EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija joħloq suq intern fl-elettriku u l-gass naturali li jgħaqqad flimkien it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) u 6 stati u territorji Ewropej fil-Balkani.

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 Mejju 2006 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat dwar il-Komunità ta' l-Enerġija.

SOMMARJU

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija jipprovdi għall-ħolqien ta’ suq integrat tal-enerġija (elettriku u gass) bejn l-UE u l-partijiet kontraenti.

Il-membri tal-Komunità tal-Enerġija huma l-UE, l-Albanija, il-Bosnija u l-Ħerżegovina, l-Eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (minn issa ’l quddiem il-Kosovo). Barra minn hekk pajjiżi terzi jistgħu ikunu aċċettati bħala osservaturi.

It-Trattat japplika għat-territorju tal-pajjiżi u tal-Kosovo.

It-Trattat daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. Ġie konkluż għal terminu ta’ għaxar snin. L-applikazzjoni tiegħu kienet estiża għal perjodu ġdid ta’ għaxar snin minn deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ministerjali datata 24 ta’ Ottubru 2013.

Ir-rwol tal-Komunità tal-Enerġija

L-għanijiet tal-Komunità tal-Enerġija huma:

  • li jinħoloq qafas stabbli legali u tas-suq li kapaċi jattira investiment sabiex ikun assigurat il-forniment stabbli u kontinwu tal-enerġija;
  • li jinħoloq spazju regolatorju waħdieni għan-negozju fl-enerġija tan-netwerk;
  • li tittejjeb is-sigurtà tal-forniment f’dan l-ispazju u li jiżviluppaw relazzjonijiet transfruntiera;
  • li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u s-sitwazzjoni tal-ambjent relatati mal-enerġija tan-netwerk u l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija li tiġġedded;
  • l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni tas-suq tal-enerġija tan-netwerk.

Attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija

Parti importanti tal-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ parti mill-leġiżlazzjoni tal-Komunità, jew l- acquis communautaire, fl-Istati kollha li huma parti għat-trattat, dwar l-enerġija, l-ambjent, il-kompetizzjoni u l-enerġiji li jiġġeddu, kif ukoll konformità ma’ ċerti standards Ewropej ġenerali relatati ma’ sistemi tekniċi, eżempju dwar is-suġġett tat-trasportazzjoni jew konnessjoni trans-fruntiera.

Barra minn hekk, it-Trattat jistabbilixxi mekkaniżmu għat-tħaddim ta’ swieq tal-enerġija reġjonali li jkopru t-territorju tal-partijiet tat-Trattat u tal-Istati Membri involuti. Din is-sistema tipprovdi qafas ta’ miżuri relatati mat-trasportazzjoni f’distanza twila tal-enerġija tan-netwerk, is-sigurtà tal-provvista, il-forniment tal-enerġija liċ-ċittadini, l-armonizzazzjoni, il-promozzjoni ta’ sorsi tal-enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll fil-każ ta’ kriżi f’daqqa fuq is-suq tal-enerġija tan-netwerk fit-territorju ta’ membru tal-Komunità tal-Enerġija.

Apparti dan, it-Trattat joħloq suq tal-enerġija mingħajr fruntieri interni bejn il-partijiet, li fihom huma pprojbiti taxxi tad-dazju u restrizzjonijiet kwantitattivi ta’ importazzjoni u esportazzjoni tal-enerġija, u kwalunkwe miżura li għandha effett ekwivalenti, bejn il-partijiet, sakemm ma japplikawx ċirkostanzi eċċezjonali (relatati mal-ordni pubblika, is-sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, il-preservazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċali). It-Trattat għandu wkoll dispożizzjonijiet dwar relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u assitenza komuni f’każ ta’ disturb.

Il-Kummissjoni tagħmilha ta’ koordinatur f’dawn l-attivitajiet.

Istituzzjonijiet u teħid ta’ deċiżjonijiet

Il-Kunsill Ministerjali, magħmul minn rappreżentant wieħed għal kull parti tat-trattat, jipprovdi linji gwida ta’ politika ġenerali, jieħu miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat u jadotta atti ta’ proċedura bħal allokazzjoni tal-kompiti, poteri jew obbligazzjonijiet. Il-presidenza tinżamm minn kull parti darba kull wieħed għal terminu ta’ sitt xhur u jkollha assistenza minn rappreżentant wieħed tal-UE u rappreżentant tal-presidenza ta’ wara. Il-Kunsill jissottometti rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti tal-partijiet kontraenti.

Il-missjoni prinċipali tal-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli hija li jipprepara x-xogħol għall-Kunsill Ministerjali. Huwa magħmul minn rappreżentant ta’ kull parti tat-Trattat.

Ir-rwol prinċipali tal-Bord Regolatorju huwa li jagħti pariri lill-istituzzjonijiet l-oħrajn u joħroġ rakkomandazzjonijiet f’każ ta’ disputi trans-fruntiera. Huwa magħmul minn rappreżentant wieħed tar-regolatur tal-enerġija minn kull parti tat-Trattat, bl-UE tkun rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, megħjuna minn regolatur wieħed minn kull Stat Membru parteċipanti, u rappreżentant wieħed tal-Grupp tar-Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass (ERGEG).

Barra minn hekk, il-Komunità tal-Enerġija tingħata pariri minn żewġ fora magħmulin minn rappreżentanti tal-partijiet kollha interessati.

Is-Segretarjat Parlamentari, bbażat fi Vjenna, jipprovdi, fost affarijiet oħrajn, appoġġ amministrattiv lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Komunità tal-Enerġija u jikkontrolla t-twettiq xieraq tal-obbligazzjonijiet mill-partijiet.

Il-Komunità tal-Enerġija tieħu deċiżjonijiet (vinkolanti) u rakkomandazzjonijiet (mhux vinkolanti). Dawn il-passi jittieħdu, kif xieraq, jew fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea (applikazzjoni tal-acquis communautaire), jew fuq proposta minn parti għat-Trattat (attivitajiet oħrajn), u huma adottati jew b’maġġoranza sempliċi (applikazzjoni tal-acquis communautaire), jew b’maġġoranza taż-żewġ terzi (mekkaniżmu għall-operazzjoni tas-swieq), jew b’unanimità (suq intern tal-enerġija).

F’każ ta’ ksur serju u peristenti tal-obbligi minn parti, il-Kunsill Ministerjali jista’, permezz ta’ unanimità, jissospendi ċerti drittijiet mogħtija lill-parti mit-Trattat.

Informazzjoni addizzjonali tista’ tkun ikkonsultata fis-sit ta’ referenza ta’ hawn taħt:

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

l-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE

29.5.2006

-

ĠU L 198, 20.7.2006

L-aħħar aġġornament: 22.09.2014

Top