EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati: xandir bis-satellita u trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil

Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati: xandir bis-satellita u trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 93/83/KEE dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/789 dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Timmira biex tiffaċilita l-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati rigward servizzi ta’ xandir bis-satellita u ta’ trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil fis-suq uniku tal-UE u biex b’hekk ittejjeb id-disponibilità transkonfinali ta’ programmi bir-radju u televiżivi.

PUNTI EWLENIN

“Prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini” għax-xandir bis-satellita

  • Id-direttiva introduċiet id-dritt esklussiv tal-awturi li huma jawtorizzaw ix-xandir lill-pubbliku ta’ xogħlijiethom bis-satellita.
  • Sabiex jiġi ffaċilitat ix-xandir transkonfinali bis-satellita, id-direttiva tipprovdi li l-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita titwettaq fil-pajjiż tal-UE tal-oriġini tat-trażmissjoni bis-satellita, jiġifieri l-pajjiż tal-UE fejn is-sinjali li jwasslu l-programmi jiddaħħlu f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja, taħt il-kontroll u bir-responsabilità ta’ organizzazzjoni tax-xandir. Skont dan il-“prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini”, l-awtorizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir bis-satellita jridu jinkisbu biss għall-pajjiż tal-UE tal-oriġini tax-xandir bis-satellita u mhux għall-pajjiżi tal-UE fejn jiġu rċevuti s-sinjali.

Immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet għat-trażmissjoni bil-kejbil

  • Id-direttiva wkoll tagħmel eħfef il-ksib ta’ awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati għat-trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil ta’ programmi televiżivi jew radjofoniċi minn pajjiżi oħra tal-UE. Id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jawtorizzaw jew jipprojbixxu t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħlijiethom jew ta’ materjal ieħor (bħala parti mill-programmi tax-xandir li jiġu trażmessi mill-ġdid) biss permezz ta’ soċjetà kollettriċi. Dan jgħodd għad-drittijiet rilevanti kollha ħlief dawk li jinsabu f’idejn l-organizzazzjonijiet tax-xandir innifishom.
  • Fil-każijiet fejn ma jintlaħaqx ftehim li jippermetti t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandira, il-partijiet jistgħu jirrikorru għal medjaturi li jistgħu jipprovdu assistenza waqt in-negozjar kif ukoll jippreżentaw rakkomandazzjonijiet ma jorbtux lill-partijiet.
  • Id-definizzjoni tat-trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil oriġinarjament inkluża f’din id-direttiva ġiet kemxejn emendata bl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2019/789 (ara s-sommarju) biex tkopri sitwazzjonijiet li fihom is-sinjali li jwasslu l-programmi jiġu trażmessi minn organizzazzjonijiet tax-xandir lil operaturi tal-kejbil permezz tal-proċess tekniku ta’ injezzjoni diretta (kif definita fl-Artikolu 2 tal-istess direttiva). Din hija l-unika emenda magħmula permezz tad-Direttiva (UE) 2019/789, li barra minn hekk tikkomplementa d-Direttiva 93/83/KEE bl-introduzzjoni ta’ regoli ġodda mmirati biex jiffaċilitaw aktar id-distribuzzjoni transkonfinali ta’ programmi radjofoniċi u televiżivi.

Evalwazzjoni

Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea evalwa l-operat tad-direttiva fl-2016.

MINN META BDIET TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-direttiva ilha tapplika mill-4 ta’ Ottubru 1993 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1995.

Id-definizzjoni rriveduta ta’ “trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil” ilha tapplika mis-6 ta’ Ġunju 2019.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, pp. 15-21)

Emendi suċċessivi tad-Direttiva 93/83/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha biss valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (ĠU L 130, 17.5.2019, pp. 82-91)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (SWD(2016) 308 final, 14.9.2016)

l-aħħar aġġornament 07.11.2019

Top