EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Riunifikazzjoni tal-familja

Riunifikazzjoni tal-familja

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li tistabbilixxi regoli komuni fil-liġi relatati mad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja. L-għan huwa li tippermetti lill-membri tal-familja ta’ ċittadini minn pajjiżi mhux tal-UE li joqogħdu b’mod legali fit-territorju tal-UE li jingħaqdu magħhom fil-pajjiż tal-UE li fih huma jirrisjedu. L-iskop huwa li tipproteġi l-unità tal-familja u tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi mhux membri.

Ma tapplikax għall-Irlanda, id-Danimarka u r-Renju Unit (1). Barra minn hekk, ma tipprekludix kundizzjonijiet aktar favorevoli rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Kundizzjonijiet

Ċittadini mhux minn pajjiżi tal-UE li għandhom permess ta’ residenza validu għal tal-anqas sena f’wieħed mill-pajjiżi tal-UE u li għandhom l-għażla legali ta’ residenza fit-tul jistgħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja.

Madankollu, din id-direttiva ma tapplikax għal membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE, jew għal ċittadini mhux tal-UE li japplikaw għar-rikonoxximent ta’ status ta’ refuġjat li l-applikazzjoni tagħhom għadha ma tatx lok għal deċiżjoni finali jew li huma taħt forma temporanja ta’ protezzjoni.

Dawn li ġejjin huma eliġibbli għal riunifikazzjoni tal-familja:

  • il-konjuġi tal-isponsor;
  • it-tfal minorenni tal-koppja (jiġifieri tfal mhux miżżewġin taħt l-età maġġoritarja tal-pajjiż tal-UE kkonċernat), jew ta’ konjuġii wieħed jew waħda, fejn hu/hi għandu/għandha l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu/fuqha, inklużi tfal adottati.

Il-pajjiżi tal-UE jibqgħu liberi li jawtorizzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’:

  • qraba tal-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti (missier jew omm taċ-ċittadin barrani);
  • tfal adulti mhux miżżewġa li għandhom iktar mill-età maġġoritarja;
  • partners mhux miżżewġa.

Żwieġ poligamu mhux rikonoxxut; konjuġi wieħed biss jista’ jibbenefika mid-dritt għal riunifikazzjoni. Bl-istess mod, it-tfal tal-konjuġi mhux eliġibbli huma esklużi mid-dritt għal riunifikazzjoni sakemm l-aħjar interessi tagħhom ma jiġġustifikawx dan (skont il-Konvenzjoni tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal).

Il-pajjiżi tal-UE huma wkoll awtorizzatii li jirrikjedu liċ-ċittadin mhux tal-UE u lill-konjuġi tiegħu/tagħha biex ikunu ta’ età minima (soġġett għal massimu ta’ 21 sena), qabel ma jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja.

Proċedura

  • Il-pajjiżi tal-UE jiddeterminaw jekk hux iċ-ċittadin barrani, jew il-membri tal-familja li jixtiequ jingħaqdu miegħu/magħha, li għandu jissottometti l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja. Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet speċjali, il-membru tal-familja li se jerġa’ jkun riunifikat għandu jibqa’barra l-UE matul il-proċedura. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali u ta’ konformita mal-kondizzjonijiet preskritti. L-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata fi żmien disa’ (9) xhur mid-data tas-sottomissjoni.
  • Il-persuna kkonċernata tista’ tkun meħtieġa li jkollha akkomodazzjoni li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ sigurtà u ta’ saħħa, assigurazzjoni kontra l-mard u riżorsi suffiċjenti biżżejjed biex iżżomm lilha nnifisha u lill-membri tal-familja tiegħu/tagħha. Barra minn hekk, huwa jista’ jkun meħtieġ li jirrispetta l-miżuri ta’ integrazzjoni skont il-liġi nazzjonali, kif ukoll li jkun irrisjeda fil-pajjiż tal-UE kkonċernat għal ċertu perjodu ta’ żmien (massimu ta’ sentejn (2)) qabel mal-membri tal-familja tiegħu/tagħha jingħaqdu miegħu/magħha.
  • Membru tal-familja jista’ jiġi miċħud id-dħul jew ir-residenza minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà interna jew saħħa pubblika. Dan japplika wkoll fil-każ ta’ frodi (falsifikazzjoni ta’ dokumenti, żwieġ ta’ konvenjenza, eċċ.). L-istess raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw l-irtirar jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess li diġà kien ingħata.
  • Il-persuni li l-permess tagħhom jiġi rifjutat, irtirat jew mhux imġedded għandhom ikollhom id-dritt li jagħmlu rikuża.
  • Fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati, il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jimponu kundizzjonijiet fir-rigward ta’ żjara minima fit-territorju qabel ma jingħaqdu magħhom il-membri tal-familja tagħhom. Barra minn hekk, huma eżentati milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq relatati ma’ akkomodazzjoni, assigurazzjoni medika u riżorsi jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tiġi sottomessa fi żmien tliet (3) xhur minn meta jingħataw l-istatus ta’ refuġjat.

Drittijiet tal-membri tal-familja

  • Membri tal-familja ta’ ċittadin barrani huma intitolati għal permess ta’ residenza tal-istess tul u, fuq l-istess termini għal aċċess għal edukazzjoni, impjieg u formazzjoni professjonali bħal dawk tal-persuna li magħha ngħaqdu mill-ġdid.
  • Wara ħames (5) snin ta’ residenza (mhux aktar tard), il-konjuġi jew is-sieħeb mhux miżżewweġ u kwalunkwe tifel/tifla li jkunu laħqu l-età maġġorenni jkunu intitolati għal permess ta’ residenza awtonomu.
  • Il-kundizzjonijiet relatati mal-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu huma stabbiliti bil-liġi nazzjonali. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu biss jillimitaw l-għoti tal-permess ta’ residenza awtonomu għall-konjuġi jew koppji mhux miżżewġin f’każijiet ta’ tifrik tar-relazzjoni familjali.

Gwida dwar l-applikazzjoni tad-direttiva

Fl-2014 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat gwida għall-pajjiżi tal-UE dwar l-applikazzjoni tad-direttiva.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-3 ta’ Ottubru 2003 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-3 ta’ Ottubru 2005.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, 3.10.2003, pp. 12-18)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (COM(2014) 210 final, 3.4.2014)

Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE) (COM(2011) 735 final, 15.11.2011)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (COM(2008) 610 final, 8.10.2008)

l-aħħar aġġornament 05.06.2018



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top