EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (2007-2013)

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (2007-2013)

L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (European Neighbourhood and Partnership Instrument - ENPI) huwa l-istrument finanzjarju tal-politika Ewropea ta’ Viċinat (ENP). Dan ikopri l-pajjiżi msieħba fl-ENP kif ukoll ir-Russja u joffri kofinanzjament għall-proċess ta’ tisħiħ tal-governanza u ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali ġust. L-ENPI jappoġġja wkoll il-kooperazzjoni transkonfinali u transreġjonali kif ukoll l-integrazzjoni ekonomika progressiva tal-pajjiżi benefiċjarji fl-Unjoni Ewropea (UE). Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji bażiċi li jirregolaw l-ENPI, l-ambitu ta’ applikazzjoni tiegħu u l-programmazzjoni tal-għajnuna.

ATT

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1638/2006 tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija.

SINTEŻI

L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) għandu l-għan li jilħaq l-għanijiet tal-politika Ewropea ta’ Viċinat (ENP (EN) (FR)) li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat mal-pajjiżi msieħba fl-ENP u mar-Russja. L-ENPI huwa għajnuna komplementari li tikkofinanzja l-azzjonijiet tal-pajjiżi msieħba fuq il-bażi ta’ sħubijiet mal-Kummissjoni.

L-ambitu ta’ applikazzjoni tal-ENPI

L-ENPI jappoġġja b’mod partikolari:

  • ir-riformi politiki: l-istabbiliment u l-adattament tal-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi, governanza tajba, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, id-djalogu multikulturali kif ukoll il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;
  • ir-riformi ekonomiċi: l-iżvilupp ekonomiku, l-ekonomija tas-suq, l-intensifikazzjoni tal-iskambji u l-approssimazzjoni regolatorja mal-UE f’oqsma ta’ interess komuni fil-perspettiva ta’ integrazzjoni ekonomika progressiva fis-suq intern;
  • ir-riformi soċjali: l-integrazzjoni, l-impjiegi, in-non-diskriminazzjoni, il-ġlieda kontra l-faqar;
  • il-kooperazzjoni settorjali, b’mod partikolari għas-setturi li jippreżentaw interess komuni: l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija, it-trasport, it-telekomunikazzjoni, is-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni;
  • l-iżvilupp reġjonali u lokali kif ukoll l-integrazzjoni reġjonali (reġjuni Ewro-Mediterranji u tal-Ewropa tal-Lvant) u subreġjonali;
  • il-parteċipazzjoni fil-programmi u fl-aġenziji Komunitarji.

Barra minn hekk, l-ENPI jista’ jipprovdi appoġġ lill-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali, wara xi kriżi u fit-tħejjija għal xi katastrofi.

Ġestjoni u implimentazzjoni

Il-programmi implimentati fil-prattika isegwu proċess ta’ programmazzjoni speċifiku. Il-prijoritajiet u l-ammonti indikattivi inizjalment ikunu previsti fid-dokumenti ta’ programmazzjoni multiannwali ta’ strateġija nazzjonali, multinazzjonali u transkonfinali (għall-perjodu kollu) u l-programmi indikattivi multiannwali (fil-prinċipju triennali). Fuq din il-bażi jiġu adottati l-programmi ta’ azzjoni annwali u programmi konġunti għall-kooperazzjoni transkonfinali, fil-prinċipju annwali, li jipprovdu d-dettalji, it-termini, l-ammonti kif ukoll skeda. Dawn tal-aħħar jikkostitwixxu l-bażi għall-programmi implimentati fil-prattika, jiġifieri:

  • il-programmi nazzjonali u multinazzjonali li jirrigwardaw kull pajjiż imsieħeb, il-kooperazzjoni reġjonali u subreġjonali. Il-karatteristiċi tal-pajjiż jew tar-reġjun, il-miri tas-sħubija u l-progress li jkun sar jiddeterminaw in-natura tagħhom;
  • il-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali għall-kooperazzjoni bejn l-imsieħba u l-Istati Membri li għandhom fruntiera komuni, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. L-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni transkonfinali huma ppreżentati fi programmi operattivi konġunti (POK) mill-pajjiżi msieħba li mbagħad jiġu adottati mill-Kummissjoni u amministrati minn awtorità komuni stabbilita, fil-prinċipju, fi Stat Membru.

Madankollu, il-programmi multinazzjonali jistgħu wkoll jipprovdu għall-kooperazzjoni transreġjonali bejn l-Istati Membru u l-pajjiżi msieħba dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni u mingħajr restrizzjoni ġeografika. Barra minn hekk, pajjiżi u territorji terzi li jibbenefikaw minn strument ieħor ta’ għajnuna esterna jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta' natura globali, reġjonali jew transkonfinali.

Il-baġit tal-ENPI jammonta għal 11 181 miljun euro għall-perjodu 2007-2013 li 95 % minnhom jirrigwardaw il-programmi nazzjonali u multinazzjonali u 5 % huma għall-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali.

Il-miżuri li jibbenefikaw mill-ENPI jirrigwardaw prinċipalment it-twettiq tal-programmi u tal-proġetti, l-għajnuna teknika u l-kooperazzjoni amministrattiva bħall-ispedizzjoni ta’ esperti. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu miżuri ta’ appoġġ għall-applikazzjoni tar-Regolament.

L-ENPI jista’ jirrigwarda wkoll investimenti jew mikroproġetti. Jista’ jappoġġja l-baġits amministrati b’mod trasparenti, affidabbli u effikaċi, l-implimentazzjoni tal-politiki settorjali u makroekonomiċi. Jista’ jappoġġja l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fil-kapital ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) jew ta' banek għall-iżvilupp reġjonali. Il-miżuri fiskali madankollu huma esklużi mill-ambitu tiegħu.

Jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-fondi li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Komunità, tal-Istati Membri u tal-intermedjarji finanzjarji bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI (EN) (FR)), l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, u donaturi oħrajn.

L-azzjonijiet jistgħu jkunu soġġetti għal konfinanzjament bejn l-UE u donaturi oħrajn u jistgħu jkunu wkoll iffinanzjati mill-UE u implimentati minn organizzazzjoni internazzjonali.

Madankollu, il-Kunsill jista’ jissospendi l-għajnuna f’każ ta’ nuqqas ta' rispett għall-valuri li fuqhom hija bbażata l-UE u għar-relazzjonijiet tagħha mal-imsieħba tagħha.

Huma eliġibbli għal finanzjament l-istituzzjonijiet u l-entitajiet deċentralizzati tal-pajjiżi u r-reġjuni msieħba, il-korpi konġunti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, l-IFIs, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji Ewropej sa ċertu punt kif ukoll atturi mhux statali.

Hemm ukoll regoli definiti għall-parteċipazzjoni fis-swieq pubbliċi jew fl-għoti ta’ kuntratti miftuħa għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ pajjiż imsieħeb jew ta’ Stat Membru iżda ukoll ta’ pajjiż fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), ta’ pajjiż benefiċjarju ta' strument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), li jkollu rabtiet tradizzjonali mal-pajjiżi msieħba jew li jkollu aċċess reċiproku għall-għajnuna esterna. Din il-parteċipazzjoni hija miftuħa ukoll għall-organizzazzjonijiet internazzjonali.

L-implimentazzjoni tal-ENPI għandha tiggarantixxi l-effikaċja tal-għajnuna, il-konsistenza u l-kompatibbiltà mal-politiki u l-assistenza esterna tal-UE, mal-għanijiet stabbiliti u l-impenji internazzjonali. Hija għandha tassigura wkoll il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunità ikkontrollati mill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri.

Il-ġestjoni fil-prinċipju hija f’idejn il-Kummissjoni, megħjuna minn Kumitat, iżda din tista’ tkun deċentralizzata. Il-Kummissjoni tevalwa b’mod regolari l-implimentazzjoni tagħha. B’mod partikolari hija kellha tippreżenta rapport qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 dwar l-ewwel tliet snin ta’ applikazzjoni tar-Regolament u tipproponi l-emendi meħtieġa.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1638/2006 [adozzjoni : kodeċiżjoni KOD/2004/0219]

29.11.2006 - 31.12.2013

ĠU L 310, 9.11.2006

ATTI RELATATI

Implimentazzjoni tal-ENPI

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2007 tad-9 ta’ Awwissu 2007 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1638/2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija [Ġurnal Uffiċjali L 210, 10.8.2007].

Dokumenti ta’ programmazzjoni (EN) (FR) nazzjonali, reġjonali u transkonfinali.

Politika Ewropea tal-Viċinat

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2006 dwar it-tisħiħ tal-politika Ewropea tal-viċinat [COM(2006) 726 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali]. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat mhux biss evalwazzjoni tal-ENP iżda pproponiet ukoll mezzi sabiex issaħħaħha. Fuq din il-bażi, l-ENP għandha potenzjal li jeħtieġ li jiġi sfruttat aktar. Minn perspettiva finanzjarja, il-ħolqien tal-faċilità “governanza” li tappoġġja l-progress fil-proċess ta’ riforma fuq il-bażi tal-pjanijiet ta’ azzjoni u tal-Fond ta’ Investiment tal-Viċinat (FIV) li jappoġġja s-self tal-IFI fil-pajjiżi msieħba għandhom jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ effikaċja tal-għajnuna.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2006 dwar l-orjentament ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-aġenziji u l-programmi Komunitarji [COM(2006) 724 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].

L-aħħar aġġornament: 08.10.2007

Top