EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02015R0288-20140101

Consolidated text: Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/288 tas- 17 ta' Diċembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-perjodu ta' żmien u d-dati għall-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/288/2014-01-01

Dan it-test ikkonsolidat jista’ ma jinkludix l-emendi li ġejjin:

Att li jemenda Tip ta’ emenda Is-subdiviżjoni kkonċernata Data tal-effett
32015R2252 Emendata minn artikolu 9 punt (e) 06/12/2015
32015R2252 Emendata minn artikolu 1 06/12/2015
32015R2252 Emendata minn artikolu 9 punt (d) 06/12/2015
32015R2252 Emendata minn artikolu 9 L 06/12/2015
32015R2252 Emendata minn artikolu 4a 06/12/2015

2015R0288 — MT — 01.01.2014 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/288

tas-17 ta' Diċembru 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-perjodu ta' żmien u d-dati għall-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet

(ĠU L 051 24.2.2015, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2252 tat-30 ta' Settembru 2015

  L 321

2

5.12.2015




▼B

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/288

tas-17 ta' Diċembru 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-perjodu ta' żmien u d-dati għall-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) ma għandhiex tiddgħajjef mill-operaturi li jiksru r-regoli tal-PKS. Skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (“FEMS”) tingħata jekk l-operaturi jikkonformaw mar-regoli tal-PKS.

(2)

Skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 1380/2013, il-ksur serju mill-operaturi tar-regoli tal-PKS għandu jirriżulta fi projbizzjonijiet temporanji jew permanenti fuq l-aċċess għall-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni. Dawn il-miżuri għandhom ikunu dissważivi, effettivi u proporzjonati.

(3)

Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-kontribwenti tagħha, l-operaturi li, fi żmien partikolari qabel ressqu applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja, ikunu wettqu xi ksur serju, reat jew frodi, kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma għandhomx jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja mill-FEMS.

(4)

L-operaturi li japplikaw għall-appoġġ tal-FEMS għandhom ikunu identifikabbli b'mod ċar sabiex tiġi vverifikata l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet tagħhom. Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-kundizzjonalità tal-appoġġ tal-FEMS, huwa xieraq li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet neċessarji li jiżguraw li dawn l-operaturi jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà għall-appoġġ tal-FEMS fir-rigward tal-bastimenti kollha tas-sajd taħt il-kontroll effettiv tagħhom.

(5)

Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, it-tul tal-perjodu ta' inammissibbiltà għandu jkun proporzjonat man-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-repetizzjoni tal-ksur serju, ir-reat jew il-frodi. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli għall-kalkolu tat-tul ta' żmien tal-inammissibbiltà u jiġu identifikati d-dati rilevanti tal-bidu u tat-tmiem tal-perjodu ta' inammissibbiltà.

(6)

Skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 10(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, jekk awtorità kompetenti tistabbilixxi li operatur ikun wettaq ksur serju, l-applikazzjoni ta' dak l-operatur għandha tkun inammissibbli għall-appoġġ tal-FEMS għal perjodu ta' mill-inqas 12-il xahar. Peress li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 japplika mill-1 ta' Jannar 2014, biex tiġi żgurata l-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, għall-kalkolu tal-perjodu ta' inammissibbiltà għandu jitqies biss il-ksur serju ddeterminat b'deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-1 ta' Jannar 2013.

(7)

Madankollu, l-applikazzjoni immedjata u awtomatika tal-inammissibbiltà għall-appoġġ tal-FEMS tkun sproporzjonata f'każijiet ta' ksur li, filwaqt li jżommu n-natura serja tagħhom kif stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti, mhux bilfors jikkawżaw, b'mod dirett, preġudizzju serju għar-riżorsi tas-sajd u għall-ambjent tal-baħar imsemmija fl-Artikolu 90(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 ( 3 ). Dawn il-każijiet jinkludu, pereżempju, każijiet minuri ta' rappurtar ħażin tal-qabdiet li ma għandhomx jirriżultaw fl-inammissibbiltà immedjata tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEMS.

(8)

Il-ksur serju relatat mat-teħid abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta' ħut żgħir wisq, għandu jiġi evalwat fir-rigward tad-dħul fis-seħħ gradwali tal-eliminazzjoni tal-iskartar kif previst mill-PKS. Jidher li la hija neċessarja u lanqas xierqa li jsiru immedjatament inammissibbli l-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEMS mill-operaturi li jkunu wettqu dan il-ksur.

(9)

F'dawk il-każijiet eċċezzjonali msemmija fil-premessi (7) u (8), biex tiġi żgurata li l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operaturi għall-appoġġ tal-FEMS tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa xieraq li l-kalkolu jkun ibbażat fuq il-perjodu ta' inammissibbiltà tas-sistema eżistenti ta' għoti ta' punti għal ċertu ksur serju kif stabbilit fl-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 126 u l-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 ( 4 ). F'dawk il-każijiet eċċezzjonali mniżżla fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni u l-kalkolu tal-perjodu ta' inammissibbiltà għandhom jiġu ddefiniti fir-rigward tal-Artikolu 126(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

(10)

Skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jekk id-detentur ta' liċenzja tas-sajd ma jwettaqx ksur serju ieħor fi żmien tliet snin mid-data tal-aħħar ksur serju, il-punti kollha fuq il-liċenzja tas-sajd tiegħu għandhom jitħassru. B'konsegwenza ta' dan, il-punti fuq il-liċenzja tas-sajd jibqgħu validi għal mill-inqas tliet snin. Peress li d-dispożizzjonijiet tal-FEMS japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014, biex tiġi żgurata l-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, il-punti għall-ksur serju mniżżla fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 għandhom jitqiesu biss għall-kalkolu tal-perjodu ta' inammissibiltà jekk jiġu assenjati mill-1 ta' Jannar 2013.

(11)

Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jikkostitwixxi waħda mit-theddidiet l-aktar serji għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u jdgħajjef b'mod qawwi l-ksib tal-objettivi tal-PKS. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEMS mill-operaturi tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' pajjiżi inklużi fil-lista tal-Unjoni ta' bastimenti involuti fis-sajd IUU jew ta' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

(12)

L-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jistipula li l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-operaturi li wettqu frodi fil-kuntest tal-Fond Ewropew għas-Sajd (“FES”) jew tal-FEMS se jkunu inammissibbli għal ċertu perjodu ta' żmien. Peress li l-frodi tikkostitwixxi waħda mill-akbar theddidiet għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u għall-kontribwenti tagħha, u biex jiġi provdut trattament armonizzat u ugwali għall-operaturi fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu definiti regoli adattati għall-gravità ta' din it-theddida fir-rigward tal-perjodu li fih l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-operaturi li wettqu din il-frodi se jkunu inammissibbli.

(13)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni proporzjonata u effettiva tar-regoli dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operaturi għall-appoġġ tal-FEMS, huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli għall-kalkolu tal-perjodi ta' inammissibbiltà f'każijiet fejn operatur wieħed għandu aktar minn bastiment wieħed tas-sajd. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li l-appoġġ tal-FEMS ma jkunx ta' benefiċċju għall-bastimenti tas-sajd li ntużaw biex iwettqu ksur serju u li b'hekk l-applikazzjonijiet minn dawk l-operaturi jirriżultaw inammissibbli. Huwa wkoll xieraq li jiġu stabbiliti regoli għar-reviżjoni tal-perjodu ta' inammissibbiltà f'każijiet fejn l-operatur iwettaq ksur serju matul dan il-perjodu.

(14)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiġi żgurat it-trattament ġust tal-operaturi li saru proprjetarji ġodda ta' bastimenti tas-sajd wara li jkun sar bejgħ jew kull tip ieħor ta' trasferiment tas-sjieda, filwaqt li fl-istess ħin ma tiddgħajjifx is-sistema tal-Unjoni għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li hija neċessarja biex jinkisbu l-objettivi tal-PKS.

(15)

Jekk liċenzja tas-sajd ta' operatur tiġi rtirata b'mod permanenti minħabba l-frekwenza u l-gravità għolja ta' ksur li jitwettaq, l-introduzzjoni ta' projbizzjoni fuq l-aċċess għall-appoġġ tal-FEMS sal-aħħar tal-perjodu ta' eliġibbiltà stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) hija ġustifikata bil-ħtieġa li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-kontribwenti tagħha. Il-projbizzjoni tkun iġġustifikata wkoll anke jekk skont il-metodu tal-kalkolu stabbilit f'dan ir-Regolament, il-perjodu ta' inammissibbiltà jispiċċa qabel tmiem il-perjodu ta' eliġibbiltà.

(16)

Skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-operaturi jippreżentaw applikazzjoni skont il-FEMS biex jipprovdu dikjarazzjoni ffirmata lill-awtorità maniġerjali li tikkonferma li dawn jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 u ma wettqu l-ebda frodi skont il-FES jew il-FEMS kif imsemmi fl-Artikolu 10(3) ta' dak ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw ukoll il-veraċità ta' dik id-dikjarazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar l-effetti ta' sospensjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni ma tirriżultax fl-ineffettività tar-regoli dwar l-istabbiliment tal-perjodu ta' inammissibbiltà.

(17)

Fir-rigward tal-każijiet ta' ksur u r-reati serji msemmija fl-Artikolu 10(1)(c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, jeħtieġ li dawk il-każijiet jiġu vvalutati u analizzati aktar biex jiġi żgurat li t-tul ta' żmien tal-perjodu ta' inammissibbiltà jkun proporzjonat man-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-repetizzjoni ta' dak il-ksur u r-reati serji. Dan ir-Regolament għandu jiġi emendat wara li ssir dik l-analiżi.

(18)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament u minħabba l-importanza li jiġi żgurat it-trattament armonizzat u ugwali tal-operaturi fl-Istati Membri kollha mill-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu u japplika mill-ewwel jum tal-perjodu ta' eliġibbiltà tal-FEMS, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

▼M1

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-applikazzjonijiet tal-appoġġ mill-FEMS u jidentifika “il-perjodu tal-inammissibbiltà”, jiġifieri l-perjodu meta l-applikazzjonijiet mingħand operaturi li jkunu wettqu xi azzjoni imsemmija fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jew fl-Artikolu 10(3) ta' dak ir-Regolament, ma għandhomx ikunu ammissibbli.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

1. “punti ta' ksur” tfisser il-punti mogħtija lill-operatur għal bastiment tas-sajd fil-kuntest tas-sistema ta' punti għall-ksur serju stabbilita fl-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2. “operatur” tfisser operatur kif iddefinit fl-Artikolu 4(30) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jippreżenta applikazzjoni għall-appoġġ tal-FEMS.



KAPITOLU II

TUL TA' ŻMIEN U DATA TAL-BIDU TAL-PERJODU TA' INAMMISSIBBILTÀ

Artikolu 3

Inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet minn operaturi li wettqu ksur serju skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 ( 6 ) jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009

1.  Jekk awtorità kompetenti tistabbilixxi li operatur ikun wettaq ksur serju skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolamnent (KE) Nru 1005/2008 jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-applikazzjonijiet ta' dak l-operatur għall-appoġġ tal-FEMS għandhom ikunu inammissibbli għal perjodu ta' 12-il xahar.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, jekk skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 Stat Membru jagħti punti ta' ksur għall-ksur serju mniżżel fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a) jekk il-punti ta' ksur akkumulati minn operatur fir-rigward ta' bastiment tas-sajd jibqgħu inqas minn 9, l-applikazzjonijiet ta' dak l-operatur għall-appoġġ mill-FEMS għandhom ikunu ammissibbli;

(b) jekk l-għadd ta' punti ta' ksur akkumulati minn operatur fir-rigward ta' bastiment tas-sajd huwa ta' 9 punti, il-perjodu tal-inammissibbiltà għandu jkun ta' 12-il xahar;

(c) kull punt ta' ksur mogħti lil operatur fir-rigward ta' bastiment tas-sajd flimkien mal-punti akkumulati msemmija fil-punt (b), għandu jirriżulta f'perjodu addizzjonali ta' inammissibbiltà ta' xahar.

3.  Id-data tal-bidu tal-perjodu ta' inammissibbiltà għandha tkun id-data tal-ewwel deċiżjoni uffiċjali minn awtorità kompetenti li tistabbilixxi li jkun twettaq ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Bil-għan li jiġi kkalkulat il-perjodu ta' inammissibbiltà, għandu jitqies biss dak il-ksur serju li jitwettaq mill-1 ta' Jannar 2013 u li għalih minn dik id-data tittieħed deċiżjoni skont it-tifsira tas-subparagrafu ta' hawn fuq.

4.  Madankollu, għall-finijiet speċifiċi tal-paragrafu 2, id-data tal-bidu tal-perjodu ta' innammissibbiltà għandha tkun id-data tal-ewwel deċiżjoni uffiċjali minn awtorità kompetenti li tagħti punti ta' ksur lil operatur skont l-Artikolu 126(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 u li b'hekk l-operatur jingħata total ta' 9 punti ta' ksur jew aktar fir-rigward ta' bastiment tas-sajd.

Bil-għan li jiġi kkalkulat il-perjodu ta' inammissibbiltà, għandhom jitqiesu biss il-punti ta' ksur li jitwettqu mill-1 ta' Jannar 2013 u li jingħataw permezz ta' deċiżjoni uffiċjali adottata minn dak il-jum.

Artikolu 4

Inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operaturi inklużi fil-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni jew li l-bastiment tagħhom itajjar il-bandiera ta' pajjiż identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax

1.  Il-perjodu ta' inammissibbiltà għal operatur li l-bastiment tas-sajd tiegħu jiġi inkluż fil-lista tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni involuti f'sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) kif imsemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, għandu jkun il-perjodu kollu li fih il-bastiment tas-sajd jibqa' inkluż f'dik il-lista u, f'kull każ, ma jkunx inqas minn 24 xahar mid-data li fiha ġie elenkat fil-lista.

2.  L-operaturi li l-bastiment tas-sajd tagħhom itajjar il-bandiera ta' pajjiż identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax, kif previst fl-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, għandu jkun inammissibbli għall-perjodu kollu li fih ikun elenkat dak il-pajjiż u, f'kull każ, għal perjodu minimu ta' 12-il xahar.

3.  Id-data tal-bidu tal-perjodu ta' innammissibbiltà għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 468/2010 ( 7 ) li jistabbilixxi l-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni jew tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2004/170/UE ( 8 ) li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx jew id-data ta' xi emenda ta' tali Regolament jew Deċiżjoni li permezz tagħha bastiment tas-sajd jew pajjiż jiżdied f'din il-lista.

▼M1

Artikolu 4a

L-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mingħand operaturi li jkunu wettqu reati ambjentali

1.  Meta fl-ewwel deċiżjoni uffiċjali, awtorità kompetenti tagħraf li operatur ikun wettaq xi reat imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), l-applikazzonijiet għall-appoġġ mill-FEMS li jressaq dak l-operatur skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma għandhomx ikunu ammissibbli:

(a) għal 12-il xahar, meta r-reat ikun sar b'negliġenza serja; jew

(b) għal 24 xahar, meta r-reat ikun sar b'intenzjoni.

2.  Meta fl-ewwel deċiżjoni uffiċjali, awtorità kompetenti tagħraf li operatur ikun wettaq xi reat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/99/KE, l-applikazzonijiet għall-appoġġ mill-FEMS li jressaq dak l-operatur skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma għandhomx ikunu ammissibbli għal 24 xahar.

3.  Il-perjodu tal-inammissibbiltà jiżdied b'sitt (6) xhur meta fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 1 jew 2, l-awtorità kompetenti tkun:

(a) irreferiet espliċitament għall-preżenza ta' ċirkostanzi aggravanti; jew

(b) għarfet li l-operatur ikun wettaq ir-reat għal aktar minn sena.

4.  Jekk il-perjodu tal-inammissibbiltà ikun dam tal-inqas 12-il xahar b'kollox, dan għandu jitnaqqas b'sitt (6) xhur meta l-awtorità kompetenti, fid-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafi 1 jew 2, tkun irreferiet espliċitament għall-preżenza ta' ċirkostanzi mitiganti.

5.  Id-data tal-bidu tal-perjodu tal-inammissibbiltà hija d-data tal-ewwel deċiżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti li tagħraf li jkun sar xi reat previst fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/99/KE.

6.  Sabiex jiġi kkalkulat il-perjodu tal-inammissibbiltà, għandhom jitqiesu biss id-deċiżjonijiet li jirreferu għal reat li jkun sar mill-1 ta' Jannar 2013 u li għalih minn dik id-data tkun ittieħdet deċiżjoni fis-sens tas-subparagrafu ta' hawn fuq.

7.  Meta l-applikazzjoni ta' operatur ma tkunx ammissibbli skont il-paragrafi 1 u 2, lanqas l-applikazzjonijiet l-oħra ta' dak l-operatur skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma għandhom ikunu ammissibbli.

▼B

Artikolu 5

Inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operaturi li wettqu frodi fil-kuntest tal-FES jew tal-FEMS

1.  Meta awtorità kompetenti tistabbilixxi li operatur wettaq frodi fil-kuntest tal-FES jew tal-FEMS, l-applikazzjonijiet kollha għall-appoġġ tal-FEMS minn dak l-operatur għandhom ikunu inammissibbli mid-data tal-ewwel deċiżjoni uffiċjali li tistabbilixxi l-frodi, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ( 10 ).

2.  Il-perjodu ta' inammissibbiltà għandu jibqa' fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta' eliġibbiltà tal-FEMS kif stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 6

Kalkolu tal-perjodu ta' inammissibbiltà jekk l-operatur għandu aktar minn bastiment wieħed tas-sajd

1.  Meta operatur jkun proprjetarju jew jikkontrolla aktar minn bastiment wieħed tas-sajd, il-perjodu ta' innammissibbiltà ta' applikazzjoni minn dak l-operatur għandu jiġi stabbilit b'mod separat rigward kull bastiment individwali tas-sajd, skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4.

2.  Madankollu, l-applikazzjonijiet ta' dak l-operatur għall-appoġġ tal-FEMS għandhom ikunu ammissibbli wkoll:

(a) jekk l-applikazzjonijiet għal aktar minn nofs il-bastimenti tas-sajd ta' proprjetà jew ikkontrollati minn dak l-operatur ikunu inammissibbli għall-appoġġ tal-FEMS skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4, jew

(b) jekk, f'każ ta' ksur serju skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkat fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011, il-medja ta' punti ta' ksur mogħtija għal kull bastiment tas-sajd ta' proprjetà jew ikkontrollat mill-operatur tkun ta' 7 jew aktar.

3.  B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, jekk ksur serju li jitwettaq minn operatur ma jkunx relatat ma' xi bastiment tas-sajd ta' proprjetà jew ikkontrollat minn dak l-operatur, l-applikazzjonijiet kollha għall-appoġġ tal-FEMS minn dak l-operatur għandhom ikunu inammissibbli.

Artikolu 7

Trasferiment tas-sjieda

1.  F'każ ta' bejgħ jew kull tip ieħor ta' trasferiment tas-sjieda ta' bastiment tas-sajd, il-perjodu ta' inammissibbiltà li fih l-operatur jittrasferixxi l-bastiment tas-sajd u marbut ma' ksur serju li jitwettaq qabel il-bidla fis-sjieda ma għandux jiġi trasferit għall-operatur il-ġdid. L-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operatur il-ġdid jistgħu jirriżultaw minn ksur serju ġdid imwettaq mill-operatur il-ġdid.

2.  Madankollu, jekk il-punti ta' ksur jingħataw għall-ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkat fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 u mwettqa qabel il-bidla fis-sjieda tal-bastiment tas-sajd, dawk il-punti għandhom jitqiesu għall-kalkolu tal-perjodu ta' innammissibbiltà tal-operatur il-ġdid skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(2)(b) jekk dak l-operatur iwettaq ksur serju ġdid skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkati fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

Artikolu 8

Irtirar permanenti tal-liċenzja tas-sajd

B'deroga mill-Artikolu 6, jekk liċenzja tas-sajd ta' operatur tiġi rtirata b'mod permanenti għal xi wieħed mill-bastimenti tas-sajd ta' proprjetà jew ikkontrollati minn dak l-operatur:

(a) skont l-Artikolu 129(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011; jew fejn japplika,

(b) bħala riżultat tas-sanzjonijiet għal ksur serju imposti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008,

l-applikazzjonijiet kollha minn dak l-operatur għandhom ikunu inammissibbli għall-appoġġ mill-FEMS mid-data tal-irtirar sa tmiem il-perjodu ta' eliġibbiltà, kif stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 9

Reviżjoni tal-perjodu ta' inammissibbiltà

Dejjem jekk il-perjodu ta' inammissibbiltà jdum total ta' mill-inqas 12-il xahar:

(a) għandu jitnaqqas b'xahrejn f'każ ta' ksur serju skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkat fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 jekk jitħassru 2 punti ta' ksur skont l-Artikolu 133(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 għal dan il-ksur serju;

(b) għandu jiġi estiż bi 12-il xahar għal kull ksur serju addizzjonali li jitwettaq mill-operatur matul il-perjodu ta' inammissibbiltà skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; jew

(c) b'deroga mill-paragrafu (b), għandu jiġi estiż skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(c) għal kull ksur serju addizzjonali li jitwettaq mill-operatur matul il-perjodu ta' inammissibbiltà skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkat fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011;

▼M1

(d) għandu jiżdied b'dawn il-perjodi għal kull reat addizzjonali previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/99/KE li jkun għamel l-operatur tul il-perjodu tal-inammissibbiltà:

(i) 12-il xahar addizzjonali, meta r-reat isir b'negliġenza serja;

(ii) 24 xahar addizzjonali, meta r-reat isir b'intenzjoni; jew

(e) għandu jiżdied b'24 xahar għal kull reat addizzjonali previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/99/KE li jkun għamel l-operatur tul il-perjodu tal-inammissibbiltà.

Jekk xi reat addizzjonali msemmi fil-punti (d) jew (e) tal-ewwel paragrafu jkun tal-istess tip ta' reat ambjentali bħal dak li kkawża l-perjodu tal-inammissibbiltà jew ikun diġà wassal għar-reviżjoni tiegħu, minħabba dan ir-reat kif previst fil-punti (d) u (e), il-perjodu tal-inammissibbiltà għandu jiżdied b'sitt (6) xhur oħra.

▼B



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

( 2 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

( 4 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

( 5 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

( 6 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

( 7 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 468/2010 tat-28 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi l-lista tal-UE ta' bastimenti involuti f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (ĠU L 131, 29.5.2010, p. 22).

( 8 ) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2004/170/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).

( 9 ) Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

( 10 ) L-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48).

Top