EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tisħiħ tas-sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Tisħiħ tas-sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

UE-Ċina: imsieħba aktar mill-qrib, responsabbiltajiet dejjem jikbru — COM(2006) 631 finali

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Hija tistipula linji gwida għal politika tal-UE li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina.

Dawn jiffokaw fuq:

it-tranżizzjoni għad-demokrazija fiċ-Ċina,

tkabbir sostenibbli,

l-aspetti tal-kummerċ, u

il-kooperazzjoni internazzjonali għal sħubija aktar fil-fond.

PUNTI EWLENIN

Sostenn għat-tranżizzjoni politika: l-UE u ċ-Ċina jżommu djalogu politiku regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-minoranzi u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt.

Il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u tal-ħarsien ambjentali: Bħala tnejn mill-parteċipanti ewlenin fis-suq tal-enerġija globali, l-UE u ċ-Ċina jikkooperaw sabiex:

itejbu t-trasparenza u l-ambjent regolatorju tas-settur tal-enerġija;

jiskambjaw tekniki u informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġiji rinnovabbli;

jiffavorixxu l-investiment u l-ftuħ ta’ kuntratti pubbliċi; u

jippromwovu l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali.

Eżempju tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam huwa d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u ċ-Ċina tal-2012 dwar is-Sigurtà tal-Enerġija.

Il-bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali: l-UE u ċ-Ċina jikkooperaw flimkien sabiex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki fiskali u monetarji bilanċjati mmirati biex jindirizzaw problemi bħal standards tax-xogħol ħżiena, is-saħħa u l-popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu.

It-titjib tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali: billi l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina u ċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba tal-UE, iż-żewġ imsieħba jfittxu li:

jippromwovu l-ftuħ tas-suq Ċiniż għall-investimenti u l-esportazzjonijiet;

jiddefinixxu r-regoli dwar kummerċ ġust (speċjalment fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u standards tax-xogħol diċenti); u

jirrisolvu t-tilwimiet kummerċjali permezz ta’ djalogu jew permezz tas-sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni settorjali: l-UE u ċ-Ċina jfittxu li jsaħħu l-kooperazzjoni bilaterali

fix-xjenza u t-teknoloġija,

fl-immigrazzjoni,

fl-iskambji kulturali, u

fl-edukazzjoni.

L-inkoraġġiment tas-sigurtà u tal-kooperazzjoni internazzjonali: djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-paċi u s-sigurtà fir-reġjuni tad-dinja (b’mod partikolari fil-Lvant tal-Asja). L-UE tappoġġja wkoll id-djalogu bejn iċ-Ċina u pajjiżi oħrajn fir-reġjun sabiex tippromwovi l-istabbiltà tagħha. Il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba tikkonċerna wkoll it-trasparenza tan-nefqa militari, in-non-proliferazzjoni nukleari u t-tneħħija progressiva tal-embargo fuq l-armi tal-UE.

Id-delegazzjonijiet tal-UE u taċ-Ċina jiltaqgħu kull sena waqt is-summit bejn l-UE u ċ-Ċina, li jalterna bejn Brussell u Beijing. Waqt is-summit tal-2013 intlaħaq qbil fuq l-Aġenda Strateġika 2020 għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina. Dan issa huwa d-dokument ta’ gwida tar-relazzjoni.

SFOND

Ir-rabtiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina ġew stabbiliti għall-ewwel darba fl-1975, bl-ewwel format legali jiġi stabbilit skont il-ftehim tal-1985 dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni. Minn dakinhar ’l hawn, ir-relazzjoni kompliet tikber biex illum tħaddan l-affarijiet barranin, materji ta’ sigurtà u sfidi oħrajn bħat-tibdil fil-klima u l-governanza ekonomika globali.

Ir-Relazzjonijiet tal-UE maċ-Ċina

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — L-UE u ċ-Ċina: Imsieħba aktar mill-qrib, responsabbiltajiet dejjem jikbru (COM(2006) 631 finali tal-24.10.2006)

l-aħħar aġġornament 20.10.2015

Top