EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02000L0059-20081211

Consolidated text: Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/59/2008-12-11

2000L0059 — MT — 11.12.2008 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA 2000/59/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' Novembru 2000

dwar il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija

(ĠU L 332, 28.12.2000, p.81)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

ID-DIRETTIVA 2002/84/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'relevanza għaż-ŻEE tal-5 ta' Novembru ta' l-2002

  L 324

53

29.11.2002

►M2

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/71/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE tat-13 ta’ Diċembru 2007

  L 329

33

14.12.2007

►M3

REGOLAMENT (KE) Nru 1137/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-22 ta' Ottubru 2008

  L 311

1

21.11.2008




▼B

ID-DIRETTIVA 2000/59/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' Novembru 2000

dwar il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 3 ),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 4 ), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni tat-18 ta' Lulju 2000,

Billi:

(1)

Il-politika Komunitarja dwar l-ambjent timmira għal livell għoli ta' protezzjoni. Hija msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni u l-prinċipji illi min iniġġes għandu jħallas u li għandha tittieħed azzjoni preventiva.

(2)

Qasam importanti ta' l-azzjoni Komunitarja fit-trasport bil-baħar jirrigwarda t-tnaqqis tat-tniġġiż fl-ibħra. Dan jista' jinkiseb permezz tat-tħaris tal-konvenzjonijiet, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali filwaqt li tinżamm il-libertà tan-navigazzjoni pprovduta mill-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi kif ipprovdut fil-liġijiet Komunitarji.

(3)

Il-Komunità hija interessata serjament dwar it-tniġġiż ta' l-ibħra u tax-xtut ta' l-Istati Membri kkawżati mill-iskarigi ta'l-iskart u tal-fdalijiet tal-merkanzija mill-bastimenti, u partikolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Bastimenti, ta' l-1973, kif immodifikata mill-Protokoll ta' l-1978 li għandu x'jaqsam magħha (il-Marpol 73/78) li jirregola liema skart jista' jiġi skarigat mill-bastimenti fl-ambjent tal-baħar u li jirregola illi l-Istati Partijiet jiżguraw il-provvista ta' faċilitajiet adegwati għall-wasla fil-portijiet. L-Istati Membri kollha rratifikaw il-Marpol 73/78.

(4)

Il-protezzjoni ta' l-ambjent tal-baħar tista' titjieb billi jitnaqqsu l-iskarigi fil-baħar ta' l-iskart iġġenerat mill-bastiment u tal-fdalijiet mill-merkanzija. Dan jista' jinkiseb billi titjieb id-disponibbilità u l-użu tal-faċilitajiet mal-wasla u billi jitjieb ir-rinfurzar tar-reġim. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta'Ġunju 1993 dwar il-politika komuni dwar ibħra bla perikoli ( 5 ), il-Kunsill inkluda fost l-azzjonijiet tiegħu ta' prijorità l-iżvilupp tad-disponibbilità u l-użu tal-faċilitajiet Komunitarji ta' l-akkoljenza.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 li tirrigwarda l-infurzar, rigward il-ġarr bil-baħar li juża l-portijiet Komunitarji u t-tbaħħir fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, ta' l-istandards internazzjonali dwar is-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni tat-tniġġiż u l-ħajja abbord u l-kondizzjonijiet tax-xogħol (il-kontroll tal-portijiet mill-Istat) ( 6 ) tipprovdi illi l-bastimenti li joħolqu theddid mhux raġjonevoli ta' perikolu lill-ambjent tal-baħar ma jistgħux isalpaw.

(6)

It-tniġġiż ta' l-ibħra għandu min-natura tiegħu implikazzjonijiet li jmorru lil hemm mill-fruntieri. Għar-raġuni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni fuq il-livell Komunitarju hija l-iktar manjiera effettiva biex tiżgura standards ambjentali komuni għall-bastimenti u l-portijiet fil-Komunità kollha.

(7)

Għar-raġuni tal-prinċipju tal-proporzjonalità, Direttiva hija l-istrument legali xieraq, billi tipprovdi qafas sabiex jiġu applikati b'mod uniformi u obbligatorju mill-Istati Membri l-istandards ambjentali, filwaqt li lil kull Stat Membru jitħallielu d-dritt li jiddeċiedi liema għodod ta' implimentazzjoni l-iktar li jixirqu lis-sistema interna tiegħu.

(8)

Għandha tiġi żgurata l-konsistenza mal-ftehim reġjonali eżistenti, bħalma hi l-Konvenzjoni ta' l-1974/1992 dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu fl-Arja tal-Baħar Baltiku.

(9)

Fl-interess li tiġi mtejba l-prevenzjoni mit-tniġġiż u li jiġi evitat it-tagħwiġ tal-kompetrizzjoni, il-ħtiġiet ambentali għandhom japplikaw għall-bastimenti kollha, irrispettivament mill-bandiera li jtajru, u għandhom ikunu disponibbli l-faċilitajiet adegwati ta' l-akkoljenza fil-portijiet kollha Komunitarji.

(10)

Il-faċilitjajiet adegwati ta' l-akkoljenza fil-portijiet għandhom jilħqu l-ħtiġiet ta' l-utenti, minn l-ikbar bastiment tal-merkanzija sa l-iżgħar qoxra ta' rikreazzjoni, u ta' l-ambjent, mingħajr ma jikkawżaw dewmien mhux xieraq lill-bastimenti li jkunu qegħdin jużawhom. L-obbligu li jiżgura d-disponibbilità adegwata tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza jħalli lill-Istati Membri bi grad għoli ta' libertà biex jirranġaw li jirċievu l-iskart fl-iktar mod addattat u jippermettilhom, fost ħwejjeġ oħra, li jipprovdu stallazzjonijiet fissi ta' l-akkoljenza jew li jaħtru provvedituri tas-servizzi li jġibu fil-portijiet unitajiet mobbli ta' l-akkoljenza ta' l-iskart meta meħtieġa. Dan l-obbligu jimplika wkoll l-obbligu li jiġu pprovduti s-servizzi kollha u/jew l-arranġamenti l-oħra li jmorru miegħu meħtieġa għall-użu xieraq u adegwat ta' dawn il-faċilitajiet.

(11)

L-adegwatezza tal-faċilitajiet tista' titjieb bi pjani aġġornati ta' l-akkoljenza u t-tqandil ta' l-iskart stabbiliti b'konsultazzjoni mal-partijiet rilevanti.

(12)

L-effettività tal-faċilititajiet ta' l-akkoljenza tal-portijiet tista' titjieb billi l-bastimenti jkunu meħtieġa li jinnotifikaw il-ħtieġa tagħhom li jużaw il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza. Din in-notifika trid ukoll tipprovdi tagħrif għall-maniġġjar effettiv u ppjanat ta' l-iskart. L-iskart mill-bastimenti u mill-opri tar-rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġier jista' jitqandel mill-faċilitajiet ta' l-akkoljenza mingħajr notifika minn qabel.

(13)

L-iskarigi ta' l-iskart iġġenerat mill-bastiment fuq il-baħar jistgħu jiġu mnaqqsa billi jeħtieġu lill-bastimenti kollha li jikkunsinjaw l-iskart tagħhom lill-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port qabel isalpaw. Sabiex jiġi rrikonċiljat l-interess ta' l-operazzjoni bla skossi tat-trasport marittimu mal-protezzjoni ta' l-ambjent, għandhom ikunu possibbli eċċezzjonijiet għal din il-ħtieġa billi jitqiesu s-suffiċjenza tal-kapaċità tal-ħażna abbord iddedikata għal dan, il-possibbiltà tal-kunsinja f'port ieħor mingħajr ir-riskju ta' l-iskarigu fil-baħar u l-ħtiġiet speċifiċi tal-kunsinja addottati skond il-liġijiet internazzjonali.

(14)

Għar-raġuni tal-prinċipju ta' “min iniġġeż iħallas”, l-ispejjeż għall-użu tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port, li jinkludu t-trattament u r-rimi ta' l-iskart iġġenerat mill-bastiment, għandhom jiġu koperti mill-bastimenti. Fl-interess tal-protezzjoni ta' l-ambjent, is-sistema ta' imposti għandha tinkoraġġixxi l-kunsinja lill-portijiet ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti minflok l-iskarigu fil-baħar. Dan jista' jiġi ffaċilitat billi jiġi pprovdut illi l-bastimenti kollha jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' l-akkoljenza u t-tqandil ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti sabiex jitnaqqsu l-inċentivi ekonomiċi għall-iskarigu fil-baħar. Għar-raġuni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom, skond il-liġijiet nazzjonali u l-prattiċi korrenti tagħhom, iżommu l-poteri sabiex jistabbilixxu jekk u f'liema proporzjon l-imposti relatati mal-kwantitajiet attwalment ikkunsinjati mill-bastimenti jiġu inklużi fis-sistemi għall-irkupru ta' l-ispejjeż għall-użu tal-faċilitajiet tal-port. L-imposti għall-użu ta' dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu bil-fier, mhux diskriminatorji u trasparenti.

(15)

Il-bastimenti li jipproduċu kwantitajiet imnaqqsa ta' skart iġġenerat mill-bastimenti għandhom jiġu ttrattati iktar favorevolment fl-ispiża fuq is-sistema ta' l-irkupru. Kriterji komuni jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta' dawn il-bastimenti.

(16)

Sabiex jiġi evitat piż mhux mixtieq għall-partijiet interessati, il-bastimenti mdaħħla fit-traffiku skedat tad-dħul fil-port spiss u regolari jistgħu jiġu eżentati minn ċerti obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva fejn ikun hemm xiehda suffiċjenti illi jeżistu arranġamenti sabiex jiżguraw il-kunsinja ta' l-iskart u l-ħlas ta' l-imposti.

(17)

Il-fdalijiet mill-merkanzija għandhom jiġu kkunsinjati lill-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port skond il-Marpol 73/78. Il-Marpol 73/78 jeħtieġ illi l-fdalijiet mill-merkanzija jridu jiġu kkunsinjati lill-faċilitijatiet ta' l-akkoljenza tal-port safejn u sakemm ikun meħtieġ li jitħarsu l-ħtiġiet tat-tindif tat-tankijiet. Kull imposta fuq din il-kunsinja għandha titħallas mill-utent tal-faċilità fil-wasla, bl-utent jiġi normalment speċifikat fl-arranġamenti tal-ftehim kontrattwali bejn il-partijiet involuti jew f'arranġamenti oħra lokali.

(18)

Huwa meħtieġ illi jiġu midħula għalihom spezzjonijiet immirati sabiex jiġi vverifikat it-tħaris ta' din id-Direttiva. In-numru ta' dawn l-ispezzjonijiet, kif ukoll il-penali imposti, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex ma jħallux in-nuqqas tat-tħaris skond din id-Direttiva. Għar-raġunijiet ta' l-effiċjenza u ta' l-effettività tan-nefqa, dawn l-ispezzjonijiet jistgħu jiġu midħula għalihom fil-qafas tad-Direttiva 95/21/KE, meta tapplika.

(19)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw qafas xieraq amministrattiv għall-funzjonament adegwat tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port. Skond il-Marpol 73/78, l-allegazzjonijiet ta' faċilitajiet inadegwati ta' l-akkoljenza tal-port għandhom jiġu trasmessi lill-Organiżżazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). L-istess tagħrif jista' jiġi trasmess simultanjament lill-Kummissjoni għall-għanijiet tat-tagħrif.

(20)

Sistema ta' tagħrif sabiex jiġu identifikati l-bastimenti li jniġġżu jew li potenzjalment iniġġżu tiffaċilita l-infurzar ta'din id-Direttiva u tkun ta' għajnuna fl-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tagħha. Is-sistema tat-tagħrif SIRENAC stabbilita skond il-Memorandum ta' Fehma ta' Pariġi dwar il-Kontroll tal-Portijiet mill-Istati tipprovdi ammont kbir ta' tagħrif addizzjonali meħtieġ għal dan il-għan.

(21)

Huwa meħtieġ illi l-Kumitat li jikkonsisti minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri jgħinu lill-Kummissjoni sabiex tapplika b'mod effettiv din id-Direttiva. Ġaladarba l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva huma miżuri ta'skop ġenerali fit-tifsira ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta'Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-proċeduri sabiex jiġu implimentati tal-poteri mogħtija lilhom mill-Kummissjoni ( 7 ), dawn il-miżuri għandhom jiġu addottati skond il-proċedura regolatorja pprovduta fl-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni.

(22)

Ċerti dispożizzjonijiet ta'din id-Direttiva jistgħu, mingħajr ma jitwessa' l-iskop tagħha, jiġu emendati skond din il-proċedura sabiex iqisu l-miżuri Komunitarji jew dawk ta' l-IMO li jidħlu fis-seħħ fil-ġejjieni sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni armonizzata tagħhom,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



L-Artikolu 1

L-Għan

Il-għan ta' din id-Direttiva hu li jitnaqqsu l-iskarigi fil-baħar ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija, b'mod speċjali l-iskarigi illegali, minn bastimenti li jużaw il-portijiet Komunitarji, billi jtejbu d-disponibbilità u l-użu tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija, biex b'hekk tittejjeb il-protezzjoni ta' l-ambjent marittimu.

L-Artikolu 2

Id-Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) “bastiment” għandu jfisser bastiment li jaħdem ikun xi jkun it-tip tiegħu fl-ambjent marittimu u għandu jinkludi l-vetturi tal-baħar hydrofoil, il-vetturi li jimxu fuq kuxxina ta' l-arja, il-vetturi li jimxu taħt l-ilma u li jiggalleġġjaw;

b) “Marpol 73/78” għandu jfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Bastimenti, ta' l-1973, kif immodifikata mill-Protokoll ta' l-1978 li għandu x'jaqsam magħha, ►M1  fil-verżjoni aġġornata tagħha ◄ ;

(ċ) “skart iġġenerat mill-bastimenti” għandu jfisser l-iskart kollu, inkluż id-drenaġġ, u l-fdalijiet l-oħra għajr il-fdalijiet mill-merkanzija, li jiġu ġġenerati matul is-servizz tal-bastiment u li jaqgħu fl-iskop ta' l-Annessi I, IV u V mal-Marpol 73/78 u l-iskart assoċjat mal-merkanzij kif definit fil-Linji Gwida sabiex jiġi implimentat l-Anness V mal-Marpol 73/78;

(d) “l-fdalijiet mill-merkanzija” għandhom ifissru l-fdalijiet ta' kull materjal ta' merkanzija miżmuma abbord jew fl-istivi jew fit-tankijiet tal-merkanzija li jifdlu wara li jkunu tlestew il-proċeduri tal-ħatt u l-ħidmiet tat-tindif u għandhom jinkludu l-eċċessi u t-tixrid fit-tagħbija/ħatt tal-merkanzija;

(e) “faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port” għandhom ifissru kull faċilità, fissa jew li tiggalleġġja u kapaċi li tirċievi l-iskart iġġenerat mill-bastimenti jew il-fdalijiet mill-merkanzija;

(f) “bastiment tas-sajd” għandu jfisser kull bastiment imgħammar jew użat kummerċjalment għall-qbid tal-ħut jew ta' risorsi oħra ħajjin tal-baħar;

(g) “qoxra/opra ta' rikreazzjoni” għandha tfisser bastiment ta' kull tip, ikunu xi jkunu l-mezzi tal-propulsjoni tiegħu, maħsuba għall-isport jew għal raġunijiet ta' divertiment;

(h) “port” għandu jfisser post jew żona ġeografika magħmula minn xogħol ta' titjib u bit-tagħmir hekk li jippermetti, prinċipalment, l-akkoljenza tal-bastimenti inklużi l-bastimenti tas-sajd u l-opri ta' rikreazzjoni.

Mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet fil-punti (ċ) u (d), “skart iġġenerat mill-bastimenti” u “fdalijiet mill-merkanzija” għandhom jitqiesu bħala skart fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta'Lulju 1975 dwar l-iskart ( 8 ).

L-Artikolu 3

L-Skop

Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a) il-bastimenti kollha, inklużi l-bastimenti tas-sajd u l-opri ta' rikreazzjoni, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, li jidħlu f'port ta' Stat Membru jew joperaw fih, bl-eċċezzjoni ta' kull bastiment tal-gwerra, navali awżiljari jew bastiment ieħor ippossedut jew imħaddem minn Stat u, f'dan iż-żmien, użat fis-servizz tal-gvern jew f'servizz mhux kummerċjali biss; u

(b) il-portijiet kollha ta' l-Istati Membri li normalment iżuruhom bastimenti li jaqgħu taħt l-iskop tal-punt (a).

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw illi bastimenti li jkunu esklużi mill-iskop ta'din id-Direttiva skond il-punt (a) tal-paragrafu preċedenti jikkunsinjaw l-iskart iġġenerat mill-bastiment tagħhom u l-fdalijiet mill-merkanzija, safejn u sakemm ikun raġonevoli u prattiku, b'mod konsistenti ma' din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tal-faċilitajiet adegwati ta' l-akkoljenza fil-portijiet sabiex jilħqu mal-ħtiġiet tal-bastimenti li normalment jużaw il-port mingħajr ma jikkawżaw dewmien mhux xieraq lill-bastimenti.

2.  Sabiex tinkiseb l-adegwatezza, il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza iridu jkunu kapaċi jirċievu t-tipi u l-kwantitajiet ta' l-iskart iġġenerat mill-bastiment u mill-fdalijiet mill-merkanzija minn bastimenti li normalment jużaw il-port, filwaqt li jqisu l-ħtiġiet ta' l-utenti tal-port, id-daqs u l-lokazzjoni ġeografika tal-port, it-tip tal-bastimenti li jidħlu fil-port u l-eżenzjonijiet ipprovduti skond l-Artikolu 9.

3.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri, skond dawk miftiehma mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), sabiex jirrappurtaw lill-port ta' l-Istat l-inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port.

L-Artikolu 5

L-akkoljenza ta' l-iskart u l-pjani tat-tqandil

1.  Għandu jiġi żviluppat pjan xieraq għall-akkoljenza u t-tqandil ta' l-iskart għal kull port wara konsultazzjonijiet mal-partijiet rilevanti, b'mod partikolari ma' l-utenti tal-port jew mar-rappreżentanti tagħhom, waqt li jitqiesu l-ħtiġiet ta' l-Artikoli 4, 6, 7, 10 u 12. Il-ħtiġiet iddettaljati għall-iżvilupp ta' dawn il-pjani huma ddikjarati fl-Anness I.

2.  Il-pjani għall-akoljenza u t-tqandil referiti fil-paragrafu 1, jistgħu, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta' effiċjenza, jiġu żviluppati f'kuntest reġjonali bl-involviment xieraq ta' kull port, sakemm jiġu speċifikati l-ħtieġa tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza u d-disponibbiltà tagħhom f'kull port individwali.

3.  L-Istati Membri għandhom jevalwaw u japprovaw il-pjan ta' l-akkoljenza u t-tqandil ta' l-iskart, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tiegħu u jiżguraw l-approvazzjoni mill-ġdid mill-inqas kull tliet snin u wara bidliet sinifikanti fit-tħaddim tal-port.

L-Artikolu 6

In-Notifiki

1.  Il-kaptan ta' bastiment, għajr ta' bastiment tas-sajd jew opra ta'rikreazzjoni awtorizzati li ma jġorrux iktar minn 12-il passiġġier, li jkun sejjer lejn port lokat fil-Komunità għandu jimla' b'verità u eżattezza l-formola fl-Anness II u jinnotifika lill-awtoritá jew lill-korp assenjat għal dan il-għan mill-Istat Membru li fih ikun lokat dan il-port:

(a) mill-inqas 24 siegħa qabel tkun magħrufa l-wasla, jekk il-port taż-żjara; jew

(b) hekk kif isir jaf il-port taż-żjara, jekk dan it-tagħrif ikun disponibbli f'inqas minn 24 siegħa qabel il-wasla; jew

(ċ) minn ta' l-inqas mat-tluq mill-port ta'qabel, jekk it-tul tal-vjaġġ ikun inqas minn 24 siegħa.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu illi t-tagħrif jiġi nnotifikat lill-operatur tal-faċilità ta' l-akkoljenza tal-port, li jrid jgħarraf b'dan lill-awtorità rilevanti.

2.  It-tagħrif referit fil-paragrafu 1 għandu jinżamm abbord għall-inqas sal-port li jkun imiss għad-dħul u għandu jkun disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

L-Artikolu 7

Il-kunsinja ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti

1.  Il-kaptan ta' bastiment li jidħol f'port Komunitarju għandu, qabel iħalli l-port, jikkunsinja l-iskart iġġenerat mill-bastiment lill-faċilità ta' l-akkoljenza tal-port.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, bastiment jista' jipproċedi għall-port tad-dħul li jmiss mingħajr ma jikkunsinja l-iskart iġġenerat mill-bastiment, jekk jiġri mit-tagħrif mogħti skond l-Artikolu 6 u l-Anness II, illi jkollu kapaċità suffiċjenti ta' ħażna ddedikata għall-iskart kollu ġġenerat mill-bastiment akkumulat u li jkun sejjer jakkumula matul il-vjaġġ maħsub tal-bastiment sal-port tal-kunsinja.

Jekk ikun hemm raġunijiet tajba sabiex dak li jkun jemmen illi ma jkunux disponibbli faċilitajiet xierqa fil-port maħsub għall-kunsinja, jew jekk il-port ma jkunx magħruf, u li għalhekk ikun hemm ir-riskju li l-iskart jintrema fil-baħar, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevieni t-tniġġiż tal-baħar, jekk meħtieġ billi l-bastiment jintalab li jikkunsinja l-iskart tiegħu qabel ma jħalli l-port.

3.  Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet iktar restringenti tal-kunsinja għall-bastimenti addottati skond il-liġijiet internazzjonali.

L-Artikolu 8

L-imposti fuq l-iskart iġġenerat mill-bastimenti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-ispejjeż tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port fuq l-iskart iġġenerat mill-bastimenti, inklużi t-trattament u l-qerda ta' l-iskart, għandhom ikunu koperti permezz tal-ġbir ta' imposta mill-bastimenti.

2.  Is-sistemi ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż għall-użu tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port m'għandhom jipprovdu l-ebda inċentiv lill-bastimenti sabiex jiskarigaw l-iskart tagħhom fil-baħar. Għal dan l-iskop il-prinċipji li ġejjin għandhom japplikaw għall-bastimenti għajr il-bastimenti tas-sajd u l-opri ta' rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier:

(a) il-bastimenti kollha li jidħlu fil-port ta' Stat Membru għandhom jikkontribwixxu sostanzjalment għall-ispejjeż referiti fil-paragrafu 1, irrispettivament mill-użu attwali tal-faċilitajiet. L-arranġamenti għal dan l-effett jistgħu jinkludi l-inkorporazzjoni ta' imposta fuq il-ħlasijiet tal-port jew imposta separata standard fuq l-iskart. L-imposti jistgħu ivarjaw rigward, fost ħwejjeġ oħra, il-kategorija, it-tip u d-daqs tal-bastiment;

(b) il-parti ta' l-ispejjeż li ma tkunx koperta bl-imposta referita fis-subparagrafu (a), jekk ikun hemm, għandha tkun koperta fuq il-bażi tat-tipi u tal-kwantitajiet ta' skart iġġenerat mill-bastiment li fil-fatt ikun ikkunsinjat mill-bastiment;

(ċ) l-imposti jistgħu jiġu mnaqqsa jekk il-maniġġjar ambjentali, id-disinn, it-tagħmir u l-ilma tal-bastiment huma hekk illi l-kaptan tal-bastiment jista' juri li l-bastiment jipproduċi kwantitajiet imnaqqsa ta' skart iġġenerat mill-bastiment.

3.  Sabiex jiġi żgurat illi l-imposti huma xierqa, trasparenti, mhux diskriminatorji u jirriflettu l-ispejjeż tal-faċilitajiet u tas-servizzi magħmula disponibbli u, fejn xieraq, użati, l-ammont ta' l-imposti u l-bażi li fuqhom kienu kkalkolati għandhom ikunu ċari għall-utenti tal-port.

4.  Il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet snin mid-data referita fl-Artikolu 16(1), tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa l-impatt tal-varjetà fis-sistemi ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż addottati skond il-paragrafu 2 fuq l-ambjent marittimu u l-mudelli tax-xejriet ta' l-iskart. Dan ir-rapport għandu jiġi mfassal f'kuntatt ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u tar-rappreżentanti tal-portijiet.

Il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ fid-dawl ta'din l-evalwazzjoni, tissottometi proposta li temenda din id-Direttiva bl-introduzzjoni ta'sistema li tinvolvi l-ħlas ta'perċentwali xieraq, ta'mhux inqas minn terz, ta' l-ispejjeż referiti fil-paragrafu 1 mill-bastimenti kollha li jagħmlu użu mill-port ta' Stat Membru irrispettivament mill-użu attwali tal-faċilitajiet, jew sistema oħra b'effetti ekwivalenti.

L-Artikolu 9

L-eżenzjonijiet

1.  Meta l-bastimenti jkunu qegħdin jaħdmu fi traffiku skedat bi dħul spiss u regolari fil-portijiet u li jkun hemm evidenza biżżejjed għal arranġament li jiżgura l-kunsinja ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-ħlas ta' l-imposti f'port matul ir-rotta tal-bastiment, l-Istati Membri tal-portijiet involuti jistgħu jeżentaw lil dawn il-bastimenti mill-obbligi fl-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8.

2.  L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-eżenzjonijiet konċessi skond il-paragrafu 1 fuq bażi regolari, għall-inqas darba fis-sena.

L-Artikolu 10

Il-kunsinja tal-fdalijiet mill-merkanzija

Il-kaptan ta' bastiment li jidħol f'port Komunitarju għandu jiżgura illi l-fdalijiet mill-merkanzija jiġu kkunsinjati lil faċilità ta' l-akkoljenza tal-port skond id-dispożizzjonijiet tal-Marpol 73/78. Kull imposta fuq il-kunsinja tal-fdalijiet mill-merkanzija għandha titħallas mill-utent tal-faċilità ta' l-akkoljenza.

L-Artikolu 11

L-infurzar

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull bastiment jista' jkun bla ħsara għal spezzjoni sabiex jivverifikaw illi jħares l-Artikoli 7 u 10 u li jitwettaq numru suffiċjenti minn dawn l-ispezzjonijiet.

2.  Dwar l-ispezzjonijiet li jirrigwardaw bastimenti għajr bastimenti tas-sajd u opri ta' rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier:

(a) fil-għażla tal-bastimenti għall-ispezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil:

 il-bastimenti li ma jkunux ħarsu l-ħtiġiet tan-notifiki fl-Artikolu 6;

 il-bastimenti li għalihom l-eżami tat-tagħrif ipprovdut mill-kaptan skond l-Artikolu 6 jkun żvela raġunijiet li jagħtu x'jinħaseb illi l-bastiment ma jħarisx din id-Direttiva;

(b) din l-ispezzjoni tista' titwettaq ġewwa l-qafas tad-Direttiva 95/21/KE, meta tapplika; ikun xi jkun il-qafas ta' l-ispezzjonijiet, għandha tapplika l-ħtieġa ta' l-ispezzjoni ta' 25 % iddikjarata f'din id-Direttiva;

(ċ) jekk l-awtorità relevanti ma tkunx ssodisfata bir-riżultati ta' dan l-ispezzjoni, għandha tiżgura illi l-bastiment ma jħallix il-port sakemm ikun ikkunsinja l-iskart iġġenerat mill-bastiment u mill-fdalijiet mill-merkanzija lill-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port skond l-Artikoli 7 u 10;

(d) meta jkun hemm xiehda ċara illi bastiment ikun baħħar mingħajr ma jkun ħares l-Artikoli 7 jew 10, l-awtorità kompetenti tal-port ta' wara għandu jiġi mgħarraf b'dan u dan il-bastiment, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali referiti fl-Artikolu 13, ma jkunx permess li jħalli l-port sakemm issir stima ddettaljata tal-fatturi li għandhom x'jaqsmu mat-tħaris ta din id-Direttiva mill-bastiment, bħall-eżattezza ta' kull tagħrif ipprovdut skond l-Artikolu 6.

3.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' kontroll, safejn u sakemm meħtieġa, għall-bastimenti tas-sajd u l-opri ta' rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier sabiex jiżguraw il-konformità mal-ħtiġiet li japplikaw għal din id-Direttiva.

L-Artikolu 12

Il-miżuri li jakkumpanjaw

1.  L-Istati Membri għandhom:

(a) jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-kaptani tal-bastimenti, il-fornituri ta' faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-portijiet u persuni oħra interessati jkunu mgħarrfa adegwatament bil-ħtiġiet indirizzati lilhom skond din id-Direttiva u li huma jaqblu magħhom;

(b) jinnominaw awtoritajiet jew korpi xierqa sabiex iwettqu l-funzjonijiet skond din id-Direttiva;

(ċ) jagħmlu dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tagħhom u l-organizzazzjonijiet kummerċjali sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva;

(d) jiżguraw illi t-tagħrif nnotifikat mill-kaptani tal-bastimenti skond l-Artikolu 6 jiġi eżaminat kif xieraq;

(e) jiżguraw illi l-formalitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-użu tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port ikunu sempliċi u b'ħeffa sabiex joħolqu inċentiv għall-kaptan tal-bastiment li juża l-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port u sabiex jiġi evitat dewmien mhux xieraq lill-bastimenti;

(f) jiżguraw illi l-Kummissjoni tkun ipprovduta b'kopja ta' l-allegazzjonijiet ta' faċilitajiet inadegwati ta' l-akkoljenza tal-port riferiti fl-Artikolu 4(3);

(g) jiżguraw illi t-trattament, l-irkupru jew il-qerda ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija jitwettqu skond id-Direttiva 75/442/KEE u l-leġislazzjoni rilevanti l-oħra dwar l-iskart, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE tas-16 ta' Ġunju 1975 dwar il-qerda taż-żjut għall-iskart ( 9 ) u d-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar l-iskart perikoluż ( 10 ).

(h) jiżguraw skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom illi kull parti involuta fil-kunsinja jew fl-akkoljenza ta'skart iġġenerat mill-bastimenti jew fdalijiet mill-merkanzija jistgħu jippretendu kumpens għall-ħsara kkawżata minn dewmien mhux xieraq.

2.  Il-kunsinja ta' skart iġġenerat mill-bastiment u l-fdalijiet mill-merkanzija għandhom jitqiesu bħala rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera fit-tifsira ta' l-Artikolu 79 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità ( 11 ). L-awtoritajiet tad-dwana m'għandhomx jeħtieġu d-depożitu ta' dikjarazzjoni fil-qosor skond l-Artikolu 45 tal-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità.

3.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw sabiex jistabbilixxu sistema xierqa ta' tagħrif u ta' immonitorjar, li tkopri mill-inqas il-Komunità kollha, sabiex:

 itejbu l-identifikazzjoni tal-bastimenti li ma jkunux ikkunsinjaw l-iskart tagħhom iġġenerat mill-bastiment u l-fdalijiet mill-merkanzija skond din id-Direttiva,

 jaċċertaw jekk intlaħqux il-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva.

4.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikooperaw sabiex jistabbilixxu l-kriterji komuni sabiex jiġu identifikai l-bastimenti referiti fl-Artikolu 8(2)(ċ).

L-Artikolu 13

Il-penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali addottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi dawk il-penali jiġu applikati. Il-penali hekk ipprovduti għandhom ikunu effettivi, pproporzjonati u disswasivi.

▼M3

L-Artikolu 14

Proċedura ta' Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar l-Ibhra Protetti u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (COSS), imwaqqaf mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament u tal-Kunsill ( 12 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a, minn (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

L-Artikolu 15

Proċedura emendatorja

L-Annessi ta' din id-Direttiva, id-definizzjoni fl-Artikolu 2(b) u r-referenzi għall-istrumenti Komunitarji u ta' l-IMO jistgħu jiġu adattati mill-Kummissjoni sabiex jinġiebu f'linja waħda mal-miżuri Komunitarji jew ta' l-IMO li jkunu daħlu fis-seħħ, sakemm b'dawn l-emendi ma jiġix estiż il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Barra minn hekk, l-Annessi ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni meta dan ikun meħtieġ biex jittejjeb ir-reġim stabbilit b'din id-Direttiva, sa fejn dawn l-emendi ma jestendux il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(2).

L-emendi ta' l-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Artikolu 2 jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva billi jiġi applikat l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.

▼B

L-Artikolu 16

L-implimentazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel it-28 ta' Diċembru 2002 u jgħarrfu minnufuh lill-Kummissjoni b'dan.

Madankollu, safejn jirrigwarda d-drenaġġ kif referit fl-Artikolu 2(ċ), l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiġi sospiża sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' l-Anness IV mal-Marpol 73/78, filwaqt li tiġi rrispetta d-distinzjoni magħmula f'din il-konvenzjoni bejn il-bastimenti ġodda u dawk eżistenti.

2.  Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 17

L-evalwazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-istat tas-sitwazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva kull tliet snin.

2.  Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' evalwazzjoni rigward it-tħaddim tas-sistema kif ipprovdut f'din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapporti mill-Istati Membri kif stabbilit fil-paragrafu 1 flimkien ma' proposti kif meħtieġa, li jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta'din id-Direttiva.

L-Artikolu 18

Id-dħul fis-seħħ

Din ir-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 19

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I

IL-ĦTIĠIJIET TAL-PJANI TA' L-AKKOLJENZA U T-TQANDIL TA' l-ISKART FIL-PORTIJIET

(kif imsemmija fl-Artikolu 5)

Il-pjani għandhom ikopru t-tipi kollha ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija li joriġinaw mill-bastimenti li normalment iżuru l-port u għandhom jiġu żżvilippati skond id-daqs tal-port u t-tipi ta' bastimenti li jidħlu f'dan il-port.

L-elementi li ġejjin għandhom ikunu indirizzati fil-pjani:

 stima tal-ħtieġa għall-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port, fid-dawl tal-ħtieġa tal-bastimenti li normalment iżuru l-port;

 deskrizzjoni dwar it-tip u l-kapaċità tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port;

 deskrizzjoni ddettaljata tal-proċeduri għall-akkoljenza u l-ġbir ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija;

 deskrizzjoni tas-sistema ta' l-imposti;

 proċeduri sabiex jiġu rrappurtati l-inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port;

 proċeduri tal-konsultazzjonijiet li jkunu għaddejjin ma' l-utenti tal-port, il-kuntratturi ta' l-iskart, l-operaturi tat-terminal u partijiet oħra interessati; u

 it-tip u l-kwantitajiet ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija rċevuti u mqandla.

B'żieda ma' dawn, il-pjani għandhom jinkludu:

 sommarju tal-leġislazzjoni rilevanti u tal-formalitajiet għall-kunsinja;

 l-identifikazzjoni tal-persuna jew persuni li jridu jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-pjan;

 deskrizzjoni tat-tagħmir tal-proċessi ta' qabel it-trattament fil-port, jekk ikun hemm minn dawn;

 deskrizzjoni tal-metodi dwar ir-reġistrazzjoni ta' l-użu attwali tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port;

 deskrizzjoni tal-metodi tar-reġistrazzjoni ta' l-ammonti ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija rċevuti; u

 deskrizzjoni dwar kif jinqered l-iskart iġġenerat mill-bastiment u l-fdalijiet mill-merkanzija.

Il-proċeduri għall-akkoljenza, il-ġbir, il-ħażna u l-qerda għandhom jikkonformaw f'kull rispett ma' skema ta' maniġġjar ambjentali xierqa għat-tnaqqis b'mod progressiv ta' l-impatt fuq l-ambjent minn dawn l-attivitajiet. Din il-konformità hija presunta jekk il-proċeduri jħarsu r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1836/93 tad-29 ta' Ġunju 1993 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja tal-kumpanniji fis-settur industrijali fi skema Komunitarja ta' maniġġjar u verifika ekoloġiċi ( 13 ).

It-tagħrif li jrid jiġi magħmul disponibbli lill-utenti kollha tal-portijiet:

 referenza qasira għall-importanza fondamentali tal-kunsinja xierqa ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija;

 il-lokazzjoni tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port li tapplika għal kull irmiġġ, akkumpanjata b'dijagramma/mappa;

 lista ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija li normalment jiġu ttrattati;

 lista tal-punti tal-kuntatt, ta' l-operaturi u tas-servizzi offruti;

 deskrizzjoni tal-proċeduri għall-kunsinja;

 deskrizzjoni tas-sistema ta' l-imposti; u

 il-proċeduri sabiex jiġu rrapportati inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port.




L-ANNESS II

▼M2

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI NNOTIFIKATA QABEL ID-DĦUL FIL-PORT TA'

(Port tad-destinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/59/KE)

1.

Isem, sinjal ta' sejħa u, jekk hu l-każ, numru ta' identifikazzjoni IMO tal-bastiment:

2.

Stat tal-bandiera:

3.

Ħin mistenni tal-wasla (ETA):

4.

Ħin mistenni tat-tluq (ETD):

5.

Port ta' żjara preċedenti:

6.

Port ta' żjara sussegwenti:

7.

L-aħħar port u data meta l-iskart iġġenerat mill-bastiment ġie kkonsenjat:

8.

Bi ħsiebek tikkonsenja (Immarka l-kaxxa t-tajba)



l-iskart kollu 

parti mill-iskart 

ebda skart 

fil-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port?

9.

Tip u ammont ta' skart u fdalijiet għall-konsenja u/jew li jibqa' abbord, u perċentwali tal-kapaċità massima ta' ħażna:



Tip

Skart għall-konsenja

m3

Kapaċità ta' ħażna massima ddedikata

m3

Ammont ta' skart li nżamm abbord

m3

Port li fih l-iskart li fadal se jkun ikkonsenjat

Ammost stmat ta' skart iġġenerat bejn in-notifika u l-port ta' żjara sussegwenti

m3

Żjut użati

Ħama

 
 
 
 
 

Ilma tas-sentina

 
 
 
 
 

Oħrajn (ispeċifika)

 
 
 
 
 

Żibel

Skart ta' l-ikel

 
 
 
 
 

Plastik

 
 
 
 
 

Oħrajn

 
 
 
 
 

Drenaġġ (1)

 
 
 
 
 

Skart assoċjat mal-merkanzija (ispeċifika) (2)

 
 
 
 
 

Residwi tal-merkanzija (ispeċifika) (2)

 
 
 
 
 

(1)   Id-drenaġġ jista' jintrema fil-baħar skond ir-Regolament 11 ta' l-Anness IV tal-Marpol 73/78. Mhux meħtieġ li jimtlew il-kaxex korrispondenti jekk l-intenzjoni hija li jsir rimi awtorizzat fil-baħar.

(2)   Jistgħu jkunu stimi.

Noti

1. Din l-informazzjoni tista' tintuża għall-kontrolli ta' l-Istat tal-port u għal skopijiet ta' spezzjoni oħrajn.

2. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema korpi għandhom jirċievu kopji ta' din in-notifika.

3. Din il-formola għandha timtela fil-partijiet kollha tagħha, għajr meta l-bastiment huwa eżentat skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/59/KE.

Nikkonferma li

 id-dettalji ta' hawn fuq huma veri u eżatti u

 abbord hemm biżżejjed kapaċità ddedikata biex taħżen l-iskart kollu ġġenerat bejn il-mument tan-notifika u l-port li jmiss li fih l-iskart se jkun ikkonsenjat.

Data …

Ħin …

Firma …



( 1 ) ĠU C 271, tal-31.8.1998, p. 79 u ĠU C 148, tat-28.5.1999, p. 7.

( 2 ) ĠU C 138, tat-18.5.1999, p. 12.

( 3 ) ĠU C 198, ta' l-14.7.1999, p. 27.

( 4 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 1999 (ĠU C 150, tat-28.5.1999, p. 432), ikkonfermata fis-16 ta' Settembru 1999, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 1999 (ĠU C 10, tat-13.1.2000, p. 14) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Settembru 2000 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Settembru 2000.

( 5 ) ĠU C 271, tas-7.10.1993, p. 1.

( 6 ) ĠU L 157, tas-7.7.1995, p. 1. Id-Direttiva l-aħħar emandata bid-Direttiva 98//42/KE (ĠU L 184, tas-27.6.1998, p. 40).

( 7 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

( 8 ) ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39. Id-Direttiva kif l-aħħar emandata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/350/EC (ĠU L 135, tas-6.6.1996, p. 32).

( 9 ) ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 23. Id-Direttiva kif l-aħħar emandata bid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, tat-30.12.1991, p. 48).

( 10 ) ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 20. Id-Direttiva kif l-aħħar emandata bid-Direttiva 94/31/KEE (ĠU L 168, tat-2.7.1994, p. 28).

( 11 ) ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 955/1999 (ĠU L 119, tas-7.5.1999, p. 1).

( 12 ) ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.

( 13 ) ĠU L 168, ta' l-10.7.1993, p. 1.

Top