EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-użu tal-ħama tad-drenaġġ fil-biedja

L-użu tal-ħama tad-drenaġġ fil-biedja

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 86/278/KEE dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi regoli dwar kif il-bdiewa jistgħu jużaw il-ħama tad-drenaġġ* bħala fertilizzant biex ma ssir l-ebda ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem, billi jiġi żgurat li jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nutrijenti tal-pjanti u li l-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art ma tiġix affettwata.
  • Għal dan il-għan, tistabbilixxi valuri ta’ limitu fuq il-konċentrazzjonijiet permessi fil-ħamrija ta’ 7 metalli tqal li jistgħu jkunu tossiċi għall-pjanti u għall-bnedmin:
    • il-kadmju,
    • ir-ram,
    • in-nikil,
    • iċ-ċomb,
    • iż-żingu,
    • il-merkurju,
    • il-kromju.
  • Din tipprojbixxi l-użu tal-ħama tad-drenaġġ li jirriżulta f’konċentrazzjonijiet ta’ dawn il-metalli tqal fil-ħamrija li jaqbżu dawn il-valuri ta’ limitu.
  • Fl-2018, id-Direttiva ġiet emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2018/853 fir-rigward tar-regoli proċedurali fil-qasam tar-rappurtar ambjentali.
  • Fl-2019, id-Direttiva ġiet emendata bir-Regolament (UE) 2019/1010 li jallinja u jissimplifika r-rekwiżiti tar-rappurtar fil-leġiżlazzjoni ambjentali.

PUNTI EWLENIN

  • Il-valuri ta’ limitu speċifiċi huma elenkati fl-annessi tad-direttiva:
    • Anness IA — metalli tqal fil-ħamrija,
    • Anness IB — metalli tqal fil-ħama,
    • Anness IC — kwantitajiet annwali massimi ta’ metalli tqal li jistgħu jiżdiedu kull sena mal-ħamrija.
  • Normalment, il-ħama għandha tiġi ttrattata* qabel ma tintuża fil-biedja. Madankollu, f’xi pajjiżi tal-UE l-bdiewa jistgħu jkunu permessi wkoll jużaw ħama mhux ittrattata jekk din tiġi injettata jew maħduma fil-ħamrija.
  • F’ċerti sitwazzjonijiet, il-ħama ma tista’ tintuża qatt fil-biedja:
    • f’bur li se tintuża għar-ragħa mill-annimali jew mill-għelejjel għall-għalf li se jinħasad, sakemm ma jkunx għadda perjodu minimu ta’ 3 ġimgħat,
    • f’għelejjel tal-frott jew tal-ħxejjex matul l-istaġun ta’ tkabbir. Din ir-regola ma tinkludix is-siġar tal-frott,
    • f’ħamrija użata biex jitkabbru għelejjel tal-frott jew tal-ħxejjex li normalment ikunu f’kuntatt dirett jew jittieklu nejjin. Din il-projbizzjoni tapplika għal 10 xhur qabel il-ħsad u matul il-ħsad innifsu.
  • L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli biex jiżguraw li l-użu tal-ħama mill-bdiewa ma jaqbiżx il-limiti legali; dawn għandhom jieħdu kampjuni u janalizzaw il-ħama u l-ħamrija li tintuża u jżommu rekords aġġornati ta’:
    • l-ammont ta’ ħama prodott u użat fil-biedja,
    • il-kompożizzjoni u l-proprjetajiet tal-ħama,
    • kif il-ħama tkun ġiet ittrattata,
    • fejn tintuża u min jużaha.
  • Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1010, mill-1 ta’ Jannar 2022, il-pajjiżi tal-UE għandhom iżommu wkoll rekord ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva li jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea. Dawn għandhom jippreżentaw ukoll l-informazzjoni rreġistrata f’dawk ir-rekords b’tali mod li d-data diġitali tirreferi għal post speċifiku jew żona ġeografika
  • Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni kull 3 snin dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, fil-forma ta’ rapport settorjali li għandu jkopri wkoll direttivi pertinenti oħrajn, abbażi tal-kwestjonarju deskritt fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/741/KE. Id-Deċiżjoni (UE) 2018/853 tirrikjedi li dawn ir-rapporti settorjali jitfasslu fuq il-bażi ta’ kwestjonarju jew punti prinċipali adottati mill-Kummissjoni fil-forma ta’ att ta’ implimentazzjoni. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien 9 xhur mit-tmiem tal-perjodu ta’ 3 snin kopert minnu.
  • Ir-Regolament (UE) 2019/1010, li l-bidliet tiegħu għal din id-Direttiva se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022, jissimplifika l-proċess ta’ rappurtar. Din tfittex ukoll li tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jkunu aktar trasparenti fir-rigward tal-informazzjoni li jipprovdu u li l-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għall-informazzjoni malajr kemm jista’ jkun. Ir-reġistri msemmija hawn fuq għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli faċilment għall-pubbliku għal kull sena kalendarja, fi żmien 8 xhur mit-tmiem tas-sena kalendarja rilevanti, u għandhom jiġu ppreżentati wkoll lill-Kummissjoni.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapport regolari dwar l-użu tal-ħama fil-biedja fl-UE, li jiġbor flimkien l-informazzjoni rrapportata mill-pajjiżi individwali dwar dan is-suġġett.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-18 ta’ Ġunju 1986 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-18 ta’ Ġunju 1989.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ħama tad-drenaġġ: ħama minn impjanti domestiċi jew urbani għat-trattament tal-iskart, tankijiet settiċi u impjanti simili għat-trattament tad-drenaġġ.
Ħama ttrattata: ħama li tkun għaddiet minn trattament bijoloġiku, kimiku jew termali, ħażna fuq perjodu twil ta’ żmien jew minn proċess xieraq ieħor biex inaqqas b’mod sinifikanti l-fermentabbiltà tagħha (u b’hekk inaqqas ir-riskju tagħha għas-saħħa).

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (ĠU L 181, 4.7.1986, pp. 6-12)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 86/278/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġislazzjoni relatata mal-ambjent u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (ĠU L 170, 25.6.2019, pp. 115-127)

l-aħħar aġġornament 19.06.2020

Top