EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u għall-Operazzjonijiet ta’ Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO)

Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u għall-Operazzjonijiet ta’ Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO)

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN L-ARTIKOLI TAT-TRATTAT?

  • L-Artikolu 214 jipprovdi l-bażi legali ewlieni għall-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea (UE). Huwa jawtorizza lill-UE sabiex tipprovdi l-assistenza, l-għajnuna u l-protezzjoni għall-vittmi ta’ diżastri naturali jew ta’ dawk ikkawżati mill-bniedem lil persuni minn pajjiżi mhux tal-UE.
  • L-Artikolu 196 jagħti lill-UE l-kompetenza biex tappoġġa u tikkumplimenta l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet ta’ Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO) tal-Kummissjoni Ewropea huwa responsabbli għall-forniment tal-għajnuna lill-vittmi ta' kriżi u ta' diżastri naturali jew ta’ dawk ikkawżati mill-bniedem.
  • L-ECHO jamministra wkoll il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE.
  • Aktar reċentement, fl-2016, l-ECHO sar responsabbli għall-ġestjoni tal-appoġġ tal-emerġenza fi ħdan l-UE.

Għajnuna umanitarja

Ibbażata fuq prinċipji internazzjonali mnaqqxa fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, l-UE tipprovdi assistenza umanitarja bbażata fuq il-bżonnijiet. L-enfasi tagħha hija fuq l-aktar vittmi vulnerabbli.

L-ECHO jiffinanzja l-għajnuna umanitarja fuq il-bażi tar-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-1996, li jippermetti l-finanzjament tal-operazzjonijiet barra mill-UE biex jipprovdi assistenza, għajnuna u protezzjoni lin-nies affettwati minn diżastri naturali jew ta’ dawk ikkawżati mill-bniedem u emerġenzi simili. L-ECHO jintervjeni fi sħubijietma’ organizzazzjonijiet bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi; fondi, programmi u aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti; is-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar u aġenziji speċjalizzati tal-pajjiżi tal-UE

Appoġġ ta’ emerġenza fi ħdan l-UE

  • Ir-Regolament (UE) 2016/369 jippermetti lill-UE sabiex tipprovdi appoġġ ta’ emerġenza lill-pajjiżi tal-UE affettwati minn diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem ta’ natura eċċezzjonalment serja li jagħtu lok għal konsegwenzi umanitarji wesgħin u severi, bħal terremoti, għargħar u inċidenti industrijali. Dan jiġi applikat biss meta strumenti oħrajn ma jkunux biżżejjed u huwa ddisinjat biex jappoġġa u jikkumplimenta l-azzjonijiet tal-pajjiż/pajjiżi affettwati tal-UE.

Il-protezzjoni ċivili

  • L-ECHO huwa wkoll attiv fl-eventwalità li jinqalgħu xi diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE permezz tal-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili tal-UE li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Ċerti pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jipparteċipaw ukoll taħt kundizzjonijiet speċifiċi.
  • L-għan ewlieni tiegħu huwa li jtejjeb l-effikaċja tas-sistemi għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem ta’ kull tip ġewwa jew barra l-UE.
  • Il-mekkaniżmu għandu ċentru 24/7, iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni u Rispons għall-Emerġenzi, li jikoordina l-operazzjonijiet, kif ukoll il-Kapaċità għal Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza (“ġabra volontarja”) li tlaqqa’ fi ħdanha firxa ta’ timijiet ta’ għajnuna, esperti u tagħmir li jinżammu fuq standby fil-pajjiżi tal-UE li huma bbażati fihom.
  • Għalkemm l-enfasi tiegħu huwa fuq li jipproteġi lin-nies, huwa jkopri wkoll l-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt naturali.

SFOND

Għal aktar informazzjoni ara:

DOKUMENT EWLIENI

L-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 143)

L-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 135-136)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 dwar l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, pp. 1–6)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1257/96 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 fuq Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 924–947)

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, pp. 1–6)

l-aħħar aġġornament 22.09.2016

Top