EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02015R0098-20160213

Consolidated text: Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 tat- 18 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/98/2016-02-13

2015R0098 — MT — 13.02.2016 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/98

tat-18 ta' Novembru 2014

dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

(ĠU L 016 23.1.2015, p. 23)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/171 tal-20 ta' Novembru 2015

  L 33

1

10.2.2016




▼B

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/98

tat-18 ta' Novembru 2014

dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi l-ħatt l-art tal-qabdiet kollha ta' speċijiet li huma soġġetti għal limiti ta' qbid u, fil-Mediterran, anki l-ħatt l-art ta' qabdiet ta' ċerti speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi (“l-obbligu ta' ħatt l-art”). L-Artikolu 15(1) ta' dak ir-Regolament ikopri attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f'ilmijiet li mhumiex soġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terzi.

(2)

L-obbligu ta' ħatt l-art se jibda japplika l-aktar tard mill-1 ta' Jannar 2015 għas-sajd pelaġiku żgħir u kbir, is-sajd għal skopijiet industrijali u s-sajd għas-salamun fil-Baħar Baltiku.

(3)

L-Unjoni hija parti kontraenti għal diversi Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (“RFMOs”) u għalhekk hija marbuta b'miżuri stabbiliti mill-RFMOs ikkonċernati.

(4)

Ċerti miżuri tal-RFMOs jipprevedu li bastimenti tas-sajd li jistadu u li jinsabu fil-mira tagħhom għandhom jarmu ċerti qabdiet li fil-prinċipju jaqgħu taħt l-obbligu ta' ħatt l-art.

(5)

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati għall-fini tal-implimentazzjoni ta' obbligi internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, inkluż, b'mod partikolari, derogi mill-obbligu ta' ħatt l-art.

(6)

Għalhekk jeħtieġ li jiġu ċċarati s-sitwazzjonijiet li fihom l-obbligu ta' ħatt l-art ma japplikax, sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha u tinħoloq ċertezza legali għas-sajjieda.

(7)

Skont ir-Rakkomandazzjoni 11-01 tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“ICCAT”) dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-programm pluriennali għat-tonn obeż u t-tonn isfar, ċerti bastimenti tas-sajd ma għandhomx jitħallew jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jipproċessaw jew iħottu l-art tonn obeż fl-Atlantiku.

(8)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT 13-07 tistabbilixxi obbligu tal-iskartar tal-qbid għal bastimenti u nases tal-Atlantiku tal-Lvant f'ċerti sitwazzjonijiet. B'mod partikolari, il-paragrafu 29 ta' din ir-Rakkomandazzjoni jipprevedi li t-tonn taħt piż jew daqs minimu ta' referenza għandu jiġi skartat. Dak id-daqs minimu bħalissa huwa stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 ( 2 ). Dak l-obbligu ta' skartar japplika għas-sajd kollu għat-tonn tal-Atlantiku tal-Lvant, inkluż is-sajd għal skopijiet ta' rikreazzjoni u sport.

(9)

Barra minn hekk, il-paragrafu 31 tar-Rakkomandazzjoni 13-07 tal-ICCAT jistabbilixxi obbligu ta' skartar għal tonn li jiżen bejn 8 u 30 kg jew ta' tul sal-furketta ta' bejn 75 u 115 ċm, maqbud bħala qabdiet inċidentali minn bastimenti tas-sajd u nases li jintużaw f'sajd b'mod attiv għal din l-ispeċi u li huwa akbar minn 5 % tal-qabdiet totali tat-tonn.

(10)

Il-kategorija ta' piż għall-qabda inċidentali ta' tonn stabbilita bl-Artikolu 9(12) tar-Regolament (KE) Nru 302/2009 hija differenti minn dik stabbilita mill-paragrafu 31 tar-Rakkomandazzjoni 13-07 tal-ICCAT, li ġiet adottata wara d-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament. Sakemm issir ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 302/2009, il-paragrafu 31 ta' din ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT għandu jiġi implimentat fil-liġijiet tal-Unjoni permezz ta' dan ir-Regolament.

(11)

Il-paragrafu 32 tar-Rakkomandazzjoni 13-07 tal-ICCAT jiddikjara li bastimenti li mhumiex qegħdin jistadu b'mod attiv għat-tonn mhumiex awtorizzati jżommu tonn 'il fuq minn 5 % tal-qbid totali tagħhom skont il-piż jew l-għadd tal-biċċiet.

(12)

Il-paragrafi 34 u 41 tar-Rakkomandazzjoni 13-07 tal-ICCAT jistabbilixxu obbligu ta' rilaxx għal tonn maqbud ħaj fil-qafas tas-sajd għal skopijiet ta' rikreazzjoni u sport.

(13)

Ir-Rakkomandazzjoni 13-02 tal-ICCAT dwar il-konservazzjoni tal-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana tistabbilixxi obbligu ta' skartar tal-ħut għal bastimenti li jistadu għall-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana f'ċerti sitwazzjonijiet. B'mod partikolari, il-paragrafu 9 jistabbilixxi li pixxispad taħt il-piż jew qies ta' referenza minimu għandu jiġi skartat. Id-daqs minimu bħalissa huwa stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 ( 3 ).

(14)

Barra minn hekk, l-istess paragrafu tar-Rakkomandazzjoni 13-02 jistabbilixxi obbligu ta' skartar għall-pixxispad li jiżen inqas minn 25 kg ta' piż ħaj jew twil 125 cm mix-xedaq ta' isfel sal-furketta, li jinqabad bħala qabda inċidentali u li jaqbeż il-15 % tan-numru ta' pixxispad tal-qabda totali ta' pixxispad tal-bastiment għal kull ħatt l-art.

(15)

Sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn ir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT 11-01, 13-07 u 13-02 u l-liġijiet tal-Unjoni, l-obbligu ta' ħatt l-art ma għandux japplika għall-bastimenti tal-Unjoni li jipparteċipaw fl-attivitajiet tas-sajd koperti minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

(16)

L-Artikolu 5, l-Artikolu 6.3 u l-Anness I.A tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (“NAFO”) li jistabbilixxu obbligu ta' skartar ta' ħut għal kwalunkwe qabda ta' kapelin akbar mill-kwota stabbilita jew akbar mill-perċentwal ta' qabdiet inċidentali permessi. L-Anness I.A attwalment jistabbilixxi qabda totali permissibbli (“TAC”) ta' żero għall-kapelin. Barra minn hekk, il-qabdiet inċidentali tal-kapelin f'sajd ieħor li jaqa' taħt l-obbligu ta' ħatt l-art huwa wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, soġġett għal obbligu ta' skartar skont ir-regoli tan-NAFO.

(17)

Sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn il-miżuri ta' konservazzjoni u infurzar tan-NAFO u l-liġijiet tal-Unjoni, l-obbligu ta' ħatt l-art ma għandux japplika għal sajd kopert minn dawk il-miżuri.

(18)

Fid-dawl tal-iskadenzi li ġew stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi derogi mill-obbligu ta' ħatt l-art stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-fini tal-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku. Dan japplika għal attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f'ilmijiet li mhumiex soġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “Iż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NAFO” tfisser iż-żoni ġeografiċi speċifikati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

(2) “Is-sajd fil-mira tan-NAFO” tfisser is-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NAFO li jikkonċerna r-riżorsi tas-sajd kollha, ħlief dawn li ġejjin: is-salamun, it-tonn u l-marlin, l-istokkijiet taċ-ċetaċji kkontrollati mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni jew kull organizzazzjoni suċċessur, u speċijiet sedentarji tal-Blata Kontinentali, jiġifieri organiżmi li fl-istadju tas-sajda ma jkunux qed jiċċaqilqu jew ikunu taħt qiegħ il-baħar u ma jkunux jistgħu jiċċaqilqu ħlief f'kuntatt fiżiku kostanti ma' qiegħ il-baħar jew is-sottoswol;

(3) “L-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana” tfisser iż-żona tal-Oċean Atlantiku fit-Tramuntana ta' 5 °N;

(4) “Sajd għal skopijiet ta' rikreazzjoni” tfisser sajd mhux kummerċjali li dawk li jeżerċitawh ma jkunux parti minn organizzazzjoni nazzjonali tal-isport jew li ma għandhomx liċenzja nazzjonali tal-isport;

(5) “Sajd għal skopijiet ta' sport” tfisser sajd mhux kummerċjali li dawk li jeżerċitawh huma parti minn organizzazzjoni sportiva nazzjonali jew għandhom liċenzja nazzjonali tal-isport.



KAPITOLU II

IŻ-ŻONA TAL-KONVENZJONI TAL-ICCAT

▼M1

Artikolu 3

Tonn obeż u tonn isfar

1.  Dan l-Artikolu għandu japplika għat-tonn obeż (Thunnus obesus) u għat-tonn isfar (Thunnus albacares) fl-Oċean Atlantiku.

2.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-bastimenti tas-sajd ta' tul ta' 20 metru jew aktar mhux imniżżla fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati biex jistadu għat-tonn obeż u għat-tonn isfar ma għandux ikollhom fil-mira tagħhom, iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jiproċessaw jew iħottu l-art it-tonn obeż u t-tonna safra fl-Oċean Atlantiku.

▼B

Artikolu 4

Tonn

1.  Dan l-Artikolu għandu japplika għat-tonn (Thunnus thynnus) fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.

▼M1

2.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit is-sajd għat-tonn, li t-tonn jinżamm abbord, jiġi trażbordat, jiġi ttrasferit, jinħatt l-art, jiġi ttrasportat, maħżun, jinbiegħ, jiġi offrut għall-bejgħ, jew jintwera għall-bejgħ:

(a) jekk ikun iżgħar mid-daqs minimu stipulat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 302/2009; jew,

(b) fiċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 9(2) u (8) tar-Regolament (KE) Nru 302/2009, inqas mid-daqsijiet minimi stipulati f'dak l-Artikolu 9(2) u (8).

▼B

3.  B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, qabdiet inċidentali ta' massimu ta' 5 % ta' tonn ta' bejn 8 kg jew 75 cm u daqs minimu stipulat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 302/2009 f'kg jew ċm mill-bastimenti tal-qbid u nases li jintużaw f'sajd b'mod attiv għat-tonn jistgħu jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati, trasferiti, jinħattu l-art, trasportati, maħżuna, mibjugħa, murija jew offruti għall-bejgħ.

4.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-bastimenti tal-qbid u n-nases li jintużaw f'sajd tat-tonn b'mod attiv ma għandhomx iżommu tonn li jiżen bejn 8 u 30 kg jew b'tul sal-furketta bejn 75 u 115 ċm u li jaqbeż 5 % tat-tonn.

5.  Il-perċentwal ta' 5 % imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jiġi kkalkulat abbażi tat-total ta' qabdiet inċidentali ta' tonn f'numru ta' ħut tal-qabdiet totali ta' tonn miżmuma abbord il-bastiment fi kwalunkwe ħin wara kull operazzjoni ta' sajd.

6.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, bastimenti li ma jkunux qegħdin jistadu b'mod attiv għat-tonn ma għandhomx iżommu abbord tonn li jaqbeż il-5 % tal-qabda totali abbord bil-piż jew numru ta' biċċiet. Il-kalkolu bbażat fuq in-numru ta' biċċiet għandu japplika biss għat-tonn u għal speċijiet ta' tonn regolati mill-ICCAT.

7.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jekk il-kwota allokata lill-Istat Membru tal-bastiment tas-sajd jew nassa kkonċernata jkun diġà ġie kkunsmat:

(a) qabdiet inċidentali ta' tonn għandhom jiġu evitati; u

(b) tonn li jinqabad ħaj bħala qabda inċidentali għandu jiġu rilaxxat.

8.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, tonn maqbud ħaj fil-qafas tas-sajd għal skopijiet ta' rikreazzjoni għandu jiġi rilaxxat.

9.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, tonn maqbud ħaj fil-qafas tas-sajd għal skopijiet ta' sport għandu jiġi rilaxxat.

Artikolu 5

Pixxispad

▼M1

1.  Dan l-Artikolu japplika għall-pixxispad (Xiphias gladius) fl-Oċean Atlantiku.

▼B

2.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li pixxispad iżgħar mid-daqs minimu stipulat fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 520/2007 jiġi mistad, jinżamm abbord, jiġi trażbordat, jinħatt l-art, jiġi ttrasportat, jiġi maħżun, jintwera jew jiġi offrut għall-bejgħ, jinbiegħ jew jiġi kkumerċjalizzat..

3.  B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, qabdiet inċidentali ta' massimu ta' 15 % ta' pixxispad li jiżen inqas minn 25 kg piż ħaj jew li jkun ta' tul ta' inqas minn 125 cm mix-xedaq ta' isfel sal-furketta jista' jinżamm abbord, jiġi ttrażbordat, ittrasferit, jinħatt l-art, trasportat, maħżun, mibjugħ, muri jew offrut għall-bejgħ.

4.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-bastimenti ma għandhomx iżommu pixxispad li jiżen inqas minn 25 kg piż ħaj jew li jkun ta' tul ta' inqas minn 125 cm mix-xedaq ta' isfel sal-furketta li jaqbeż 15 % tal-pixxispad.

5.  Il-perċentwal ta' 15 % imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tan-numru ta' pixxispad tal-qabda totali ta' pixxispad li jagħmel il-bastiment kull ħatt l-art.



KAPITOLU III

IŻ-ŻONA TAL-KONVENZJONI TAN-NAFO

Artikolu 6

Kapelin

1.  Dan l-Artikolu japplika għall-kapelin (Mallotus villosus) fiż-żona tal-Konvenzjoni tan-NAFO.

2.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, kapelin li jinqabad 'il fuq mill-kwota stabbilita allokata mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma għandux jinżamm abbord.

3.  B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, kapelin li jinqabad bħala qabda inċidentali f'sajd li jaqa' taħt l-obbligu ta' ħatt l-art fil-mira tan-NAFO ma għandux jinżamm abbord.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta' April 2009 li jistabbilixxi pjan multi-annwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (ĠU L 96, 15.4.2009, p. 6).

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 tas-7 ta' Mejju 2007 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta' ċerti ħażniet ta' speċi li jpassu ħafna u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2001 (ĠU L 123, 12.5.2007, p. 3).

( 4 ) Ir-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni tal-istatistika tal-qabda u tal-attività mill-Istati Membri li jistadu fil-Majjistral tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 42).

Top