EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-trattament mediku abbord il-bastimenti

It-trattament mediku abbord il-bastimenti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 92/29/KEE dwar ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm fis-seħħ sistemi minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa sabiex jittejjeb it-trattament mediku abbord il-bastimenti.

IL-PUNTI EWLENIN

Kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE), għandu jiżgura li l-bastimenti rreġistrati f’dak il-pajjiż, jew li jtajru l-bandiera tiegħu, iġorru provvisti mediċi. Ir-rekwiżiti dettaljati jiddependu fuq il-kategorija tal-bastiment u d-dettalji elenkati fl-annessi tad-direttiva. Barra minn hekk:

  • kull bastiment għandu jġorr kaxxa bil-mediċini, issiġillata b’mod li ma jgħaddix ilma minnha, għal kull waħda mid-dgħajjes ta’ salvataġġ tiegħu;
  • kull bastiment ta’ aktar minn 500 tunnellata gross, b’ekwipaġġ ta’ 15-il persuna jew aktar, fuq vjaġġ li jdum aktar minn 3 ijiem, għandu jkollu infermerija adegwata li fiha jkun jista’ jingħata trattament mediku;
  • kull bastiment b’ekwipaġġ ta’ 100 persuna jew aktar fuq vjaġġ internazzjonali li jdum aktar minn 3 ijiem, għandu jkollu tabib abbord.

Kwalunkwe bastiment li jittrasporta sustanzi perikolużi għandu jġorr l-antidoti xierqa. Fi kwalunkwe każ, il-laneċ għandhom iġorru minimu ta’ antidoti (kif spjegat fl-Anness II) minħabba l-fatt li jista’ ma jkunx magħruf minn qabel li se jiġu ttrasportati sustanzi perikolużi, sakemm il-qsim regolari ma jdumx inqas minn sagħtejn. L-antidoti u l-provvisti mediċi kollha disponibbli għandhom jitniżżlu fid-dettall fuq lista ta’ kontroll.

Obbligi oħra

  • Il-proprjetarju huwa responsabbli sabiex jipprovdi l-provvisti mediċi. Il-kaptan, jew rappreżentant delegat, huwa responsabbli mill-immaniġġjar tal-provvisti, li għandhom jinżammu f’kundizzjoni tajba u li għandhom jerġgħu jimtlew sistematikament bi spejjeż tal-proprjetarju biss.
  • Il-provvisti mediċi għandhom ikunu akkumpanjati minn struzzjonijiet rigward l-użu tagħhom, inkluż informazzjoni relatata mal-użu tal-antidoti meħtieġa.
  • It-taħriġ marittimu professjonali għandu jinkludi taħriġ mediku tal-ewwel rispons bażiku f’każ ta’ aċċident jew ta’ emerġenza medika serja. Il-kaptan u kwalunkwe ħaddiem delegat responsabbli għall-provvisti mediċi, għandhom jingħataw taħriġ speċjali, aġġornat mill-inqas kull 5 snin.

Il-konsultazzjonijiet mediċi bir-radju

L-Istati Membri għandhom jaħtru ċentri sabiex jipprovdu lill-ħaddiema b’pariri mediċi bir-radju bla ħlas, inkluż minn tobba mħarrġin fil-kundizzjonijiet speċjali prevalenti abbord il-vapur.

L-ispezzjonijiet annwali

L-Istati Membri jridu jiżguraw li jitwettqu spezzjonijiet annwali sabiex jiġi vverifikat li l-provvisti mediċi jikkonformaw mad-direttiva.

L-atti delegati

Ir-Regolament (UE) 2019/1243 jemenda d-Direttiva 92/29/KEE li tagħti setgħat lill-Kummissjoni, mis- 26 ta’ Lulju 2019, li tadotta atti delegati sabiex tagħmel emendi strettament tekniċi għall-annessi tagħha sabiex tqis il-progress tekniku jew il-bidliet fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali u sejbiet ġodda dwar it-trattament mediku abbord il-bastimenti.

L-emendi

  • Id-Direttiva 2007/30/KE temenda d-Direttiva 92/29/KEE fir-rigward tar-rapport ta’ implimentazzjoni li għandu jitħejja mill-Istati Membri.
  • Id-Direttiva (UE) 2019/1834 temenda l-Annessi II u IV tad-Direttiva 92/29/KEE fir-rigward ta’ adattamenti purament tekniċi.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 92/29/KE ilha tapplika mill-10 ta’ April 1992 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1994.

L-ISFOND

Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri sabiex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi, il-Kummissjoni adottat linji gwida dwar il-protezzjoni tas-saħħa, ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar għall-baħħara, għall-passiġġieri u għal persuni oħra abbord il-vapuri.

Għal aktar informazzjoni, ara:

ID-DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta’ Marzu 1992 dwar ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti (ĠU L 113, 30.4.1992, pp. 19–36).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/29/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 12.11.2021

Top