EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kundanni mogħtija f’pajjiżi oħrajn jgħoddu fil-proċedimenti kriminali ġodda

Il-kundanni mogħtija f’pajjiżi oħrajn jgħoddu fil-proċedimenti kriminali ġodda

Pajjiż tal-UE għandu jagħti lill-kundanni mogħtija f’pajjiżi oħrajn tal-UE piż ekwivalenti għal dawk mogħtija mill-qrati tiegħu stess.

ATT

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda.

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI QAFAS?

Din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi l-kriterji li permezz tagħhom il-kundanni preċedenti mogħtija f’pajjiż wieħed tal-UE jittieħdu f’kunsiderazzjoni matul il-proċedimenti kriminali f’pajjiż ieħor tal-UE kontra l-istess persuna, iżda għal fatti differenti.

PUNTI EWLENIN

Fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali ġodda, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-kundanni preċedenti mogħtija f’pajjiż ieħor tal-UE jittieħdu f’kunsiderazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kundanni domestiċi preċedenti.

Dawn il-kundanni preċedenti għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni fl-istadju ta’ qabel il-proċess u tal-proċess innifsu, kif ukoll meta tingħata s-sentenza. Dawn għandhom jingħataw kunsiderazzjoni xierqa, speċjalment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli dwar:

  • id-detenzjoni provviżorja;
  • id-definizzjoni tar-reat;
  • it-tip u l-livell tas-sentenza;
  • ir-regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

Meta jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-kundanni preċedenti mill-pajjiż tal-UE li jwettaq il-proċedimenti ġodda, dan ma għandux ikollu l-effett li jinterferixxi ma’, jirrevoka jew jirrevedi l-kundanni preċedenti.

L-effett tad-Direttiva Qafas jista’ jkun limitat ukoll jekk ir-reat li għalih qegħdin jitmexxew il-proċedimenti ġodda jkun sar qabel ingħatat jew ġiet eżegwita b’mod sħiħ il-kundanna preċedenti. Il-pajjiżi tal-UE ma għandhomx bżonn japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom fuq l-impożizzjoni tas-sentenzi, meta l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli għall-kundanni barranin tillimita lill-imħallef meta jiġi biex jimponi sentenza fil-proċedimenti l-ġodda. Madankollu, il-qrati għandhom jiżguraw li huma jieħdu dawn il-kundanni preċedenti f’kunsiderazzjoni għal skopijiet oħrajn.

Rapport tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ħa nota tal-valur miżjud tagħha fil-promozzjoni tal-fiduċja fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tal-liġi kriminali fl-ispazju Ewropew tal-ġustizzja. Madankollu, ir-rapport sab li kien hemm differenzi konsiderevoli fil-konformità fost il-pajjiżi tal-UE li implimentaw id-Deċiżjoni. 13 minn 22 pajjiż tal-UE tqiesu bħala li għandhom dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti.

Fl-1 ta’ Diċembru 2014, ir-Renju Unit (1) innotifika lill-Kummissjoni li huwa xtaq jipparteċipa fid-Deċiżjoni Qafas. Dan kien ikkonfermat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE.

SFOND

Fl-2012 ġiet stabbilita sistema kompjuterizzata, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/JHA. Hija tippermetti lill-pajjiżi tal-UE jiskambjaw malajr u faċilment informazzjoni dwar il-kundanni kriminali. L-ECRIS tiżgura l-operabbiltà prattika ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

Għal aktar tagħrif, ara s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI

15.8.2008

15.8.2010

ĠU L 220 tal-15.8.2008, p. 32-34

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675/JHA tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (COM(2014) 312 final tat-2.6.2014).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE tal-1 ta’ Diċembru 2014 dwar in-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jixtieq jieħu sehem f’atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u li mhumiex parti mill-acquis ta’ Schengen (ĠU L 345 tal-1.12.2014, p. 6-9).

l-aħħar aġġornament 10.06.2015



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top