EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009L0032-20100916

Consolidated text: Direttiva 2009/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi tal-estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel (Tfassil mill-ġdid) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/32/2010-09-16

2009L0032 — MT — 16.09.2010 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DIRETTIVA 2009/32/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi tal-estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel

(Tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 141, 6.6.2009, p.3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/59/UE Test b’relevanza għaż-ŻEE tas-26 ta' Awwissu 2010

  L 225

10

27.8.2010




▼B

DIRETTIVA 2009/32/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi tal-estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel

(Tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew ( 1 ),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

Billi:

(1)

Direttiva tal-Kunsill 88/344/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1988, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi tal-estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel ( 3 ) ġiet emendata kemm-il darbab’mod sinifikattiv ( 4 ). Minħabba li ser isiru aktar emendi hija għandha tiġi mfassla mill-ġdid, għall-interessi tal-kjarezza.

(2)

Id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mas-solventi tal-estrazzjoni jtellfu l-moviment liberu tal-oġġetti tal-ikel u jistgħu joħolqu kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ugwali biex b’hekk jiġi affetwat direttament il-mod kif jaħdem is-suq intern.

(3)

L-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet hija għalhekk meħtieġa jekk irid jinkiseb il-moviment liberu tal-oġġetti tal-ikel.

(4)

Il-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mas-solventi tal-estrazzjoni għall-użu fl-oġġetti tal-ikel għandhom primarjament iqisu l-ħtiġiet tas-saħħa tal-bniedem iżda wkoll, fil-limiti meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa, il-ħtiġiet ekonomiċi u tekniċi.

(5)

Din l-approssimazzjoni għandha tinvolvi l-istabbiliment talista waħda tas-solventi tal-estrazzjoni għall-preparazzjoni tal-oġġetti tal-ikel jew tal-ingredjenti tal-ikel. Għandhom ukoll jiġu speċifikati l-kriterji ġenerali tal-purità.

(6)

L-użu ta’ solvent tal-estrazzjoni skond il-kondizzjonijiet tal-prattika t-tajba tal-manifattura għandu jirriżulta fit-tneħħija tar-residwi kollha tas-solvent jew tal-biċċa l-kbira minnhom mill-oġġett tal-ikel jew mill-ingredjent tal-ikel.

(7)

Taħt dawn il-kondizzjonijiet, il-preżenza ta’ residwi jew ta’ derivati fl-oġġett tal-ikel jew fl-ingredjent tal-ikel aħħari tista’ ma tkunx intenzjonata iżda teknikament inevitabbli.

(8)

Minkejja li b’mod ġenerali tkun utli limitazzjoni speċifika, m’hemmx għalfejn tiġi stabbilita għas-sustanzi elenkati fil-Parti I tal-Anness I li jkunu nstabu aċċettabbli rigward is-sigurezza tal-konsumatur meta jkunu użati taħt il-kondizzjonijiet tal-prattika t-tajba tal-manifattura.

(9)

Biex titqies il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet dwar l-użu ta’ solventi oħra tal-estrazzjoni elenkati fil-Partijiet II u III tal-Anness I u l-valuri massimi tar-residwi permessi fl-ikel u fl-ingredjenti tal-ikel.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi dwar il-purità għas-solventi tal-estrazzjoni u għall-metodi tal-analiżi u għal kif jittieħdu l-kampjuni tas-solventi tal-estrazzjoni ġewwa u fuq l-oġġetti tal-ikel.

(11)

Jekk l-użu ta’ solvent tal-estrazzjoni li għalih hemm provvediment f’din id-Direttiva jidher li joħloq riskju għas-saħħa b’riżultat tat-tagħrif ġdid, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jissospendu jew jillimitaw dan l-użu, jew inaqqsu l-limiti eżistenti, sakemm tittieħed deċiżjoni fil-livell Komunitarju.

(12)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’Ġunju 1999 li tistabbiliixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni moghtija lill-Kummissjoni ( 5 ).

(13)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex, b’mod partikolari, temenda l-lista ta’ solventi ta’ estrazzjoni li jistgħu jintużaw waqt l-ipproċessar tal-materji prima, ta’ oġġetti tal-ikel, jew tal-komponenti jew l-ingredjenti ta’ dawn il-prodotti, u l-ispeċifikazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom u l-limiti massimi tar-residwu, u sabiex tadotta kriterji speċifiċi tal-purità tas-solventi tal-estrazzjoni u għall-metodi tal-analiżi meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji ġenerali u speċifiċi tal-purità u għal kif jittieħdu l-kampjuni tas-solventi tal-estrazzjoni ġewwa u fuq l-oġġetti tal-ikel. Peress li dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn jeħtieġ li jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(14)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-limiti ta’ żmien normalment applikabbli għal proċedura regolatorja bi skrutinju għandhom jitnaqqsu għall-adozzjoni ta’ emendi għal-lista ta’ solventi ta’ estrazzjoni li jistgħu jintużaw waqt l-ipproċessar tal-materji prima, ta’ oġġetti tal-ikel, jew tal-komponenti jew l-ingredjenti ta’ dawn il-prodotti u l-ispeċifikazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom u l-limiti massimi tar-residwu u sabiex jiġu adottati kriterji speċifiċi tal-purità tas-solventi tal-estrazzjoni.

(15)

Meta, għal raġunijiet ta’ urġenza imperattiva, b’mod partikolari fejn jeżisti perikolu għas-saħħa tal-bniedem, ma jkunx possibli li jiġu osservati l-limiti ta’ żmien normalment applikabbli għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibilità li tapplika l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6) tad-deċiżjoni 1999/468/KE għall-adozzjoni tal-emendi għall-lista ta’ solventi ta’ estrazzjoni li jistgħu jintużaw waqt l-ipproċessar tal-materji prima, ta’ oġġetti tal-ikel, jew tal-komponenti jew l-ingredjenti ta’ dawn il-prodotti, u l- ispeċifikazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom u l-limiti massimi tar-residwu, u sabiex tadotta kriterji speċifiċi tal-purità tas-solventi tal-estrazzjoni, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ emendi għal din id-Direttiva meta jkun stabbilit li l-użu fl-oġġetti tal-ikel ta’ kwalunkwe sustanza użata fl-Anness I jew il-livell ta’ wieħed jew aktar mill-komponenti msemmija fl-Artikolu 3 preżenti f’dawn is-sustanzi ikun jista’ jipperikola is-saħħa tal-bniedem għalkemm ikun jikkonforma mal-kondizzjoniet f’din id-Direttiva.

(16)

L-elementi ġodda introdotti f’din id-Direttiva jikkonċernaw biss il-proċeduri tal-kumitati. Għalhekk m’hemmx bżonn li jiġu trasposti mill-Istati Membri.

(17)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

1.  Din id-Direttiva tapplika għas-solventi tal-estrazzjoni użati jew maħsuba biex jintużaw fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel jew tal-ingredjenti tal-ikel.

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għas-solventi tal-estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-addittivi tal-ikel, il-vitamini jew addittivi nutrijenti oħra, għajr jekk dawn l-addittivi tal-ikel, il-vitamini jew l-addittivi nutrijenti huma elenkati fl-Anness I.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-użu tal-addittivi tal-ikel, il-vitamini u l-addittivi nutrijenti l-oħra ma jirriżultax sabiex l-oġġetti tal-ikel jkun fihom livelli ta’ residwi tas-solvent tal-estrazzjoni li jkunu ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem.

Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet adottati skond regoli Komunitarji aktar speċifiċi.

2.  Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) “solvent” ifisser kull sustanza użata sabiex tħoll l-oġġett tal-ikel jew kull komponent tiegħu, inkluż kull kontaminant preżenti ġewwa jew fuq dan l-oġġett tal-ikel;

(b) “solvent tal-estrazzjoni” ifisser solvent li huwa użat skond proċedura tal-estrazzjoni matul il-proċessar tal-materji prima, ta’ oġġetti tal-ikel, jew tal-komponenti jew l-ingredjenti ta’ dawn il-prodotti u li jiġi mneħħi iżda li jista’ jirriżulta fil-preżenza mhux intenzjonata, iżda teknikament inevitabbli, ta’ residwi jew derivati fl-oġġetti tal-ikel jew fl-ingredjent tal-ikel.

Artikolu 2

1.  L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-użu tas-solventi tal-estrazzjoni fil-manifattura tal-oġġetti tal-ikel jew tal-ingredjenti tal-ikel ta’ dawk is-sustanzi u materjali elenkati fl-Anness I, skond il-kondizzjonijiet tal-użu u fejn xieraq fil-limiti massimi tar-residwi speċifikati f’dak l-Anness.

L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq tal-oġġetti tal-ikel jew tal-ingredjenti tal-ikel għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mas-solventi tal-estrazzjoni użati jew mar-residwi tagħhom jekk dawn jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri la għandhom jawtorizzaw l-użu ta’ sustanzi u materjali oħra bħala solventi tal-estrazzjoni, u lanqas jestendu l-kondizzjonijiet jew l-użu jew ir-residwi permessi tas-solventi tal-estrazzjoni elenkati fl-Anness I lil hemm minn dawk speċifikati fih.

3.  L-ilma, li jista’ jkun ġie miżjud b’sustanzi li jirregolaw l-aċidità jew l-alkalinità, sustanzi oħra tal-ikel li jkollhom proprjetajiet tas-solvent huma awtorizzati bħala solventi tal-estrazzjoni fil-manifattura tal-oġġetti tal-ikel jew tal-ingredjenti tal-ikel.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi s-sustanzi u l-materjali elenkati bħala solventi tal-estrazzjoni fl-Anness I jikkonformaw mal-kriterji tal-purità ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

(a) m’għandux ikun fihom ammont tossikoloġiku perikoluż ta’ xi element jew sustanza;

(b) bla ħsara għal kull eċċezzjoni dderivata mill-kriteriji speċifiċi tal-purità adottati skond il-punt (d) tal-Artikolu 4, m’għandux ikun fihom aktar minn 1 mg/kg ta’ arseniku jew aktar minn 1 mg/kg ta’ ċomb;

(c) għandhom jissodisfaw il-kriterji speċifiċi tal-purità adottati skond il-punt (d) tal-Artikolu 4.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tadotta dawn li ġejjin:

(a) l-emendi meħtieġa għall-Anness I fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku fil-kamp tal-użu ta’ solventi, tal-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom u tal-limiti massimi tar-residwu;

(b) il-metodi tal-analiżi meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji ġenerali u speċifiċi tal-purità previsti fl-Artikolu 3;

(c) il-proċedura għat-teħid tal-kampjuni u l-metodi għall-analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tas-solventi tal-estrazzjoni elenkati fl-Anness I u użati fl-oġġetti tal-ikel jew fl-ingredjenti tal-ikel;

(d) jekk meħtieġa, il-kriterji speċifiċi tal-purità tas-solventi tal-estrazzjoni elenkati fl-Anness I, u b’mod partikulari l-limiti massimi permessi ta’ merkurju u ta’ kadmju fis-solventi tal-estrazzjoni.

Il-miżuri msemmija fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi, inter alia, jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 6(2).

Il-miżuri mssemmija fil-punti (a) u (d) tal-ewwel subparagrafu, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi, inter alia, jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 6(3).

Fejn meħtieġ, il-miżuri msemmija fil-punti (a) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatarja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 6(4).

Artikolu 5

1.  Meta Stat Membru, b’riżultat tat-tagħrif ġdid jew ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tat-tagħrif eżistenti magħmula mindu kienet addottata din id- Direttiva, ikollu raġunijiet iddettaljati sabiex jistabbilixxi illi l-użu fl-oġġetti tal-ikel ta’ xi sustanza elenkata fl-AnnessI jew li l-livell ta’ wieħed jew aktar mill-komponenti riferiti fl-Artikolu 3 misjub f’dawn is-sustanzi jistgħu jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem għalkemm jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, dak l-Istat Membru jista’ jissospendi jew jirrestrinġi temporanjament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan minnufih u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2.  Il-Kummissjoni għandha teżamina malajr kemm jista’ jkun ix-xhieda mogħtija mill-Istat Membru konċernat u tikkonsulta lill-Kumitat msemmi fl-Artikolu 6(1) , imbagħad għandha tagħti l-opinjoni tagħha minnufih u tieħu l-miżuri adatti, li jistgħu jieħdu l-post tal-miżuri riferiti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.  Jekk il-Kummissjoni tqis illi huma meħtieġa emendi għal din id-Direttiva sabiex issolvi d-diffikultajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u sabiex tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għandha taddotta dawn l-emendi.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottatiskond il-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 6(4) .

Kull Stat Membru li jkun adotta miżuri ta’ salvagwardja jista’ f’dan il-każ iżommhom sakemm l-emendi jidħlu fis-seħħ fit-territorju tiegħu.

Artikolu 6

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorita’ Ewropea dwar is-Sigurta’ fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurta’ tal-ikel ( 6 ).

2.  Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, waqt li jkunu meqjusa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.  Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4) u (5)(b) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, waqt li jkunu meqjusa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodi previsti fl-Artikolu 5a(3)(c), (4)(b) u (4)(e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu stabbiliti għal xahrejn, xahar u xahrejn rispettivament.

4.  Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, waqt li jkunu meqjusa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 7

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi s-sustanzi elenkati fl-Anness I u maħsuba għall-użu bħala solventi tal-estrazzjoni fl-oġġetti tal-ikel ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq għajr jekk l-imballaġġ, il-kontenituri jew it-tikketti tagħhom ikun fihom il-partikolaritjiet li ġejjin hekk li jkunu jidhru b’mod faċli, jinqraw b’mod ċar u ma jitħassrux:

(a) l-isem kummerċjali kif indikat fl-Anness I;

(b) indikazzjoni ċara illi l-materjal huwa ta’ kwalità adatta sabiex jintuża’ għall-estrazzjoni tal-ikel jew tal-ingredjenti tal-ikel;

(c) referenza li biha l-lott ikun jista’ jiġi identifikat;

(d) l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-fabbrikant jew tal-ippakkjatur jew tal-bejjiegħ stabbilit fil-Komunità;

(e) l-ammont nett mogħti bħala unitajiet tal-volum;

(f) jekk meħtieġa, il-kondizzjonijiet speċjali tal-ħażna jew il-kondizzjonijiet tal-użu.

2.  B’deroga mill-paragrafu 1, il-partikolaritjiet speċifikati fil-punti (c), (d), (e) u (f) ta’ dak il-paragrafu jistgħu jidhru biss fuq id-dokumenti kummerċjali li jkollhom x’jaqsmu mal-lott li jridu jiġu fornuti mal-kunsinna jew qabel.

3.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet Komunitarji iktar preċiżi jew aktar estensivi rigward l-użin u l-kejl jew id-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-klassifikar, l-imballaġġ u l-ittikkettjar tas-sustanzi u tat-taħlitiet perikolużi.

4.  L-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jistabbilixxu ħtiġiet aktar iddettaljati minn dawk li jinsabu diġà f’dan l-Artikolu rigward il-mod li bih il-partikolaritajiet provduti jridu jintwerew.

Kull Stat Membru għandu, madankollu, jiżgura illi jiġi pprojbit il-bejgħ tas-solventi tal-estrazzjoni fit-territorju tiegħu jekk il-partikolaritajiet li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artikolu ma jidhrux f’lingwa li tinftiehem b’mod faċli mix-xerrejja, għajr jekk ikunu ttieħdu miżuri oħra sabiex jiżguraw illi x-xerrej jiġi mgħarraf. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tipprevjeni milli dawn il-partikolaritajiet jiġu indikati f’lingwi varji.

Artikolu 8

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika ukoll għas-solventi tal-estrazzjoni użati jew maħsuba biex jintużaw fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel jew tal-ingredjenti tal-ikel importati fil-Komunità.

2.  Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għas-solventi tal-estrazzjoni, jew għall-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-esportazzjoni l’ barra mill-Komunità.

Artikolu 9

Id-Direttiva 88/344/KEE, kif emendata mill-atti mniżżla fl-Anness II, Parti A, hija mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

IS-SOLVENTI TAL-ESTRAZZJONI LI JISTGĦU JINTUŻAW MATUL IL-PROĊESSAR TAL-MATERJI PRIMA, TAL-OĠĠETTI TAL-IKEL, TAL-KOMPONENTI TAL-IKEL JEW TAL-INGREDJENTI TAL-IKEL

IL-PARTI I

Is-solventi tal-estrazzjoni li għandhom jintużaw skond il-prattika tajba tal-manifattura għall-użi kollha ( 7 )

L-isem:

Il-Propan

Il-Butan

L-Aċetat tal-Etil

L-Etanol

Id-Dijossidu tal-Karbonju

L-Aċetone ( 8 )

L-Ossidu tan-Nitroġenu

IL-PARTI II

Is-solventi tal-estrazzjoni li għalihom il-kondizzjonijiet tal-użu huma speċifikati



L-Isem

Il-Kondizzjonijiet tal-użu

(id-deskrizzjoni sommarja tal-estrazzjoni)

Il-Limiti massimi tar-residwi fl-oġġett tal-ikel estratt jew fl-ingredjent tal-ikel

Il-Hexane (1)

Il-produzzjoni jew il-frazzjonalizzazzjoni tax-xaħmijiet u ż-żjut u l-produzzjoni tal-butir tal-kawkaw

1 mg/kg fix-xaħam jew fiż-żejt jew fil-butir tal-kawkaw

It-tħejjija tal-prodotti tal-proteini bix-xaħam imneħħi u ta’ tipi ta’ dqiq bix-xaħam imneħħi

10 mg/kg fl-ikel li jkun fih il-prodotti tal-proteini bix-xaħam imneħħi u tipi ta’ dqiq bix-xaħam imneħħi

30 mg/kg fil-prodotti tas-soy bix-xaħam imneħħi kif mibjugħa lill-aħħar konsumatur

It-tħejjija tal-ġermolji taċ-ċereali bix-xaħam imneħħi

5 mg/kg fil-germolji taċ-ċereali bix-xaħam imneħħi

L-Aċetat tal-metil

It-tneħħija tal-kafeina, jew it-tneħħija tal-irritanti jew l-imrar mill-kafè u t-te

20 mg/kg fil-kafè jew it-te

Il-produzzjoni taz-zokkor mill-ġulepp magħqud (molasses)

l mg/kg fiz-zokkor

L-etilmetilketone1 (2)

Il-frazzjonizzazzjoni tax-xaħmijiet u ż-żjut

5 mg/kg fix-xaħam jew fiż-żejt

It-tneħħija tal-kafeina, jew it-tneħħija tal-irritanti jew l-imrar mill-kafè u t-te

20 mg/kg fil-kafè jew fit-te

Id-diklorometane

It-tneħħija tal-kafeina, jew it-tneħħija tal-irritanti jew l-imrar mill-kafè u t-te

2 mg/kg fil-kafè inkaljat u 5 mg/kg fit-te

Methanol

Għall-użi kollha

10 mg/kg

Propan-2-ol

Għall-użi kollha

10 mg/kg

▼M1

Dimethyl ether

Preparazzjoni ta' prodotti ta' proteini ta' annimali mingħajr xaħam

0,009 mg/kg fil-prodott ta' proteina bix-xaħam imneħħi

▼B

(1)   Il-Hexane huwa prodott kummerċjali li essenzjalment fih l-idrokarboni aċikliċi saturati li jkun fihom sitt atomi tal-karbonju u li jiddistilla bejn l-64 °C u s-70 °C. L-użu kkombinat tal-Hexane u tal-Etilmetilketone huwa pprojbit.

(2)   Il-livell tal-n-Hexane f’dan is-solvent m’għandux jaqbeż il-50 mg/kg. L-użu kkombinat ta’ Hexane u Etilmetilketone huwa pprojbit.

IL-PARTI III

Is-solventi tal-estrazzjoni li għalihom huma speċifikati l-kondizzjonijiet tal-użu



L-isem

Il-limiti massimi tar-residwi fl-oġġetti tal-ikel minħabba l-użu tas-solventi tal-estrazzjoni fil-preparazzjoni tat-taħwir minn materjali naturali tat-taħwir

Id-Diethyl Ether

2 mg/kg

L-Hexane (1)

1 mg/kg

Iċ-Ċiklohexane

1 mg/kg

L-Aċetat tal-Metil

1 mg/kg

Il-Butan-1-ol

1 mg/kg

Il-Butan-2-ol

1 mg/kg

L-Etilmetilketone (1)

1 mg/kg

Id-Diklorometan

0,02 mg/kg

Il-Propan-1-ol

1 mg/kg

1,1,1,2-tetrafluoroetane

0,02 mg/kg

▼M1

Metanol

1,5 mg/kg

Propan-2-ol

1 mg/kg

▼B

(1)   L-użu kkombinat ta’ Hexane u Etilmetilketone huwa pprojbit.




ANNESS II

PARTI A



Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmi fl-Artikolu 9)

Direttiva tal-Kunsill 88/344/KEE

(ĠU L 157, 24.6.1988, p. 28)

 

Direttiva tal-Kunsill 92/115/KEE

(ĠU L 409, 31.12.1992, p. 31)

 

Direttiva 94/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 331, 21.12.1994, p. 10)

 

Direttiva 97/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 331, 3.12.1997, p. 7)

 

Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)

Anness III, Punt 9 biss

PARTI B



Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmi fl-Artikolu 9)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

88/344/KEE

13 ta’ Ġunju 1991

92/115/KEE

a.  1 ta’ lulju 1993

b.  1 ta’ Jannar 1994 (1)

94/52/KE

7 ta’ Diċembru 1995

97/60/KE

a.  27 ta’ Ottubru 1998

b.  27 ta’ April 1999 (2)

(1)   Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/115/KEE:“L-Istati Membri għandhom jemendaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom hekk li:

— jippermettu l-kummerċ fil-prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ lulju 1993,

— jipprojbixxu l-kummerċ fil-prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994.”

(2)   Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/60/KE:“L-Istati Membri għandhom jemendaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jawtorizzaw il-kummerċ fil-prodotti li:

— jikkonformaw mad-Direttiva 88/344/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 1998;

— jipprojbixxu l-kummerċ fil-prodotti li ma jikkonformawx mad-Direttiva 88/344/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva, mis-27 ta’ April 1999. Madankollu, il-prodotti li jkunu tqiegħdu, fis-suq jew ikunu ġew ittikkettjati qabel dik id-data u li ma jikkonformawx mad-Direttiva 88/344/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva, jistgħu jiġu mqiegħda fis-suq sakemm jispiċċaw il-ħażniet.”




ANNESS III



Tabella ta’ korrelazzjoni

Direttiva 88/344/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(2)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(3)

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(4)

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Anness

Anness I

Anness II

Anness III



( 1 ) ĠU C 224, 30.8.2008, p. 87.

( 2 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Settembru 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 2009.

( 3 ) ĠU L 157, 24.6.1988, p. 28.

( 4 ) Ara l-Anness II, Parti A.

( 5 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

( 6 ) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

( 7 ) Solvent tal-estrazzjoni huwa kkunsidrat bħala li jintuża f’ konformità ma’ prattika tajba ta’ fabbrikazzjoni jekk l-użu tiegħu jirriżulta biss fil-preżenza ta’ residwi jew derivativi fi kwantitajiet teknikament inevitabbli li ma jippreżentaw ebda perikolu għas-saħħa umana.

( 8 ) L-użu tal-Aċetone fir-raffinament taż-żejt taż-żebbuġa-pomaċja huwa pprojbit.

Top