Tagħmir li jaħraq karburanti gassużi (sal-2018)
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Id-Direttiva 2009/142/KE — tagħmir li juża l-gass
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
-
Hija tistabbilixxi r-regoli għat-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz ta’ tagħmir li juża l-gass u l-muntaturi (fittings) tiegħu.
-
Hija tipprovdi aċċess għas-suq tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-prodotti koperti sa fejn hija kkonċernata s-sigurtà relatata mal-gass ta’ dawn il-prodotti.
-
Hija tindirizza l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ dawn il-prodotti fejn ma tapplika ebda leġiżlazzjoni tal-UE oħra speċifika.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’applikazzjoni
-
Id-direttiva tapplika għal tagħmir tal-gass u muntaturi fejn:
-
“tagħmir” huwa tagħmir li juża l-gass użat għal tisjir, tisħin, produzzjoni ta’ ilma sħun, tkessiħ, dawl jew ħasil u li jkollu, fejn jgħodd, temperatura normali tal-ilma li ma taqbiżx il-105 oC kif ukoll burners li joħolqu kurrent sfurzat (burners tal-gass li għandhom imwaħħal magħhom fannijiet tal-kombustjoni tal-arja) u apparat li jsaħħan li jkun mgħammar b’burners bħal dawn;
-
“muntaturi” (fittings) huma apparat tas-sigurtà, apparat li jikkontrolla jew apparat li jirregola u s-sottomuntaturi — barra mill-burners li joħolqu kurrent bis-saħħa u apparat li jsaħħan li jkun mgħammar b’burners bħal dawn — mibjugħa separatament għall-użu ta' negozju u maħsuba biex ikunu mdaħħla f’tagħmir li jaħdem bil-gass jew magħmul biex jifforma tagħmir bħal dan.
-
Tagħmir iddisinjat apposta għal użu fi proċessi industrijali li jsiru f’postijiet industrijali huma eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti meta t-tagħmir jitqiegħed fis-suq
-
It-tagħmir kopert mid-direttiva jrid ikun iddisinjat u mibni b’tali mod li jaħdem b’mod sigur u li ma jkunx ta’ periklu għall-persuni, l-annimali domestiċi jew il-proprjetà fejn normalment jintuża.
-
It-tagħmir kollu jrid ikun akkumpanjat minn:
-
struzzjonijiet tekniċi għal min iwaħħal, li jkun fihom l-istruzzjonijiet kollha għall-installazzjoni, l-aġġustar, u l-manutenzjoni meħtieġa biex ikun żgurat li dawk il-ħidmiet jitwettqu sew u li t-tagħmir ikun użat b’mod sigur, inkluż, eż. id-dettalji dwar it-tip ta’ gass u pressjoni tal-provvista użati, l-ammont ta’ arja friska meħtieġ, kif ukoll il-kundizzjonijiet biex jitferrxu l-prodotti ta’ kombustjoni;
-
struzzjonijiet dwar l-użu u l-manutenzjoni maħsuba għal min jużah li jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintuża b'sigurtà u jiġbed l-attenzjoni ta' min jużah dwar xi restrizzjoni fl-użu;
-
avviżi ta' twissija li jindikaw it-tip ta’ gass, il-pressjoni tal-provvista tal-gass u xi restrizzjoni dwar l-użu, b’mod partikolari restrizzjoni li biha t-tagħmir jista’ jitwaħħal biss f’żoni fejn hemm ventilazzjoni biżżejjed.
Eżami tat-tip
-
Il-manifattur għandu jitfa' applikazzjoni għal eżami tat-tip b'korp wieħed notifikat* li tkun tinkludi:
-
l-isem u l-indirizz tal-manifattur;
-
dikjarazzjoni miktuba li l-applikazzjoni ma saritx ma’ xi korp ieħor notifikat;
-
dokumentazzjoni ta' disinn, kif deskritt fl-Anness IV għal din id-direttiva.
-
Meta t-tip jissodisfa l-kriterji stabbiliti minn din id-direttiva, il-korp notifikat irid joħroġ ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-KE lill-applikant.
Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE*
-
Skont l-għażla tal-manifattur, is-sorveljanza obbligatorja tal-fażijiet tal-produzzjoni minn korp notifikat trid tkun ibbażata fuq erba’ moduli ta’ evalwazzjoni tal-konformità alternattivi msemmija fl-Anness II tad-direttiva.
-
Wara li ssir valutazzjoni tal-konformità b’suċċess tal-prodott tiegħu, il-manifattur irid ifassal dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE li tiddikjara li l-prodott ikkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.
-
It-tagħmir tal-gass jew il-pjanċa tad-data tiegħu jrid ikollha l-immarkar KE u l-iskrizzjonijiet li ġejjin:
-
l-isem tal-manifattur jew is-simbolu ta’ identifikazzjoni;
-
l-isem tad-ditta tat-tagħmir;
-
it-tip ta’ provvista tal-elettriku użat, jekk applikabbli;
-
il-kategorija tat-tagħmir;
-
l-aħħar żewġ figuri tas-sena li fiha twaħħal l-immarkar “KE”.
Revoka
Id-Direttiva 2009/142/KE hija rrevokata u ssostitwita bir-Regolament (UE) 2016/426 b’effett mill-21 ta’ April 2018.
META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?
Hija ilha tapplika mill-5 ta’ Jannar 2010 u tirrevoka u tikkodifika d-Direttiva 90/396/KE, flimkien mal-emendi tagħha li l-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporaw fil-liġi nazzjonali sat-30 ta’ Ġunju 1991.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
* TERMINI EWLENIN
Korp notifikat: jipprovdi l-evalwazzjoni tal-konformità taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-direttivi. Dan huwa servizz għall-manifatturi fl-interess pubbliku.
Dikjarazzjoni tal-konformità mat-tip KE: manifattur jiddikjara li t-tagħmir jikkonforma mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali ta’ din id-direttiva.
DOKUMENT EWLIENI
Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 rigward tagħmir li juża l-gass (verżjoni kodifikata) (ĠU L 330, 16.12.2009, p. 10–27)
DOKUMENTI RELATATI
Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99-147)
l-aħħar aġġornament 30.01.2017
Top