EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02005L0056-20140702

Consolidated text: Id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/56/2014-07-02

2005L0056 — MT — 02.07.2014 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA 2005/56/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2005

dwar mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 310, 25.11.2005, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2009/109/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ Settembru 2009

  L 259

14

2.10.2009

►M2

DIRETTIVA 2012/17/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tat-13 ta’ Ġunju 2012

  L 156

1

16.6.2012

►M3

DIRETTIVA 2014/59/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 173

190

12.6.2014


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 028, 1.2.2008, p. 40  (2005/56)




▼B

ID-DIRETTIVA 2005/56/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2005

dwar mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 44 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 1 ), Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

Billi:

(1)

Hemm il-ħtieġa ta' koperazzjoni u konsolidazzjoni bejn kumpanniji ta' responsabbiltà limitata minn Stati Membri differenti. Madankollu, fir-rigward ta' mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata, dawn jiltaqgħu ma' ħafna diffikultajiet leġislattivi u amministrattivi fil-Komunità. Huwa għaldaqstant meħtieġ, bil-ħsieb ta' l-ikkompletar u ta' l-iffunzjonar tas-suq waħdieni, li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet Komunitarji biex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta' mergers transkonfinali bejn tipi differenti ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata rregolati mil-liġijiet ta' Stati Membri diversi.

(2)

Din id-Direttiva tiffaċilita l-merger transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata kif definiti f'din id-Direttiva. Il-liġijiet ta' l-Istati Membri jridu jippermettu l-merger transkonfinali ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata nazzjonali ma' kumpannija ta' responsabbiltà limitata minn Stat Membru ieħor jekk il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru rilevanti tippermetti mergers bejn dawn it-tipi ta' kumpanniji.

(3)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta' mergers transkonfinali, irid ikun stabbilit li, sakemm din id-Direttiva ma tgħidx mod ieħor, kull kumpannija li tieħu sehem f'merger transkonfinali, u kull terza parti kkonċernata, tibqa' suġġetta għad-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li tkun applikabbli fil-każ ta' merger nazzjonali. Ebda mid-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet ta' liġi nazzjonali li għalihom issir referenza f'din id-Direttiva ma għandhom jintroduċu restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment jew fuq il-moviment liberu tal-kapital ħlief fejn dawn jistgħu ikunu ġustifikati skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b'mod partikolari b'rekwiżiti ta' l-interess ġenerali u huma t-tnejn meħtieġa, u proporzjonali, għall-kisba ta' dawn ir-rekwiżiti prevalenti.

(4)

L-abbozz ta' termini komuni tal-merger transkonfinali jrid jitfassal fl-istess termini għal kull waħda mill-kumpanniji konċernati fl-Istati Membri differenti. Il-kontenut minimu ta' dan l-abbozz ta' termini komuni għandu b'hekk ikun speċifikat, filwaqt li l-kumpanniji jitħallew liberi li jiftiehmu fuq affarijiet oħra.

(5)

Sabiex jitħarsu l-interessi ta' membri u ta' oħrajn, kemm l-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali kif ukoll it-tlestija tal-merger transkonfinali jridu jiġu pubbliċizzati għal kull kumpannija li se tingħaqad permezz ta' daħla fir-reġistru pubbliku applikabbli.

(6)

Jeħtieġ li l-liġijiet ta' l-Istati Membri kollha jipprovdu għat-tħejjija fil-livell nazzjonali ta' rapport dwar l-abbozz ta' termini tal-merger transkonfinali minn espert wieħed jew iktar f'isem kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu. Sabiex jiġu limitati l-ispejjeż ta' l-esperti marbuta ma' mergers transkonfinali, għandu jsir provvediment għall-possibilità li jitħejja rapport wieħed maħsub għall-membri kollha tal-kumpanniji li jkunu qed jieħdu sehem f'operazzjoni ta' merger transkonfinali. L-abbozz ta' termini komuni tal-merger transkonfinali jrid jiġi approvat mil-laqgħa ġenerali ta' kull waħda minn dawk il-kumpanniji.

(7)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta' merger transkonfinali, għandu jkun previst li l-monitoraġġ tat-tlestija u l-legalità tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni f'kull kumpannija li qed tingħaqad jitwettaq mill-awtorità nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni fuq kull waħda minn dawk il-kumpanniji, filwaqt li l-monitoraġġ tat-tlestija u l-legalità ta' l-merger transkonfinali għandhom jitwettqu mill-awtorità nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-kumpannija li tirrizulta mill-merger transkonfinali. L-awtorità nazzjonali in kwistjoni tista' tkun qorti, nutar jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra maħtura mill-Istat Membru kkonċernat. Il-liġi nazzjonali li tiddetermina d-data li fiha l-merger transkonfinali jieħu effett - li tkun il-liġi li għaliha tkun suġġetta l-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali - għandha tiġi speċifikata wkoll.

(8)

Sabiex jitħarsu l-interessi ta' membri u ta' oħrajn, l-effetti legali ta' l-merger transkonfinali - li jiddistingwu jekk il-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali hix kumpannija li takkwista jew kumpannija ġdida - għandhom jiġu speċifikati. Fl-interessi ta' ċertezza legali, m'għandux ikun iktar possibbli, wara d-data li fiha l-merger transkonfinali tidħol fis-seħħ, li jiġi ddikjarat li l-merger m'għandhiex effett legali.

(9)

Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi, kemm fuq livell Komunitarju, bir-Regolament (KE) Nru 139/2004 ( 3 ) kif ukoll fuq il-livell ta' l-Istati Membri.

(10)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-leġislazzjoni Komunitarja li tirregola l-intermedjarji ta' kreditu u impriżi finanzjarji oħra u r-regoli nazzjonali magħmula jew introdotti skond tali leġislazzjoni Komunitarja.

(11)

Din id-Direttiva hija bla ħsara għal-leġislazzjoni ta' Stat Membru li titlob informazzjoni dwar il-post tal-ġestjoni ċentrali jew tas-sede prinċipali propost għall-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali.

(12)

Id-drittijiet ta' l-impjegati, minbarra drittijiet ta' parteċipazzjoni, għandhom jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar sitwazzjoni kollettiva ta' ħaddiema li jiġu ddikjarati żejda ( 4 ) fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferimenti ta' impriżi ( 5 ) fid-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta' l-impjegati fil-Komunità Ewropea ( 6 ) u fid-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembu 1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati ( 7 ).

(13)

Jekk l-impjegati ikollhom drittijiet ta' parteċipazzjoni f'xi waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu taħt iċ-ċirkostanzi stabbiliti f'din id-Direttiva u jekk il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li fih għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha l-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali ma tipprovdix għall-istess livell ta' parteċipazzjoni kif operat fil-kumpanniji li qed jingħaqdu rilevanti, inkluż f'kumitati tal-bord ta' superviżjoni li jkollhom setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet, jew ma tipprovdix għall-istess drittijiet ta' eżerċizzju ta' drittijiet għal impjegati ta' stabbilimenti li jirriżultaw mill-merger transkonfinali, il-parteċipazzjoni ta' l-impjegati fil-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta' dawn id-drittijiet iridu jiġu rregolati. Għal dak l-għan, il-prinċipji u l-proċeduri msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut għal Kumpannija Ewropea (SE) ( 8 ) u fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpannija Ewropea fir-rigward ta' l-involviment ta' l-impjegati ( 9 ), jittieħdu bħala bażi, suġġetti, madankollu, għal modifikazzjonijiet li jitqiesu meħtieġa għaliex il-kumpannija li tirriżulta tkun suġġetta għal-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri fejn hija jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Bidu minnufih għan-negozjati taħt l-Artikolu 16 ta' din id-Direttiva bil-ħsieb li mergers ma jiddewmux għalxejn, jista' jiġi żgurat mill-Istati Membri bi qbil ma' l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/86/KE.

(14)

Għall-fini li jiġi determinat l-livell ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati operat fil-kumpanniji li qed jingħaqdu rilevanti, għandu jittieħed ukoll kont tal-proporzjon tar-rappreżentanti ta' l-impjegati fost il-membri tal-grupp ta' ġestjoni, li jkopri l-unitajiet ta' qligħ tal-kumpanniji, suġġett għall-parteċipazzjoni ta' l-impjegati.

(15)

Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-istabbiliment ta' regoli b'karatteristiċi komuni li japplikaw fuq il-livell transnazzjonali, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, minħabba l-iskala u l-impatt ta' l-azzjoni proposta, jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fuq livell Kommunitarju, il-Komunità tista' taġixxi skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(16)

Jeħtieġ li, skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil ta' liġijiet aħjar ( 10 ), l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti li jħejju, għalihom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, safejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta' trasposizzjoni u li jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



L-Artikolu 1

Kamp ta' Applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal mergers ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata ffurmati skond il-liġi ta' xi Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, il-ġestjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju fil-Komunità, kemm-il darba mill-inqas tnejn minnhom ikunu regolati mil-liġijiet ta' Stati Membri differenti (hawn aktar 'il quddiem imsejħa mergers transkonfinali).

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

1. “kumpannija ta' responsabbiltà limitata”, minn hawn 'il quddiem imsejjħa “kumpannija”, tfisser:

(a) kumpannija kif imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151/KEE ( 11 ) jew

(b) kumpannija b'kapital azzjonarju li jkollha personalità ġuridika, u li jkollha attiv separat li waħdu jkopru l-passiv tagħha u suġġetta bil-liġi nazzjonali li tirregolaha għal kondizzjonijiet li jikkonċernaw garanziji bħalma huma msemmija mid-Direttiva 68/151/KEE, għall-ħarsien ta' l-interessi tal-membri u ta' oħrajn.

2. merger” tfisser operazzjoni li biha:

(a) kumpannija waħda jew iktar, meta jiġu xolti mingħajr likwidazzjoni, jitrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil kumpannija oħra eżistenti - il-kumpannija li qed takkwista - bħala skambju għall-ħruġ lill-membri tagħhom ta' titoli u ishma li jirrappreżentaw il-kapital ta' dik il-kumpannija l-oħra u, jekk ikun il-każ, ħlas fi flus li ma jkunx iktar minn 10 % tal-valur nominali, jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-valur kontabbli ta' dawk it-titoli u l-ishma; jew

(b) żewġ kumpanniji jew iktar, meta jiġu xolti mingħajr likwidazzjoni, jitrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil kumpannija li jiffurmaw bejniethom - il-kumpannija l-ġdida - bħala skambju għall-ħruġ lill-membri tagħhom ta' titoli u ishma li jirrappreżentaw il-kapital ta' dik il-kumpannija l-ġdida u jekk applikabbli, ħlas fi flus li ma jkunx iktar minn 10 % tal-valur nominali, jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-parità kontabbli ta' dawk it-titoli u l-ishma; jew

(ċ) kumpannija, meta tiġi xolta mingħajr likwidazzjoni, titrasferixxi l-attiv u l-passiv kollu tagħha lil kumpannija li jkollha t-titoli jew l-ishma kollha li jirrappreżentaw il-kapital tagħha.

L-Artikolu 3

Aktar dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta' applikazzjoni

1.  Minkejja l-Artikolu 2(2), din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal mergers transkonfinali fejn il-liġi ta' mill-inqas wieħed mill-Istati Membri kkonċernati tippermetti li l-ħlas fi flus imsemmi fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) jaqbeż l-10 % tal-valur nominali, jew, fl-assenza ta' valur nominali, tal-valur kontabbli tat-titoli jew l-ishma li jirrapreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali.

2.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal mergers transkonfinali li jkunu jinvolvu soċjeta koperattiva anki fil-każijiet fejn din ta' l-aħħar tkun taqa' fid-definizzjoni ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata kif previst fl-Artikolu 2(1).

3.  Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal mergers transkonfinali li jinvolvu kumpannija li l-għan tagħha jkun l-investiment kollettiv ta' kapital provdut mill-pubbliku, li topera fuq il-prinċipju ta' tifrix tar-riskju u li l-unitajiet tagħha jkunu, fuq it-talba tad-detenturi, mixtrija mill-ġdid jew mifdija, direttament jew indirettament, mill-attiv ta' dik il-kumpannija. Azzjoni meħuda minn tali kumpannija sabiex tiżgura li l-valur ta' l-unitajiet tagħha fuq il-borża ma jvarjax b'mod sinifikanti mill-valur nett ta' l-attiv tagħha għandha titqies bħala ekwivalenti għal tali xiri mill-ġdid jew fidi.

▼M3

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-Direttiva ma tapplikax għall-kumpannija jew kumpanniji li huma s-suġġett tal-użu ta’ għodod, setgħat u mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, u tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 ).

▼B

L-Artikolu 4

Kondizzjonijiet li jirrigwardaw il-mergers transkonfinali

1.  Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f'din id-Direttiva,

(a)  mergers transkonfinali għandhom ikunu possibbli biss bejn tipi ta' kumpanniji li jistgħu jingħaqdu taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri rilevanti, u

(b) kumpannija li tieħu sehem f'merger transkonfinali għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li tkun taqgħa taħtha. Il-liġijiet ta' xi Stat Membru li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu li jopponu merger intern partikolari għal raġunijiet ta' interess pubbliku għandhom ukoll ikunu applikabbli għal merger transkonfinali fejn mill-inqas waħda mill-kunmpanniji li qed jingħaqdu tkun suġġetta għal-liġi ta' dak l-Istat membru. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika sa fejn ikun applikabbli l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

2.  Id-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom b'mod partikulari jinkludu dawk li jikkonċernaw il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-merger u, filwaqt li jittieħed kont tan-natura transkonfinali tal-merger, tal-protezzjoni tal-kredituri tal-kumpanniji li qed jingħaqdu, tad-detenturi ta' obbligazzjonijiet u tad-detenturi ta' titoli jew ishma, kif ukoll ta' impjegati fir-rigward ta' drittijiet għajr dawk irregolati mill-Artikolu 16. Stat Membru jista', fil-każ ta' kumpanniji li jipparteċipaw f'merger transkonfinali u regolati mil-liġi tiegħu, jadotta dispożizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw protezzjoni xierqa għal membri f'minoranza li opponew il-merger transkonfinali.

L-Artikolu 5

Abbozz ta' termini komuni ta' mergers transkonfinali

L-organi tal-ġestjoni jew ta' l-amministrazzjoni ta' kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu għandhom iħejju abbozz ta' termini komuni ta' merger transkonfinali. L-abbozz ta' termini komuni ta' merger transkonfinali għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) il-forma, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji li qed jingħaqdu u dawk proposti għall-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(b) il-proporzjon applikabbli għall-iskambju ta' sigurtajiet u ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija u l-ammont ta' kull ħlas fi flus;

(ċ) it-termini għall-assenjazzjoni ta' sigurtajiet jew ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(d) ir-riperkussjonijiet probabbli tal-merger fuq l-impjiegi;

(e) id-data minn meta ż-żamma ta' dawn it-titoli jew ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija tintitola lid-detenturi li jkollhom parti mill-qligħ u kwalunkwe kondizzjonijiet speċjali li jaffettwaw dak id-dritt;

(f) id-data minn meta t-transazzjonijiet tal-kumpanniji li qed jingħaqdu jiġu trattati għall-iskopijiet ta' kontabilità bħala dawk tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(g) id-drittijiet mogħtija mill-kumpannija maħluqa mill-merger lil membri li jkollhom drittijiet speċjali jew lil persuni oħra li jkollhom titoli li mhumiex ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija, jew il-miżuri proposti li jikkonċernawhom;

(h) xi vantaġġi speċjali mogħtija lill-esperti li jeżaminaw l-abbozz ta' termini ta' merger transkonfinali jew lil membri ta' l-organi amministrattivi, ta' ġestjoni, ta' sorveljanza jew ta' kontroll tal-kumpanniji li qed jingħaqdu;

(i) l-istatuti tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(j) fejn hu xieraq, informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom jiġu ddeterminati arranġamenti għall-involviment ta' impjegati fid-definizzjoni tad-drittijiet tagħhom li jipparteċipaw fil-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali skond l-Artikolu 16;

(k) informazzjoni dwar l-evalwazzjoni ta' l-attiv u l-passiv li tintbagħat lill-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(l) id-dati tal-kontijiet tal-kumpanniji li qed jinqagħdu li kienu użati biex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet tal-merger transkonfinali.

L-Artikolu 6

Pubblikazzjoni

1.  Abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali għandu jiġi ppubblikat bil-mod stipulat mil-liġijiet ta' kull wieħed mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE għal kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu mill-inqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali li se tiddeċiedi dwar dan.

▼M1

Kwalunkwe waħda mill-kumpaniji li qed jingħaqdu għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tal-publikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE jekk, għal-perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini komuni tal-għaqda transkonfinali u li tispiċċa mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, hija tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini komuni ta’ din l-għaqda fuq il-websajt tagħha, mingħajr ħlas għall-pubbliku. L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għall-ebda rekwiżit jew restrizzjoni minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti u jistgħu jimponu dawn ir-rekwiżiti jew ir-restrizzjonijiet biss sal-punt li jkunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-pubblikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma elettronika ċentrali msemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 68/151/KE. L-Istati Membri jistgħu alternattivament jitolbu li din il-pubblikazzjoni ssir fuq xi websajt ieħor magħżul minnhom għal dan il-għan. Fejn Stati Membri jagħmel użu minn waħda minn dawk il-possibbiltajiet, huma għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jintalbux tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

Fejn tkun użata websajt li mhijiex il-pjattaforma elettronika ċentrali, għandha tiġi ppubblikata referenza li tagħti aċċess għal dak il-websajt fuq il-pjattaforma elettronika ċentrali mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgha ġenerali. Dik ir-referenza għandha tinkludi d-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini komuni tal-għaqda transkonfinali fuq il-websajt u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Il-kumpaniji m’għandhomx jintalbu tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

Il-projbizzjoni li teżenta lill-kumpaniji milli jħallsu tariffa speċifika għall-pubblikazzjoni, stabbilita fit-tielet u r-raba’ paragrafu, m’għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jgħaddu lill-kumpaniji l-ispejjeż rigward il-pjattaforma elettronika ċentrali.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-Kumpaniji li jżommu l-informazzjoni għal perijodu ta’ żmien speċifiku wara l-laqgħa ġenerali fuq il-websajt tagħhom jew, fejn applikabbli, fil-pjattaforma elettronika ċentrali jew fuq xi websajt ieħor magħżul mill-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporananja ta’ aċċess għall-websajt jew għall-pjattaforma elettronika ċentrali, ikkawżati minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.

▼B

2.  Għal kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu u suġġett għar-rekwiżiti addizzjonali imposti mill-Istat Membru li għalih il-kumpannija kkonċernata hija suġġetta, id-dettalji li ġejjin għandhom ikunu ppubblikati fil-gazzetta nazzjonali ta' dak l-Istat Membru:

(a) it-tip, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat ta' kull kumpannija li qed tingħaqad;

(b) ir-reġistru li ġew ippreżentati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 68/151/KEE fir-rigward ta' kull kumpannija li qed tingħaqad, u n-numru ta' identifikazzjoni tad-daħla f'dak ir-reġistru;

(ċ) indikazzjoni, għal kull kumpannija li se tingħaqad, ta' l-arranġamenti magħmula għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri u ta' kwalunkwe membri f'minoranza tal-kumpanniji li qed jingħaqdu u l-indirizz minn fejn wieħed jista' jikseb informazzjoni sħiħa u bla ħlas dwar dawn l-arranġamenti.

L-Artikolu 7

Rapport ta' l-organu ta' ġestjoni jew ta' amministrazzjoni

L-organu ta' ġestjoni jew ta' amministrazzjoni ta' kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu għandu jlesti rapport għall-membri li jispjega u jiġġustifika l-aspetti ekonomiċi u legali tal-merger transkonfinali u li jispjega l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għall-membri, għall-kredituri u għall-impjegati

Ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-membri u għar-rappreżentanti ta' l-impjegati, jew fejn m'hemmx rappreżentanti, lill-impjegati infushom, mhux inqas minn xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 9.

Fejn l-organu ta' ġestjoni jew ta' amministrazzjoni ta' kwalunkwe waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu jirċievi opinjoni mir-rappreżentanti ta' l-impjegati tagħhom fil-ħin, kif inhu stipulat fil-liġi nazzjonali, dik l-opinjoni għandha tinehmeż mar-rapport.

L-Artikolu 8

Rapport minn esperti indipendenti

1.  Għal kull kumpannija li qed tingħaqad għandu jitħejja rapport magħmul minn esperti indipendenti maħsub għall-membri u mogħti għad-dispożizzjoni mill-inqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 9. Dawn l-esperti jistgħu ikunu persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, skond il-liġi ta' kull Stat Membru.

2.  Bħala alternattiva għal esperti li joperaw f'isem kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu, espert indipendenti wieħed jew iktar, maħtur għal dik il-fini wara talba konġunta mingħand il-kumpanniji minn awtorità ġuridika jew amministrattiva fl-Istat Membru ta' waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu jew tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali jew approvat minn tali awtorità, jista' jeżamina l-abbozz ta' termini tal-merger transkonfinali u jħejji rapport waħdieni bil-miktub għall-membri kollha.

3.  Ir-rapport mill-esperti għandu jinkludi mill-inqas id-dettalji stipulati fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar il-merger ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata ( 13 ). L-esperti għandhom ikollhom id-dritt li jiksbu minn għand kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu l-informazzjoni kollha li jikkunsidraw meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħhom.

4.  La eżami ta' l-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali minn esperti indipendenti u lanqas rapport minn esperti m'għandhom ikunu meħtieġa jekk il-membri kollha ta' kull waħda mill-kumpanniji involuti fil-merger transkonfinali ikunu ftiehmu hekk.

L-Artikolu 9

Approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali

1.  Wara li tieħu kont tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 7(2) u 8, il-laqgħa ġenerali ta' kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu għandha tapprova l-abbozz ta' termini tal- merger transkonfinali.

2.  Il-laqgħa ġenerali ta' kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu tista' tirriserva d-dritt li timplimenta l-merger transkonfinali bil-kondizzjoni li din tirratifika espressament l-arranġamenti li jiġu deċiżi fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' l-impjegati tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali.

3.  Il-liġijiet ta' Stat Membru mhumiex meħtieġa jirrikjedu l-approvazzjoni tal-merger mil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija li qed takkwista jekk il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 78/855/KEE ikunu sodisfatti.

L-Artikolu 10

Ċertifikat qabel il-merger

1.  Kull Stat Membru għandu jinnomina l-qorti, in-nutar jew xi awtorità oħra li jkunu kompetenti biex jiflu bir-reqqa l-legalità tal-merger transkonfinali fir-rigward ta' dik il-parti tal-proċedura li tikkonċerna kull kumpannija li qed tingħaqad li hija suġġetta għal-liġi nazzjonali tiegħu.

2.  F'kull Stat Membru kkonċernat l-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 għandha toħroġ mingħajr dewmien lil kull kumpannija li qed tingħaqad li tkun suġġetta għal-ligi nazzjonali ta' dak l-Istat ċertifikat li juri b'mod definittiv it-twettiq kif dovut ta' l-atti u tal-formalitajiet ta' qabel il-merger.

3.  Jekk il-liġi ta' xi Stat Membru li għaliha kumpannija li qed tingħaqad tkun suġġetta tistipula proċedura għall-iskrutinju u l-emendar tar-rata applikabbli għall-kambju ta' titoli jew ishma, jew proċedura għall-kumpens ta membri f'minoranza, mingħajr ma tipprevjeni ir-reġistrazzjoni tal-merger transkonfinali, din il-proċedura għandha tapplika biss jekk il-kumpanniji l-oħra li qed jingħaqdu li jkunu fi Stati Membri li ma jistipulawx tali proċedura jaċċettaw b'mod espliċitu, meta jkunu qed japprovaw l-abbozz ta' termini tal-merger transkonfinali skond l-Artikolu 9(1), il-possibilità għall-membri ta' dik il-kumpannija li qed tingħaqad li jkollhom rikors għal tali proċedura, li għandha tinbeda quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq dil il-kumpannija li qed tingħaqad. F'każijiet bħal dawn, l-awtorità msemmija fil-paragrafu 2 tista' toħroġ ċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2 anki jekk tali proċedura tkun bdiet. Iċ-ċertifikat għandu, madankollu, jindika li l-proċedura hija pendenti. Id-deċiżjoni fil-proċedura għandha tkun torbot fuq il-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali u l-membri kollha tagħha.

L-Artikolu 11

Skrutinju tal-legalità tal-merger transkonfinali

1.  Kull Stat Membru għandu jinnomina l-qorti, in-nutar jew xi awtorita oħra li jkunu kompetenti biex jiflu bir-reqqa l-legalità tal-merger transkonfinali fir-rigward ta' dik il-parti tal-proċedura li tikkonċerna t-tlestija tal-merger transkonfinali u, fejn ikun xieraq, il-formazzjoni ta' kumpannija ġdida li tirriżulta mill-merger transkonfinali fejn il-kumpannija maħluqa mill-merger transkonfinali tkun suġġetta għal-liġi nazzjonali tiegħu. L-awtorità msemmija għandha tiżgura, b'mod partikulari, li l-kumpanniji li qed jingħaqdu jkunu approvaw l-abbozz tat-termini komuni ta' merger transkonfinali bl-istess kondizzjonijiet u, fejn hu xieraq, li l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' l-impjegati jkunu ġew iddeterminati bi qbil ma' l-Artikolu 16.

2.  Għal dak il-għan kull kumpannija li qed tingħaqad għandha tippreżenta lill-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 ċ-ċertifikat msemmi fl-Artikolu 10(2) fi żmien sitt xhur minn meta dan jinħareġ, flimkien ma' l-abbozz tat-termini komuni ta' merger transkonfinali approvat mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 12

Dħul fis-seħħ tal-merger transkonfinali

Il-liġi ta' l-Istat Membru li għall-ġurisdizzjoni tiegħu l-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tkun suġġetta għandha tiddetermina d-data li fiha l-merger transkonfinali jieħu effett. Id-data għandha tkun wara li jkun sar l-iskrutinju bir-reqqa msemmi fl-Artikolu 11.

▼M2

Artikolu 13

Reġistrazzjoni

Il-liġi ta’ kull Stat Membru li għall-ġuriżdizzjoni tiegħu kienu suġġetti l-kumpanniji li jingħaqdu b’merger għandha tiddetermina, fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat, l-arranġamenti, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti ( 14 ), għall-pubbliċizzar tat-twettiq tal-merger transkonfinali fir-reġistru pubbliku li fih kull waħda mill-kumpanniji hija meħtieġa tippreżenta dokumenti.

Ir-reġistru għar-reġistrazzjoni tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali għandu jinnotifika, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji stabbilita skont l-Artikolu 4a(2) tad-Direttiva 2009/101/KE u mingħajr dewmien, lir-reġistru li fih kull waħda mill-kumpanniji kienet meħtieġa tippreżenta dokumenti li l-merger transkonfinali tkun seħħet. It-tħassir tar-reġistrazzjoni l-qadima, jekk applikabbli, għandu jsir mar-riċezzjoni ta’ dik in-notifikazzjoni, iżda mhux qabel.

▼B

L-Artikolu 14

Konsegwenzi tal-merger transkonfinali

1.  Merger transkonfinali li jitwettaq kif stipulat fil-punti (a) u (ċ) ta' l-Artikolu 2(2) għandu jkollu l-konsegwenzi li ġejjin mid-data msemmija fl-Artikolu 12:

(a) l-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandu jkun trasferit lill-kumpannija li qed takkwista;

(b) il-membri tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandhom isiru membri tal-kumpannija li qed takkwista;

(ċ) il-kumpannija li qed tiġi akkwistata ma għandhiex tibqa teżisti.

2.  Merger transkonfinali li jitwettaq kif stipulat fil-punt (b) ta' l-Artikolu 2(2) għandu jkollu l-konsegwenzi li ġejjin mid-data msemmija fl-Artikolu 12:

(a) l-attiv u l-passiv kollu tal- kumpanniji li qed jingħaqdu għandu jiġi trasferit lill-kumpannija l-ġdida;

(b) il-membri tal-kumpanniji li qed jingħaqdu isiru membri tal-kumpannija l-ġdida;

(ċ) il-kumpanniji li qed jingħaqdu ma jibqgħux jeżistu.

3.  Fejn, fil-każ ta' merger transkonfinali ta' kumpanniji koperti minn din id-Direttiva, il-liġijiet ta' l-Istati Membri jeħtieġu t-twettiq ta' formalitajiet speċjali qabel ma t-trasferiment ta' ċerti assi, drittijiet u obbligi mill-kumpanniji li qed jingħaqdu jieħu effett fir-rigward ta' terza parti, dawk il-formalitajiet għandhom jitwettqu mill-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali.

4.  Id-drittijiet u l-obbligi tal-kumpanniji li qed jingħaqdu li joħorġu mill-kuntratti ta' xogħol jew relazzjonijiet ta' xogħol u li jeżistu fid-data meta l-merger transkonfinali jieħu effett għandhom, minħabba li dak il-merger transkonfinali jkun ħa effett, jiġu trasferiti lill-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali fid-data meta l-merger jieħu effett.

5.  L-ebda ishma fil-kumpannija li qed takkwista m'għandhom jiġu skambjati ma' ishma fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata li jkunu miżmuma jew:

(a) mill-kumpannija li qed takkwista innifisha jew permezz ta' persuna li taġixxi f'isimha stess imma li tidher għall-kumpannija;

(b) mill-kumpannija li qed tiġi akkwistata innifisha jew permezz ta' persuna li taġixxi f'isimha stess imma li tidher għall-kumpannija.

L-Artikolu 15

Formalitajiet simplifikati

1.  Fejn merger transkonfinali li jsir b'akkwist jitwettaq minn kumpannija li jkollha l-ishma kollha u titoli oħra li jagħtuha d-dritt li tivvota waqt il-laqgħat ġenerali tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati.

 L-Artikoli 5, punti (b), (ċ) u (e), 8 u 14(1)(b) m'għandhomx japplikaw;

 L-Artikolu 9(1) m'għandux japplika għall-kumpannija jew il-kumpanniji li qed jiġu akkwistati.

▼M1

2.  Fejn issir għaqda b’akkwist transkonfinali minn kumpanija li jkollha 90 % jew aktar, iżda mhux it-total kollu, tal-ishma u titoli oħra li jagħtu d-dritt għall-vot fil-laqgħat ġenerali tal-kumpanija jew kumpaniji akkwistati, rapporti minn espert jew esperti indipendenti u d-dokumenti meħtieġa għall-iskrutinju għandhom ikunu meħtieġa biss safejn dik il-liġi nazzjonali li tirregola jew il-kumpanija akkwirenti jew il kumpaniji jew il-kumpanniji li qed jiġu akkwistati hekk jeħtieġu, b’konformità mad-Direttiva 78/855/KEE..

▼B

L-Artikolu 16

Parteċipazzjoni mill-impjegati

1.  Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali għandha tkun suġġetta għar-regoli fis-seħħ dwar il-parteċipazzjoni mill-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċju reġistrat.

2.  Madankollu, ir-regoli fis-seħħ dwar parteċipazzjoni mill-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali għandha l-uffiċju reġistrat tagħha ma għandhomx japplikaw, fejn mill-inqas waħda mill-kumpanniji li qed tingħaqad għandha numru medju ta' impjegati, fis-sitt xhur ta' qabel il-pubblikazzjoni ta' l-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali kif imsemmi fl-Artikolu 6, li jaqbeż il-500 u li qed topera taħt sistema ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati skond it-tifsira tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2001/86/KE, jew fejn il-liġi nazzjonali applikabbli għall-kumpannija li tirriżulta mill-merger

(a) ma tipprovdix għal mill-inqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati li tinsab fil-kumpanniji li qed jingħaqdu rilevanti, imkejjla b'riferenza għal proporzjon ta' rappreżentanti ta' l-impjegati fost il-membri tal-korp amministrattiv jew ta' superviżjoni jew il-kumitati tagħhom jew tal-grupp ta' ġestjoni li jkopri l-unitajiet ta' qligħ, suġġett għar- rappreżentanza tal-impjegati, jew

(b) ma tipprovdix għal impjegati ta' stabbilimenti tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali li jinsabu fi Stati Membri oħrajn l-istess dritt għal eżerċizzju ta' drittijiet ta' parteċipazzjoni kif igawdu dawk l-impjegati li jaħdmu fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali għandha uffiċju reġistrat.

3.  Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-parteċipazzjoni ta' l-impjegati fil-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta' drittijiet bħal dawn għandhom ikunu rregolati mill-Istati Membri, mutatis mutandis u soġġetti għall-paragrafi 4 sa 7 hawn taħt, bi qbil mal-prinċipji u mal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u mad-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva 2001/86/KE:

(a) l-Artikolu 3(1), (2) u (3), (4) l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż, u t-tieni subparagrafu, (5) u (7);

(b) l-Artikolu 4(1), (2), il-punti (a), (g), u (h), u (3);

(ċ) l-Artikolu 5;

(d) l-Artikolu 6;

(e) l-Artikolu 7(1), (2) l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u t-tieni subparagrafu, u (3). Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-perċentwali rekwiżiti mill-Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu, punt (b) tad-Direttiva 2001/86/KE għall-applikazzjoni tar-regoli standard li jinsabu fil-Parti 3 tal-Anness għal dik id-Direttiva għandu jiżdied minn 25 % għal 331/3 %;

(f) l-Artikoli 8, 10 u 12;

(g) l-Artikolu 13(4);

(h) Il-Parti 3 ta' l-Anness, punt (b).

4.  Meta jkunu qed jirregolaw il-prinċipji u l-proċeduri imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri:

(a) għandhom jagħtu lill-korpi relevanti tal-kumpanniji li jingħaqdu id-dritt ta' l-għażla mingħajr negozjar bil-quddiem sabiex ikunu soġġetti direttament għar-regoli standard għall-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 3(h), kif stabbilit fil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li fih il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali ser ikollha l-uffiċju reġistrat, u sabiex jaderixxu ma' dawk ir-regoli mid-data ta' reġistrazzjoni;

(b) jagħtu lill-Korp Speċjali ta' Negozjati id-dritt li jiddeċiedi, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tagħha li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi ta' l-impjegati, inklużi l-voti tal-membri li jirrappreżentaw l-impjegati f'mill-inqas żewġ Stati Membri differenti, li ma jiftaħx negozjati jew li jagħlaq negozjati li kienu diġà nfetħu u li jserrħu fuq ir-regoli ta' parteċipazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċju reġistrat tal-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali;

(ċ) jistgħu, fil-każ fejn, wara negozjar bil-quddiem, japplikaw regoli standard għall-parteċipazzjoni u, minkejja dawn ir-regoli, jiddeċiedu li jillimitaw il-proporzjon ta' rappreżentanti ta' l-impjegati fil-korp amministrativ tal-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali. Madankollu, jekk f'waħda mill-kumpanniji li qed tingħaqad rappreżentanti ta' l-impjegati li jikkostitwixxu mill-inqas terz mill-bord amministrattiv jew ta' superviżjoni, il-limitazzjoni qatt ma tista' tirriżulta fi proporzjon iżgħar minn terz ta' rappreżentanti ta' l-impjegati fl-organu amministrattiv.

5.  L-estensjoni tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni lill-impjegati tal-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali li huma impjegati fi Stati Membri oħrajn, imsemmija fil-paragrafu 2(b), m'ghandhiex twassal għal xi obbligu għal Stati Membri li jagħżlu li jagħmlu dan li jikkunsidraw dawk l-impjegati meta jsir il-kalkolu tal-limitu tad-daqs tal-korp ta' l-impjegati li jwassal għal drittijiet ta' parteċipazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.

6.  Meta mill-inqas waħda mill-kumpanniji li qed tingħaqad topera taħt sistema ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati u l-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali se tkun regolata minn tali sistema bi qbil mar-regoli imsemmija fil-paragrafu 2, dik il-kumpannija għandha l-obbligu li tadotta forma legali li tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni.

7.  Meta l-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali qed topera taħt sistema ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati, dik il-kumpannija għandha l-obbligu li tadotta miżuri sabiex tiżgura li d-drittijiet ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati huma protetti jekk iseħħu mergers domestiċi sussegwenti għal perjodu ta' tlett snin wara li l-merger transkonfinali jkun seħħ, billi jiġu applikati mutatis mutandis b'analoġija r-regoli stabbiliti f'dan l-Artikolu.

L-Artikolu 17

Validità

Merger transkonfinali li jkun daħal fis-seħħ kif stipulat fl-Artikolu 12 ma jistax jiġi ddikjarat null u bla effett.

▼M2

Artikolu 17a

Protezzjoni tad-data

Il-proċessar tad-data personali li jsir fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 15 ).

▼B

L-Artikolu 18

Reviżjoni

Ħames snin wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19, il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-Direttiva fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħha, u, jekk meħtieġ, tipproponi l-emendar tagħha.

L-Artikolu 19

Trasposizzjoni

▼C1

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, irregolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-15 ta' Diċembru ta' l-2007.

▼B

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati minn referenza ta' dan it-tip fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodu għall-għamla ta' din il-proċedura għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri.

L-Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 21

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) ĠU C 117, tat-30.4.2004, p. 43.

( 2 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2005(għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u d-Deċisjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Settembru 2005.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004 fuq il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar il-mergers) (ĠU L 24, tad-29.1.2004, p. 1).

( 4 ) ĠU L 225, tat-12.8.1998, p. 16.

( 5 ) ĠU L 82, tat-22.3.2001, p. 16.

( 6 ) ĠU L 80, tat-23.3.2002, p. 29.

( 7 ) ĠU L 254, tat-30.9.1994, p. 64. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/74/KE (ĠU L 10, tas-16.1.1998, p. 22).

( 8 ) ĠU L 294, ta' l-10.11.2001, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 885/2004 (ĠU L 168, ta' l-1.5.2004, p. 1).

( 9 ) ĠU L 294, ta' l-10.11.2001, p. 22.

( 10 ) ĠU C 321, tal-31.12.2003, p. 1.

( 11 ) L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta' Marzu ta' l-1968 dwar il-kordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (ĠU L 65, ta' l-14.3.1968, p. 8). Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

( 12 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

( 13 ) ĠU L 295, ta' l-20.10.1978, p. 36. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

( 14 ) ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11.

Nota editorjali: It-titolu tad-Direttiva 2009/101/KE ġie aġġustat biex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Lisbona; ir-referenza oriġinali kienet għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat.

( 15 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

Top