EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008R0199-20080312

Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal- 25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/199/2008-03-12

2008R0199 — MT — 12.03.2008 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 199/2008

tal-25 ta’ Frar 2008

dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd

(ĠU L 060, 5.3.2008, p.1)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 096, 16.4.2010, p. 8  (199/08)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 199/2008

tal-25 ta’ Frar 2008

dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd ( 3 ) jipprevedi valutazzjonijiet regolari mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (minn issa ‘l quddiem “STECF”) tal-ġestjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin, li jinkludu konsiderazzjonijiet bijoloġiċi, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u tekniċi.

(2)

Il-Kodiċi ta’ Mġiba għal Sajd Responsabbli ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u ta’ l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-Ftehim dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Ħażniet ta’ Ħut Transżonali t-tnejn li huma jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żviluppati r-riċerka u l-ġbir tad-data bil-għan li jittejjeb l-għarfien xjentifiku tas-settur.

(3)

F’konformità ma’ l-objettivi tal-Politika Komuni dwar is-Sajd dwar il-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin f’ilmijiet mhux Komunitarji, il-Komunità għandha tieħu sehem fl-isforzi li jittieħdu għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, notevolment skond id-dispożizzjonijiet adottati fi Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd jew minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

(4)

Fit-23 ta’ Jannar 2003, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tistabbilixxi “Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju sabiex jiġu integrati l-ħtiġiet tal-ħarsien ambjentali fil-PKS” bi prinċipji ta’ gwida, miżuri ta’ ġestjoni u programm ta’ ħidma, u b’hekk lejn approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tas-sajd.

(5)

Fit-13 ta’ Ottubru 2003, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-parir xjentifiku u tekniku għall-ġestjoni tas-Sajd fil-Komunità, li jiddeskrivu l-ħtiġiet Komunitarji għall-parir xjentifiku, jistabbilixxu l-mekkaniżmi għall-għoti ta’ pariri, jidentifikaw l-oqsma fejn is-sistema jeħtieġ li tissaħħaħ u jissuġġerixxu soluzzjonijiet possibbli fuq perijodu qasir, dak medju u dak fit-tul.

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1543/2000 tad-29 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi struttura Komunitarja għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data meħtieġa għat-twettiq tal-politika komuni dwar is-sajd ( 4 ) jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex jitqies debitament approċċ ibbażat fuq il-flotta lejn il-ġestjoni tas-sajd, il-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ ekosistemiku, il-ħtieġa għal kwalità aħjar, kompletezza u aċċess usa’ għad-data dwar is-sajd, appoġġ aktar effiċjenti għall-għoti ta’ parir xjentifiku u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.

(7)

Ir-Regolamenti attwali fil-qasam tal-ġbir u l-ġestjoni tad-data dwar is-sajd jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-ġbir u l-ġestjoni ta’ data dwar il-bastimenti tas-sajd, l-attivitajiet u l-qabdiet tagħhom u dwar il-monitoraġġ tal-prezzijiet, li għandhom jitqiesu f’dan ir-Regolament sabiex jiġi allinjat il-ġbir u l-użu ta’ din id-data fil-Politika Komuni dwar is-Sajd u biex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni tal-ġbir ta’ data. Dawn ir-Regolamenti huma r-Regolament (KEE) Nru 2847/1993 ( 5 ) tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni, ir-Regolament (KE) Nru 788/1996 tat-22 ta’ April 1996 dwar is-sottomissjoni ta’ l-Istati Membri ta’ statistiċi dwar il-produzzjoni ta’ l-akwakultura ( 6 ), ir-Regolament (KE) Nru 2091/1998 tat-30 ta’ Settembru 1998 dwar is-segmentazzjoni tal-flotta tas-sajd tal-Komunità u l-isforzi tas-sajd b’relazzjoni mal-programmi multiannwali ( 7 ), ir-Regolament (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura ( 8 ), ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet speċjali ta’ aċċess u kondizzjonijiet relattivi għas-sajd ta’ ħażniet ta’ baħar fond ( 9 ), ir-Regolament (KE) Nru 1954/2003 ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar l-immaniġġjar ta’ l-isforz għas-sajd li jirrigwarda ċerti żoni u riżorsi tas-sajd tal-Komunità ( 10 ), ir-Regolament (KE) Nru 2244/2003 tat-18 Diċembru 2003 li jistabbilixxi disposizzjonijiet dettaljati dwar is-Sistemi ta’ Sorveljanza tal-Bastimenti bis-satellita ( 11 ), ir-Regolament (KE) Nru 26/2004 tat-30 ta’ Diċembru 2003 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità ( 12 ), ir-Regolament (KE) Nru 812/2004 tas-26 ta’ April 2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd ( 13 ), ir-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data ta’ l-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri ( 14 ), ir-Regolament (KE) Nru 1966/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar elettroniku ta’ l-attivitajiet tas-sajd u dwar il-mezzi ta’ telerilevament ( 15 ), ir-Regolament (KE) Nru 1100/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru ta’ l-istokk tas-sallura Ewropea ( 16 ).

(8)

Id-data miġbura għall-finijiet ta’ evalwazzjoni xjentifika għandha tinkludi informazzjoni dwar flotot u l-attivitajiet tagħhom, data bijoloġika li tkopri l-qabdiet, inklużi dawk li jintremew lura, informazzjoni minn stħarriġ dwar ħażniet tal-ħut u l-impatt ambjentali li jista’ jkun ikkawżat minn sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Għandha tinkludi wkoll data li tispjega l-formazzjoni tal-prezz u data oħra li tista’ tiffaċilita valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-intrapriżi tas-sajd, akkwalkultura u l-industrija ta’ l-ipproċessar, kif ukoll tax-xejriet ta’ l-impjiegi f’dawn is-setturi.

(9)

Sabiex jitħarsu u jkunu kkonservati r-riżorsi akkwatiċi ħajjin u l-isfruttar sostenibbli tagħhom, l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd għandu jiġi implimentat progressivament. Fid-dawl ta’ dan, għandha tinġabar data sabiex tiġi vvalutati l-effetti tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar.

(10)

Il-programmi Komunitarji għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data dwar is-sajd għandhom jiġu implimentati taħt ir-responsabbiltà diretta ta’ l-Istati Membri. Għalhekk l-Istati Membri għandhom ifasslu programmi nazzjonali skond il-programm Komunitarju.

(11)

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw bejniethom, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, u jikkoordinaw il-programmi nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-ġbir ta’ data dwar l-istess reġjun tal-baħar u reġjuni li jkopri ilmijiet interni rilevanti.

(12)

Il-prijoritajiet għandhom jiġu stabbiliti fil-livell Komunitarju, kif għandhom ikunu wkoll il-proċeduri għall-ġbir ta’ data u l-ipproċessar fil-Komunità, sabiex jiġi żgurat li s-sistema kollha hija konsistenti u sabiex tiġi ottimizzata l-effettività ta’ l-ispiża permezz tal-ħolqien ta’ qafas pluriennali reġjonali stabbli.

(13)

Id-data msemmija f’dan ir-Regolament għandha tiddaħħal f’bażijiet tad-data kompjuterizzati nazzjonali sabiex tkun aċċessibbli għall-Kummissjoni u tista’ tiġi trasmessa lill-utenti finali. Huwa fl-interess tal-komunità xjentifika li d-data li ma tippermettix identifikazzjoni personali tkun disponibbli lil kwalunkwe parti interessata fl-analiżi ta’ tali data.

(14)

Il-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd teħtieġ l-ipproċessar ta’ data dettaljata sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu data meħtieġa għal analiżi xjentifika u għandhom jiżguraw li għandhom il-kapaċità teknika biex jagħmlu dan. Jekk meħtieġ, id-data dettaljata jista jkolla tiġi aggregata qabel it-trasmissjoni tagħha għal-livell ta’ aggregazzjoni stipulat fit-talba kif definit mill-utenti finali.

(15)

L-obbligi marbuta ma’ l-aċċess għad-data koperta b’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri skond id-Direttiva 2003/4/KE ( 17 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, kif ukoll skond ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ( 18 ).

(16)

Il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament hija rregolata bid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 19 ) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 20 ).

(17)

L-implimentazzjoni ta’ programmi nazzjonali għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data dwar is-sajd teħtieġ nefqa sinifikanti. Il-benefiċċju ta’ programmi bħal dawn jista’ jiġi realizzat kompletament biss fil-livell Komunitarju. Għalhekk għandu jkun hemm dispożizzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-ispejjeż li jġarrbu l-Istati Membri, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar ( 21 ).

(18)

Fil-każ li l-Kummissjoni tara li n-nefqa kkonċernata hija relatata ma’ irregolaritajiet, jeħtieġ ikun hemm disposizzjonijiet dwar korrezzjonijiet finanzjarji skond l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006.

(19)

L-eżekuzzjoni korretta tal-Programmi Nazzjonali, u partikolarment ir-rispett ta’ skadenzi, il-kontroll ta’ kwalità u l-validazzjoni tad-data miġbura, hija ta’ importanza għolja. Għal din ir-raġuni il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandha tkun kondizzjonali mar-rispett ta’ l-iskadenzi relevanti, il-kontroll ta’ kwalità u konformità ma’ l-istandards ta’ kwalità maqbula u l-provvista tad-data. Konsegwentement, għandha tiġi introdotta sistema ta’ sanzjoni finanzjarja relatata man-non konformità ma’ dawn il-kondizzjonijiet.

(20)

Sabiex tittejjeb l-affidabbiltà tal-parir xjentifiku meħtieġ għall-Politika Komuni dwar is-Sajd (minn issa ‘l quddiem “il-PKS”), l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoordinaw u jikkooperaw fi ħdan il-korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti.

(21)

Għandha tingħata prijorità lill-iżgurar ta’ l-attendenza ta’ l-esperti xjentifiċi rilevanti fil-gruppi ta’ esperti li jwettqu l-evalwazzjoni xjentifika meħtieġa għall-PKS.

(22)

Il-komunità xjentifika għandha tiġi kkonsultata u l-industrija tas-sajd u gruppi interessati oħra għandhom jiġu infurmati dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġbir tad-data. Il-korpi adatti li fihom jinġabru l-opinjonijiet meħtieġa huma l-iSTECF, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/629 ( 22 ), il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/478/KE ( 23 ), u l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE ( 24 ).

(23)

Il-kumitat ta’ ġestjoni għandu jiżgura kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni ( 25 ).

(24)

Abbażi ta’ l-esperjenza mill-passat u ħtiġiet ġodda huwa adatt li r-Regolament (KE) Nru 1543/2000 jiġi rrevokat u jiġi sostitwit b’dan ir-Regolament.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Atikolu 1

Suġġett

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a) il-ġbir u l-ġestjoni, fil-qafas ta’ programmi pluriennali, ta’ data bijoloġika, teknika, ambjentali, ekonomika u soċjo-ekonomika dwar is-settur tas-sajd;

(b) l-użu ta’ data dwar is-settur tas-sajd fil-qafas tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (minn issa ‘l quddiem “il-PKS”), għall-fini ta’ analiżi xjentifika.

2.  Dan ir-Regolament jistipula wkoll dispożizzjonijiet għat-titjib tal-parir xjentifiku meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-PKS.

3.  Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi skond id-Direttiva 2003/4/KE u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u l-obbligi skond id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “settur tas-sajd” tfisser attivitajiet marbuta ma’ sajd kummerċjali, sajd rikreattiv, l-akkwakultura u l-industriji li jipproċessaw il-prodotti tas-sajd;

(b) “akkwakultura” tfisser it-trobbija jew il-kultivazzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi bl-użu ta’ tekniki mfassla biex iżidu l-produzzjoni ta’ l-organiżmi in kwistjoni lil hinn mill-kapaċità naturali ta’ l-ambjent; l-organiżmi akkwatiċi jibqgħu l-proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika matul l-istadju kollu tat-trobbija jew tal-kultivazzjoni, sal-qbid u inkluż waqt il-qbid;

(ċ) “sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet ta’ sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw riżorsi akkwatiċi ħajjin għal rikreazzjoni jew sport;

(d) “reġjuni tal-baħar” tfisser iż-żoni ġeografiċi stabbiliti fl-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE u ż-żoni stabbiliti mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd;

(e) data primarja” tfisser data assoċjata ma’ bastimenti individwali, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew kampjuni individwali;

(f) “meta data” tfisser data li tagħti informazzjoni kwalitattiva u kwantittativa dwar id-data primarja miġbura.

(g) data dettaljata” tfisser data bbażata fuq data primarja f’forma li ma tippermettix li jiġu identifikati persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi b’mod dirett jew indirett;

(h) data aggregata” tfisser ir-riżultat tas-sintesi tad-data primarja jew dik dettaljata għal finijiet analitiċi speċifiċi;

(i) “utenti finali” tfisser korpi b’interess ta’ riċerka jew ta’ ġestjoni fl-analiżi xjentifika ta’ data fis-settur tas-sajd;

(j) “kampjunar ibbażat fuq sajd minn flotot” tfisser stħarriġ u ġbir ta’ data bijoloġika, teknika u soċjo ekonomika abbażi ta’ tipi maqbula tas-sajd u flotot reġjonali;

(k) “Bastiment tas-sajd Komunitarju” tfisser bastiment kif definit fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.



KAPITOLU II

ĠESTJONI TAL-ĠBIR U UŻU TA’ DATA FIL-QAFAS TA’ PROGRAMMI PLURIENNALI



SEZZJONI 1

Programm komunitarju u programmi nazzjonali

Artikolu 3

Programm Komunitarju

1.  Programm Komunitarju pluriennali għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data bijoloġika, teknika, ambjentali, u soċjo ekonomika dwar:

(a) sajd kummerċjali minn bastimenti tas-sajd Komunitarji:

(i) fl-ilmijiet Komunitarji, inklużi sajd kummerċjali għas-sallura u s-salamun fl-ilmijiet interni;

(ii) barra mill-ilmijiet Komunitarji;

(b) sajd rikreattiv li jsir fl-ilmijiet Komunitarji, inklużi sajd kummerċjali għas-sallura u s-salamun fl-ilmijiet interni;

(ċ) attivitajiet ta’ akkwakultura relatati ma’ l-ispeċi tal-baħar, inklużi s-sallura u s-salamun, imwettqa fl-Istati Membri u l-ilmijiet Komunitarji;

(d) industriji li jipproċessaw il-prodotti tas-sajd;

għandhom jiġu definiti skond proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(2).

2.  Il-programm Komunitarju għandu jitħejja għal perijodi ta’ tliet snin. L-ewwel perijodu għandu jinkludi s-snin 2009 u 2010.

Artikolu 4

Programmi Nazzjonali

1.  Mingħajr preġudizzju għall-obbligi attwali dwar il-ġbir tad-data skond id-dritt Komunitarju, l-Istati Membri għandhom jiġbru data primarja bijoloġika, ambjentali u soċjo-ekonomika fi ħdan il-qafas ta’ programm nazzjonali pluriennali (minn issa ‘l quddiem “il-programm nazzjonali”) imfassal skond il-programm Komunitarju.

2.  Il-programm nazzjonali għandu jinkludi, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet li ġejjin kif previst fit-Taqsima 2:

(a) programmi pluriennali għall-ikkampjunar;

(b) skema ta’ monitoraġġ fuq il-baħar ta’ sajd kummerċjali u rikreattiv, fejn meħtieġ;

(ċ) skema għal stħarriġ fuq il-baħar;

(d) skema għall-ġestjoni u l-użu tad-data għal finijiet ta’ analiżi xjentifika.

3.  Il-proċeduri u l-metodi li għandhom jintużaw fil-ġbir u l-analiżi ta’ data u l-estimi ta’ l-eżattezza u l-preċiżjoni tagħha għandhom jiġu inklużi fil-programmi nazzjonali.

4.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-programmi nazzjonali tagħhom għall-approvazzjoni lill-Kummissjoni. Huma għandhom jippreżentawhom permezz ta’ mezzi elettroniċi sad-data, fil-format u fl-indirizz li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(2).

5.  L-ewwel programmi nazzjonali għandhom jinkludu l-attivitajiet għas-snin 2009 u 2010.

Artikolu 5

Koordinazzjoni u kooperazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-programmi nazzjonali tagħhom ma’ Stati Membri oħra fl-istess reġjun tal-baħar u jagħmlu kull sforz sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi li jkollhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fl-istess reġjun tal-baħar. Għal dan l-għan il-Kummissjoni tista’ torganizza Laqgħat ta’ Koordinazzjoni Reġjonali sabiex tassisti lill-Istati Membri fil-koordinazzjoni tal-programmi nazzjonali tagħhom u l-implimentazzjoni tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data fl-istess reġjun.

2.  Sabiex jitqies kwalunkwe ftehim li jkun sar fil-livell reġjonali fil-Laqgħat ta’ Koordinazzjoni Reġjonali, l-Istati Membri jistgħu fejn adatt jippreżentaw emendi lill-programmi nazzjonali tagħhom matul il-perijodu ta’ programmazzjoni. Dawk l-emendi għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-inqas xahrejn qabel is-sena ta’ l-implimentazzjoni.

3.  Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 6

Evalwazzjoni u approvazzjoni ta’ programmi nazzjonali

1.  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa

(a) il-konformità tal-programmi nazzjonali u kwalunkwe emenda fihom ma’ l-Artikoli 4 u 5, u

(b) ir-rilevanza xjentifika tad-data li għandha tiġi koperta minn programmi nazzjonali għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u l-kwalità tal-metodi u l-proċeduri proposti.

2.  Jekk l-evalwazzjoni mill-iSTECF, imsemmija fil-paragrafu 1, tindika li programm nazzjonali ma jikkonformax ma’ l-Artikoli 4 u 5 jew ma tiggarantixxix ir-rilevanza xjentifika tad-data jew il-kwalità suffiċjenti tal-metodi u l-proċeduri proposti, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Istat Membru kkonċernat u tipproponi emendi għal dak il-programm. Sussegwentament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta programm nazzjonali rivedut lill-Kummissjoni. Sussegwentament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta programm nazzjonali rivedut lill-Kummissjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi nazzjonali u l-emendi magħmula fihom skond l-Artikolu 5(2) abbażi ta’ l-evalwazzjoni mill-iSTECF u l-evalwazzjoni ta’ l-ispejjeż imwettqa mis-servizzi tagħha.

Artikolu 7

Evalwazzjoni u approvazzjoni tar-riżultati tal-programmi nazzjonali

1.  L-Istati Membri għandhom fuq bażi annwali jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar it-twettiq tal-programmi nazzjonali tagħhom. Huma għandhom jippreżentawhom permezz ta’ mezzi elettroniċi sad-data, fil-format u fl-indirizz li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(2).

2.  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa:

(a) L-eżekuzzjoni tal-programmi nazzjonali approvati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 6(3), u

(b) il-kwalità tad-data miġbura mill-Istati Membri.

3.  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali abbażi ta’:

(a) l-evalwazzjoni mill-STECF;

(b) il-konsultazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd adatti li għalihom il-Komunità hija parti kontraenti jew osservatur u lil korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti, u

(ċ) l-evalwazzjoni ta’ spejjeż imwettqa mis-servizzi tagħha.

Artikolu 8

Assistenza finanzjarja Komunitarja

1.  L-assistenza finanzjarja Komunitarja għall-programmi nazzjonali għandha tiġi implimentata skond ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 861/2006.

2.  Id-data bażika msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 għandha tkopri biss dawk il-partijiet tal-programmi nazzjonali ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw il-programm Komunitarju.

3.  L-assistenza finanzjarja mill-Komunità għall-programmi nazzjonali għandha tingħata biss jekk ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu rispettati kompletament.

4.  Il-Kummissjoni tista’, wara li tkun tat l-opportunità lill-Istati Membri kkonċernati li jinstemgħu, tissospendi u/jew tirkupra assistenza finanzjarja Komunitarja fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) l-evalwazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7, tindika li l-eżekuzzjoni ta’ programm nazzjonali ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, jew

▼C1

(b) il-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(3)(b) tindika li d-data ma tkunx ġiet ipprovduta mill-Istati Membri skond l-Artikoli 16(4) u 20(1); jew

▼B

(ċ) il-kontroll tal-kwalità tad-data u l-proċess tad-data ma nkisbux skond l-Artikoli 14(2) u 17.

5.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 l-Kummissjoni tista’, wara li tkun tat l-opportunità lill-Istati Membri kkonċernati li jinstemgħu, tnaqqas ukoll l-assistenza finanzjarja Komunitarja fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) programm nazzjonali ma jkunux ġie ppreżentat lill-Kummissjoni sad-data stabbilita skond l-Artikolu 4(4);

(b) rapport ma jkunux ġie ppreżentat lill-Kummissjoni sad-data stabbilita skond l-Artikolu 7(1);

(ċ) talba uffiċjali għad-data tkun saret minn utent finali u d-data ma tkunx ingħatat skond l-Artikoli 20(2) u 20(3) lill-utent finali kkonċernat jew il-kwalità tal-kontroll u l-ipproċessar ta’ din id-data ma kinux skond l-Artikoli 14(2) u 17.

6.  It-tnaqqis ta’ l-assistenza finanzjarja Komunitarja, imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandha tkun proporzjonata għall-grad ta’ non-konformità. It-tnaqqis ta’ l-assistenza finanzjarja Komunitarja, imsemmija fil-paragrafu 5 għandha tkun applikata gradwalment matul iż-żmien u m’għandhiex tkun aktar minn 25 % ta’ l-ispiża totali annwali tal-programm nazzjonali.

7.  Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tat-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 6 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2).



TAQSIMA 2

Ħtiġiet għall-proċess tal-ġbir ta’ data

Artikolu 9

Programmi ta’ kampjunar

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi nazzjonali pluriennali għall-ikkampjunar.

2.  Il-programmi nazzjonali pluriennali ta’ kampjunar għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a) pjan ta’ kampjunar għal data bijoloġika li jsegwi kampjunar ibbażat fuq sajd minn flotot li jinkludi, fejn adatt, is-sajd rikreattiv;

(b) pjan ta’ kampjunar għal data ekosistemika li jippermetti l-impatt tas-settur tas-sajd fuq l-eksosistema marina li għandu jkun stmat u li jikkontribwixxi għall-immonitorar ta’ l-istat ta’ l-ekosistema marina;

(ċ) pjan ta’ kampjunar għal data soċjo-ekonomika li jippermetti li s-sitwazzjoni ekonomika tas-settur tas-sajd tiġi vvalutata u li jippermetti li l-prestazzjoni matul iż-żmien tiġi analizzata u li valutazzjonijiet ta’ l-impatt tal-miżuri li jkunu ttieħdu, jew ġew proposti, jitwettqu.

3.  Il-protokolli u l-metodi użati għall-istabbiliment ta’ programmi nazzjonali ta’ kampjunar għandhom jingħataw mill-Istati Membri u għandhom ikunu, safejn huwa possibbli:

(a) stabbli matul iż-żmien;

(b) standardizzati fir-reġjuni;

(ċ) skond l-istandards ta’ kwalità stabbiliti mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd adatti li għalihom il-Komunità hija parti kontraenti jew osservatur u l-korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti.

4.  Fejn meħtieġ, l-eżattezza u l-preċiżjoni rigward id-data miġbura għandhom ikunu sistematikament ikkontrollati.

Artikolu 10

Aċċess għal siti ta’ kampjunar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex iwettqu dmirijiethom, ir-responsabbli għall-ikkampjunar maħturin mill-korp responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali jkollhom aċċess għal:

(a) il-qabdiet li jinħattu l-art, inklużi, kif adatt, dawk trasbordati u ttrasferiti għall-akkwakultura;

(b) reġistri tal-bastimenti u tan-negozji operati minn korpi pubbliċi rilevanti għall-ġbir ta’ data ekonomika;

(ċ)  data ekonomika ta’ negozji relatati mas-sajd.

Artikolu 11

Monitoraġġ fuq il-baħar ta’ sajd kummerċjali u rikreattiv

1.  Fejn meħtieġ, għall-finijiet tal-ġbir ta’ data skond il-programmi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw skemi ta’ monitoraġġ fuq il-baħar ta’ sajd kummerċjali u rikreattiv.

2.  Il-kompiti tal-monitoraġġ fuq il-baħar għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri.

3.  Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom jaċċettaw abbord ir-responsabbli għall-ikkampjunar fuq il-baħar li qed joperaw skond skema ta’ monitoraġġ fuq il-baħar u maħturin mill-korp inkarigat għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali u jikkooperaw magħhom sabiex jippermettulhom jaqdu dmirijiethom filwaqt li jkunu abbord bastimenti tas-sajd Komunitarji.

4.  Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji jistgħu jiċħdu li jaċċettaw abbord ir-responsabbli għall-iskema ta’ kkampjunar fuq il-baħar biss abbażi ta’ nuqqas evidenti ta’ spazju fuq il-bastiment inkella għal raġunijiet ta’ sigurtà skond il-leġislazzjoni nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, id-data għandha tinġabar permezz ta’ programm ta’ awtokampjunar, imwettaq mill-ekwipaġġ abbord il-bastiment tas-sajd Komunitarju, u mfassal u kkontrollat mill-korp responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali.

Artikolu 12

Stħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar

1.  L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar sabiex jevalwaw l-abbundanza u d-distribuzzjoni tal-ħażniet, indipendentement mid-data pprovduta mis-sajd kummerċjali, u sabiex jivvalutaw l-impatt ta’ l-attività tas-sajd fuq l-ambjent.

2.  Il-lista ta’ stħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar eliġibbli għall-assistenza finanzjarja Komunitarja għandha tkun adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2).



KAPITOLU III

PROĊESS TAL-ĠESTJONI TA’ DATA

Artikolu 13

Ħżin ta’ data

L-Istati Membri għandhom:

(a) jiżguraw li d-data primarja miġbura skond il-programmi nazzjonali tinħażen b’mod sikur f’bażijiet ta’ data kompjuterizzati u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li din id-data tkun trattata bħala kunfidenzjali;

(b) jiżguraw li metadata relatata mad-data primarja soċjo-ekonomika miġbura skond il-programmi nazzjonali tinħażen b’mod sikur f’bażijiet ta’ data kompjuterizzati;

(ċ) jieħdu l-miżuri tekniċi kollha meħtieġa sabiex jipproteġu din id-data minn kwalunkwe distruzzjoni aċċidentali jew illegali, telf aċċidentali, deterjorament, distribuzzjoni jew konsultazzjoni mhux awtorizzata.

Artikolu 14

Kontroll tal-kwalità u validazzjoni ta’ data

1.  L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-kwalità u l-kompletezza ta’ data primarja miġbura skond il-programmi nazzjonali, id-data dettaljata u aggregata li ġejja minnha li hija trasmessa lill-utenti finali.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) id-data primarja miġbura skond il-programmi nazzjonali tiġi kkontrollata kif adatt għal żbalji permezz ta’ proċeduri adatti għall-kontroll tal-kwalità;

(b) id-data dettaljata u aggregata miksuba mid-data primarja miġbura skond il-programmi nazzjonali tiġi vvalidata qabel ma tkun trasmessa lill-utenti finali;

(ċ) il-proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità applikati għal data primarja, iddettaljata u aggregata msemmija f’ (a) u (b) jiġu żviluppati skond il-proċeduri adottati mill-korpi xjentifiċi internazzjonali, l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u l-iSTECF.



KAPITOLU IV

UŻU TA’ DATA MIĠBURA FIL-QAFAS TAL-PKS

Artikolu 15

Data koperta

1.  Dan il-Kapitolu għandu japplika għal data miġbura:

(a) skond ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/1993, (KE) Nru 788/1996, (KE) Nru 2091/1998, (KE) Nru 104/2000, (KE) Nru 2347/2002, (KE) Nru 1954/2003, (KE) 2244/2003, (KE) Nru 26/2004, (KE) Nru 812/2004; (KE) Nru 1921/2006, (KE) Nru 1966/2006, (KE) Nru 1100/2007;

(b) skond il-qafas ta’ dan ir-Regolament:

(i)  data dwar l-attività tal-bastimenti bbażata fuq informazzjoni mill-monitoraġġ bis-satellita u sistemi ta’ monitoraġġ oħra bil-format meħtieġ;

(ii)  data li tippermetti l-istima affidabbli tal-volum totali tal-qabdiet għal kull ħażna mit-tipi tas-sajd reġjonali u t-taqsimiet tal-flotta ddefiniti, iż-żona ġeografika u l-perijodu ta’ żmien, inklużi l-qabdiet mormija lura u, fejn adatt, data rigward qabdiet f’sajd rikreattiv;

(iii) id-data bijoloġika kollha mitluba għall-valutazzjoni tal-ħażniet sfruttati;

(iv) id-data ekosistemika meħtieġa sabiex jiġi vvalutat l-impatt ta’ l-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema marina;

(v) id-data soċjo-ekonomika mis-settur tas-sajd.

2.  L-Istati Membri għandhom jevitaw kwalunkwe duplikazzjoni fil-ġbir ta’ data msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 16

Aċċess għal u trasmissjoni ta’ data primarja

1.  Għall-fini tal-verifika ta’ l-eżistenza ta’ data primarja miġbura skond l-Artikolu 4(1) minbarra data soċjo-ekonomika, l-Istati membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni għandha aċċess għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati nazzjonali msemmija fl-Artikolu 13(a).

2.  Għall-fini tal-verifika tad-data soċjo-ekonomika miġbura skond l-Artikolu 4(1) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni għandha aċċess għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati nazzjonali msemmija fl-Artikolu 13(b).

3.  L-Istati Membri għandhom jikkonkludu ftehimiet mal-Kummissjoni biex jiġi żgurat aċċess effettiv u bla xkiel għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati nazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti minn regoli Komunitarji oħrajn.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data primarja miġbura fl-istħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar tiġi trasmessa lill-organizzazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali u lil korpi xjentifiċi adatti fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd skond l-obbligi internazzjonali tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 17

Ipproċessar ta’ data primarja

1.  L-Istati Membri għandhom jipproċessaw id-data primarja f’settijiet ta’ data dettaljati jew aggregati skond:

(a) l-istandards internazzjonali rilevanti, kull fejn dawn jeżistu;

(b) il-protokolli maqbula f’livell internazzjonali jew reġjonali, kull fejn dawn jeżistu.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-utenti finali u lill-Kummissjoni, kull fejn meħtieġ, deskrizzjoni tal-metodi applikati sabiex jipproċessaw id-data mitluba u l-proprjetajiet statistiċi tagħha.

Artikolu 18

Preżentazzjoni ta’ data dettaljata u aggregata

1.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu d-data dettaljata u aggregata disponibbli għall-utenti finali b’appoġġ għall-analiżi xjentifiċi:

(a) bħala bażi għal pariri għall-ġestjoni tas-sajd, inklużi Kunsilli Konsultattivi Reġjonali;

(b) fl-interess tad-dibattitu pubbliku u l-parteċipazzjoni ta’ l-imseħbin fl-iżvilupp tal-politika;

(ċ) għall-pubblikazzjoni xjentifika.

2.  Fejn meħtieġ, biex tkun żgurata l-anonimità, l-Istati Membru jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu data dwar l-attività tal-bastimenti bbażata fuq informazzjoni minn monitoraġġ bis-satellita tal-bastimenti għal utenti finali għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(b).

Artikolu 19

Trasmissjoni ta’ data dettaljata u aggregata

L-Istati Membri għandhom jittrasmettu data dettaljata u aggregata f’format elettroniku sigur.

Artikolu 20

Proċedura għat-trasmissjoni ta’ data dettaljata u aggregata

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data dettaljata u aggregata rilevanti li għandha tintbagħat fuq bażi regolari tkun ipprovduta fil-ħin lill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li għalihom il-Komunità hija parti kontraenti jew osservatur u lil korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti tas-sajd skond l-obbligi internazzjonali tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri.

2.  Fejn tintalab data dettaljata u aggregata għal analiżi xjentifika speċifika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data hija pprovduta lill-utenti finali:

(a) għall-fini msemmi fl-Artikolu 18(a) fi żmien xahar mill-irċevuta tat-talba għal din id-data;

(b) għall-fini msemmi fl-Artikolu 18(a) fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba għal din id-data.

3.  Fejn tintalab data dettaljata u aggregata għall-pubblikazzjoni xjentifika msemmija fl-Artikolu 18(ċ), l-Istati Membri:

(a) jistgħu, sabiex jipproteġu l-interessi professjonali tal-kolletturi ta’ data, iżommu t-trasmissjoni ta’ data lill-utenti finali għal perijodu ta’ sentejn wara d-data tal-kollezzjoni ta’ data. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-utenti finali u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni bħal din. F’każijiet debitament iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza li dak il-perijodu jiġi estiż;

(b) għandhom fil-każ li dan il-perijodu ta’ tliet snin ikun diġà skada, jiżguraw li d-data hija pprovduta fi żmien xahrejn mir-riċevuta tat-talba għal din id-data.

4.  L-Istati Membri jistgħu jiċħdu li jittrasmettu d-data dettaljata u aggregata rilevanti biss:

(a) jekk ikun hemm ir-riskju li jiġu identifikati persuni fiżiċi u/jew ġurdiċi, f’dan il-każ l-Istat Membru jista’ jipproponi mezzi alternattivi li jilħqu l-ħtiġiet ta’ l-utent finali li jiżguraw l-anonimità;

(b) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 22(3);

(ċ) jekk l-istess data hija diġà disponibbli f’forma jew format ieħor li huwa aċċessibbli faċilment mill-utenti finali.

5.  F’każijiet fejn id-data mitluba mill-utenti finali minbarra organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd adatti li għalihom il-Komunità hija parti kontraenti jew osservatur u l-korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti huma differenti minn dawk diġà prrovduti għal organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd adatti il-konsultazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd adatti li għalihom il-Komunità hija parti kontraenti jew osservatur u lil korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti, l-Istati Membri jitgħu jitolbu lil dawk l-utenti finali l-ispejjeż attwali ta’ estrazzjoni u, jekk meħtieġ, l-aggregazzjoni tad-data qabel it-trasmissjoni tagħha.

Artikolu 21

Reviżjoni ta’ ċaħda li tkun ipprovduta data

1.  Jekk Stat Membru jiċħad li jipprovdi data skond l-Artikolu 20(3)(a), l-utent aħħari jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tanalizza ċ-ċaħda. Jekk il-Kummissjoni ssib li ċ-ċaħda mhijiex debitament iġġustifikata, tista’ teħtieġ li l-Istat Membru jipprovdi d-data lill-utent aħħari fi żmien xahar.

2.  Jekk l-Istat Membru jonqos li jipprovdi din id-data fi żmien il-perijodu stabbilit fil-paragrafu 1, għandu japplika l-Artikolu 8 il-paragrafi 5 u 6.

Artikolu 22

Obbligi għall-utenti finali

1.  L-utenti finali ta’ data għandhom:

(a) jużaw id-data biss għall-fini ddikjarat fit-talba tagħhom skond l-Artikolu 18;

(b) debitament jirrikonoxxu s-sorsi ta’ data;

(ċ) ikunu responsabbli għall-użu korrett u adatt ta’ data rigward l-etika xjentifika;

(d) jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati bi kwalunkwe problemi suspettati li jista’ jkollha d-data;

(e) jipprovdu lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni r-referenzi għar-riżultati ta’ l-użu ta’ data;

(f) ma jgħaddux id-data mitluba lil partijiet terzi mingħajr qbil ma’ l-Istat Membru kkonċernat;

(ġ) ma jbigħux id-data lil kwalunkwe parti terza.

2.  L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe non-konformità mill-utenti finali.

3.  Fejn utent finali jonqos milli jikkonforma ma’ kwalunkwe mill-ħtiġiet imniżżlin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jillimita jew jiċħad aċċess għal data lill-utent finali.



KAPITOLU V

APPOĠĠ GĦAL PARIR XJENTIFIKU

Artikolu 23

Parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ korpi internazzjonali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-esperti nazzjonali tagħhom jipparteċipaw f’laqgħat rilevanti ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li għalihom il-Komunità hija parti kontraenti jew osservatur u ta’ korpi xjentifiċi internazzjonali.

Artikolu 24

Koordinazzjoni u kooperazzjoni

1.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jikkooperaw sabiex itejbu aktar l-affidabbiltà tal-parir xjentifiku, il-kwalità tal-programmi ta’ ħidma u l-metodi ta’ ħidma ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li għalihom il-Komunità hija parti kontraenti jew osservatur u ta’ korpi xjentifiċi internazzjonali.

2.  Tali koordinazzjoni u kooperazzjoni għandhom isseħħu mingħajr preġudizzju għal dibattitu xjentifiku miftuħ u għandhom jimmiraw li jippromwovu parir xjentifiku imparzjali.



KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Miżuri implimentattivi

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 26

Immonitorar

Il-Kummissjoni, flimkien ma’ l-iSTECF, għandhom jissorveljaw il-progress tal-programmi nazzjonali fil-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit mill-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (minn issa ‘l quddiem imsemmi bħala “il-Kumitat”).

Artikolu 27

Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3.  Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahar wieħed.

Artikolu 28

Tħassir

1.  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1543/2000 huwa b’dan irrevokat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009. Madankollu, id-dispożizzjonijiet irrevokati għandhom jibqgħu applikabbli għal programmi nazzjonali approvati qabel il-31 ta’ Diċembru 2008.

2.  Referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness hawnekk.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS



Tabella ta’ Korrelazzjoni

Ir-Regolament 1543/2000

Ir-Regolament (KE) Nru. 199/2008

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3, 4, 5

Artikolu 4

Artikolu 15

Artikolu 5

Artikolu 3, 25

Artikolu 6

Artikolu 4, 8

Artikolu 7

Artikolu 13, 18

Artikolu 8

Artikolu 25, 26

Artikolu 9

Artikolu 27

Artikolu 10

Artikolu 26

Artikolu 11

Artikolu 29



( 1 ) Opinjoni tat-13 ta’ Novembru 2007 (għadha mhux pubblikata fil-ĠU).

( 2 ) ĠU C 10, 15.1.2008, p. 53.

( 3 ) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

( 4 ) ĠU L 176, 15.7.2000, p. 1.

( 5 ) ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1).

( 6 ) ĠU L 108, 1.5.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

( 7 ) ĠU L 266, 1.10.1998, p. 36.

( 8 ) ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1759/2006 (ĠU L 335, 1.12.2006, p. 3).

( 9 ) ĠU L 351, 28.12.2002, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2269/2004 (ĠU L 396, 31.12.2004, p. 1).

( 10 ) ĠU L 289, 7.11.2003, p. 1.

( 11 ) ĠU L 333, 20.12.2003, p. 17.

( 12 ) ĠU L 5, 9.1.2004, p. 25. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1799/2006 (ĠU L 341, 7.12.2006, p. 26).

( 13 ) ĠU L 150, 30.4.2004, p. 12. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 809/2007 (ĠU L 182, 12.7.2007, p. 1).

( 14 ) ĠU L 403, 30.12.2006, p. 1.

( 15 ) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 1, korrett bil-ĠU L 36, 8.2.2007, p. 3.

( 16 ) ĠU L 248, 22.9.2007, p. 17.

( 17 ) ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

( 18 ) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

( 19 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

( 20 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

( 21 ) ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1.

( 22 ) ĠU L 225, 31.8.2005, p. 18.

( 23 ) ĠU L 187, 20.7.1999, p. 70. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2004/864/KE (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 91).

( 24 ) ĠU L 256, 3.8.2004, p. 17. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/409/KE (ĠU L 155, 15.6.2007, p. 68).

( 25 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

Top