EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Denfil

Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Denfil

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini (AIDCP)

Id-Deċiżjoni 1999/337/KE dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Programm għall-Konservazzjoni Internazzjonali tad-Dniefel

Id-Deċiżjoni 2005/938/KE dwar l-approvazzjoni tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

  • Il-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini għandu l-għan li jnaqqas il-mortalità tad-dniefel matul is-sajd għat-tonn.
  • Id-Deċiżjoni 1999/337/KE tippermetti lill-Komunità Ewropea (illum l-Unjoni Ewropea — UE) biex tiffirma u d-Deċiżjoni 2005/938/KE biex tapprova l-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini.
  • Id-Deċiżjoni 1999/337/KE wittiet ukoll it-triq sabiex l-UE tissieħeb fil-Kummissjoni Inter-Amerikana tat-Tonn Tropikali (IATTC) li hija responsabbli għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni tat-tonn u ta’ riżorsi marini oħrajn fil-Lvant tal-Oċean Paċifiku, u għalhekk ippermettiet lill-UE jkollha rwol attiv fil-ġestjoni tal-ftehim.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Denfil huwa mmirat sabiex jillimita l-mortalità tad-dniefel matul is-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Oċean Paċifiku.

B’mod speċifiku, għandu l-għan li:

  • inaqqas gradwalment l-imwiet inċidentali tad-delfini fis-sajd bit-tartaruni tal-borża* għat-tonn is-sajd fil-Lvant tal-Oċean Paċifiku għal livelli li joqorbu lejn iż-żero, billi jiġu stabbiliti limiti annwali;
  • jippromwovi r-riċerka għall-fini ta’ tfittix ta’ modi li ma jagħmlux ħsara lill-ekoloġija ta’ kif jinqabad it-tonn isfar kbir, mhux flimkien mad-dniefel;
  • jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet tat-tonn billi jevita l-qabdiet inċidentali* u l-iskartar ta’ tonn li għadu qed jikber.

Miżuri

Il-partijiet għall-ftehim huma obbligati jillimitaw il-mortalità inċidentali totali tad-dniefel matul is-sajd għat-tonn għal mhux aktar minn 5,000 fis-sena (fl-2015, il-mortalità attwali kienet ta’ 533 denfil). Sabiex jinkiseb dan, huma qablu li:

  • jistabbilixxu sistema li tipprovdi inċentivi lill-kaptani ta’ bastimenti sabiex tonqos il-mortalità inċidentali tad-dniefel, kif ukoll sistema ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni tekniċi għall-kaptani;
  • jippromwovu r-riċerka għall-fini ta’ titjib tal-irkaptu, tat-tagħmir u tat-tekniki tas-sajd;
  • jistabbilixxu sistema ġusta għall-assenjazzjoni tal-limiti ta’ mortalità tad-dniefel (DMLs), skont ir-regoli tal-ftehim;
  • jimponu ċerti rekwiżiti operazzjonali (li jikkonċernaw l-irkaptu u t-tagħmir għas-sikurezza tad-dniefel, u l-ħlus ta’ dniefel, eċċ.) fuq il-bastimenti;
  • jiżviluppaw sistema għall-intraċċar u għall-verifika tat-tonn li jinqabad b’mortalità jew b’korriment serju jew mingħajrhom tad-dniefel;
  • jiskambjaw data mir-riċerka xjentifika.

Is-sostenibbiltà fit-tul

Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-ħajja marina, il-partijiet kontraenti jridu:

  • ifasslu programmi li jagħmluha possibbli li jiġu vvalutati, issorveljati u mminimizzati l-qabdiet inċidentali ta’ tonn li għadu qed jikber u ta’ speċijiet mhux fil-mira;
  • jiżviluppaw u jeħtieġu l-użu ta’ rkaptu u ta’ tekniki tas-sajd selettivi;
  • jeħtieġu li l-bastimenti jeħilsu ħajjin lill-fkieren tal-baħar u lil speċijiet mheddin oħrajn.

Minbarra dawn l-obbligi speċifiċi, il-partijiet firmatarji jridu jissodisfaw ukoll l-obbligi li ġejjin sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet tat-tonn u ta’ stokkijiet oħrajn tal-ħajja marina:

  • jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni;
  • jivvalutaw il-qabdiet u l-qabdiet inċidentali ta’ tonn isfar li għadu qed jikber u ta’ stokkijiet oħrajn ta’ riżorsi marini ħajjin assoċjati mas-sajd għat-tonn.

Programm ta’ osservazzjoni

Il-partijiet kollha jridu jintroduċu programm ta’ osservazzjoni abbord għall-bastimenti b’kapaċità tat-trasport ta’ aktar minn 363 tunnellata metrika. L-osservaturi abbord iridu jagħmlu taħriġ speċjalizzat u jiġbru l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastiment li jkunu assenjati lilu.

Il-partijiet iridu jirrispettaw dawn ir-rekwiżiti u r-rekwiżiti operazzjonali permezz ta’:

  • ċertifikazzjoni annwali u programm ta’ spezzjoni għall-bastimenti;
  • sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur;
  • inċentivi.

Reviżjoni u valutazzjoni

  • Kull parti ser twaqqaf Kumitat Nazzjonali ta’ Konsulenza Xjentifika sabiex iwettaq reviżjonijiet u valutazzjonijiet xjentifiċi, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-gvern tiegħu stess u jara li jseħħ skambju regolari ta’ data bejn il-partijiet. Fil-prattika, dan ir-rwol ħaduhom f’idejhom il-Persunal Xjentifiku tal-IATTC u l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-IATTC.
  • Ġie stabbilit Bord Internazzjonali ta’ Reviżjoni, imsawwar minn rappreżentanti tal-partijiet firmatarji, minn NGOs u mill-industrija tat-tonn. Din il-Kummissjoni twettaq kompiti superviżorji u ta’ analiżi. Tagħti pariri għat-twettiq tal-miżuri rilevanti tal-partijiet sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-ftehim.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Diċembru 2005.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Tartarun tal-borża: tip ta’ xibka użata sabiex jinqabad il-ħut f’wiċċ l-ilma jew kważi f’wiċċ l-ilma. Ladarba tinstab kwantità ta’ ħut f’post wieħed, ix-xibka tinxteħet fl-ilma u tinġibed madwar il-ħut. Ladarba l-ħut ikun imdawwar, jiġi ssikkat ħabel madwar il-ħut, li jifforma bħal borża, u jinġibed abbord il-bastiment tas-sajd.
Qabdiet inċidentali: ħut jew speċijiet marini oħrajn li jinqabdu bi żball fit-tentattiv li jinqabdu ċerti speċijiet fil-mira.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini (ĠU L 348, 30.12.2005, pp. 28-53)

Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/337/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar l-iffirmar mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim dwar il-Programm għall-Konservazzjoni Internazzjonali tad-Dniefel (ĠU L 132, 27.5.1999, pp. 1-27)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/938/KE tat-8 ta’ Diċembru 2005 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini (ĠU L 348, 30.12.2005, pp. 26-27)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1936/2001 tas-27 ta’ Settembru 2001 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll applikabbli għas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna (ĠU L 263, 3.10.2001, pp. 1-8)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1936/2001 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/386/KE tas-7 ta’ Ġunju 1999 dwar l-applikazzjoni provviżjorja mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel (ĠU L 147, 12.6.1999, p. 23)

l-aħħar aġġornament 10.07.2020

Top