikolu 11

It-tweġiba tal-awtorità xierqa

1.  Fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jintbagħat ir-rapport ta’ spezzjoni, l-awtorità xierqa għandha tagħti lill-Kummissjoni tweġiba bil-miktub għar-rapport li:

(a) tindirizza s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet;

(b) tipprovdi pjan ta’ azzjoni, li jispeċifika l-azzjonijiet u l-iskadenzi, sabiex jiġi rrimedjat kwalunkwe nuqqas identifikat.

2.  Fil-każ ta’ spezzjoni ta’ segwitu, it-tweġiba tal-awtorità xierqa għandha tingħata fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha jintbagħat ir-rapport tal-ispezzjoni.

3.  F’każ fejn ir-rapport tal-ispezzjoni ma jidentifika l-ebda nuqqas, ma għandha tkun meħtiega l-ebda tweġiba.

Artikolu 12

Ir-rettifika tan-nuqqasijiet

1.  Ir-rettifika tan-nuqqasijiet identifikati waqt l-ispezzjoni għandha titwettaq fil-pront. Fejn ir-rettifika ma tkunx tista titwettaq fil-pront, għandhom jiġu implimentati miżuri ta’ kumpens.

2.  L-awtorità xierqa għandha tikkonferma r-rettifika tan-nuqqasijiet lill-Kummissjoni bil-miktub. Din il-konferma għandha tissejjes fuq l-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-konformità mwettqa mill-awtorità xierqa.

3.  L-awtorità xierqa għandha tiġi mgħarrfa meta rapport ta’ spezzjoni jitqies li ma jeħtieġx aktar azzjoni.

Artikolu 13

L-ispezzjonijiet ta’ segwitu

1.  Wara li tirċievi t-tweġiba mingħand l-awtorità xierqa u kwalunkwe kjarifika ulterjuri meħtieġa, il-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjoni ta’ segwitu.

2.  L-awtorità xierqa għandha tingħata mill-anqas notifika minn ġimagħtejn qabel dwar spezzjoni ta’ segwitu li tkun ser titwettaq fit-territorju tagħha.

3.  Dawn l-ispezzjonijiet ta’ segwitu għandhom jikkonċentraw prinċipalment fuq l-oqsma fejn ikunu ġew identifikati n-nuqqasijiet waqt l-ispezzjoni inizjali mill-Kummissjoni.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 14

It-tagħrif lill-Kumitat

Il-Kumitat għandu jiġi mgħarraf regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-programm tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, kif ukoll dwar ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 15

In-notifika lill-awtoritajiet xierqa dwar nuqqasijiet serji

1.  Awtorità xierqa għandha tiġi mgħarrfa minnufih jekk spezzjoni f’ajruport fit-territorju tagħha tikxef nuqqas serju meqjus li għandu impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità. Dan it-tagħrif għandu jiġi kkomunitkat fil-pront lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri l-oħra kollha.

2.  L-awtoritajiet xierqa għandhom ukoll jiġu mgħarrfa minnufih meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif kredibbli dwar l-azzjoni ta’ rettifika, fosthom dwar il-miżuri ta’ kumpens, li jikkonferma li n-nuqqasijiet innotifikati skont dan l-Artikolu ma għadx għandhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità.

Artikolu 16

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sa mid-data speċifikata fir-regoli tal-implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

Top