EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Standards tal-UE għal ilmijiet minerali naturali

Standards tal-UE għal ilmijiet minerali naturali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/54/KE — dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tarmonizza l-kundizzjonijiet li taħthom l-ilmijiet minerali naturali jistgħu jinbiegħu fl-UE u tiżgura li huma sikuri għall-konsum mill-bniedem.

PUNTI EWLENIN

  • L-awtoritajiet nazzjonali jridu jiżguraw li l-ilma jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE qabel jagħtuh l-istatus ta’ ilma minerali naturali. Kull pajjiż tal-UE jinforma lill-Kummissjoni Ewropea kull meta jingħata jew jiġi rtirat dan ir-rikonoxximent.
  • L-ilma minerali naturali importat fl-UE jrid ikun iċċertifikat u jissodisfa l-istess kriterji bħall-kompetituri domestiċi.
  • L-ilma minerali naturali ma jistax ikun suġġett għal ebda trattament ħlief, pereżempju, is-separazzjoni ta’ elementi li mhumiex stabbli, bħall-komposti tal-ħadid u tal-kubrit.
  • Fis-sors, u meta jkunu għall-bejgħ, l-ilmijiet minerali naturali jridu jkunu ħielsa minn parassiti, diversi koliformi (tipi ta’ batterja) u ingredjenti oħra li huma perikolużi għas-saħħa tal-bniedem.
  • Il-kontenituri tal-ilmijiet minerali naturali jridu jkunu ssiġillati kif suppost sabiex tiġi evitata kwalunkwe kontaminazzjoni possibbli.
  • L-ilmijiet minerali naturali jistgħu jinbiegħu skont id-definizzjonijiet segwenti, meta jkun xieraq:
    • ilma minerali naturali;
    • ilma minerali naturali karbonizzat*;
    • ilma minerali naturali kkarbonizzat* b’mod naturali;
    • ilma minerali naturali bil-gass min-nixxiegħa.
  • It-tikketti jridu jipprovdu wkoll l-informazzjoni segwenti:
    • id-dettalji tal-kompożizzjoni analitika tal-ilma;
    • l-isem u l-post tan-nixxiegħa li ntużat;
    • informazzjoni dwar kwalunkwe trattament li jkun ġie suġġett għalih l-ilma.
  • Huwa illegali li tintuża iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda sabiex jitqiegħed fis-suq l-ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa.
  • Huwa illegali li jiġi ddikjarat li l-ilma għandu karatteristiċi li fil-verità m’għandux.
  • It-terminu “ilma tan-nixxiegħa” jista’ jintuża biss għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fl-istat naturali tiegħu, ibbottiljat fis-sors u li jissodisfa l-kundizzjonijiet dwar is-saħħa u ta’ tikkettar tal-leġiżlazzjoni.
  • Awtorità nazzjonali li tqis li ilma minerali naturali jista’ jkun ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem tista’ tirrestrinġi jew tipprojbixxi l-bejgħ tiegħu. Din tinforma lill-pajjiżi l-oħra tal-UE u lill-Kummissjoni.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal ilmijiet li huma kkunsidrati bħala prodotti mediċinali jew għal ilmijiet minerali naturali li jintużaw bħala kura fi spas termali jew idrotermali.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija tapplika mis-16 ta’ Lulju 2009.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara “L-Ilmijiet Minerali Naturali u l-Ilma tan-Nixxiegħa” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* ilma minerali naturali karbonizzat: ilma li żdiedlu d-diossidu tal-karbonju (CO2) li ma joriġinax mill-water table jew mid-depożitu minn fejn ikun ġej l-ilma.

* ilma minerali naturali kkarbonizzat b’mod naturali: ilma li l-kontenut ta’ CO2 tiegħu min-nixxiegħa wara d-dekantazzjoni, jekk dan isir, u wara l-ibbottiljar, huwa l-istess bħal fis-sors. Dan iqis li, fejn xieraq, terġa’ tiġi introdotta kwantità ta’ CO2 mill-istess water table jew minn depożitu ekwivalenti għal dak rilaxxat matul dawk l-operazzjonijiet.

ATT

Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 164, 26.6.2009, p. 45-58)

l-aħħar aġġornament 12.04.2016

Top