EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konċessjonijiet eżentati mit-taxxa: importazzjoni temporanja ta’ ċerti mezzi tat-trasport

Konċessjonijiet eżentati mit-taxxa: importazzjoni temporanja ta’ ċerti mezzi tat-trasport

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 83/182/KEE dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-UE għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru wieħed minn Stat Membru ieħor

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

L-għan tagħha huwa li telimina l-ostakoli tat-taxxa għall-importazzjoni temporanja ta’ ċerti mezzi tat-trasport fl-UE billi tarmonizza l-arranġamenti fiskali nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva teżenta mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, dazji tas-sisa, kwalunkwe taxxa oħra fuq il-konsum u t-taxxi elenkati fl-anness tad-direttiva meta dawn li ġejjin jiġu importati temporanjament minn pajjiż ieħor tal-UE:

  • diversi mezzi tat-trasport akkwistati jew importati skont il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ tassazzjoni fis-seħħ fis-suq domestiku ta’ pajjiż tal-UE:
    • vetturi tat-triq bil-mutur (inklużi t-trejlers tagħhom)
    • karavans
    • opri tal-baħar għar-rikreazzjoni
    • inġenji tal-ajru privati
    • roti
    • triċikli,
    • żwiemel f’eskursjonijiet ta’ rkib taż-żwiemel
  • spare parts normali, aċċessorji u tagħmir importat b’dawk il-mezzi tat-trasport.

Bħala regola ġenerali, l-importazzjoni temporanja ta’ dawn il-mezzi tat-trasport għal użu privat hija eżentata mit-taxxi — sakemm l-individwu li jagħmel l-importazzjoni huwa normalment residenti f’pajjiż barra mill-pajjiż ta’ importazzjoni — għal mill-inqas 6 minn kwalunkwe 12-il xahar.

Il-vetturi kummerċjali (vetturi tal-merkanzija, vetturi maħsuba għat-trasport ta’ iktar minn 9 passiġġieri) huma esklużi mill-eżenzjoni.

Il-mezz tat-trasport ma jistax jinbiegħ, jinkera jew jiġi misluf fil-pajjiż tal-UE ta’ importazzjoni temporanja.

F’każijiet eċċezzjonali, l-importazzjoni temporanja ta’ vettura privata għall-użu kummerċjali tista’ ssir bil-kundizzjoni li titħallas garanzija.

Hemm regoli speċifiċi relatati ma’ ċerti każijiet ta’ importazzjoni temporanja ta’ vetturi privati: dawn jikkonċernaw individwi li jaħdmu jew jistudjaw f’pajjiż tal-UE barra dak tar-residenza normali tagħhom.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jżommu jew jintroduċu arranġamenti ta’ eżenzjoni iktar liberali minn dawk previsti fid-direttiva.

Id-direttiva ġiet aġġornata diversi drabi biex tikkunsidra t-tkabbir tal-UE biex tinkludi iktar pajjiżi.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-31 ta’ Marzu 1983 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Jannar 1984.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU L 105, 23.4.1983, p. 59-63)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 83/182/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 08.11.2018

Top