EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strateġija globali tal-UE għal assistenza u osservazzjoni f’elezzjonijiet

Strateġija globali tal-UE għal assistenza u osservazzjoni f’elezzjonijiet

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni (COM(2000) 191 final) dwar assistenza u osservazzjoni tal-UE f’elezzjonijiet

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI U TAL-ARTIKLU TAT-TRATTAT?

Il-komunikazzjoni tfittex li tgħin tiddefinixxi linja ta’ politika koerenti dwar l-għajnuna tal-UE f’elezzjonijiet*u f’osservazzjoni ta’ elezzjonijiet* permezz ta’ approċċ strateġiku u metodoloġiku, fil-kunsiderazzjoni ta’ lezzjonijiet mitgħallma minn esperjenzi preċedenti.

L-Artikolu 2 tat-TUE jistabbilixxi l-valuri tal-UE ta’ rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

PUNTI EWLENIN

Id-dritt ta’ kull persuna li tieħu sehem fil-gvernar tal-pajjiż tagħhom huwa stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR). Fil-każ ta’ elezzjonijiet, il-governanza tajba teħtieġ sett ta’ regoli leġiżlattivi u regolatorji. Sabiex jiġi żgurat ir-rispett għall-istat tad-dritt, hemm bżonn ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ elezzjoni trasparenti u responsabbli, b’mod partikolari superviżjoni u monitoraġġ indipendenti. Huwa essenzjali wkoll li ċ-ċittadini jiġu infurmati u jipparteċipaw matul il-proċess elettorali. Il-kriterji stabbiliti fil-UDHR għall-validazzjoni tal-elezzjonijiet osservati huma aċċettati fuq livell internazzjonali. L-elezzjonijiet għandhom ikunu ħielsa, ġusti, ġenwini, miżmuma perjodikament u b’vot sigriet.

L-appoġġ tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huwa stabbilit fit-trattati tal-UE. L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara b’mod ċar li l-UE hija bbażata fuq prinċipji bħalma huma l-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li huma valuri fundamentali kondivżi mill-pajjiżi kollha tal-UE. Missjonijiet f’elezzjonijiet huma aċċettati bħala parti mill-mandat ta-UE.

Tagħlimiet miksuba mill-esperjenza

Il-komunikazzjoni tirrevedi t-tagħlimiet miksuba mill-missjonijiet ta’ assistenza u osservazzjoni tal-UE bejn l-1993 u l-2000:

  • l-UE teħtieġ strateġija koerenti f’dan il-qasam;
  • il-missjonijiet ta’ osservazzjoni għandhom joqogħdu attenti li ma jilleġittimawx il-proċessi elettorali illeġittimi;
  • għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni aħjar ma’ u taħriġ ta’ gruppi ta’ osservaturi lokali;
  • xi elezzjonijiet reġjonali u lokali jeħtieġu wkoll assistenza u osservazzjoni;
  • missjonijiet esploratorji huma meħtieġa qabel ma tittieħed deċiżjoni li jintbagħtu missjonijiet ta’ osservazzjoni;
  • il-missjonijiet ta’ osservazzjoni f’elezzjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu twil biżżejjed biex ikopru l-istadji kollha tal-proċess elettorali;
  • l-evalwazzjoni tal-elezzjonijiet hija eżerċizzju delikat u għandha twassal għal rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet futuri;
  • il-kelliema tal-missjoni għandhom dejjem jagħmlu dikjarazzjoni preliminari biss wara l-votazzjoni u l-proklamazzjonijiet finali fit-tmiem tal-proċess elettorali;
  • l-atturi tal-UE f’dan il-qasam għandhom dejjem jitkellmu b’vuċi waħda;
  • il-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE jeħtieġ li tiġi ċċarata u razzjonalizzata;
  • hija meħtieġa politika ta’ finanzjament koerenti u trasparenti;
  • il-koordinazzjoni bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew teħtieġ li tissaħħaħ;
  • il-koordinazzjoni ma’ atturi internazzjonali oħra għandha tkun ibbażata fuq sħubijiet;
  • Il-missjonijiet tal-UE għandhom isiru aktar viżibbli;
  • ir-riżorsi umani involuti fl-osservazzjoni u fl-assistenza f’elezzjonijiet għandhom jaqblu mal-għanijiet politiċi;
  • għandha tkun rakkomandata formula aċċellerata għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE;
  • metodi komparabbli għar-reklutaġġ ta’ osservaturi jtejbu l-missjonijiet;
  • osservaturi tal-UE għandhom jirċievu taħriġ aħjar u gwida fuq il-post.

Rakkomandazzjonijiet għall-futur

Il-komunikazzjoni tisħaq li l-UE teħtieġ li tadotta strateġija ta’ assistenza u ta’ osservazzjoni fl-elezzjonijiet li:

  • tippermetti deċiżjonijiet każ b’każ;
  • tippromwovi l-iżvilupp ta’ strutturi nazzjonali sostenibbli;
  • tippromwovi l-pluraliżmu f’livell politiku u fis-soċjetà ċivili lokali;
  • tħeġġeġ is-sħubija bejn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi Ewropej u lokali u l-osservaturi lokali.

Id-deċiżjoni li titnieda missjoni tal-UE ta’ osservazzjoni fl-elezzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-missjoni li tagħmilha bħala waħda rakkomandabbli, vijabbli u utli. Il-Kunsill fassal kriterji f’dan ir-rigward, li huma stabbiliti fl-Anness III għall-komunikazzjoni. Dan l-anness jelenka wkoll il-kundizzjonijiet meħtieġa biex l-osservaturi jkunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom.

Il-kriterji li ġejjin jistgħu jipprovdu bażi biex ikun deċiż jekk tkunx provduta assistenza fl-elezzjonijiet:

  • talba għall-għajnuna mill-gvern tal-pajjiż ospitanti;
  • il-ftehim ġenerali tal-partiti politiċi ewlenin u msieħba oħra;
  • l-eżistenza ta’ programmi preċedenti ta’ monitoraġġ politiku jew ta’ żvilupp tal-UE;
  • qafas ta’ żmien adegwat;
  • il-libertà ta’ moviment;
  • l-aċċess għal informazzjoni;
  • is-sigurtà tat-tim tal-assistenza teknika.

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), dan tal-aħħar huwa involut b’mod attiv f’missjonijiet ta’ osservazzjoni f’elezzjonijiet, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni (Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija, kolokalizzati mas-SEAE).

Fir-rigward tal-finanzjament tal-missjonijiet, qegħdin jiġu studjati diversi modi biex jitħaffu u jiġu ssimplifikati d-deċiżjonijiet biex jiġu allokati fondi u biex tiġi implimentata n-nefqa.

Il-komunikazzjoni tikkunsidra li l-kriterji miftiehma għall-għażla (Anness IV) u l-kodiċi ta’ kondotta għall-osservaturi tal-UE (Anness III) jipprovdu bażi tajba għar-reklutaġġ tal-osservaturi.

Linji gwida għas-suċċess

Sabiex l-għajnuna fl-elezzjonijiet u fil-missjonijiet ta’ osservazzjoni jkunu ta’ suċċess, il-komunikazzjoni tirrakkomanda li l-aspetti li ġejjin jiġu meħuda f’kunsiderazzjoni:

  • it-tfassil ċar ta’ mandat għall-missjoni;
  • li dejjem tibda b’missjoni esploratorja;
  • l-istabbiliment ta’ unità fil-post tal-UE fl-elezzjonijiet ma’ ’tim ewlieni responsabbli mill-koordinazzjoni;
  • li tintbagħat assistenza teknika fuq il-post kmieni biżżejjed;
  • li jkunu prodotti rapporti regolari tal-missjonijiet;
  • it-taħriġ lil osservaturi kollha tal-UE permazz ta’ programm komuni ta’ taħriġ;
  • il-ħidma ma’ organizzazzjonijiet oħra sabiex jiġu mħarrġa l-osservaturi;
  • l-iskjerament ta’ osservaturi fit-tul, xahrejn qabel il-ġurnata tal-elezzjoni, li jinżammu fil-post, sakemm jiġu riżolti disputi elettorali;
  • l-iżgurar li l-osservaturi kollha jirrispettaw il-kodiċi ta’ kondotta.

Sabiex jiġi evalwat ir-riżultat ta’ elezzjoni, il-komunikazzjoni tirrakkomanda l-użu tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III.

Biex tittejjeb il-viżibilità tal-attivitajiet tal-UE fl-elezzjonijiet, il-komunikazzjoni tipproponi:

  • l-għoti ta’ informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet fuq l-Internet;
  • li jkunu stabbiliti relazzjonijiet tajbin mal-midja;
  • l-użu ta’ materjal ta’ pubbliċità rilevanti; u
  • li tkun inkorporata l-viżibilità fi ftehim ma’ msieħba oħra.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Assistenza f’elezzjonijiet: appoġġ tekniku u materjali fil-proċess tal-elezzjonijiet, li jinkludi assistenza biex ikun stabbilit qafas legali fl-elezzjonijiet, għar-reġistrazzjoni ta’ partiti politiċi jew votanti u biex osservaturi u ġurnalisti lokali jingħataw edukazzjoni u taħriġ ċiviku. Assistenza f’elezzjoni hija kumplimentari għal osservazzjoni f’elezzjoni.
Osservazzjoni f’elezzjonijiet: maħsuba biex:
  • issaħħaħ id-demokrazija,
  • tilleġittima l-proċessi elettorali,
  • itejjeb il-fiduċja tal-pubbliku,
  • tiskoraġġixxi l-frodi,
  • isaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u
  • tagħti kontribut għas-solvien ta’ kunflitt.

Hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ kopertura sħiħa, imparzjalità, trasparenza u professjonaliżmu.

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu I — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 2 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 17)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar assistenza u osservazzjoni tal-UE f’elezzjonijiet (COM(2000) 191 final, 11.4.2000)

DOKUMENTI RELATATI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar missjonijiet ta’ osservazzjoni tal-UE f’elezzjonijiet: għanijiet, prattiki u sfidi futuri (ĠU C 271E, 12.11.2009, p. 31-38)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar assistenza u osservazzjoni fl-elezzjonijiet — Stqarrija għall-istampa tal-Kunsill għall-Iżvilupp, pp. I-V, 31 ta’ Mejju 2001 (Mhux ippubblikati fil-ĠU))

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Assistenza u l-Osservazzjoni tal-UE f’Elezzjonijiet (ĠU C 343, 5.12.2001, p. 270-277)

l-aħħar aġġornament 02.03.2018

Top