EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Importazzjonijiet sikuri tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Importazzjonijiet sikuri tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament tal-Kummissjoni (U)E Nru 605/2010 — kundizzjonijiet ta' saħħa tal-annimali u ta' saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman

SOMMARJU

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Jissalvagwardja s-saħħa tal-annimali fl-UE billi jiżgura li l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib impurtati jissodisfaw ċerti kriterji bażiċi tas-saħħa tal-annimali.
  • Jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib fl-UE, inkluż kwalunkwe trattament tas-sħana meħtieġa.
  • Jelenka l-pajjiżi li minnhom jiġu awtorizzati l-importazzjonijiet.

PUNTI EWLENIN

L-importazzjoni tal-prodotti tal-ħalib minn ħalib mhux ipproċessat minn pajjiżi mhux tal-UE hija permessa minn pajjiżi awtorizzati, iżda japplikaw tipi differenti ta' trattamenti tas-sħana, skont is-siwazzjoni tas-saħħa tal-annimal fil-pajjiż tal-oriġini.

Il-kategoriji differenti tal-pajjiżi awtorizzati huma elenkati fl-Anness I għar-Regolament.

  • L-importazzjonijiet tal-ħalib mhux ipproċessat u l-prodotti tal-ħalib huma awtorizzati minn pajjiżi elenkati fil-Kolonna A tal-Anness mingħajr ma jkollhom bżonn jgħaddu mit-trattament tas-sħana.
  • L-importazzjonijiet li jidderivaw mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tan-nagħaġ, tal-mogħoż jew tal-bufli minn pajjiżi elenkati fil-Kolonni B u Ċ tal-Anness iridu jkunu ġew ittrattati bil-pasturizzazzjoni, bil-pasturizzazzjoni ta' temperatura għolja u ħin qasir (high temperature short time pasteurisation, HTST) jew bi trattamenti ta' temperatura partikolarment għolja (ultra-high temperature, UHT), jiddependi fuq il-Kolonna (B jew Ċ) ta' fejn ikun elenkat il-pajjiż.
  • Il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib minn annimali oħrajn minbarra l-baqar, in-nagħaġ, il-mogħoż jew il-bufli għandhom jgħaddu mill-pasturizzazzjoni jew mit-trattament ta' UHT.

Il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib m'għandhomx joriġinaw minn żoni li jinsabu f'riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-pajjiżi elenkati fil-Kolonna A tal-Anness. Madankollu, il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib għandhom jgħaddu mit-trattament tas-sħana jekk ikunu joriġinaw minn pajjiż fejn kien hemm bidu tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer jew kien hemm vaċċinazzjonijiet fit-12-il xahar ta' qabel.

L-importazzjonijiet kollha għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa iffirmat minn prattikant veterinarju. Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib huma stabbiliti fid-Direttiva 2002/99/KE.

Il-kunsinni tal-ħalib mhux ipproċessat u l-prodotti tal-ħalib li jgħaddu mill-UE, destinati għal pajjiż mhux fl-UE, se jkunu awtorizzati biss skont dan ir-Regolament jekk:

  • jiġu minn pajjiż awtorizzat u jiġu ttrattati bis-sħana kif adegwat, skont il-kategorija (Kolonna A jew Kolonna B) tal-pajjiż tal-oriġini,
  • jikkonformaw mal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali fir-regoli taċ-ċertifikazzjoni u jkollhom ċertifikat tas-saħħa,
  • ikunu approvati għat-tranżitu, inkluż għall-ħażna kif suppost, wara spezzjoni veterinarja fi fruntiera.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Hija daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Lulju 2010.

SFOND

L-Importazzjoni tal-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib maħsuba għall-Konsum Uman fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea

ATT

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta' Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta' saħħa tal-annimali u ta' saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1–24)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 605/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija għal referenza biss.

ATTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11–20). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 25.11.2015

Top