EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ekosistemi marini vulnerabbli: il-protezzjoni mis-sajd tal-qiegħ fl-ibħra internazzjonali

Ekosistemi marini vulnerabbli: il-protezzjoni mis-sajd tal-qiegħ fl-ibħra internazzjonali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 734/2008 — il-protezzjoni ta' ekosistemi marini vulnerabbli

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi regoli għall-bastimenti tas-sajd irreġistrati f'pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) li jużaw irkaptu tas-sajd tal-qiegħ* fl-ibħra internazzjonali barra miż-żoni rregolati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd jew fejn dawn l-organizzazzjonijiet ma adottawx miżuri għal dan is-sajd.

PUNTI EWLENIN

Organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs)

  • F’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, l-RFMOs huma organizzazzjonijiet internazzjonali li permezz tagħhom l-istati kostali u stati oħra li jistadu fl-ibħra internazzjonali jikkooperaw fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut, b’mod partikolari stokkijiet tal-ħut migratorji ħafna jew transżonali*, f’żona ġeografika partikolari.
  • L-RFMOs għandhom setgħat ta’ ġestjoni biex jistabbilixxu miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni bħal limiti tal-qbid u tas-sajd, miżuri tekniċi u miżuri ta’ kontroll.
  • L-UE, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, taqdi rwol attiv f’numru ta’ RFMOs.

Kamp ta’applikazzjoni

Ir-regolament japplika għal bastimenti li jwettqu attivitajiet tas-sajd b’irkaptu tas-sajd tal-qiegħ:

  • barra żona ta' RFMO;
  • f’żona fejn RFMO tkun tinsab fl-istadji ta’ żvilupp u jkunu ġew adottati miżuri interim għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu.

Permessi speċjali tas-sajd

L-attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ huma awtorizzati biss meta ma jġibux magħhom riskju ta' ħsara lill-ekosistemi marini vulnerabbli. Il-bastimenti rreġistrati fl-UE li jużaw irkaptu tas-sajd tal-qiegħ f’dawn iż-żoni jridu jiksbu permess speċjali tas-sajd. L-applikazzjonijiet iridu jinkludu pjan tas-sajd dettaljat li jispeċifika:

  • iż-żona tal-attività;
  • l-ispeċi mmirati;
  • it-tip ta’ rkaptu użat u l-fond li fih ikun se jintuża;
  • mappa ta’ qiegħ il-baħar fejn se jsiru l-attivitajiet tas-sajd, jekk l-awtorità emittenti ma jkollhiex waħda.

Il-permessi jinħarġu mill-pajjiż fejn ikun irreġistrat il-bastiment. L-awtoritajiet responsabbli ta’ dak il-pajjiż iridu:

  • jevalwaw id-data relatata mal-ekosistemi marini vulnerabbli fiż-żona speċifikata fil-pjan tas-sajd qabel joħorġu permess. Meta ma tkun twettqet u saret disponibbli ebda valutazzjoni xjentifika xierqa, l-użu ta’ rkaptu tas-sajd tal-qiegħ huwa pprojbit;
  • ikunu notifikati dwar kwalunkwe bidla fil-pjan tas-sajd sabiex jevalwaw jekk humiex se jiġu mhedda ekosistemi marini vulnerabbli.
  • jirtiraw il-permess ta’ kwalunkwe bastiment li ma jikkonformax mal-pjan tas-sajd tagħhom.

Għeluq ta’żoni

B’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 61/105 tal-2006, il-pajjiżi tal-UE jridu jidentifikaw żoni fejn jinsabu jew x’aktarx jinsabu ekosistemi marini vulnerabbli fuq il-bażi tal-aħjar tagħrif xjentifiku disponibbli, u jagħlqu dawn iż-żoni għas-sajd bl-irkaptu tal-qiegħ. Il-Kummissjoni trid tkun informata dwar kull għeluq u mbagħad trid tinforma lill-pajjiżi l-oħrajn tal-UE.

Monitoraġġ

L-osservaturi jwettqu monitoraġġ tal-attivitajiet tal-bastimenti li jingħataw permess tas-sajd speċjali sakemm jitlesta l-pjan tas-sajd. Matul dan il-perjodu, l-osservaturi jridu:

  • jiġbru informazzjoni dwar il-qabda;
  • jinnotaw bidliet fil-pjan tas-sajd;
  • jinnotaw kwalunkwe ekosistema vulnerabbli li jiltaqgħu magħha; kif ukoll
  • jirreġistraw il-fond li fih jintuża l-irkaptu.

Għandu jintbagħat rapport lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż tal-UE kkonċernat fi żmien 20 ġurnata mit-tmiem tal-missjoni. Kopja ta’ dan tintbagħat lill-Kummissjoni.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-31 ta’ Lulju 2008.

* TERMINI EWLENIN

Irkaptu tal-qiegħ: irkaptu użat waqt attivitajiet normali tas-sajd f’kuntatt ma’ qiegħ il-baħar, inklużi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, gangmi, għeżul tal-qiegħ, konzijiet tal-qiegħ, u nases.

Ħażniet tal-ħut transżonali: riżorsi tas-sajd li jemigraw bejn iż-żoni ekonomiċi esklussivi (jiġifieri żona tal-baħar li fuqha pajjiż għandu drittijiet speċjali fir-rigward tal-esplorazzjoni u l-użu ta’ riżorsi tal-baħar) u l-ibħra internazzjonali.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2008 tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar il-protezzjoni ta’ ekosistemi marini vulnerabbli f’ibħra internazzjonali mill-impatti ħżiena tal-irkaptu tas-sajd tal-qiegħ (ĠU L 201, 30.7.2008, pp. 8–13)

l-aħħar aġġornament 04.10.2016

Top