EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02016R2336-20161223

Consolidated text: Regolament (UE) 2016/2336 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2336/2016-12-23

02016R2336 — MT — 23.12.2016 — 000.002


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2016/2336 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002

(ĠU L 354 23.12.2016, p. 1)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 039, 9.2.2023, p.  63 (2016/2336)




▼B

REGOLAMENT (UE) 2016/2336 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002



Artikolu 1

Objettivi

Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 f'dak li jikkonċerna speċijiet tal-baħar fond u l-abitati tagħhom. Barra minn hekk, huwa għandu jkollu l-għan li:

(a) 

itejjeb l-għarfien xjentifiku dwar l-ispeċijiet tal-baħar fond u l-abitati tagħhom;

(b) 

jipprevjeni impatti avversi sinifikanti fuq l-EVB fi ħdan il-qafas tas-sajd fil-baħar fond u jiżgura l-konservazzjoni fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond;

(c) 

jiżgura li l-miżuri tal-Unjoni bil-għan tal-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond ikunu konsistenti mar-Riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 61/105 u 64/72.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  

Dan ir-Regolament japplika għall-attivitajiet tas-sajd jew għall-attivitajiet tas-sajd ippjanati fl-ilmijiet li ġejjin:

(a) 

minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana, tal-Ilmijiet tal-Majjistral u tal-Ilmijiet tal-Lbiċ kif ukoll l-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona IIa tal-ICES;

(b) 

minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet internazzjonali taż-żoni tas-CECAF 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.

2.  
Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(5).

Artikolu 3

Suġġett

1.  
Dan ir-Regolament japplika għall-ispeċijiet tal-baħar fond li huma karatterizzati minn taħlita tal-fatturi bijoloġiċi li ġejjin: maturazzjoni f'etajiet relattivament kbar, tkabbir bil-mod, stennija tal-għomor twila, rati baxxi tal-mortalità naturali, reklutaġġ intermittenti tal-klassijiet ta' età b'suċċess u riproduzzjoni li tista' ma sseħħx kull sena (“speċijiet tal-baħar fond”).
2.  
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-ispeċijiet tal-baħar fond u, fosthom, l-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli huma elenkati fl-Anness I.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

1.  
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2008 ( 1 ).
2.  

Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“żoni ICES” tfisser iż-żoni kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(b) 

“żoni CECAF” tfisser iż-żoni kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

(c) 

“żona Regolatorja tan-NEAFC” tfisser l-ilmijiet soġġetti għall-Konvenzjoni dwar Kooperazzjoni Multilaterali Futura fis-sajd tal-Atlantiku tal-Grigal li jinsabu lil hinn mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tas-sajd tal-partijiet kontraenti għal dik il-Konvenzjoni;

(d) 

“l-aktar speċijiet vulnerabbli” tfisser l-ispeċijiet tal-baħar fond li huma indikati fit-tielet kolonna “L-aktar (x) vulnerabbli” tat-tabella fl-Anness I;

(e) 

“mestier” tfisser attivitajiet tas-sajd li għandhom fil-mira ċerti speċijiet minn ċertu rkaptu f'ċerta żona;

(f) 

“mestier tal-baħar fond” tfisser mestier li għandu fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond f'konformità mal-indikazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(2);

(g) 

“ċentru ta' monitoraġġ tas-sajd” tfisser ċentru operattiv stabbilit minn Stat Membru tal-bandiera u mgħammar b'hardware u software tal-kompjuter li jippermettu r-reċezzjoni awtomatika ta' data, l-ipproċessar tagħha u t-trasmissjoni elettronika ta' data;

(h) 

“inkontri” tfisser qabdiet ta' kwantitajiet ta' speċi indikatriċi tal-EVB li jmorru lil hinn mil-livelli ta' limitu stipulati fl-Anness IV;

(i) 

“qabdiet mhux intenzjonati” tfisser qabdiet inċidentali ta' organiżmi tal-baħar li, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jridu jinħattu u jingħaddu skont il-kwoti, jew għax ikunu taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew inkella għax jaqbżu l-kwantitajiet permessi skont ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-qbid u l-qbid aċċessorju;

(j) 

“indikaturi EVB” tfisser dawk inklużi fl-Anness III;

(k) 

“żoni eżistenti tas-sajd fil-baħar fond” tfisser il-parti taż-żona imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1), fejn storikament seħħew attivitajiet ta' sajd fil-baħar fond u li hija determinata f'konformità mal-Artikolu 7.

Artikolu 5

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.  
Attivitajiet tas-sajd li għandhom fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tas-sajd (“awtorizzazzjoni tas-sajd immirat”). L-awtorizzazzjoni tas-sajd immirat għandha tindika l-ispeċijiet tal-baħar fond li l-bastiment huwa awtorizzat ikollu fil-mira tiegħu.
2.  
Għall-fini tal-paragrafu 1, bastiment tas-sajd li jwettaq attività tas-sajd għandu jitqies li għandu fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond jekk il-komunikazzjonijiet tiegħu dwar il-qabdiet (fil-ġurnal ta' abbord, id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art, in-noti tal-bejgħ jew dokument simili) f'sena kalendarja kkonċernata jkun fihom minn tal-anqas 8 % tal-ispeċijiet tal-baħar fond għal kwalunkwe vjaġġ tas-sajd.

Madankollu, dan ma għandux japplika għall-bastimenti tas-sajd li għalihom ir-reġistrazzjoni globali tal-ispeċijiet tal-baħar fond fis-sena kalendarja kkonċernata tkun inqas minn 10 tunnellati. Dan is-subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6.

3.  
L-attivitajiet ta' sajd ta' bastimenti tas-sajd, li għalkemm ma għandhomx fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond bħala qbid aċċessorju, għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tas-sajd (“awtorizzazzjoni tas-sajd għall-qbid aċċessorju”). L-awtorizzazzjoni tas-sajd għall-qbid aċċessorju għandha tindika l-ispeċijiet tal-baħar fond li l-bastiment jista' jiltaqa' miegħu bħala qbid aċċessorju waqt li jkollu fil-mira speċijiet oħra.
4.  
Iż-żewġ tipi ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu rispettivament, għandhom ikunu distinti b'mod ċar fil-bażi tad-data elettronika msemmija fl-Artiklu 116 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
5.  
Il-bastimenti tas-sajd li ma jkollhom l-ebda awtorizzazzjoni għas-sajd skont dan l-Artikolu għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu għal speċijiet tal-baħar fond li jaqbżu l-100 kg f'kull vjaġġ tas-sajd. L-ispeċijiet tal-baħar fond li jaqbżu l-100 kg maqbuda minn bastimenti bħal dawn ma għandhomx jinżammu abbord, jiġu ttrasbordati jew jinħattu l-art, ħlief għal qabdiet mhux intenzjonati ta' speċijiet tal-baħar fond soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li għandhom jinħattu l-art u jingħaddu skont il-kwoti.
6.  
Bastiment tas-sajd li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd għall-qbid aċċessorju u li jkollu aċċess għal kwota għall-qbid aċċessorju ta' speċijiet tal-baħar fond li ma teċċedix il-livell limitu tal-10 tunnellati stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu b'aktar minn 15 %, ma għandux ikun ikkunsidrat li għandu fil-mira speċijiet tal-baħar fond. Huwa għandu jħott qabdiet bħal dawn u jgħoddhom skont il-kwota. Il-qabdiet mhux intenzjonati tal-ispeċijiet tal-baħar fond soġġetti għall-obbligu tal-ħatt stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom jinħattu u jingħaddu skont il-kwoti.
7.  
Dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għall-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 ( 4 ).

Artikolu 6

Ġestjoni tal-kapaċità

1.  

Il-kapaċità aggregata tas-sajd imkejla f'tunnellaġġ gross u f'kilowatt tal-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni li għandhom awtorizzazzjoni tas-sajd immirat maħruġa minn Stat Membru, ma għandha fl-ebda mument taqbeż il-kapaċità aggregata tas-sajd tal-bastimenti ta' dak l-Istat Membru, matul l-2009–2011, skont is-sena li tipprovdi l-ogħla ċifra, li:

(a) 

qabdu 10 tunnellati jew aktar ta' speċijiet tal-baħar fond matul kwalunkwe waħda mit-tliet snin kalendarji bejn l-2009–2011, skont is-sena li tipprovdi l-ogħla ċifra; u

(b) 

huma reġistrati fi kwalunkwe wieħed mir-reġjuni ultraperiferiċi, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE, ta' dak l-Istat Membru u fejn il-qabdiet ta' speċijiet tal-baħar fond ta' kull wieħed minn dawn il-bastimenti fi kwalunkwe sena mit-tliet snin kalendarji bejn l-2009–2011 ammontaw għal tal-anqas 10 % tal-qabdiet annwali totali tagħhom, skont is-sena li tipprovdi l-ogħla ċifra.

2.  
B'deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1, fejn Stat Membru jkun ġie allokat opportunitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness I qabel it-12 ta' Jannar 2017, iżda l-bastimenti tiegħu ma jkunux qabdu 10 tunnellati jew aktar ta' speċijiet tal-baħar fond fi kwalunkwe sena ta' referenza, il-kapaċità aggregata tas-sajd ta' tali Stat Membru ma għandha fl-ebda mument teċċedi l-kapaċità aggregata tas-sajd tal-bastimenti tiegħu fi kwalunkwe waħda mill-aħħar tliet snin li fiha tal-anqas wieħed mill-bastimenti tiegħu jkun qabad 10 tunnellati jew aktar ta' speċijiet tal-baħar fond, skont is-sena li tipprovdi l-ogħla ċifra.

Artikolu 7

Żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond

1.  
Sat-13 ta' Lulju 2017, l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom ikunu ngħataw permess tas-sajd fil-baħar fond f'konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2347/2002, u sa fejn huwa jirrigwarda l-attivitajiet tas-sajd ta' bastimenti li jaqbdu aktar minn 10 tunnellati kull sena kalendarja, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, permezz tar-reġistrazzjonijiet tal-VMS (vessel monitoring system) jew, jekk reġistrazzjonijiet tal-VMS ma jkunux disponibbli, permezz ta' mezzi ta' informazzjoni rilevanti u verifikabbli oħra, tal-postijiet tal-attivitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond ta' tali bastimenti matul is-snin kalendarji ta' referenza 2009–2011.
2.  
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-paragrafu 1, kif ukoll abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, il-Kummissjoni għandha, sat-13 ta' Jannar 2018, tiddetermina, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, iż-żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18.

Artikolu 8

Rekwiżiti ġenerali għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.  
Kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni dettaljata taż-żona fejn il-bastiment tas-sajd ikun beħsiebu jwettaq attivitajiet tas-sajd, it-tipi ta' rkapti, il-medda tal-fond li fiha ser jitwettqu l-attivitajiet, il-frekwenza u t-tul ta' żmien maħsubin tal-attività tas-sajd, kif ukoll l-ismijiet tal-ispeċijiet tal-baħar fond ikkonċernati.
2.  
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd immirat għandhom jinħarġu biss għall-attivitajiet tas-sajd fi ħdan iż-żona eżistenti ta' sajd fil-baħar fond.
3.  
B'deroga għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, u sakemm jiġu determinati ż-żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond f'konformità mal-Artikolu 7, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd immirat jistgħu jinħarġu dment li l-bastiment tas-sajd ikun ppreżenta evidenza li kien qiegħed iwettaq attivitajiet tas-sajd fil-mestier tal-baħar fond għal minn tal-anqas tliet snin qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd. Awtorizzazzjoni tas-sajd bħal din tista' tinħareġ biss fir-rigward ta' postijiet fejn ikunu twettqu attivitajiet preċedenti tas-sajd bħal dawn.
4.  
Ma għandha tinħareġ l-ebda awtorizzazzjoni tas-sajd għall-finijiet tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ f'fond ta' anqas minn 800 metru.
5.  
Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, Stat Membru jista' jressaq talba biex iwettaq sajd esploratorju fil-postijiet 'il barra miż-żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond. Talba bħal din għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt imwettqa f'konformità mal-istandards stipulati fil-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO tal-2008 għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ. Meta titressaq talba bħal din, l-Istat Membru għandu jindika t-tul ta' żmien stmat tas-sajd esploratorju u l-għadd stmat ta' bastimenti parteċipanti u l-kapaċità tagħhom. Huwa għandu jipproponi miżuri ta' mitigazzjoni biex jiġi pprevenut inkontru mal-EVB jew biex dawn jiġu protetti b'mod effettiv.
6.  

Il-Kummissjoni, wara li tkun ivvalutat l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u abbażi tal-parir minn korp konsultattiv xjentifiku, tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tagħti approvazzjoni biex jitwettaq is-sajd esploratorju mitlub. Fl-approvazzjoni, il-Kummissjoni b'mod partikolari tista' tiddefinixxi:

(a) 

iż-żona għas-sajd esploratorju;

(b) 

l-għadd massimu ta' bastimenti u l-kapaċità massima;

(c) 

it-tul ta' żmien ta' tali sajd li ma jeċċedix sena, u li jkun jista' jiġġedded darba;

(d) 

il-perċentwal massimu tal-qabda totali permissibbli tal-ispeċijiet tal-baħar fond li jista' jinqabad fis-sajd esploratorju; u

(e) 

miżuri ta' mitigazzjoni li jridu jiġu rispettati sabiex jitħarsu l-EVB.

7.  
Sabiex tiġi żgurata ġabra ta' data rappreżentattiva li hija adegwata għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-baħar fond u ta' inkontri ma' EVB, kwalunkwe awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa f'konformità mal-paragrafu 6 għandha tirrikjedi l-preżenza ta' osservaturi xjentifiċi jew monitoraġġ elettroniku mill-bogħod fuq il-bastiment ikkonċernat matul l-ewwel 12-il xahar tat-tul ta' żmien tal-validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd.
8.  
Abbażi ta' talba u informazzjoni pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' tadatta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, id-determinazzjoni taż-żona eżistenti ta' sajd fil-baħar fond sabiex jinkludi l-postijiet tal-attivitajiet tas-sajd imwettqa skont awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa f'konformità mal-paragrafu 5 u 6 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Rekwiżiti speċifiċi għall-ħarsien tal-EVB

1.  
Dan l-Artikolu għandu japplika għal operazzjonijiet tas-sajd b'irkaptu tal-qiegħ taħt fond ta' 400 metru.
2.  
Fejn, matul l-operazzjonijiet tas-sajd, il-kwantità tal-indikaturi tal-EVB, kif definiti fl-Anness III, li tkun inqabdet f'dik l-operazzjoni tas-sajd teċċedi l-livell tal-limiti definiti fl-Anness IV, għandu jitqies li jkun seħħ inkontru ma' EVB. Il-bastiment tas-sajd għandu minnufih jieqaf jistad fiż-żona kkonċernata. Huwa għandu biss jerġa' jibda l-operazzjonijiet tas-sajd meta jkun laħaq żona alternattiva minn tal-anqas ħames mili nawtiċi lil hinn miż-żona li fiha jkun seħħ l-inkontru.
3.  
Il-bastiment tas-sajd għandu jirrapporta minnufih kull inkontru ma' EVB lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
4.  
L-Istati Membri għandhom jużaw l-aħjar informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, inkluż informazzjoni bijoġeografika u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, biex jidentifikaw fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x'aktarx ikun hemm EVB. Barra minn hekk, il-korp konsultattiv xjentifiku kompetenti għandu jintalab mill-Kummissjoni biex iwettaq valutazzjoni annwali taż-żoni fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x'aktarx ikun hemm EVB.

Dik il-valutazzjoni għandha titwettaq f'konformità mal-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO tal-2008 għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd kif imsemmi fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

5.  
Fejn, abbażi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 4, jiġu identifikati żoni fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x'aktarx ikun hemm EVB, l-Istati Membri u l-korp konsultattiv xjentifiku kompetenti għandhom jinformaw f'waqtu lill-Kummissjoni.
6.  
Sat-13 ta' Jannar 2018 abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli u abbażi tal-valutazzjonijiet u l-identifikazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri u l-korp konsultattiv xjentifiku, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni bil-għan li tiġi stabbilita lista ta' żoni fejn ikun magħruf li jinsabu jew li x'aktarx ikun hemm EVB. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-lista kull sena abbażi tal-parir li jkun ngħata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u, fejn xieraq, temenda l-lista permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Il-Kummissjoni tista' tneħħi żona mil-lista dment li tiddetermina, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt u wara konsultazzjoni mal-korp konsultattiv xjentifiku kompetenti, li hemm biżżejjed evidenza li tindika li l-EVB mhumiex preżenti, jew li ġew adottati miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni xierqa li jiżguraw il-prevenzjoni ta' impatti avversi sinifikanti fuq l-EVB f'dik iż-żona. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18.
7.  
Il-Kummissjoni tista' tirrieżamina, abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, l-indikaturi EVB, u għandha s-setgħa li temenda l-lista inkluża fl-Anness III permezz ta' atti delegati f'konformità mal-Artikolu 17.
8.  
Il-valutazzjonijiet il-ġodda tal-impatt għandhom jintalbu jekk ikun hemm bidliet sinifikanti fit-tekniki użati biex jitwettaq is-sajd bl-irkaptu tal-qiegħ, jew fejn ikun hemm informazzjoni xjentifika ġdida li tindika l-preżenza ta' EVB f'żona partikolari.
9.  
Is-sajd bl-irkapti tal-qiegħ għandu jkun ipprojbit fiż-żoni kollha elenkati f'konformità mal-paragrafu 6.

Artikolu 10

Applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' kontroll speċifiċi

Is-sajd u l-attivitajiet tas-sajd koperti b'dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti wkoll għad-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 7, 17, 42, 43 u 45, l-Artikolu 84(1)(a), l-Artikoli 95(3), l-Artikolu 104(1), l-Artikolu 105(3)(c), l-Artikolu 107(1), l-Artikolu 108(1) u l-Artikolu 115(c) u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, ħlief fejn previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Portijiet magħżula

1.  
L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-portijiet li fihom għandu jsir kwalunkwe ħatt jew trasbord ta' speċijiet tal-baħar fond jew kwalunkwe taħlita tagħhom li taqbeż il-100 kg. Sat-13 ta' Marzu 2017, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni l-elenku ta' dawk il-portijiet magħżula.
2.  
L-ebda kwantità ta' kwalunkwe taħlita ta' speċijiet tal-baħar fond li taqbeż il-100 kg ma tista' tinħatt l-art fi kwalunkwe post għajr il-portijiet li jkunu ġew magħżula mill-Istati Membri f'konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 12

Notifika minn qabel

B'deroga mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni li għandhom il-ħsieb li jħottu l-art 100 kg jew aktar ta' speċijiet tal-baħar fond, irrispettivament mit-tul tal-bastiment tas-sajd, għandhom jinħtieġu li jinnotifikaw, mill-inqas erba' sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port, dan il-ħsieb lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom. Il-kaptan jew kwalunkwe persuna oħra responsabbli għall-operazzjoni tal-bastimenti li jkunu 12-il metru twal jew anqas, għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti mill-anqas siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port.

Artikolu 13

Annotazzjonijiet fil-ġurnal ta' abbord fl-ilmijiet fondi

1.  

Meta japplika l-obbligu li jinżamm ġurnal ta' abbord, il-kaptani ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd f'konformità mal-Artikolu 5(1) jew (3) għandhom, meta involuti f'mestier tal-baħar fond jew meta jistadu taħt l-400 metru:

(a) 

jaqtgħu linja ġdida fil-ġurnal ta' abbord bil-miktub wara kull refgħa; jew

(b) 

meta jkunu soġġetti għas-sistema elettronika ta' reġistrazzjoni u rappurtar, jirreġistraw separatament wara kull refgħa.

2.  
Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jirreġistraw ukoll fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment kwalunkwe kwantità tal-ispeċijiet tal-baħar fond elenkati fl-Anness I li jinqabdu, jinżammu abbord, jiġu ttrasbordati jew jinħattu l-art f'konformità mal-Artikolu 5(5), u kwalunkwe kwantità tal-indikaturi EVB elenkati fl-Anness III ogħla mil-livelli ta' limitu stabbiliti fl-Anness IV, inkluż kompożizzjonijiet u piż tal-ispeċijiet, u jirrappurtaw dawk il-kwantitajiet lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 14

Irtirar ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u f'konformità mal-Artikolu 90(1) tiegħu, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 5(1) u (3) ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu rtirati għal tul ta' żmien mhux inqas minn xahrejn fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a) 

nuqqas ta' konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjoni tas-sajd fir-rigward tal-limiti dwar l-użu ta' rkapti, żoni permessi ta' operazzjoni jew limiti ta' qbid fuq l-ispeċijiet li huma permessi li jkunu fil-mira; jew

(b) 

nuqqas li jittieħed abbord osservatur xjentifiku jew li jitħalla li jsir il-kampjunar tal-qabdiet għal finijiet xjentifiċi kif speċifikat fl-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Regoli dwar il-ġbir u r-rappurtar ta' data

1.  
Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar speċifiċi f'dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 199/2008.
2.  
Meta jkunu qegħdin jiġbru data dwar mestieri tal-baħar fond f'konformità mar-regoli ġenerali dwar il-ġbir ta' data u mal-livelli ta' preċiżjoni stipulati fil-programm pluriennali rilevanti tal-Unjoni għall-ġbir u l-ġestjoni ta' data bijoloġika, teknika, ambjentali, soċjali u ekonomika, l-Istati Membri għandhom josservaw il-ġbir ta' data speċifika u r-rekwiżiti ta' rappurtar stipulati fl-Anness II għall-mestier tal-baħar fond.
3.  
L-Istati Membri għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet meħtieġa fl-awtorizzazzjonijiet tas-sajd kollha maħruġa f'konformità mal-Artikolu 5 biex jiżguraw li l-bastiment ikkonċernat jipparteċipa, f'kooperazzjoni mal-istitut xjentifiku rilevanti, fi kwalunkwe skema ta' ġbir ta' data li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha jkun jinkludi l-attivitajiet tas-sajd li għalihom qegħdin jinħarġu l-awtorizzazzjonijiet.
4.  
Il-kaptan ta' bastiment, jew kwalunkwe persuna oħra responsabbli għall-operazzjoni tal-bastiment, għandu jkun meħtieġ jieħu abbord l-osservatur xjentifiku assenjat mill-Istat Membru għall-bastiment tiegħu, sakemm dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet ta' sigurtà. Il-kaptan għandu jiffaċilita t-twettiq tal-kompiti tal-osservatur xjentifiku.
5.  
Fuq talba mill-Kummissjoni, Stat Membru għandu jippreżenta rapporti annwali li jkun fihom data aggregata dwar l-għadd ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu li jkunu involuti f'sajd fil-baħar fond, iż-żona tas-sajd tagħhom, it-tip ta' rkaptu, id-daqs, l-għadd ta' kull tip ta' awtorizzazzjoni tas-sajd li tkun inħarġet, il-port tal-oriġini tagħhom, l-opportunitajiet kollha tas-sajd fil-baħar fond disponibbli għall-bastimenti tiegħu u l-perċentwal aggregat għall-użu ta' tali opportunitajiet tas-sajd. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 16

Preżenza ta' osservaturi

1.  
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programm ta' preżenza ta' osservaturi biex jiżguraw il-ġbir ta' data rilevanti, f'waqtha u preċiża dwar il-qabdiet u l-qabdiet aċċessorji ta' speċijiet tal-baħar fond u inkontri ma' EVB u informazzjoni rilevanti oħra għall-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament. Il-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew għeżula tal-qiegħ b'awtorizzazzjoni tas-sajd biex jaqbdu speċijiet tal-baħar fond għandhom ikunu soġġetti għal mill-anqas 20 % tal-preżenza ta' osservaturi, bl-esklużjoni ta' bastimenti li, għal raġunijiet ta' sigurtà, ma jkunux adattati biex jirċievu osservaturi. Il-bastimenti l-oħra kollha b'awtorizzazzjoni li jaqbdu speċijiet tal-baħar fond għandhom ikunu soġġetti għal mill-anqas 10 % tal-preżenza ta' osservaturi, bl-esklużjoni ta' bastimenti li, għal raġunijiet ta' sigurtà, ma jkunux adattati biex jirċievu osservatur.
2.  
Meta operatur jiġi mitlub mill-Istat Membru tiegħu biex jirċievi osservatur abbord tal-bastiment tiegħu, in-nuqqas ta' osservatur għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-operatur ma għandhiex timpedixxi li l-bastiment jitlaq mill-port.
3.  
Sal-1 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tfittex parir xjentifiku, abbażi tad-data miġbura skont dan ir-Regolament, dwar jekk il-preżenza ta' osservaturi stipulata fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu hijiex biżżejjed biex jinkisbu l-objettivi tal-Artikolu 1, b'mod partikolari biex jiġi evitat impatt negattiv sinifikanti fuq l-EVB fi ħdan il-qafas tas-sajd fil-baħar fond, u dwar jekk hi għandhiex tiġi adattata abbażi ta' metodoloġija ta' kampjunar aġġornata. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-parir xjentifiku mfittex.
4.  
Fejn, abbażi tal-parir xjentifiku msemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-perċentwali tal-preżenza ta' osservaturi stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġustati, il-Kummissjoni tista', bħala kwistjoni ta' urġenza, tippreżenta proposta għar-reviżjoni ta' dawn il-perċentwali.
5.  
B'deroga mill-Artikolu 2, dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għas-sajd għal speċijiet tal-baħar fond minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew għeżula tal-qiegħ fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC.

Artikolu 17

Eżerċitar tad-delega

1.  
Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.  
►C1  Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikolu 9(7) għandha tingħata lill- Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-12 ta’ Jannar 2017. ◄ Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.
3.  
►C1  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9(7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. ◄ Deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li diġà jkun fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Internazzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
►C1  Att delegat adottat skont l-Artikolu 9(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. ◄ Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 18

Proċedura tal-Kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat għas-sajd u l-akkwakultura. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 19

Evalwazzjoni

1.  
Sat-13 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri u l-parir xjentifiku li għandha titlob għal dak il-għan, tevalwa l-impatt tal-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament u tiddetermina sa liema punt inkisbu l-objettivi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1.
2.  

L-evalwazzjoni għandha tiffoka fuq xejriet fis-suġġetti li ġejjin:

(a) 

l-użu tat-tipi kollha ta' rkaptu tas-sajd meta jkollhom fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond, u dan b'enfasi partikolari fuq l-impatt fuq l-aktar speċijiet vulnerabbli u fuq l-EVB;

(b) 

il-bastimenti li qalbu għal użu ta' rkapti b'impatt imnaqqas fuq qiegħ il-baħar, u progress fir-rigward tal-prevenzjoni, il-minimizzazzjoni u, fejn ikun possibbli, l-eliminazzjoni tal-qabdiet mhux intenzjonati;

(c) 

il-medda ta' operazzjoni ta' bastimenti impenjati f'kull mestier tal-baħar fond;

(d) 

il-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data li l-Istati Membri jipprovdu lill-korpi xjentifiċi għall-fini tal-valutazzjoni tal-istokk, jew lill-Kummissjoni fil-każ ta' talbiet speċifiċi għad-data;

(e) 

l-istokkijiet tal-baħar fond li għalihom tjieb il-parir xjentifiku;

(f) 

l-effettività tal-miżuri ta' akkumpanjament fl-eliminazzjoni tal-qbid skartat u fit-tnaqqis tal-qbid tal-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli;

(g) 

il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt magħmulin skont l-Artikolu 8;

(h) 

l-għadd ta' bastimenti u ta' portijiet fl-Unjoni milquta direttament mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(i) 

l-effettività tal-miżuri stabbiliti biex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet ta' ħut tal-baħar fond u biex ikunu prevenuti l-qabdiet aċċessorji ta' speċijiet li ma jkunux fil-mira, b'mod partikolari l-qabdiet aċċessorji tal-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli;

(j) 

sa liema punt l-EVB ġew effettivament protetti mir-restrizzjoni ta' attivitajiet tas-sajd li huma awtorizzati għal żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond, ir-regola ta' tbegħid (move-on rule) u/jew permezz ta' miżuri oħrajn;

(k) 

l-applikazzjoni tal-limitazzjoni ta' fond ta' 800 metru.

3.  
Abbażi tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tagħmel proposti għal emendi għal dan ir-Regolament, kif adattat. B'mod partikolari, jekk dik l-evalwazzjoni tindika li s-sajd b'irkaptu tal-qiegħ ma tikkonformax mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta biex temenda dan ir-Regolament bil-għan li tiżgura li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd immirat għal bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew għeżula tal-qiegħ jiskadew jew jiġu revokati u li kwalunkwe miżura neċessarja fir-rigward tal-irkaptu tal-qiegħ, inkluż konzijiet, tiddaħħal fis-seħħ biex jiġi żgurat il-ħarsien tal-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli u l-EVB.

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet ta' tħassir u ta' transizzjoni

1.  
Ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 huwa mħassar.
2.  
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
3.  
B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 3, 7 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 2347/2002 għandhom ikomplu japplikaw għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC.
4.  
Il-permessi speċjali tas-sajd maħruġa f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 2347/2002 għandhom jibqgħu validi għal perijodu massimu ta' sena wara t-12 ta' Jannar 2017.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Speċijiet tal-baħar fond



Isem xjentifiku

Isem komuni

L-aktar vulnerabbli (x)

Centrophorus spp.

Żagħruni

 

Centroscyllium fabricii

Mazzola sewda

x

Centroscymnus coelolepis

Mazzola Portugiża

x

Centroscymnus crepidater

Mazzola bellusija mneħirha twil

x

Dalatias licha

Murruna sewda

x

Etmopterus princeps

Mazzola tal-fanal maġġuri

x

Apristuris spp.

Gattarell tal-Iżlanda

 

Chlamydoselachus anguineus

Kelb il-baħar tal-frilli

 

Deania calcea

Mazzola munqar l-għasfur

 

Galeus melastomus

Gattarell ħalqu iswed

 

Galeus murinus

Gattarell ġurdien

 

Hexanchus griseus

Murruna b'sitt garġi

x

Etmopterus spinax

Mazzola tal-fanal

 

Oxynotus paradoxus

Pixxiporku tal-Atlantiku

 

Scymnodon ringens

Mazzola snien tas-skieken

 

Somniosus microcephalus

Kelb il-baħar tal-Groenlandja

 

Alepocephalidae

Alepoċefali

 

Alepocephalus Bairdii

Alepoċefalu ta' Baird

 

Alepocephalus rostratus

Alepoċefalu ta' Risso

 

Aphanopus carbo

Ċinturin iswed

 

Argentina silus

Arġentina silus

 

Beryx spp.

Fonsa ħamra

 

Chaceon (Geryon) affinis

Granċ aħmar tal-fond

 

Chimaera monstrosa

Fenek tal-baħar (rattail))

 

Hydrolagus mirabilis

Fenek tal-baħar ta' għajnejh kbar (far tal-baħar)

 

Rhinochimaera atlantica

Fenek tal-baħar Atlantiku

 

Coryphaenoides rupestris

Roundnose grenadier

 

Epigonus telescopus

Ħuta tal-kardinal sewda

x

Helicolenus dactilopterus

Ċippullazza tal-għajn

 

Hoplostethus atlanticus

Mera tal-Atlantiku

x

Macrourus berglax

Roughhead grenadier (Rough rattail)

 

Molva dypterigia

Linarda

 

Mora moro

Marlozz tal-fond

 

Antimora rostrata

Antimora blu (Marlozz blu)

 

Pagellus bogaraveo

Bażuga kaħlija

 

Polyprion americanus

Ħanżir tal-fond

 

Reinhardtius hippoglossoides

Ħalibatt tal-Groenlandja

 

Cataetyx laticeps

 

 

Hoplosthetus mediterraneus

Ġurdien tal-Warda

 

Macrouridae li mhumiex il-Coryphaenoides rupestris u l-Macrourus berglax

Grenadiers (rattails) li mhumiex ir-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier

 

Nesiarchus nasutus

Tirsite mnieħru twil

 

Notocanthus chemnitzii

Sallura bix-xewk imneħirha ċatt

 

Raja fyllae

Rebekkin tond

 

Raja hyperborea

Rebekkin tal-Artiku

 

Raja nidarosiensus

Raja tan-Norveġja

 

Trachyscorpia cristulata

Skorfna bix-xewk (tal-baħar fond)

 

Lepidopus caudatus

Xabla

 

Lycodes esmarkii

Budakkra maġġuri

 

Sebastes viviparus

Dott ħamrani (Dott tan-Norveġja)

 




ANNESS II

Rekwiżiti speċifiċi għall-ġbir u r-rappurtar tad-data msemmija fl-Artikolu 15(2)

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data li tinġabar għal żona li fiha kemm ilmijiet tal-Unjoni kif ukoll ilmijiet internazzjonali tiġi diżaggregata aktar sabiex ikun hemm referenza b'mod separat għall-ilmijiet tal-Unjoni jew għall-ilmijiet internazzjonali.

2. Fejn l-attività tal-mestier tal-baħar fond tikkoinċidi ma' attività ta' mestier ieħor fl-istess żona, il-ġbir tad-data dwar il-mestier tal-baħar fond għandu jitwettaq b'mod separat mill-ġbir tad-data dwar il-mestier l-ieħor.

3. Għandu jkun hemm il-kampjunar tal-qbid skartat fil-mestieri kollha tal-baħar fond. L-istrateġija tal-kampjunar għall-ħatt l-art u l-ħut skartat għandha tkopri l-ispeċijiet kollha elenkati fl-Anness I, kif ukoll l-ispeċijiet li jagħmlu parti mill-ekosistema ta' qiegħ il-baħar bħall-qroll tal-baħar fond, l-isponoż jew organiżmi oħrajn li jagħmlu parti mill-istess ekosistema.

4. Osservatur li jkun abbord għandu jintalab jidentifika u jiddokumenta l-piż ta' kwalunkwe qroll ġebli, qroll artab, sponża jew kwalunkwe organiżmu ieħor li jappartjeni għall-istess ekosistema u li jittella' abbord mill-irkaptu tal-bastiment.

5. Fejn il-pjan pluriennali applikabbli ta' ġbir tad-data jirrikjedi l-ġbir tad-data dwar l-isforz tas-sajd f'termini ta' sigħat ta' sajd bi xbieki tat-tkarkir u ż-żmien ta' tixrib tal-irkaptu passiv, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jkunu lesti li jippreżentaw, flimkien mad-data dwar l-isforz tas-sajd bħal dan, id-data addizzjonali li ġejja:

(a) 

is-sit ġeografiku tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bażi ta' refgħa b'refgħa, mid-data tal-VMS trasmessa mill-bastiment liċ-ċentru ta' monitoraġġ tas-sajd;

(b) 

il-livelli ta' fond tas-sajd li fihom jintużaw l-irkapti fil-każ li l-bastiment ikun soġġett għal rappurtar permezz tal-ġurnal ta' abbord elettroniku. Il-kaptan tal-bastiment għandu jinnotifika l-fond tas-sajd skont il-format standardizzat tar-rappurtar.




ANNESS III

Speċijiet indikaturi tal-EVB

Din li ġejja hija lista ta' tipi ta' abitati EVB, bil-gruppi tassonomiċi l-aktar probabbli li jinstabu f'dawk l-abitati li għandhom jiġu kkunsidrati bħala indikaturi tal-EVB.



Tipi ta' abitati EVB

Grupp tassonomiċi rappreżentattivi

1.  Skoll tal-qroll tal-ilma kiesaħ

 

(a)  Skoll Lophelia pertusa

Lophelia pertusa

(b)  Skoll Solenosmilia variabilis

Solenosmilia variabilis

2.  Ġnien tal-qroll

 

(a)  Ġnien ta' qiegħ iebes

 

(i)  Ġonna ta' qiegħ iebes tal-qroll gorgonjan u tal-qroll iswed

Anthothelidae

Chrysogorgiidae

Isididae, Keratoisidinae

Plexauridae

Acanthogorgiidae

Coralliidae

Paragorgiidae

Primnoidae

Schizopathidae

(ii)  Scleractinia kolonjali fuq promontorji tal-blat

Lophelia pertusa

Solenosmilia variabilis

(iii)  Aggregazzjonijiet ta' Scleractinia li mhumiex skollijiet

Enallopsammia rostrata

Madrepora oculata

(b)  Ġonna tal-qroll ta' qiegħ artab

 

(i)  Ġonna ta' qiegħ artab tal-qroll gorgonjan u tal-qroll iswed

Chrysogorgiidae

(ii)  Għelieqi tal-qroll sura ta' kalċi

Caryophylliidae

(iii)  Għelieqi tal-qroll pastarda

Flabellidae

Nephtheidae

3.  Aggregazzjonijiet tal-isponża tal-baħar fond

 

(a)  Aggregazzjonijiet tal-isponża oħra

Geodiidae

Ancorinidae

Pachastrellidae

(b)  Ġonna tal-isponża ta' qiegħ iebes

Axinellidae

Mycalidae

Polymastiidae

Tetillidae

(c)  Komunitajiet tal-isponża tal-ħġieġ

Rossellidae

Pheronematidae

4.  Għelieqi tar-rixa tal-baħar

Anthoptilidae

Pennatulidae

Funiculinidae

Halipteridae

Kophobelemnidae

Protoptilidae

Umbellulidae

Vigulariidae

5.  Irqajja' ta' ceriantharia

Cerianthidae

6.  Fawna li tfeġġ mit-tajn u mir-ramel

Bourgetcrinidae

Antedontidae

Hyocrinidae

Xenophyophora

Syringamminidae

7.  Irqajja' ta' Bryozoa

 




ANNESS IV

Inkontru ma' EVB possibbli huwa definit bħala:

(a) 

għal xbieki tat-tkarkir, u rkaptu tas-sajd ieħor għajr konzijiet: il-preżenza ta' aktar minn 30 kg ta' qroll ħaj u/jew 400 kg ta' sponoż ħajjin ta' indikaturi ta' EVB; u

(b) 

għal kull konz: il-preżenza ta' indikaturi ta' EVB fuq 10 ganċijiet kull 1 000 segment ta' ganċ jew kull sezzjoni ta' konz ta' 1 200  m, skont liema jkun l-iqsar.



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2008 tal-15 ta' Lulju 2008 dwar il-protezzjoni ta' ekosistemi marini vulnerabbli f'ibħra internazzjonali mill-impatti ħżiena tal-irkaptu tas-sajd tal-qiegħ (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 8).

( 2 ) Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

( 3 ) Ir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f'ċerti żoni li m'humiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 1).

( 4 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).

Top