EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Standards ta’ kwalità ambjentali applikabbli għal ilma tal-wiċċ

Standards ta’ kwalità ambjentali applikabbli għal ilma tal-wiċċ

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2008/105/KE li tistabbilixxi standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi standards ta’ kwalità ambjentali (EQSs) għall-preżenza fl-ilma tal-wiċċ* ta’ ċerti sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi identifikati bħala sustanzi prijoritarji li jniġġsu minħabba r-riskju sinifikanti li joħolqu għalih jew permezz tal-ambjent akkwatiku. Dawn l-istandards huma konformi mal-istrateġija u l-objettivi tad-direttiva qafas tal-ilma tal-Unjoni Ewropea (UE) (id-Direttiva 2000/60/KE).
  • Din tħassar id-Direttivi 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE u 86/280/KEE b’effett mit-22 ta’ Diċembru 2012.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tissettja EQSs għal sustanzi prijoritarji u tmien sustanzi niġġiesa oħra. Dawn is-sustanzi jinkludu l-metalli kadmju, ċomb, merkurju u nikil, u l-komposti tagħhom; benżen; idrokarburi aromatiċi poliċiklikiċi; u bosta pestiċidi. Uħud minn dawn is-sustanzi prijoritarji huma kklassifikati bħala perikolużi.

L-EQSs tad-Direttiva 2008/105/KE huma limiti fuq il-konċentrazzjoni tas-sustanzi prijoritarji u tmien sustanzi niġġiesa oħra fl-ilma (jew bijota*), jiġifieri l-livelli limiti tagħhom m’għandhomx jinqabżu biex jintlaħaq status kimiku tajjeb. Hemm żewġ tipi ta’ standards ta’ ilma.

  • Livell limitu għall-konċentrazzjoni medja tas-sustanza kkonċernata kkalkulata mill-qisien ta’ aktar minn perijodu ta’ sena. L-iskop ta’ dan l-istandard hu li jassikura protezzjoni kontra esponiment għal perjodu twil għal sustanzi niġġiesa lill-ambjent akkwatiku.
  • Konċentrazzjoni massima permissibbli tas-sustanza kkonċernata, jiġifieri l-massimu għal kwalunkwe qies singolu. L-għan ta’ dan l-istandard huwa li jiżgura protezzjoni kontra l-esponiment fuq perijodu qasir, jiġifieri intensitajiet ta’ tniġġis.

L-EQS huma differenti għal:

  • ilmijiet tal-wiċċ interni (xmajjar u lagi);
  • ilmijiet tal-wiċċ oħrajn (ibħra tranżizzjonali, kostali u territorjali).

L-Istati Membri tal-UE jridu jassikuraw konformità mal-EQSs. Għandhom ukoll jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li għandhom tendenza li jakkumulaw fis-sediment u/jew fil-bijota ma jiżdidux b’mod sinifikanti.

Id-Direttiva 2013/39/UE

Id-Direttiva 2013/39/EU aġġornat l-EQSs għal seba’ mit-33 sustanza prijoritarja konformi mal-aħħar għarfien xjentifiku u tekniku rigward il-proprjetajiet ta’ dawk is-sustanzi.

L-EQSs għal dawk is-seba’ sustanzi prijoritarji eżistenti kellhom jiġu kkunsidrati għall-ewwel darba fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara tal-Istati Membri mit-22 ta’ Diċembru 2015, bl-għan li jinkiseb status tajjeb ta’ kimika u ilma tal-wiċċ sat-22 ta’ Diċembru 2021.

Dan kien jinkludi12-il sustanza prijoritarja li għadhom kemm ġew identifikati li l-EQSs tagħhom ġew ikkunsidrati fit-tħejjija tal-programmi supplimentarji ta’ monitoraġġ u fil-programmi preliminarji ta’ miżuri li jridu jkunu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea sat-tmiem tal-2018, bil-għan li jinkiseb status tajjeb ta’ kimika u ilma tal-wiċċ għal dawk is-sustanzi sat-22 ta’ Diċembru 2027.

Lista ta’ sorveljanza

Id-Direttiva 2013/39/UE tobbliga wkoll lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għalihom għandha tinġabar data dwar monitoraġġ mifruxa madwar l-UE kollha biex jiġu appoġġjati eżerċizzji futuri ta’ prijoritizzazzjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1307 tistabbilixxi l-lista ta’ sorveljanza l-iktar riċenti.

Żoni ta’ taħlit

Id-Direttiva 2008/105/KE tesiġi wkoll li l-Istati Membri jappuntaw żoni ta’ taħlit ħdejn punti ta’ rilaxx fejn l-EQSs jistgħu jeċċedu sakemm il-bqija tal-korp tal-ilma tal-wiċċ jikkonforma mal-istandards. Dawn iż-żoni jridu jkunu identifikati b’mod ċar fil-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara stabbiliti konformi mad-direttiva qafas tal-ilma

Inventarji

Għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, l-Istati Membri għandhom iwaqqfu inventarju tal-emissjonijiet, rilaxxi u telfiet tas-sustanzi kollha mniżżla f’Parti A ta’ Anness I tad-direttiva. Fuq il-bażi ta’ dan l-inventarju, il-Kummissjoni sejra tivverifika jekk hux qed isir progress lejn l-għanijiet ta’:

  • tnaqqis gradwali ta’ tniġġis minn sustanzi prijoritarji; u
  • twaqqif jew eliminazzjoni gradwali ta’ emissjonijiet, rilaxx u telf ta’ sustanzi prijoritarji perikolużi.

MINN META JAPPLIKAW DAWN IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tkun addottata f’liġi nazzjonali sat-13 ta’ Lulju 2010.

SFOND

Il-konformità mal-EQS għandha tkun ta’ benefiċċju kemm għall-pubbliku kif ukoll għall-ambjent. Suppost għandha tnaqqas l-ispejjeż tat-trattatament tal-ilmijiet tal-wiċċ użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb u jtejjeb is-saħħa tal-pjanti u tal-annimali li jgħixu f’dawk l-ilmijiet u tal-bhejjem li jixorbu minn dawn l-ilmijiet.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ilma tal-wiċċ. Xmajjar, lagi, ilmijiet tranżizzjonali u ilmijiet kostali. L-ilmijiet tal-wiċċ jinkludu wkoll ilmijiet territorjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-istatus kimiku.
Bijota. Il-ħajja tal-annimal u tal-pjanta ta’ ħabitat jew reġjun partikolari.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 fuq standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u temenda d- Direttiva 2000/60/KE tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 348, 24.12.2008, pp. 84-97).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2008/105/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1307 tat-22 ta’ Lulju 2022 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza tas-sustanzi għall-monitoraġġ fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid- dokument C(2022) 5098) (ĠU L 197, 26.7.2022, pp. 117-120).

l-aħħar aġġornament 10.08.2022

Top